This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE3611
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘The female employment in relation to growth’ (exploratory opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjieg tan-nisa b'relazzjoni mat-tkabbir” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjieg tan-nisa b'relazzjoni mat-tkabbir” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 341, 21.11.2013, p. 6–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 341/6 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjieg tan-nisa b'relazzjoni mat-tkabbir” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2013/C 341/02
Relatur: is-Sinjura VAREIKYTĖ
F’ittra tal-15 ta’ April 2013, is-Sur Vytautas Leškevičius, Viċi Ministru tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Republika tal-Litwanja, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-Presidenza Litwana, li jħejji opinjoni dwar
L-impjieg tan-nisa b'relazzjoni mat-tkabbir
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2013.
Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'144 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
L-impjieg tan-nisa m'għandux jitqajjem bħala dibattitu ieħor dwar l-ugwaljanza bejn is-sess, iżda minflok bħala ħtieġa ekonomika li twassal għal prosperità u impjiegi fl-Unjoni Ewropea – ħtieġa soċjali sabiex niffaċċjaw l-isfidi tad-demografija u t-tħassib soċjali u ambjentali sabiex ikun żgurat tkabbir sostenibbli. |
1.2 |
Iż-żieda fir-rata tal-impjieg tan-nisa diġà kkontribwit sew għat-tkabbir tul l-aħħar 50 sena. Madankollu, sabiex jintuża l-potenzjal kollu tal-kontribut tan-nisa għat-tkabbir, għandhom jiġu implimentati miżuri aktar iffokati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali. Huwa importanti wkoll li jkun żgurat li dawn il-politiki jkunu komprensivi u li jinkludu mhux biss l-aktar ostakli ekonomiċi ovvji, iżda li jittrattaw l-oqsma tat-taxxa, is-sistemi tal-benefiċċji u l-pensjoni, id-drittijiet tax-xogħol, it-teħid tad-deċiżjonijiet, l-intraprenditorija, l-edukazzjoni, l-isterjotipi u l-vjolenza. Huwa ċar ukoll li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel għandhom jaqdu r-rwol tagħhom sabiex dawn il-kwistjonijiet li jinkludu bosta aspetti jkunu jistgħu jissolvew. In-nisa u l-irġiel għandhom ukoll jiġu involuti fid-djalogu u l-kooperazzjoni fost il-partijiet interessati rilevanti u fl-applikazzjoni tal-prattiki li kellhom suċċess. |
1.3 |
Flimkien mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi hawn taħt u tul it-test, il-prerekwiżiti ewlenin sabiex tinkiseb aktar il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-impjieg u l-kontribut tagħhom għat-tkabbir huma:
|
2. L-impatt fuq it-tkabbir
2.1 |
Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li t-tkabbir ekonomiku waħdu m'għadux biżżejjed biex ikun żgurat progress reali tas-soċjetajiet, sakemm ma jkunx inklużiv u sostenibbli. Għaldaqstant, l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir kondizzjoni importanti sabiex jinkiseb dan il-progress. Fl-istess ħin, il-kejl tal-PDG m'għandux jibbaża iktar esklużivament fuq il-paradigma tal-produzzjoni diviża mill-konsum, iżda għandu jinkludi indikaturi bħalma huma l-benessri u s-sostenibbiltà (f'termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali) sabiex nimxu "lejn politika aktar bilanċjata" (3). |
2.2 |
L-ugwaljanza bejn is-sessi ta' spiss titqies bħala restrizzjoni jew spiża. Jeħtieġ li nirrikonoxxu l-prezz tan-nonugwaljanza u l-kontribut ekonomiku pożittiv tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala investiment u fattur produttiv. |
2.3 |
Il-miri tal-Ewropa 2020 – b'mod partikolari ż-żieda tar-rata tal-impjieg tal-persuni bejn 20 u 64 sena sa 75 % sal-2020 u t-tnaqqis tal-għadd ta' persuni foqra jew fir-riskju tal-faqar b'mill-inqas 20 miljun ruħ – huma impossibbli li jinkisbu mingħajr involviment aktar b'saħħtu tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-ħajja pubblika. Barra minn hekk, li tintlaħaq konverġenza assoluta fir-rati ta' parteċipazzjoni jirrappreżenta żieda ta' madwar 12 % fil-PDG per capita sal-2030 (4). |
2.4 |
Fid-dawl ta' popolazzjoni ta’ età tax-xogħol li qiegħda tonqos (5), l-Ewropa mhux ser tilħaq it-tkabbir mixtieq jekk mhux ser iżżid il-potenzjal tas-suq tax-xogħol tan-nisa. Fl-2012, ir-rata tal-impjieg tal-irġiel (20-64) kienet 74,6 %, filwaqt li tan-nisa kienet 62,4 % biss. Meta l-impjieg jitkejjel skont l-ekwivalenti full-time, is-sitwazzjoni hija agħar, peress li l-livell attwali tal-impjieg tan-nisa huwa 53,5 % tal-forza tax-xogħol sħiħa tan-nisa li jaħdmu full-time (6). |
2.5 |
Iż-żieda fir-rata tal-impjieg tan-nisa diġà kkontribwit ħafna għat-tkabbir tul l-aħħar 50 sena. Madankollu huwa importanti li wieħed jinnota li x-xogħol tal-familja mhux imħallas imwettaq min-nisa ma jittiħidx bħala kontribut għall-ekonomija. L-iżvilupp ta' impjiegi li jipprovdu servizzi lill-familji ser jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni ta' din il-forma inviżibbli ta' xogħol f'xogħol imħallas u ser joħloq dħul fiskali, kontribuzzjonijiet tal-pensjonijiet, eċċ. |
2.6 |
Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nisa mingħajr impjieg mhux dejjem jiġu inklużi fl-istatistika u mhumiex irreġistrati bħala qiegħda iżda fil-fatt huma potenzjal mhux esplorat. Fil-fatt, il-livell aktar baxx fl-impjieg tan-nisa ma jissarrafx direttament f’qgħad iżda pjuttost f'nuqqas ta' attività jew f'xogħol mhux iddikjarat, għaliex l-effett "skoraġġanti" ftit li xejn joħloq offerti ta' impjieg għan-nisa. Għalhekk id-data statistika, fil-livell nazzjonali u dak Ewropew, ma tistax turi s-sitwazzjoni reali u attwali. Il-KESE jappella sabiex id-data statistika miġbura u pproċessata fil-livell Ewropew dwar l-impjieg tan-nisa tiġi diżaggregata aktar b'rabta mal-oqsma tas-servizzi fil-privat. |
2.7 |
Il-KESE jinnota li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għandu jistabbilixxi miri għall-impjieg tan-nisa (7) peress li politiki ffokati jistgħu jnaqqsu d-diverġenzi bejn is-sessi u jippromovu l-inklużjoni, u b'hekk jiżdied sew il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija tal-UE (8). Dawn il-politiki – li jinkludu (iżda mhumiex limitati għalihom) il-provvediment ta' servizzi ta' kura għall-membri tal-familja li huma dipendenti u li jneħħu d-diżinċentivi finanzjarji biex it-tieni persuna fil-familja tibda taħdem – huma essenzjali biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jużaw dawn il-politiki sabiex itejbu l-impjegabbiltà u biex jappoġġjaw l-aċċess għall-impjiegi u d-dħul lura għax-xogħol. |
2.8 |
Awsterità stretta twassal għal tnaqqis fis-settur u s-servizzi pubbliċi, u n-nisa iktar għandhom ċans jitilfu l-impjieg tagħhom peress li huma jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-ħaddiema tas-settur pubbliku. Il-gruppi li jbatu l-aktar minn tnaqqis fl-istandard tal-għajxien tagħhom minħabba tnaqqis fis-servizzi pubbliċi huma dawk tal-ġenituri waħidhom, li l-maġġoranza tagħhom huma wkoll nisa. Fl-istess ħin, in-nisa huma l-maġġoranza ta' dawk li jipprovdu kura mingħajr ħlas, u allura iktar hemm ċans li jkunu dawn li jirrimedjaw is-sitwazzjoni meta jsir it-tnaqqis fis-servizzi tal-kura soċjali (9). Il-Kummissjoni għandha tħejji studju komprensiv dwar l-impatt tal-awsterità fuq l-opportunitajiet ugwali sabiex jinstabu soluzzjonijiet aktar kwalitattivi, u tagħmel riċerka dwar kif il-miżuri ta' awsterità għandhom impatt fuq il-kwantità u l-kwalità tal-impjieg tan-nisa, fis-setturi tas-servizzi kemm pubbliku kif ukoll privati. |
2.9 |
Ta' min ifakkar li dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika tal-UE jiffukaw fuq l-impjegabbiltà ġenerali iżda ma jidentifikawx miżuri sabiex jinvolvu l-potenzjal ta' nisa ekonomikament inattivi, li jistgħu jagħmlu kontributi sostanzjali għat-tkabbir tal-UE. |
2.10 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-fondi tal-UE jiġu allokati b'mod aktar sensittiv għad-distinzjonijiet bejn is-sessi u jħeġġeġ kemm lill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll lill-Istati Membri biex jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-Valutazzjoni tal-appoġġ tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Fond Soċjali Ewropew (10). |
3. L-Edukazzjoni
3.1 |
Żieda fil-kisbiet edukattivi hija ekwivalenti għal madwar 50 % tat-tkabbir f'termini ta' PDG fil-pajjiżi tal-UE bejn l-1960 u l-2008; madwar nofs din iż-żieda irriżulta minn titjib fil-kisbiet edukattivi tan-nisa (11). |
3.2 |
Ir-rapporti tal-EIGE (12) u l-OECD juru li n-nisa għadhom jiġu ppreżentati b'inqas opportunitajiet ta' impjieg mill-irġiel għal varjetà sħiħa ta' raġunijiet u jingħataw paga anqas għall-istess xogħol, avolja llum in-nisa għandhom kisbiet edukattivi ogħla mill-irġiel f'ħafna mill-pajjiżi tal-UE. |
3.3 |
Differenzi sistematiċi bejn is-sessi (13) fl-għażla tas-suġġetti jipprevjeni milli l-ekonomiji jagħmlu użu sħiħ tal-ġabra kollha tagħhom tat-talenti u għalhekk jimplikaw allokazzjoni ħażina ta' kapital uman u telf fl-innovazzjoni tal-potenzjal u t-tkabbir ekonomiku. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jindirizzaw id-diverġenzi bejn is-sessi fl-edukazzjoni billi jippromovu bidla fl-attitudni fost l-istudenti, l-għalliema, il-ġenituri u s-soċjetà fil-wisa' tagħha. Dan l-intervent għandu jibda minn kmieni fil-ħajja ta' student, qabel ma jidħlu l-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet sterjotipizzati dwar fiex jeċċellaw is-subien u l-bniet u x'l-iktar jieħdu gost jagħmlu. |
3.4 |
Il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lil inizjattivi u proġetti finanzjati mill-istrumenti tal-UE (fondi tal-FSE, programmi TTĦ, eċċ.). Dawn l-istrumenti jistgħu jintużaw sabiex iżidu l-possibbiltajiet tan-nisa li qed jidħlu lura għax-xogħol biex jiksbu ħiliet u jaċċessaw l-impjieg u/jew għall-iżvilupp tal-karriera tan-nisa. |
4. Is-suq tax-xogħol
4.1 |
Bosta mill-Istati Membri tal-UE jiffaċċjaw il-problema doppja ta' popolazzjoni li qed tixjiħ u rati baxxi ta' fertilità. Dawn il-fatturi ser jimplikaw forza tax-xogħol li tiċkien tul l-20 sena li ġejjin jekk ir-rati tal-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol tan-nisa jibqgħu kostanti (14). |
4.2 |
Jeħtieġ li jinbidlu sostanzjalment l-inugwaljanzi bejn is-sessi li huma predominanti fis-soċjetajiet Ewropej. Li jiġi appoġġat bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja għall-irġiel huwa pass importanti biex tinkiseb distribuzzjoni aktar ugwali tax-xogħol imħallas u mhux bejn in-nisa u l-irġiel. Tqassim aktar ugwali tal-liv tal-ġenituri bejn iż-żewġ ġenituri għandu jnaqqas id-diżinċentivi għall-min iħaddem biex jirrekluta nisa li għadhom f'età li jista' jkollhom it-tfal. |
4.3 |
Bidliet fid-domanda għax-xogħol – pereżempju bil-ħolqien ta' metodi ġodda ta' produzzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol differenti, u, b'mod speċjali, il-bidla mill-manifattura u l-agrikoltura għas-servizzi – huma fatturi mexxejja importanti sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol u jwasslu għal żieda fid-domanda għal ħaddiema nisa. |
4.4 |
Minkejja li x-xogħol part-time ħeġġeġ aktar nisa biex jingħaqdu mal-forza tax-xogħol formali, fuq medda twila ta' żmien ix-xogħol part-time jista' jnaqqas il-possibbiltajiet ta' taħriġ, prospetti ta' karriera, jaffettwa l-benefiċċji tal-pensjoni tal-irtirati u jżid ir-riskju tal-faqar kemm fil-mument kif ukoll fix-xjuħija. Dan jidher partikolarment fil-każ tal-part-time "mhux volontarju" li żdied f'dawn l-aħħar snin (15) billi, bħala tweġiba għall-kriżi, impjieg part-time huwa offrut immedjatament lin-nisa, li jkollhom jaċċettawh jew għax m'għandhom għażla oħra fit-tip ta' impjieg, jew biex jevitaw li jitilfu l-impjieg tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni lill-iżbilanċ kbir bejn in-nisa u l-irġiel fix-xogħol part-time (31,6 % u 8 % rispettivament). Għandhom jitneħħew l-ostakli kollha sabiex isir ċaqliq mix-xogħol part-time għal dak full-time. |
4.5 |
Il-Kumitat jinnota li l-politiki li jħeġġu l-kunċett tal-unità familjali b'żewġ salarji u jgħinu lill-adulti li jaħdmu jlaħħqu mal-impenji tal-familja tagħhom huma fatturi importanti sabiex jagħtu spinta 'l quddiem lill-parteċipazzjoni tan-nisa. Taħlita adegwata ta' appoġġ imħallas bi flus u appoġġ mhux finanzjarju għandha rwol importanti wkoll. |
4.6 |
Rati ta' taxxa ogħla fuq it-tieni persuna li taqla' l-flus fil-familja jistgħu jnaqqsu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol peress li dawn jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol (16). Għaldaqstant għandhom jiġu aġġustati s-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji sabiex ma jiskoraġġux lit-tieni persuna li taqla' l-flus fil-familja. |
4.7 |
Għandha tingħata attenzjoni partikolari lix-xogħol informali u prekarju, inkluż l-impjieg taparsi indipendenti. Dan jaffettwa lin-nisa aktar mill-irġiel, u għaldaqstant jagħmilhom aktar suxxettibbli għall-isfruttament. L-Istati Membri tal-UE għandhom jirratifikaw mingħajr dewmien il-189 Konvenzjoni tal-ILO dwar Xogħol Deċenti għall-Ħaddiema Domestiċi (17), li tistabbilixxi standards tax-xogħol għall-ħaddiema domestiċi. |
5. Il-paga u l-pensjoni
5.1 |
Il-KESE jħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika sabiex inaqqsu l-inugwaljanzi bejn is-sessi sabiex ineħħu d-differenza fil-pagi (li hija medja ta' 16,2 %) peress li paga indaqs ser iġġib magħha benefiċċji mhux biss għan-nisa iżda għas-soċjetà kollha kemm hi – skont il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew, tnaqqis ta' punt perċentwali fid-differenza fil-pagi bejn is-sessi jżid it-tkabbir ekonomiku b'0,1 % (18). |
5.2 |
Il-KESE jagħti leħen ukoll lit-tħassib tiegħu dwar id-differenza kbira fil-pensjonijiet – il-medja tal-UE-27 hija ta' 39 % (19) – li hija aktar mid-doppju tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi. Ta' tħassib kbir huwa n-nuqqas ta' viżibbiltà tal-problema. Mhux biss jeżistu differenzi kbar fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE, iżda huma wkoll immensament kumplessi peress li jiddependu fuq stejjer passati tal-impjieg (b'mod partikolari differenzi fil-paga, ħinijiet u snin maħduma), fuq sistemi tal-pensjoni u, b'mod partikolari, fuq l-impatt tal-introjtu mill-karriera fuq il-benefiċċji tal-pensjoni u fuq kemm is-sistemi tal-pensjoni jikkompensaw għall-interruzzjonijiet fil-karriera sabiex tingħata kura lil tfal jew qraba dipendenti. |
5.3 |
Għaldaqstant il-KESE jemmen li kemm it-tneħħija tad-differenzi fil-paga bejn is-sessi kif ukoll iż-żieda ta' "ħin mal-familja" – kura tat-tfal u l-anzjani, assistenza lejn membru tal-familja tul marda fil-qosor jew fit-tul, eċċ. – fis-sistemi tal-akkumulazzjoni tal-pensjoni kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa (filwaqt li tiġi żgurata l-possibbiltà għall-impjegati li jiksbu liv tal-familja għall-kura u l-assistenza) għandhom inaqqsu d-differenzi fil-pensjoni bejn is-sessi (20). |
6. L-intraprenditorija
6.1 |
Studju riċenti tal-OECD (21) jenfasizza li d-disparitajiet bejn is-sess fl-intraprenditorija huma kbar u reżiljenti u mifruxa f'ħafna dimensjonijiet, inklużi l-preferenzi soġġettivi għall-intraprenditorija, id-daqs tan-negozju u l-prestazzjoni finanzjarja, l-aċċess għall-kapital finanzjarju u l-użu ta' dan. L-intraprendituri nisa għandhom għanijiet addizzjonali apparti l-massimizzazzjoni tal-profitt, u l-miżuri usa' ta' prestazzjoni tagħhom jenfasizzaw il-kontribut tagħhom għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku. |
6.2 |
Jekk in-nisa jingħataw l-għajnuna biex jibdew in-negozji tagħhom u jiġi appoġġjat it-tkabbir ta' kumpaniji eżistenti mmexxija min-nisa, dan jista' jikkontribwixxi (22) għall-ħolqien ta' aktar impjiegi, aktar innovazzjoni, aktar kompetittività u tkabbir ekonomiku u titnaqqas l-esklużjoni soċjali. Jinħtieġu miżuri sinifkanti sabiex nikkapitalizzaw fuq il-potenzjali kollu tal-intrapriżi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjieg fl-Ewropa, b'mod speċjali wara l-kriżi. |
6.3 |
Il-KESE diġà ppropona li jittieħdu l-passi li ġejjin għall-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa fil-livell tal-UE (23):
|
7. Deċiżjonijiet tal-Kunsill
7.1 |
Studji internazzjonali (24) jikkonfermaw li n-nisa f'pożizzjonijiet ta' ġestjoni għandhom impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni finanzjarja korporattiva, il-kultura korporattiva, l-istil tal-ġestjoni u r-reżiljenza għall-kriżi. In-nisa jieħdu inqas riskji u jagħtu prijorità lill-iżvilupp sostenibbli, iżda l-ostakli għall-kisba tal-ugwaljanzi bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet huma aktar profondi milli huwa pubblikament ammess. |
7.2 |
Il-KESE jispera li jiġi adottat standard minimu ta' parteċipazzjoni ugwali fit-teħid tad-deċiżjonijiet mill-korpi pubbliċi u privati kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-ispirtu ta' awtoregolazzjoni. Il-kumpaniji elenkati u l-korpi kollha tas-settur pubbliku għandhom jippromovu applikazzjoni u proċeduri ta' ħatra trasparenti kif ukoll kultura ta' inklużjoni u libertà tal-għażla. Madankollu, ftit ser jinkiseb mingħajr ir-rieda kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa li jieħdu azzjoni pożittiva. |
7.3 |
Il-KESE jirrakkomanda li dawk li jfasslu l-politiki kif ukoll il-kumpaniji jħarsu mill-ġdid lejn il-kwistjonijiet sussegwenti biex jiżguraw li jinkiseb il-bilanċ bejn is-sessi fil-korpi kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet:
|
7.4 |
Sabiex tiġi implimentata l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015) (25), il-KESE jħeġġeġ li jkun hemm rappreżentazzjoni ugwali ta' rġiel u nisa fil-ħajja pubblika u, b'mod speċjali, fil-politika, peress li s-sottorappreżentazzjoni attwali tillimita d-drittijiet ta' parteċipazzjoni tan-nisa (26). L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali, għandhom imexxu billi jagħtu eżempju u jintroduċu miri għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-korpi politiċi u amministrattivi tagħhom, b'mod speċjali fl-ogħla livelli. |
8. L-akkoljenza tat-tfal
8.1 |
Fattur importanti li jinfluwenza l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol huwa l-aċċess għal faċilitajiet ta' akkoljenza tat-tfal full-time b'mod partikolari għal tfal żgħar. Iż-żidiet fl-infiq pubbliku fuq is-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal huma direttament marbuta ma' żidiet fl-impjieg full time tan-nisa (27). |
8.2 |
Għaldaqstant jeħtieġ li jintlaħqu l-miri ta' Barċellona. Madankollu, skont rapport riċenti mill-Kummissjoni, fl-2010 10 Stati Membri biss kienu kisbu l-mira ta' Barċellona għal tfal taħt it-3 snin. Fl-istess sena, fil-kategorija ta' tfal bejn it-3 snin u l-età ta' attendenza obbligatorja fi skola, 11-il Stat Membru biss kienu kisbu l-objettiv ta' 90 % (28). |
8.3 |
Peress li l-Istati Membri bl-ogħla rati ta' twelid huma wkoll dawk li għamlu l-aktar biex jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-ġenituri u li għandhom l-ogħla rati ta' impjieg tan-nisa (29), l-Istati Membri għandhom jipprovdu appoġġ aktar effettiv, aċċessibbli, kwalitattiv u li jista' jintlaħaq finanzjarjament għall-familji bit-tfal permezz ta' politiki (30) bħalma huma:
|
9. L-isterjotipi u d-diskriminazzjoni
9.1 |
Minkejja li żieda fil-kisbiet edukattivi tal-bniet tul dawn l-aħħar deċennji tat spinta lill-potenzjal ta' introjtu tan-nisa, l-attitudnijiet tas-soċjetà fir-rigward tax-xogħol tan-nisa, u l-inkompatibbiltà bejn il-valuri tal-familja u l-ugwaljanza jibqgħu ostaklu għall-bilanċ bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol. |
9.2 |
Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa li għandhom diżabbiltà, huma migranti jew jagħmlu parti minn minoranza etnika. F'dan is-sens, jeħtieġ implimentazzjoni malajr tad-direttiva dwar it-trattament ugwali (31). |
9.3 |
Il-vjolenza kontra n-nisa mhijiex biss kwistjoni soċjali mhux ġustifikabbli, iżda tinvolvi wkoll spiża ekonomika għolja. Huwa stmat li l-vjolenza kontra n-nisa għandha spiża annwali ta' mill-inqas EUR 32 biljun fis-47 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa (32). Il-politiki pubbliċi kontra l-vjolenza fuq bażi ta' sessi għandhom rwol importanti x'jaqdu; l-immaġni tradizzjonali tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà ser tinbidel biss meta n-nisa jkollhom aċċess għall-poter fuq bażi ugwali bħal dik tal-irġiel. |
9.4 |
Ir-rwol tal-industrija tal-midja huwa kruċjali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-midja mhux biss tirrifletti iżda toħloq ukoll tendenzi u regoli soċjokulturali u għandha rwol b'saħħtu ħafna fit-tiswir tal-opinjoni pubblika u l-kultura. Barra minn hekk, huwa preċiżament il-kontenut tal-midja li jippromovi fehim fil-wisa' tal-kumplessitajiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi fost il-parteċipanti kollha f'soċjetà, inklużi dawk li jfasslu l-politika u l-pubbliku, u għaldaqstant hemm urġenza sabiex jiġu indirizzati l-inegwaljanzi li jippersistu fil-forma ta' sottorappreżentazzjoni (b'mod speċjali f'livelli ogħla), ostakli għall-avvanzament u paga baxxa (meta mqabbla ma' tal-irġiel) fis-settur tal-midja (33). |
Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tal-Istatistika dwar l-Istatistika skont is-Sessi (E/CN.3/2013/10).
(2) Kummissjoni Ewropea, DĠ Impjiegi Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs, 2011.
(3) ĠU C 181,21.6.2012, p. 14-20.
(4) "Closing the Gender Gap: Act Now", OECD, Diċembru 2012.
(5) Il-popolazzjoni ta’ età tax-xogħol mistennija tonqos tul it-tletin sena jew iktar li ġejjin b'rata ta' madwar 1 u 1,5 miljun fis-sena, skont esperjenzi riċenti mill-pajjiżi OECD u l-Unjoni Ewropea, OECD, 2012.
(6) "Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol", il-Kummissjoni Ewropea, 2013.
(7) "Annual Growth Survey 2013", Kummissjoni Ewropea, 2012.
(8) Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Progress fl-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-2012 – Dokument li jakkumpanja r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – ir-Rapport tal-2012 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, SWD (2013) 171 final.
(9) "TUC Women and the Cuts Toolkit", Trade Union Congress, 2011.
(10) Kummissjoni Ewropea, DĠ Impjiegi Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs, 2011.
(11) Effects of Reducing Gender Gaps in Education and Labour Force Participation on Economic Growth in the OECD (L-effetti tat-tnaqqis fid-disparità bejn is-sessi fl-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol fuq it-tkabbir ekonomiku fl-OECD), DELSA/ELSA/WD/SEM(2012)9, OECD, 2012.
(12) Gender Equality Index Report, European Institute for Gender Equality, 2013.
(13) Fl-2010, 77 % tal-gradwati fil-qasam tal-edukazzjoni, 74 % fis-saħħa u l-benessri u 65 % fl-istudji umanistiċi kienu nisa Ewropej, iżda 25 % tal-gradwati fil-qasam tal-inġinerija u 38 % fix-xjenza, matematika u xjenza tal-kompjuter biss kienu nisa, Rapport dwar l-Inizjattiva dwar is-Sessi: l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Edukazzjoni, l-Impjieg u l-Intraprenditorija, OECD, 2011.
(14) Drivers of Female Labour Force Participation in the OECD, (Promoturi tal-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol tan-nisa fl-OECD), DELSA/ELSA/WD/SEM(2013)1, OECD, 2013.
(15) Mit-total tal-impjegi part-time tan-nisa, 23,4 % mhux volontarju (medja għall-UE, 2011). Sors: Lisbon Assessment Framework Database
(16) Drivers of Female Labour Force Participation in the OECD, (Promoturi tal-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol tan-nisa fl-OECD), OECD, 2013.
(17) L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, C189 - il-Konvenzjoni Ħaddiema Domestiċi, 2011.
(18) Il-Parlament Ewropew, Mozzjoni għal Riżoluzzjoni (B7-XXXX/2013), 17.6.2013.
(19) Id-Disparità bejn is-Sessi fil-Pensjonijiet fl-UE, il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Ġustizzja, 2013.
(20) Fl-opinjoni tiegħu “ir-Rabta bejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir ekonomiku u r-rata tal-impjieg”, (SOC/338, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 15–21), il-KESE jinsisti li l-ħin meħud għal skopijiet ta' kura għandu jiġi finanzjat bl-istess mod bħall-irtirar.
(21) Women Entrepreneurs in the OECD: key evidence and policy challenges, (Intraprendituri Nisa fl-OECD: evidenza ewlenija u sfidi politiċi), DELSA/ELSA/WD/SEM(2013)3, OECD, 2013.
(22) Il-Bank Dinji, Linji gwida u Każijiet ta' Studju tal-Programm dwar l-Intraprenditorija tan-Nisa, 11/04/2013 – "Fl-Istati Uniti, pereżempju, il-kumpaniji fejn il-proprjetarji huma nisa qed jiżdiedu aktar mid-doppju tar-rata tal-kumpaniji l-oħra kollha, jikkontribwixxu madwar $3 triljuni għall-ekonomija tal-Istati Uniti u huma direttament responsabbli għal 23 miljun impjieg".
(23) ĠU C 299, 04.10.2012, p. 24.
(24) "Women Matter", McKinsey; "Do Women in Top Management Affect Firm Performance?", Smith and Verner; "Diversity and gender balance in Britain plc", TCAM; "Mining the Metrics of Board Diversity", Thomson Reuters; eċċ.
(25) Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010 -2015), il-Kummissjoni Ewropea, 2010.
(26) "Database on women & men in decision making", il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Ġustizzja.
(27) "Closing the Gender Gap: Act Now", OECD, 2012.
(28) "L-objettivi ta' Barċellona", Kummissjoni Ewropea, 2013.
(29) ĠU C 318, 23.12.2009, p. 15-21.
(30) "Extending opportunities: How active social policy can benefit us all", ISBN 92-64-00794-6, OECD 2005.
(31) COM (2008) 426 final, 2.7.2008.
(32) ĠU C 351, 15.11.2012, p. 21-26.
(33) EIGE, "Review of the implementation of the Beijing Platform for Action in the EU Member States: Women and the Media — Advancing gender equality in decision-making in media organisations", 2013.