This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE1586
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Strengthening the participatory processes and the involvement of local authorities, NGOs and the social partners in the implementation of Europe 2020’ (exploratory opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proċessi parteċipattivi fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020” (opinjoni esploratorja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proċessi parteċipattivi fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020” (opinjoni esploratorja)
ĠU C 299, 4.10.2012, p. 1–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
4.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 299/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proċessi parteċipattivi fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020” (opinjoni esploratorja)
2012/C 299/01
Relatur: is-Sinjura LOUGHEED
F’ittra tat-18 ta’ April 2012, is-Sinjura Sotiroula Charalambous, Ministru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali tar-Republika ta’ Ċipru, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE li jmiss, dik Ċiprijotta, li jħejji opinjoni esploratorja dwar
It-tisħiħ tal-proċessi parteċipattivi u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali, l-NGOs u l-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2012.
Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’mod unanimu.
1. Rakkomandazzjonijiet
— |
Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-gvernijiet nazzjonali biex iġeddu l-impenn tagħhom li jinteraġixxu mal-imsieħba kollha kkonċernati (il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet lokali, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili organizzata, il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili, il-bliet u kull forma oħra ta’ awtorità lokali) fl-Istrateġija Ewropa 2020. |
— |
Il-KESE jwiegħed li jibni fuq il-ħidma mal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali (KES) u korpi simili u mar-rappreżentanti nazzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata billi jsir il-punt ta’ kuntatt Ewropew u jipprovdi pjattaforma ddedikata biex ikunu jistgħu jaħdmu aktar fuq l-Istrateġija Ewropa 2020. |
— |
Fuq perjodu twil, il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa viżjoni fit-tul tal-mira aħħarija tal-impenn tal-partijiet interessati u taħdem biex din tiżviluppaha b’mod gradwali. |
— |
Fuq perjodu qasir, il-KESE jemmen li għadd ta’ bidliet żgħar ikollhom impatt kbir fuq il-progress. B’mod partikolari, hemm bżonn urġenti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jqisu mill-ġdid l-iskadenzi u l-arranġamenti sabiex ikun possibbli l-impenn ġenwin u r-responsabbiltà konġunta tal-partijiet interessati kollha. |
2. Daħla
2.1 |
Fit-18 ta’ April 2012 il-Presidenza li jmiss, dik Ċiprijotta, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni dwar is-suġġett tat-tisħiħ tal-proċessi parteċipattivi u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali, l-NGOs u l-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020 peress li għandha l-ħsieb li tqis din il-kwistjoni bħala prijorità għall-Presidenza u għall-EPSCO Informali f’Lulju 2012. Bis-Semestru Ewropew fit-tielet sena tiegħu, huwa żmien opportun li nħarsu lejn il-proċessi parteċipattivi tal-Ewropa 2020 u naraw kif jistgħu jiġu żviluppati. |
2.2 |
Il-Kumitat tat-Tmexxija tal-Ewropa 2020 tal-KESE għandu l-kariga li jissorvelja l-ħidma u jġib flimkien il-KES nazzjonali u korpi simili fl-Istati Membri u li jaqsam l-esperjenzi dwar kif il-proċessi parteċipattivi jistgħu jittejbu fl-Ewropa 2020. |
2.3 |
Ir-rwol tal-KESE fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 (1) issa għandu rikonoxximent sħiħ u l-Kumitat jixtieq jaqsam ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar kif il-proċessi parteċipattivi jistgħu jittejbu fl-Istrateġija 2020 u s-Semestru Ewropew. |
3. Ewropa 2020 – sistema ġdida
3.1 |
L-Unjoni Ewropea u l-popolazzjoni tagħha jinsabu fi kriżi ekonomika u finanzjarja gravi li kellha impatt serju fuq l-Unjoni Ewropea kollha u ċ-ċittadini tagħha. Diversi Stati Membri għaddew minn sitwazzjonijiet ta’ diffikultajiet estremi, u jibqa’ t-tħassib dwar il-livelli ogħla ta’ qgħad. Għaldaqstant, kif stqarr b’diversi opinjonijiet tiegħu tul dawn l-aħħar tliet snin, il-KESE jqis li l-Istrateġija Ewropa 2020 hija aktar importanti minn qatt qabel peress li toffri aġenda komprensiva għal riforma li għandha l-għan li tiżgura tkabbir sostenibbli u l-bini ta’ Ewropa aktar b’saħħitha. |
3.2 |
L-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv hija l-istrateġija ta’ tkabbir li tistabbilixxi miri f’oqsma ta’ politika ewlenin fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. L-ambitu tagħha huwa wiesa’ b’ambizzjoni globali li tappoġġja t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u li tkopri l-iżviluppi fl-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, il-qgħad, il-politika industrijali u l-koeżjoni soċjali u territorjali, filwaqt li tindirizza l-livelli ta’ faqar, il-politika ta’ koeżjoni u diversi elementi oħra. |
3.3 |
L-għan tal-governanza tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li tlaqqa’ l-kompetenzi Ewropej, nazzjonali u dawk konġunti f’sistema ta’ diversi livelli, u b’hekk tgħin tavvanza l-leġittimità tat-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea. Meta mqabbla mal-Istrateġija ta’ Lisbona, l-Ewropa 2020 għandha inizjattivi ewlenin li huma marbutin flimkien u li jipprovdu punt fokali u appoġġ f’oqsma tematiċi importanti, prijoritajiet, miri prinċipali u sistema ta’ sorveljanza msaħħa u rigoruża – bil-possibbiltà ta’ valutazzjonijiet analitiċi tal-iżviluppi (jew in-nuqqas tagħhom) fil-livell nazzjonali. |
3.4 |
Meta mqabbla mal-Istrateġija ta’ Lisbona, il-mekkaniżmu ta’ rappurtar huwa differenti mhux biss għaliex huwa aktar ikkonċentrat, iżda wkoll għaliex huwa marbut mal-proċessi fil-qafas tas-sistemi l-ġodda u mtejba ta’ governanza ekonomika sabiex b’hekk, pereżempju, il-Programm ta’ Stabbiltà u Konverġenza u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riformajitressqu quddiem il-Kummissjoni Ewropea fl-istess żmien u b’hekk tkun possibbli viżjoni aktar sħiħa ta’ fejn jinsabu l-Istati Membri partikolari u fejn beħsiebhom imorru. |
3.5 |
Il-bidla fil-proċess ġiet enfasizzata l-ewwel fid-dokument tal-Istrateġija Ewropa 2020 innifsu li għamilha ċara li “[n]eħtieġu aktar responsabbiltà” u li għal dan il-għan “[i]l-kontribut tal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali u reġjonali u tas-sħab soċjali jeħtieġ li jissaħħaħ”. Kien ittieħed impenn speċifiku li kemm il-KESE kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni għandhom jiġu assoċjati aktar mill-qrib. Din il-ħtieġa għal proċessi parteċipattivi ġiet imtennija f’diversi okkażjonijiet, l-aktar importanti fosthom il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2010 u l-Linji Gwida għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma fl-Istrateġija Ewropa 2020 li nħareġ mill-Kummissjoni Ewropea, li jisħaq li “ser ikun importanti li l-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali, ir-reġjuni u l-partijiet interessati l-oħra jiġu assoċjati mill-qrib fit-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, sabiex isaħħu s-sens ta’ responsabbiltà għall-istrateġija”. |
4. Esperjenza tas-Semestru Ewropew
4.1 |
Tliet snin wara l-Istrateġija Ewropa 2020 jidher ċar li ħafna Stati Membri ħadu l-impenn li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata jipparteċipaw fis-Semestru Ewropew u dawn l-imsieħba ġew involuti fil-proċessi nazzjonali tagħhom. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan l-impenn mhuwiex uniformi, il-livelli ta’ impenn ivarjaw u anke fejn hemm dan l-impenn, il-livelli ta’ parteċipazzjoni ġenwina tal-imsieħba fil-proċess ivarjaw. Filwaqt li diversi Stati Membri jinformaw lill-imsieħba tagħhom u jikkonsultawhom, il-proċess spiss jonqsu punt fokali u għal dawk li jkunu qed jipparteċipaw fih, jista’ jinħass sparpaljat u nieqes minn strateġija globali. B’mod partikolari, il-KESE u oħrajn esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-iskadenzi li huma qosra ħafna u li prattikament ma jħallu l-ebda ħin għal diskussjoni serja mal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-parlamenti nazzjonali u reġjonali. Dan it-tħassib ma jinħassx biss fil-livell nazzjonali; ħafna organizzazzjonijiet fil-livell Ewropew staqsew jekk il-proċess u l-governanza tas-Semestru Ewropew, kif ukoll il-monitoraġġ fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, jistgħux jittejbu. Il-Parlament Ewropew għamel rakkomandazzjonijiet ta’ politika biex jiddefinixxi aħjar ir-rwol tiegħu u l-kontribut li jista’ jagħti (2) u l-Kumitat tar-Reġjuni qed jagħmel it-tħejjijiet biex joħroġ il-linji gwida tiegħu dalwaqt. |
4.2 |
Fi ħdan il-KESE, it-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ewropa 2020 ħoloq punt fokali essenzjali għall-ħidma tagħna; b’hekk il-KESE għandu grupp wieħed b’viżjoni globali ta’ dak kollu li l-Istrateġija Ewropa 2020 tkopri u l-proposti marbutin magħha, aktar milli jħares biss lejn il-biċċiet. Bħalissa, jieħdu sehem b’mod regolari fil-Kumitat ta’ Tmexxija rappreżentanti tal-Kummissjoni u atturi oħra. Sabiex jissaħħu r-rabtiet mal-livell nazzjonali, il-Kumitat ta’ Tmexxija jistieden b’mod regolari lill-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali Nazzjonali u korpi simili oħra jieħdu sehem fl-istadji importanti tas-Semestru Ewropew, u jorganizza wkoll avvenimenti relatati mal-Ewropa 2020 flimkien mal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali. Jeħtieġ li din il-ħidma tissaħħaħ u tiġi żviluppata iżjed. |
4.3 |
Ir-rwol li kellu l-KESE biex jgħaqqad flimkien il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili, għalkemm mhuwiex iffokat biss fuq is-Semestru Ewropew u l-Istrateġija Ewropa 2020, kien utli wkoll fir-rigward tal-iżvilupp tal-analiżi tagħna u tagħhom, ta’ kif jiġu mifhuma s-sitwazzjonijiet madwar l-Unjoni Ewropea u tat-tisħiħ tal-proposti li jagħmlu kemm il-KESE kif ukoll huma stess. |
5. Il-valur u l-utilità tal-proċessi parteċipattivi
5.1 |
Huwa ċar li sabiex is-Semestru Ewropew jkollu l-aħjar impatt, it-titjib u ż-żjieda fil-proċessi parteċipattivi fl-Ewropa 2020 jkunu ta’ benefiċċju għall-Istrateġija nnifisha u fl-aħħar mill-aħħar għall-benesseri taċ-ċittadini. |
5.2 |
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li jiffurmawha spiss jirreferu għall-utilità tal-proċessi parteċipattivi u l-parteċpazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata. L-imsieħba soċjali u l-pubbliku ġenerali fil-fatt għandhom għadd ta’ proċessi u sistemi differenti li qed jaħdmu; huwa utli li nkunu ċari dwar ir-raġuni li għaliha dan huwa daqstant importanti u potenzjalment x’jista’ jinkiseb minn sistema ta’ parteċipazzjoni li taħdem tajjeb u li tiggarantixxi parteċipazzjoni akbar. L-interazzjoni proattiva mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata tista’ toħloq:
|
6. Proposti speċifiċi għat-titjib tal-proċessi parteċipattivi fl-Ewropa 2020
6.1 |
Meta wieħed iħares lejn il-proċessi li ntużaw s’issa kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, il-KESE jemmen li hemm ħafna xi jsir u li dawn il-proċessi jistgħu jiġu żviluppati f’sistema li verament twassal għal sħubija soda fost l-istituzzjonijiet Ewropej, il-gvernijiet nazzjonali, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-parlamenti nazzjonali u reġjonali u partijiet interessati oħra. Ħafna minn dan jeħtieġ sforz iffukat u konġunt u mhux ser jinkiseb malajr. Madankollu, il-KESE jemmen li dawn is-sistemi għandhom jiġu żviluppati billi b’mod gradwali jibnu proċessi ta’ sħubija f’diversi livelli li jkunu strateġiċi u komprensivi, filwaqt li jimplimentaw malajr azzjonijiet sempliċi li jistgħu jwasslu għal titjib fuq perjodu qasir. |
6.2 |
L-aktar importanti, il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali biex iġeddu l-impenn politiku tagħhom li jinvolvu lill-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u partijiet interessati oħra b’mod aktar regolari u sistematiku, filwaqt li jiżguraw li dan isir bl-aktar mod komprensiv u sistematiku possibbli fi proċessi parteċipattivi tal-Ewropa 2020 li jkunu b’saħħithom, vijabbli u sostenibbli. It-Trattat ta’ Lisbona jisħaq fuq il-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tiġi konsultata fil-livell Ewropew fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Jekk l-Istati Membri ser jiksbu sens akbar ta’ responsabbiltà u ta’ impenn kemm għall-Istrateġija 2020 kif ukoll għall-proċess Ewropew, għandhom iħaddmu l-istess dixxiplina u jikkonsultaw il-KES u korpi simili kemm jista’ jkun spiss. |
7. Il-KESE
7.1 |
Rigward ir-rwol tiegħu, il-KESE jqis li huwa vitali li jżżomm il-punt fokali tiegħu u l-impenn strateġiku tiegħu fil-partijiet kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex iżomm il-kapaċità li jara s-sinerġiji possibbli li jinħolqu mill-Istrateġija u l-partijiet li jiffurmawha. |
7.2 |
Il-KESE jemmen li l-ħidma li qed iwettaq permezz tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ewropa 2020 għandha titkompla u tiġi żviluppata. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jżomm l-attenzjoni tiegħu fuq l-Istrateġija u l-implikazzjonijiet tagħha għall-pubbliku ġenerali, u għandu jibni fuq il-komunikazzjoni interna mal-membri li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Kumitat ta’ Tmexxija sabiex jiżgura li kulħadd jiggwadanja mill-perspettiva globali u approfondita tal-Kumitat ta’ Tmexxija. |
7.3 |
Il-KESE jqis li l-ħidma li wettaq b’mod gradwali fil-koordinazzjoni tal-kuntatti bejn il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u tal-ħidma tagħhom, fejn dawn jeżistu, kellha effett pożittiv ħafna, imma tista’ titjieb. Ħafna minn dawn l-organizzazzjonijiet għandhom rwol ukoll fil-livell nazzjonali fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-istess bħal ħafna mill-membri tagħhom. Fir-rigward tat-titjib fil-parteċipazzjoni fl-Istrateġija Ewropa 2020, il-KESE jemmen li dan huwa qasam fejn azzjoni mgħaġġla u sempliċi tista’ tagħti benefiċċji kbar. Il-KESE jemmen li l-pożizzjoni tiegħu hija ideali biex ikun punt ta’ kuntatt Ewropew għall-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili, speċjalment billi jassistihom fil-ħidma tagħhom fl-Ewropa 2020. Il-KESE huwa lest li jieħu dan l-impenn u li jibda dan il-proċess biex isaħħaħ iżjed il-kuntatti u l-kooperazzjoni billi jinvolvi l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili oħra f’avveniment li jiffoka fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 mal-ewwel opportunità. |
8. Azzjoni mgħaġġla biex isir tibdil fuq perjodu qasir
8.1 |
Il-KESE jappoġġja b’konvinzjoni l-intenzjoni tal-Presidenza Ċiprijotta li tiffoka fuq it-tisħiħ tal-proċessi parteċipattivi fil-proċess tal-Ewropa 2020 u li tiddedika parti mill-EPSCO Informali ta’ Lulju 2012 għal din il-ħidma. Il-KESE jappoġġja dan għalkollox bħala bidu b’saħħtu għall-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biex iqisu kif kull wieħed jista’ jtejjeb dak li qed jagħmel. |
8.2 |
Il-KESE jappella lill-Istati Membri kollha biex jiċċaraw fil-livell nazzjonali liema aġenziji governattivi huma responsabbli għal liema miżuri fl-Ewropa 2020, u r-rabta bejn l-aġenziji responsabbli għall-koordinazzjoni jew il-monitoraġġ tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u dawk responsabbli għall-implimentazzjoni fattwali. Anke kjarifika sempliċi dwar dan f’kull Stat Membru tippermetti li l-atturi jibnu kuntatt mal-korp it-tajjeb u l-effett ikun aħjar. |
8.3 |
Il-KESE jemmen li trasparenza sħiħa dwar il-forom ta’ parteċipazzjoni użati f’kull Stat Membru kif ukoll deskrizzjonijiet tal-proċessi u l-istrumenti li l-gvernijiet għandhom il-ħsieb li jużaw ser joffru ċarezza għal kulħadd dwar dak li qed jiġri u dwar il-kif u l-għaliex. |
8.4 |
Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jirrevedu b’mod urġenti l-iskadenzi għall-azzjonijiet differenti fis-Semestru Ewropew. L-aktar sfida persistenti indikata minn kważi l-partijiet kollha interessati fl-istrutturi attwali hija n-nuqqas ta’ żmien għal xi tip ta’ risposta meqjusa u dibattitu ġenwin. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-iskadenzi li qed jużaw bħalissa b’mod urġenti u jqisu kif jistgħu jagħmluhom aktar raġonevoli. |
8.5 |
Il-KESE jinkuraġġixxi b’mod qawwi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex iżidu l-involviment tagħhom fil-proċessi tal-Ewropa 2020 fi ħdan il-qafas nazzjonali tagħhom u b’mod dirett fil-livell tal-UE. It-twaqqif, mill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ għall-Ewropa 2020 hu żvilupp eċċellenti lejn dan l-għan. Il-KESE jemmen li dan l-involviment ikbar għandu jiġi appoġġjat mill-gvernijiet nazzjonali. L-għarfien tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-iżvilupp lokali u l-applikazzjonijiet potenzjali hu parti ewlenija ta’ x’għandu jitwaqqaf għall-Ewropa 2020 sabiex taqdi r-rwol potenzjali sħiħ tagħha |
9. L-iżvilupp ta’ proċess parteċipattiv fit-tul għall-Ewropa 2020
9.1 |
Il-KESE jemmen li hemm mudelli utli ħafna li diġà qed jitwettqu għall-ħolqien ta’ strutturi b’saħħithom għal djalogu permanenti. Il-KESE jemmen li l-“Kodiċi ta’ Prattika Tajba għall-Parteċipazzjoni Ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni” mniedi mill-Kunsill tal-Ewropa (3) jipprovdi qafas eċċellenti u għadd ta’ prinċipji għal din il-ħidma li tista’ tiġi applikata għall-Istrateġija Ewropa 2020. L-użu ta’ sett ta’ prinċipji bħal dan jippermetti lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri li b’mod gradwali jressqu d-diskussjonijiet skont il-livell ta’ parteċipazzjoni, minn livelli pjuttost baxxi li huma ffokati l-aktar fuq l-għoti tal-informazzzjoni, għal konsultazzjoni miftuħa, djalogu li jiżviluppa fost il-parteċipanti sakemm fl-aħħar tiżviluppa sħubija ġenwina – l-erba’ stadji ewlenin fl-iżvilupp tal-proċessi ta’ parteċipazzjoni kif deskritti fil-Kodiċi. Il-KESE jemmen li l-proċessi fl-Ewropa 2020 għandhom jibdew jimxu b’mod gradwali f’dan is-sens. Il-Kodiċi tipprovdi wkoll għadd ta’ għodod utli li jistgħu jiġu applikati għall-proċessi tal-Ewropa 2020. |
9.2 |
Is-soċjetà ċivili organizzata fl-Istati Membri għandhom jipparteċipaw tul is-Semestru Ewropew kollu. Proċess ewlieni fil-qasam tat-tfassil huwa l-abbozzar ta’ Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Il-proċess ta’ abbozzar tal-Istati Membri għandu jibni fuq djalogu wiesa’ u aktar mifrux mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata. Dawn l-atturi ma jipprovdux biss għarfien espert fl-iffissar tal-miri u t-tfassil tal-programmi u l-istrateġiji għal oqsma bħall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, huma wkoll atturi fundamentali fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji. |
9.3 |
Stadju ieħor ewlieni fis-Semestru Ewropew huwa l-pubblikazzjoni u r-reviżjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi. L-imsieħba soċjali Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata għandhom jiġu informati u kkonsultati dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull Stat Membru. F’dan il-kuntest, iż-żmien huwa kruċjali sabiex is-soċjetà ċivili organizzata tkun tista’ tipparteċipa fi stadju bikri fit-tħejjija tal-prospetti tal-ġejjieni għaċ-ċikli ta’ wara. |
9.4 |
F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE ssuġġerixxa l-valutazzjoni komparattiva biex jitkejjel il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020. Hawnhekk, il-KES nazzjonali jew korp simili janalizza u jistabbilixxi l-kriterji ta’ prijorità tiegħu bl-użu ta’ statistika li hija liberament aċċessibbli fis-sit tal-Eurostat. Xi KES diġà qed jipprattikaw dan u KES nazzjonali oħra għandhom jitħeġġu biex jidħlu f’dan il-proċess. B’din il-valutazzjoni komparattiva, il-partijiet interessati jkunu jistgħu jissorveljaw l-implimentazzjoni tar-riformi. Dan jifforma kontribut ta’ valur fir-reviżjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. |
9.5 |
Għandhom jittieħdu passi biex jissaħħaħ id-dibattitu dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 fl-Istati Membri, u l-gvernijiet għandhom jiżviluppaw proċessi aktar effettivi fir-rigward tar-reazzjonijiet dwar ir-riżultati ta’ djalogu ċivili u soċjali usa’ dwar l-Istrateġija. Hawnhekk, ir-rwol tas-soċjetà ċivili fis-segwitu jista’ jkollu valur speċifiku. Konferenzi regolari fl-Istati Membri bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha jkunu utli, kif ukoll seduti miftuħin fil-Parlament li jippreżentaw il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. |
9.6 |
Hemm kontradizzjoni bejn is-sensibilizzazzjoni li qed tiżdied fost l-istituzzjonijiet Ewropej dwar il-ħtieġa li jikkonsultaw is-soċjetà ċivili organizzata, u d-diffikultajiet li bħalissa għandhom quddiemhom il-maġġoranza tal-KES nazzjonali u korpi simili. Dawn l-organizzazzjonijiet huma spiss iffinanzjati mill-ispiża pubblika. F’ħafna Stati Membri, il-baġit tagħhom tnaqqas b’mod drastiku. Dan qed iwassal biex il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali jew korpi ekwivalenti jiffukaw biss fuq prijoritajiet nazzjonali u jnaqqsu mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew. L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iqisu kif jistgħu jappoġġjaw u jassistu lil dawn l-organizzazzjonijiet, tal-anqas fil-kontribut tagħhom għas-Semestru Ewropew. |
9.7 |
Peress li punt ta’ kuntatt għas-segwitu mal-KES nazzjonali u korpi simili jista’ jkollu valur speċifiku, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkunsidra li tagħti lill-KESE r-responsabbiltà u l-appoġġ biex jorganizza konferenza mal-KES nazzjonali kollha jew korpi u istituzzjonijiet simili tal-anqas darba fis-sena, li ssir f’mument li jorbot tajjeb mas-Semestru Ewropew, sabiex jiġu diskussi s-Semestru Ewropew, l-Istrateġija 2020 u l-kontribut u l-aħjar prattiki tagħhom f’dan il-qasam. |
10. Il-partijiet interessati
10.1 |
Il-KESE jemmen li l-partijiet interessati stess jistgħu jġeddu wkoll l-impenn tagħhom fil-proċessi tal-Ewropa 2020. Filwaqt li jemmen li r-responsabbiltà primarja hija tal-Istati Membri u li dawn għandhom bżonn jirrevedu l-proċessi biex jinvolvu lill-imsieħba, il-partijiet interessati stess jistgħu jitgħallmu aktar minn xulxin u jkollhom aktar fiduċja fl-interazzjoni diretta tagħhom mal-istituzzjonijiet Ewropej u mal-gvernijiet nazzjonali. Bl-istess mod, minkejja l-ħtieġa li l-gvernijiet jirrevedu b’mod urġenti l-iskadenzi tal-proċessi, il-partijiet interessati għandhom itejbu l-antiċipazzjoni tal-istadji tas-Semestru Ewropew. |
11. Proposti speċifiċi relatati mal-impjieg, il-faqar u l-esklużjoni
11.1 |
Fit-talba ta’ konsultazzjoni li ressqet quddiem il-KESE, il-Presidenza Ċiprijotta saħqet b’mod speċifiku fuq il-bżonn ta’ kontribut min-naħa tiegħu għal parteċipazzjoni aħjar mis-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-oqsma ta’ politika bħalma huma l-faqar u l-esklużjoni. Fil-fehma tal-KESE, il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fi djalogu strutturat u regolari, fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, hija determinanti biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi f’dawn l-oqsma ta’ politika. |
11.2 |
Huwa importanti li jiġi żviluppat approċċ imsejjes fuq il-partijiet interessati (stakeholder approach) u d-djalogu strutturat mal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-qasam tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika fil-qafas tal-ħidma li ssir mill-pjattaforma kontra l-faqar u l-esklużjoni. Fil-qasam tal-faqar u l-esklużjoni, ta’ spiss huma l-atturi tas-soċjetà ċivili li jiltaqgħu l-ewwel ma’ tendenzi u t-tibdil soċjali u jiġbdu l-attenzjoni għalihom. Il-ħidma ffukata tagħhom fid-dawl tal-perspettiva tal-konsumatur u tal-ħidma preventiva tagħhom, kif ukoll tal-iżvilupp u l-prestazzjoni ta’ servizzi innovattivi lil dawn il-gruppi mmirati, twassal għal għarfien u esperjenza fil-ħidma tal-istrateġija kontra l-faqar u l-esklużjoni. Il-KESE hawnhekk jenfasizza l-importanza tal-ekonomija soċjali u tar-rwol strateġiku li jaqdu l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-faqar, iħeġġu l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u jiżviluppaw servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà b’mod kreattiv. |
11.3 |
Huwa importanti li, b’rabta ma’ dawn l-oqsma ta’ politika, insemmu l-hekk imsejħa rapporti soċjali tal-Istati Membri (National Social Reports – NSR) li jikkomplementaw il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u jitfasslu mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali. Dawn ir-rapporti, li jitfasslu abbażi tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, jivvalutaw id-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020, jidentifikaw l-iżjed riformi immedjati fuq il-bażi tal-istrateġija annwali ta’ tkabbir u jressqu proposti għat-teħid ta’ miżuri konkreti. Huwa kruċjali li jitnieda proċess li jagħmilha possibbli li jiġu involuti b’mod iżjed effettiv il-partijiet interessati fit-tfassil tal-NSR, li s’issa għadu mhuwiex biżżejjed, u li jiġu integrati iżjed fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Huwa ta’ importanza kbira ħafna li jissaħħaħ il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għas-sigurtà soċjali, billi nibdew minn strateġiji nazzjonali integrati bil-għan li jkun hemm rabta iżjed mill-qrib mal-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar. |
11.4 |
L-avveniment annwali fil-livell tal-UE kontra l-faqar u l-esklużjoni għandu jiġi segwit minn seduta assoċjata fil-livell nazzjonali bil-kooperazzjoni tas-settur pubbliku, mal-persuni li jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ faqar, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, l-imsieħba soċjali u atturi oħra fi ħdan is-soċjetà ċivili. L-għan huwa li flimkien neżaminaw il-progress miksub u n-nuqqasijiet f’dawn l-oqsma ta’ politika u nirrakomandaw riformi. Dan għandu jsir fl-istess ħin li jitfasslu l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. |
11.5 |
Anke l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ djalogar u konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi għandha tiġi ppjanata bil-quddiem b’mod li l-partijiet interessati jkunu jistgħu juru l-interess tagħhom. L-approċċ imsejjes fuq il-partijiet interessati għandu jinvolvi wkoll valutazzjoni tal-effetti soċjali tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u tal-progress miksub. |
11.6 |
Il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u d-definizzjoni tal-għanijiet nazzjonali huma fattur ewlieni fl-isforz biex jiġu implimentati l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-istrateġiji politiċi għall-ġlieda kontra l-faqar. Huwa importanti li niżguraw li l-għanijiet relatati mal-faqar ikunu definiti b’mod adatt b’mod li jkunu inklużi l-gruppi fil-periklu tal-faqar u ta’ diversi tipi ta’ esklużjoni bil-għan li l-istrateġiji u r-riformi jkunu orjentati b’mod effettiv lejn dawn il-gruppi. F’dan il-kuntest, is-sehem tal-atturi tas-soċjetà ċivili u s-sħubija magħhom huma essenzjali peress li dawn sikwit jiskopru minn kmieni gruppi ġodda fil-periklu jew jidentifikaw żieda fir-riskji għall-gruppi esklużi. |
Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Kif appoġġjat mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa kemm fl-2011 u l-2012.
(2) “How effective and legitimate is the European Semester? Increasing the role of the European Parliament” 2011 (mhux disponibbli bil-Malti).
(3) http://www.coe.int/t/ngo/code_good_prac_en.asp.