This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010IP0263
Atypical contracts, secured professional paths and new forms of social dialogue European Parliament resolution of 6 July 2010 on atypical contracts, secured professional paths, flexicurity and new forms of social dialogue (2009/2220(INI))
Kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri u forom ġodda ta’ djalogu soċjali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta’ Lulju 2010 dwar kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri, flessigurtà u forom ġodda ta’ djalogu soċjali (2009/2220(INI))
Kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri u forom ġodda ta’ djalogu soċjali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta’ Lulju 2010 dwar kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri, flessigurtà u forom ġodda ta’ djalogu soċjali (2009/2220(INI))
ĠU C 351E, 2.12.2011, p. 39–48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
2.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 351/39 |
It-Tlieta 6 ta’ Lulju 2010
Kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri u forom ġodda ta’ djalogu soċjali
P7_TA(2010)0263
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2010 dwar kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri, flessigurtà u forom ġodda ta’ djalogu soċjali (2009/2220(INI))
2011/C 351 E/06
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'Impenn Komuni għall-Impjiegi' (COM(2009)0257),
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikolu 30 dwar il-protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta, l-Artikolu 31 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, u l-Artikolu 33 dwar il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku' (COM(2008)0800) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha tal-11 ta’ Marzu 2009 (1),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat (2),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'Nixprunaw l-irkupru Ewropew' (COM(2009)0114),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'Sħubija għall-bidla f'Ewropa wara t-tkabbir – It-titjib tal-kontribut tad-djalogu soċjali Ewropew' (COM(2004)0557),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'Lejn Prinċipji Komuni ta’ Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà' (COM(2007)0359) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha tad-29 ta’ Novembru 2007 (3),
wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni 'Li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21' (COM(2006)0708), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha tal-11 ta’ Lulju 2007 (4),
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/618/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2008-2010,
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (COM(2008)0639) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha tat-8 ta’ April 2009 (5),
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2009 (il-flessigurtà fi żminijiet ta’ kriżi),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni għall-Flessigurtà, 'L-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-flessigurtà fil-qafas tar-rawnd tal-perjodu 2008-2010 tal-Istrateġija ta’ Lisbona', tat-12 ta’ Diċembru 2008,
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO tal-5 u s-6 ta’ Diċembru 2007,
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tas-sħab soċjali Ewropej fir-rapport bl-isem, “Sfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol Ewropej: analiżi konġunta tas-sħab soċjali Ewropej”, tat-18 ta’ Ottubru 2007,
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali f'Berlin, tat-18-20 ta’ Jannar 2007, dwar 'ix-xogħol ta’ kwalità',
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0193/2010),
A. |
billi l-impjieg mhux standard kiber b'mod sinifikanti mill-1990 u l-impjiegi mitlufa bħala riżultat tal-kriżi ekonomika attwali kienu primarjament dawk fis-settur atipiċi; billi tipi ġodda ta’ kuntratti b'waħda, jew b'aktar minn waħda, mill-karatteristiki li ġejjin huma kklassifikati bħala impjiegi “atipiċi”: xogħol part-time, xogħol każwali, xogħol temporanju, xogħol b'kuntratti għal perjodu fiss, xogħol mid-dar u teleworking, impjieg part-time ta’ 20 siegħa jew anqas fil-ġimgħa, |
B. |
billi l-ħtieġa għal impjieg flessibbli ġiet enfasizzata f'bosta okkażjonijiet, |
C. |
billi l-globalizzazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla qed jikkawżaw ristrutturar ekonomiku estensiv, filwaqt li qed jikkawżaw tibdiliet fir-relazzjonijiet tal-impjiegi u fl-għamla tal-kompiti tal-ħaddiema, flimkien ma’ mewġiet suċċessivi ta’ negozji indipendenti ġodda b'persuna waħda fis-setturi u fil-gruppi tal-età kollha, u qed tinħoloq il-ħtieġa għal definizzjoni mill-ġdid tar-relazzjonijiet tal-impjiegi, bl-għan li jiġu evitati d-distorsjonijiet (bħall-fenomenu tal-ħaddiema indipendenti 'foloz'), |
D. |
wara li kkunsidra l-kriżi finanzjarja u ekonomika, li saret kriżi serja tal-impjiegi b'telf kbir ta’ impjiegi u li wasslet għal swieq tax-xogħol instabbli u biex il-faqar u l-esklużjoni soċjali komplew jiżdiedu, b'mod partikolari għall-individwi li diġà kienu vulnerabbli u l-gruppi żvantaġġati, |
E. |
billi l-għadd ta’ nies li jaħdmu u li jgħixu fil-faqar qed jiżdied, u laħaq it-8 % tal-forza tax-xogħol Ewropea, u l-proporzjon ta’ dawk li jaqilgħu pagi baxxi attwalment huwa ta’ madwar 17 %, |
F. |
billi għandu jkun żviluppat approċċ sostanzjali u komplementari tal-UE, li jiffoka sew fuq il-governanza effikaċi u taħlita ta’ miżuri politiċi li jappoġġaw lil xulxin fl-oqsma tal-politiki ekonomiċi, ambjentali, tal-impjiegi u soċjali u tal-intraprenditorjat, konsistenti mal-prinċipji tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi (EES), li l-iskop tagħha hu li ġġiegħel lill-Istati Membri jkollhom l-istess għanijiet ibbażati fuq l-erba' prinċipji tal-impjieg, l-intraprenditorjat, l-adattabilità u l-opportunitajiet ugwali, |
G. |
billi r-rata tal-qgħad fl-UE 27 żdiedet għal 10 % (2009), u l-qgħad x'aktarx jilħaq l-ogħla livell tiegħu qabel l-ewwel nofs tal-2011, |
H. |
billi analiżi tal-bidliet fl-impjiegi skont il-livell edukattiv turi li n-numru ta’ persuni bi ftit kompetenzi professjonali li għandhom impjieg naqas f'dawn l-aħħar snin, |
I. |
billi kull sena l-medja hi li bejn wieħed minn kull ħamsa u kwart tal-ħaddiema Ewropej ibiddlu l-impjieg, |
J. |
billi r-rata ta’ tranżizzjoni bejn il-qgħad u l-impjieg hija għolja, b'terz min-nies qiegħda u 10 % tal-popolazzjoni inattiva jsibu impjieg fi żmien sena, iżda billi għadd kbir ta’ ħaddiema, speċjalment dawk b'impjieg atipiku, jitilfu x-xogħol tagħhom mingħajr ma jsibu ieħor ġdid, |
K. |
billi, fl-UE 27, 45 % tal-perjodi kollha ta’ qgħad idumu iktar minn sena, meta mqabbla ma’ madwar 10 % fl-Istati Uniti, |
L. |
billi r-rata ta’ bdil fl-impjiegi hija ogħla fost in-nisa milli fost l-irġiel (differenza ta’ ħames punti perċentwali) u fost il-ħaddiema żgħażagħ (li għandhom inqas minn 24 sena) u tonqos aktar ma l-livell edukattiv jogħla, dan juri li l-bidla spiss tiġi sfurzata aktar milli magħżula u hija marbuta ma’ kuntratti insikuri fuq medda qasira ta’ żmien, u li ż-żgħażagħ sikwit ma jsibux impjieg li jaqbel mal-kwalifiki akkademiċi tagħhom, |
M. |
billi huwa stmat li wieħed minn kull sitt ħaddiema għandu responsabilitajiet ta’ kura għal xi qarib jew ħabib akbar minnu jew dipendenti minnu, |
N. |
billi f'xi Stati Membri kien hemm żieda fl-inċidenza ta’ xogħol mhux iddikjarat, li tista' twassal għal problemi ekonomiċi (b'mod partikolari, fiskali), soċjali u politiċi serji, |
O. |
billi l-valutazzjoni tal-flessigurtà hija kumplessa u huwa essenzjali li jkun hemm approċċ olistiku, speċjalment fid-dawl tat-tibdiliet li l-kriżi attwali tista' wkoll tikkawża fl-imġiba tal-kumpaniji billi tistimulahom jimpenjaw ruħhom f'relazzjonijiet tax-xogħol dejjem inqas protetti u tassew prekarji, |
P. |
billi, fil-kuntest tal-politiki tal-impjiegi, l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja edukattiva, professjonali u tal-familja, kif ukoll il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni jeħtieġ li jiġu promossi b'mod attiv, |
Q. |
billi, filwaqt li d-djalogu soċjali żviluppa b'modi differenti fl-Ewropa, b'mod ġenerali d-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji li qed jiżdiedu wasslu għal djalogu tripartitiku intensifikat, |
R. |
billi n-negozjar kollettiv huwa l-aktar mod komuni biex jiġu determinati l-pagi fl-Ewropa – tnejn minn kull tliet ħaddiema huma koperti minn ftehim kollettiv tal-pagi, jew fil-livell tal-kumpanija jew f'livell ogħla, |
S. |
billi l-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Impjiegi tal-UE u l-Ministri għall-Affarijiet Soċjali li saret f'Berlin fid-19 ta’ Jannar 2007 kkonkludiet li “L-Ewropa teħtieġ aktar sforzi konġunti biex tippromwovi xogħol ta’ kwalità. Xogħol ta’ kwalità jfisser id-drittijiet tal-ħaddiem u l-parteċipazzjoni, pagi ġusti, il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol kif ukoll organizzazzjoni tax-xogħol favur il-familja. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u ġusti, kif ukoll ħarsien soċjali xieraq, huma indispensabbli sabiex iċ-ċittadini Ewropej jaċċettaw l-Unjoni Ewropea”, |
T. |
billi l-kunċett ta’ xogħol ta’ kwalità għandu jipprovdi l-gwida fundamentali għall-fażi li jmiss tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi, |
A. Il-kuntratti atipiċi
1. |
Jistieden lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2010 biex jipprovdi gwida ċara u miżuri konkreti bil-għan li jiġu salvagwardati l-impjiegi u jinħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi fil-qafas ta’ Strateġija UE2020 ambizzjuża li tqis l-impatt tal-kriżi fuq l-ekonomija, is-soċjetà u s-suq tax-xogħol; |
2. |
Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-isforzi li saru mill-Missjoni għall-Flessigurtà; jistieden l-Istati Membri jistabbilixxu implimentazzjoni aktar ibbilanċjata u ġusta tal-prinċipji tal-flessigurtà, u jirrimarka li t-tagħlim reċiproku u l-iskambji tal-aħjar prattika, kif ukoll il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (OMC) huma għodda essenzjali biex jiġu kkoordinati l-approċċi politiċi differenti tal-Istati Membri; jinnota, madankollu, li l-OMC jista' jitjieb u li, biex tiżdied l-effikaċja, il-governanza tal-ħtiġijiet tal-OMC jeħtiġilha tissaħħaħ; |
3. |
Jinnota l-varjetà wiesgħa tat-tradizzjonijiet tax-xogħol, tal-forom kuntrattwali u tal-mudelli tan-negozju li jeżistu fis-swieq tax-xogħol, waqt li jenfasizza l-ħtieġa, f'dan l-isfond ta’ diversità, li tingħata prijorità lill-protezzjoni tal-mudelli Ewropej u d-drittijiet tax-xogħol stabbiliti;jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ approċċ minn isfel għal fuq fl-iżvilupp ta’ strateġiji ġodda tal-impjiegi sabiex jiġi faċilitat id-djalogu u l-involviment tal-awtoritajiet politiċi u soċjali fil-livelli kollha; |
4. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jappoġġaw il-pożizzjoni speċjali tal-ħaddiema freelance indipendenti bħala forza vitali fl-irkupru ekonomiku, bħala “dħul” jew alternattiva għas-suq tax-xogħol; jinnota li l-ħidma indipendenti qed jikber fil-popolarità, speċjalment fost il-ħaddiema żgħażagħ u n-nisa u bħala tranżizzjoni mix-xogħol għall-irtirar; jemmen li l-ħaddiema freelance indipendenti għandhom jiġu trattati bħala subsett uniku tal-mikronegozji u jitlob għal miżuri li għandhom jittieħdu biex jitnaqqas il-piż tar-regolamentazzjoni u biex jinkoraġġixxu u jappoġġaw ħaddiema freelance indipendenti jibdew/ikabbru negozji freelance indipendenti u jippromwovu tagħlim tul il-ħajja għal dan il-grupp; |
5. |
Jenfasizza l-importanza ta’ xogħol indipendenti, b'mod partikolari għal negozji mikro u żgħar, u jenfasizza l-importanza tal-professjonijiet liberali, bil-karatteristiki partikolari tagħhom; jenfasizza li t-terminu “professjoni liberali” tfisser sempliċement xogħol ta’ ħila partikolari li jista' jitwettaq ukoll b'mod indipendenti; |
6. |
Jikkunsidra li l-impjegati kollha, irrispettivament mill-istatus ta’ impjieg tagħhom, għandhom jiġu garantiti sett ta’ drittijiet ewlenin; jirrakkomanda li l-prijoritajiet għar-riforma tal-liġi tax-xogħol, fejn hi meħtieġa, għandha tiffoka fuq: l-estensjoni urġenti tal-protezzjoni tal-ħaddiema f'forom atipiċi ta’ impjieg; ir-raggruppament ta’ kuntratti atipiċi bl-iskop ta’ simplifikazzjoni; il-ħolqien sostenibbli ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg normali; il-kjarifika tas-sitwazzjoni tal-impjiegi dipendenti, inkluża l-azzjoni ta’ prevenzjoni fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza ta’ ħaddiema atipiċi; l-azzjoni kontra xogħol mhux iddikjarat; l-appoġġ għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, inklużi dawk taħt kuntratti atipiċi, u l-faċilitazzjoni ta’ tranżizzjonijiet bejn it-tipi differenti ta’ impjieg u l-qgħad, permezz tal-promozzjoni ta’ politiki, bħal pereżempju l-konċessjonijiet speċjali tal-impjieg, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol; jinkoraġġixxi passi li jiċċaraw is-sitwazzjoni tal-impjiegi dipendenti, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida ċari dwar l-ambitu tar-relazzjonijiet tal-impjiegi, kif irrakkomandat mill-ILO fir-Rakkomandazzjonijiet tagħha tal-2006; |
7. |
Jilqa' l-introduzzjoni min-naħa ta’ xi Stati Membri ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu lill-impjegati li għandhom responsabilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra biex jirrikonċiljaw dawn ir-responsabilitajiet mal-obbligi professjonali tagħhom permezz ta’ arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod attiv il-carers fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli, inklużi drittijiet ta’ lif u arranġamenti għal xogħol b'ħinijiet flessibbli, part-time u mid-dar, li jippermettu li aktar carers iżommu jew jerġgħu lura għall-impjieg imħallas tagħhom fl-Istati Membri kollha; |
8. |
Jinnota d-distinzjoni li tagħmel il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol bejn relazzjonijiet atipiċi tal-impjiegi u dawk atipiċi ħafna; jemmen li bosta forom ta’ relazzjonijiet atipiċi tal-impjiegi huma modi importanti għal carers, studenti u oħrajn li jiddependu minn kuntratti għal żmien qasir u xogħol part time, pereżempju, biex ikollhom dħul żejjed; jenfasizza li huwa vitali li l-ħaddiema f'relazzjonijiet ta’ impjieg atipiċi għandu jkollhom id-drittijiet minimi u għandhom ikunu protetti kontra l-isfruttament; |
9. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu t-tranżizzjonijiet f'impjiegi produttivi u ta’ sodisfazzjon ta’ kwalità għolja u biex jiżviluppaw id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tax-xogħol li effettivament jissalvagwardaw id-drittijiet tal-persuni li huma impjegati f'forom atipiċi ta’ xogħol, filwaqt li jiżguraw trattament ugwali ma’ ħaddiema b'kuntratti standard full-time fuq il-bażi tal-livell massimu ta’ protezzjoni tal-ħaddiema; |
10. |
Jirrakkomanda li l-ħaddiema b'kuntratti atipiċi jkunu koperti bid-Direttivi eżistenti tal-UE li jkopru l-kategoriji tal-ħaddiema fl-UE, inklużi d-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol (93/104/KE), id-Direttiva dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (2008/104/KE), id-Direttiva dwar ix-xogħol part time (97/81/KE) u d-Direttiva tal-Kunsill dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss (1999/70/KE); |
11. |
Jinnota li x-xejra lejn żieda fil-proporzjon ta’ kuntratti mhux standard jew atipiċi għandha dimensjoni qawwija interġenerazzjonali u hija marbuta mal-ġeneru sesswali, peress li l-ħaddiema nisa, dawk ta’ età kbira u l-ħaddiema żgħażagħ huma rrappreżentati b'mod sproporzjonat fl-impjiegi mhux standard; jinnota li xi setturi jgħaddu minn bidliet strutturali mgħaġġla; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvestigw ir-raġunijiet għal din ix-xejra, biex jieħdu miżuri speċifiċi xierqa fl-oqsma rilevanti għall-ġlieda kontra dan l-iżbilanċ, billi jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għal impjieg permanenti u, b'mod partikolari, billi jippromwovu miżuri li jippermettu sew lill-irġiel u sew lin-nisa jirrikonċiljaw ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, permezz ta’ konċentrazzjoni akbar fuq id-djalogu soċjali ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema fil-kumpaniji, u biex jissorveljaw u jippubbliċizzaw is-suċċess ta’ dawn il-miżuri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-rikors għal kuntratti mhux standard jew atipiċi ma jservix biex jaħbi l-impjiegi illeċiti iżda pjuttost biex jippromwovi, permezz tal-iskambju tal-ħiliet, it-tranżizzjoni ta’ żgħażagħ u persuni qiegħda lejn integrazzjoni effikaċi fid-dinja tax-xogħol billi jipprovdu lill-kumpaniji Ewropej b'kuntest ta’ flessibilità u sigurtà li jsaħħaħ kemm l-impjegabilità kif ukoll il-kompetittività tagħhom; |
12. |
Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni aktar effikaċi tad-Direttiva 97/81/KE dwar ix-xogħol part-time u d-Direttiva 1999/70/KE dwar ix-xogħol għal żmien fiss, filwaqt li jikkunsidraw b'mod partikolari l-prinċipju fundamentali tan-nondiskriminazzjoni; jenfasizza l-importanza tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja li jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor, li huwa partikolarment importanti għall-ħaddiema għal perjodu fiss; |
13. |
Jenfasizza li r-rikorrenza ta’ forom atipiċi ta’ impjieg għandha tkun għażla personali, u mhux impożizzjoni ddettata mill-ostakli li kulma jmorru qegħdin jiżdiedu għall-aċċess għas-suq tax-xogħol għal ċerti gruppi, jew in-nuqqas ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja; jinnota b'mod partikolari li, għal ħaddiema żvantaġġati f'diversi aspetti, kuntratti atipiċi mfassla individwalment li jiġu pprovduti minn impriżi soċjali ta’ integrazzjoni fix-xogħol jistgħu jkunu possibilità ta’ għażla billi huma l-ewwel skaluna għall-kisba ta’ impjieg; |
14. |
Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u jitlob li tiġi implimentata minnufih; |
15. |
Jinnota li forom atipiċi ta’ impjieg għandhom jagħtu b'kuntratt lill-ħaddiema d-dritt għal kors ta’ taħriġ u jenfasizza li l-forom mhux standard ta’ xogħol jistgħu, jekk ikunu protetti kif suppost u jkunu jinkludu appoġġ fl-oqsma tas-sigurtà soċjali, id-drittijiet tal-ħaddiema u t-tranżizzjoni għal impjieg protett u stabbli, jikkostitwixxu opportunità, iżda għandhom jimxu id f'id mal-appoġġ għall-ħaddiema li jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet ta’ tranżizzjoni minn impjieg jew status ta’ xogħol għal ieħor, permezz ta’ politiki speċifiċi għall-impjieg attiv; jiddeplora l-fatt li dan sikwit jingħata l-ġenb; |
16. |
Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki ta’ intervent attiv li jagħtu lill-ħaddiema, b'mod partikolari n-nisa, li jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol intitolament għal appoġġ individwali matul il-perjodu li jkun meħtieġ biex jiżviluppaw it-taħriġ u/jew ir-rikwalifikazzjoni tagħhom; il-persuni qiegħda għandhom jiġu appoġġati kemm permezz ta’ sistema soda ta’ sigurtà soċjali kif ukoll permezz ta’ sistema effiċjenti ta’ politiki attivi, sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol malajr anke jekk il-kuntratti preċedenti tagħhom kienu atipiċi, u l-kunsiderazzjoni importanti għandha tkun li l-persuni jinżammu fis-suq tax-xogħol u li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tagħhom għal forom ta’ impjiegi deċenti, stabbli, protetti, u ta’ kwalità għolja; jekk id-dħul mill-ġdid tagħhom isir permezz ta’ kuntratti atipiċi, dawn il-kuntratti għandhom jiggarantixxu kundizzjonijiet irregolati tajjeb u kundizzjonijiet ta’ xogħol sikuri; |
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex, bl-għajnuna tas-sħab soċjali, tanalizza u tissorvelja t-tipi differenti ta’ strumenti żviluppati fil-politiki nazzjonali ta’ attivazzjoni; |
18. |
Jistieden lill-Unjoni u l-Istati Membri biex, bl-għajnuna tas-sħab soċjali, jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-impjieg illeċitu, b'mod partikolari permezz ta’ pieni ta’ prevenzjoni li jservu ta’ deterrent, u jemmen li strateġiji ta’ definizzjoni, inkluż fil-livell Ewropew, li jopponu l-impjieg illeċitu jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-impjiegi illeċitu u biex jonqsu r-relazzjonijiet ta’ impjieg mhux sikur, b'mod speċjali dak 'atipiku'; hu tal-fehma li l-ġlieda kontra impjiegi illeċiti għandha tkun akkumpanjata minn miżuri li joħolqu impjiegi alternattivi vijabbli u sostenibbli, u li jappoġġaw lill-persuni biex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol miftuħ; |
19. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja, sostenibbli u sikuri, jekk ikun meħtieġ wara perjodu ta’ taħriġ li jkun immirat għal impjieg sostenibbli u full-time, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi u dawk fis-settur tas-saħħa, u li tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali; |
20. |
Jenfasizza li mhux il-forom kollha ta’ impjieg atipiku jwasslu bilfors għal impjiegi instabbli, insikuri u każwali b'livell aktar baxx ta’ ħarsien taa-sigurtà soċjali, b'pagi baxxi u aċċess limitat għal aktar taħriġ u tagħlim tul il-ħajja; jenfasizza, madankollu, li forom prekarji ta’ impjieg bħal dawn huma sikwit marbuta ma’ arranġamenti kuntrattwali atipiċi; |
21. |
Jinnota li l-qgħad għoli u s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol jeħtieġ li jingħelbu billi l-ħaddiema kollha jingħataw drittijiet ugwali u jsir investiment fil-ħolqien tal-impjiegi, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, ineħħu gradatament kull forma ta’ impjieg prekarju; |
22. |
Jinnota li t-tneħħija gradata tal-impjiegi prekarji teħtieġ impenn qawwi mill-Istati Membri biex jipprovdu “skaluni”, permezz tal-politiki tagħhom dwar is-suq tax-xogħol, għat-tranżizzjoni minn impjiegi prekarji għal impjiegi regolari permanenti b'titjib fid-drittijiet tal-ħaddiema u l-ħarsien soċjali; |
23. |
Jenfasizza l-fatt li l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jirrikonċiljaw ix-xogħol mal-ħajja privata; jikkritika, madankollu, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għan-nuqqas tagħhom li jieħdu azzjoni sinifikattiva u effikaċi biex dan l-impenn jonorawh fil-prattika; |
24. |
Jinnota li t-titjib fir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata jista' jinkiseb bl-aħjar mod billi jiġi aġġornat il-mudell tal-impjieg standard: kuntratti permanenti b'impjieg full-time iqsar bħala n-norma ġenerali, u l-introduzzjoni ta’ normi għall-impjieg part-time, hekk li x-xogħol part-time sostanzjat u soċjalment protett (15-25 siegħa fil-ġimgħa) jiġi offrut lil dawk li jixtiequ jaħdmu part-time; jisħaq fuq il-ħtieġa li x-xogħol full-time u x-xogħol part-time jitqiegħdu fl-istess livell f'dak li jikkonċerna s-salarju fis-siegħa, id-dritt għall-edukazzjoni u għat-tagħim tul il-ħajja, l-opportunitajiet ta’ karrieri u l-protezzjoni soċjali; |
B. Il-flessigurtà u l-karrieri professjonali sikuri
25. |
Jemmen li huwa essenzjali li l-perspettiva attwali dwar il-flessigurtà tiġi aġġornata fil-livell Ewropew fid-dawl tal-kriżi preżenti, biex tiġi faċilitata ż-żieda kemm tal-produttività kif ukoll tal-kwalità tal-impjiegi billi jiġu garantiti s-sigurtà u l-protezzjoni tal-impjieg u tad-drittijiet tal-ħaddiema, b'appoġġ speċjali għal persuni li huma żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, filwaqt li tippermetti l-flessibilità organizzattiva li l-kumpaniji għandhom bżonn biex joħolqu l-impjiegi bħala reazzjoni għall-bżonnijiet tas-suq li dejjem qed jinbidlu; huwa tal-opinjoni wkoll li l-implimentazzjoni ġusta u bbilanċjata tal-prinċipji tal-flessigurtà tista' tiffaċilita li s-swieq tax-xogħol isiru aktar robusti fil-każ ta’ tibdil strutturali; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-flessibilità u r-rekwiżiti ta’ sigurtà u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol mhumiex kontradittorji u jistgħu jirrinforzaw lil xulxin jekk jiġu stabbiliti permezz ta’ paragun ġust tal-opinjonijiet tas-sħab soċjali, il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet Ewropej, flimkien mat-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ prattiki tajba; jemmen li fis-snin reċenti dawk ir-rekwiżiti ma ġewx riflessi adegwatament fir-riżultati tat-tkabbir tal-impjiegi fl-Ewropa; |
26. |
Jenfasizza li hemm problema li qed tikber b'rata mgħaġġla fir-rigward tal-ħaddiema indipendenti “foloz”, li ta’ spiss jiġu sfurzati minn min iħaddimhom jaħdmu b'kundizzjonijiet ħżiena ħafna; dawk li jħaddmu u li jużaw il-kapaċità tax-xogħol ta’ impjegati indipendenti “foloz” għandu jkollhom pieni imposti fuqhom; |
27. |
Jemmen li l-flessigurtà ma tistax topera kif suppost mingħajr ma tingħata protezzjoni soċjali b'saħħitha u appoġġ lil min jerġa' jidħol fis-suq tax-xogħol, li huma elementi essenzjali waqt it-tranżizzjonijiet mill-edukazzjoni għall-impjieg, bejn xogħol u ieħor, u mill-impjieg għall-irtirar; |
28. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tistinka biex tinkiseb l-implimentazzjoni bbilanċjata tal-politiki tal-flessigurtà billi tippreżenta analiżi tas-sitwazzjoni attwali rigward l-implimentazzjoni fid-diversi Stati Membri u billi tiċċekkja li l-miżuri tal-flessibilità jkunu ġew akkompanjati adegwatament minn miżuri ta’ sigurtà, u biex tgħin lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali fl-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ flessigurtà sabiex jiġu applikati f'konformità mad-drittijiet soċjali miksuba fil-livell Ewropew u skont in-natura speċifika tad-diversi swieq tax-xogħol u t-tradizzjonijiet diversi fir-rigward ta’ politiki tax-xogħol u ta’ negozjati kollettivi u tal-istruttura tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, u jenfasizza li t-tagħlim reċiproku, l-iskambju ta’ prattika tajba u l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni huma għodod essenzjali għall-koordinazzjoni tad-diversi approċċi strateġiċi tal-Istati Membri; |
29. |
Jemmen li, speċjalment fil-kuntest tal-qagħda ekonomika preżenti, l-implimentazzjoni tal-flessigurtà fl-Istati Membri hija saħansitra aktar meħtieġa u li s-sħab soċjali jappoġġaw biss ir-riformi tal-liġijiet tax-xogħol u tas-suq tax-xogħol jekk huma jkunu jridu jnaqqsu b'mod effikaċi d-differenzi fit-trattament bejn it-tipi differenti ta’ kuntratti; jirrimarka li l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ flessibilità teħtieġ protezzjoni soċjali xierqa, biex jiġi żgurat li n-nies jistgħu jgħixu u jiżviluppaw, flimkien ma’ appoġġ speċjali għal dawk li jfittxu x-xogħol u liġijiet tax-xogħol solidi għal kull tip ta’ impjieg ibbażati fuq qafas istituzzjonali ċar, u jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn mekkaniżmi ta’ protezzjoni akbar biex tiġi evitata t-tbatija; |
30. |
Jenfasizza li t-talba għal livell għoli ta’ flessibilità fuq il-post tax-xogħol m'għandhiex tasal sal-punt li tirrestrinġi bil-kbir il-ħajja u l-iżvilupp tan-nies u li tagħmilha diffiċli ħafna li jistabbilixxu u jsostnu familja, li jieħdu ħsieb il-qraba u li jipparteċipaw fil-ħajja tas-soċjetà; |
31. |
Jenfasizza l-importanza tal-aspett tas-sigurtà fil-flessigurtà, li jeħtieġ li jipprovdi għajnuna lill-ħaddiema li jkunu qed ifittxu x-xogħol u li jkunu f'sitwazzjonijiet ta’ tranżizzjoni u jiggarantixxi li jkollhom kundizzjonijiet deċenti tal-għajxien; dan l-appoġġ għandu jinkuldi miżuri adegwati ta’ taħriġ biex in-nies ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għan-neċessitajiet tas-suq tax-xogħol; |
32. |
Jemmen li l-kumpaniji jibżgħu minn nuqqas ta’ qbil persistenti bejn il-ħtiġijiet tagħhom u l-kompetenzi offruti minn dawk li jfittxu x-xogħol, li m'għandhomx aċċess għall-kreditu li jippermettilhom jirreklutaw u jinvestu u ma jinvestux biżżejjed fis-suq tax-xogħol, u jenfasizza l-importanza, fil-kuntest tal-kriżi ekonomika kurrenti, tal-iżvilupp ta’ viżjoni fit-tul mis-sistema ta’ produzzjoni Ewropea; il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għan-negozju, riżorsi finanzjarji adegwati u l-għoti ta’ kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol;u t-tisħiħ taċ-ċertezza legali u tat-trasparenza kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema fir-rigward tal-ambitu, il-kopertura u l-infurzar tal-liġi tax-xogħol; |
33. |
Jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni, is-sejba u l-pieni għall-impjieg illeċitu; jistieden lill-Kummissjoni tfassal sett ta’ inizjattivi konkreti, inklużi regoli speċifiċi li jittrattaw il-“kumpaniji li jservu ta’ kaxxa tal-ittri”, dispożizzjonijiet dwar responsabilità konġunta u separata fil-katini tas-sottokuntrattar u l-ħolqien ta’ Aġenzija tal-UE għall-prevenzjoni u s-sejba tal-impjieg illeċitu; |
34. |
Jemmen li, minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, f'xi Stati Membri l-kumpaniji mhux qed jirnexxilhom isibu fis-suq tax-xogħol il-forom tal-kuntratt li l-aktar jippermettulhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom għall-flessibilità meħtieġa biex jirrispondu għall-bidliet mhux mistennija fid-domanda tas-suq, għal-limitazzjoni tal-ispejjeż, u għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-ħaddiema; |
35. |
Jitlob, fil-kuntest tal-organizzazzjoni moderna tax-xogħol, li jinħolqu arranġamenti kuntrattwali flessibbli u siguri li jiżguraw it-trattament ugwali; jemmen bil-qawwa li l-kuntratti tax-xogħol ta’ perjodu indefinit għandhom jibqgħu l-forma ewlenija ta’ impjieg u jqis li, fil-kuntest tal-organizzazzjoni moderna tax-xogħol, għandha ssir dispożizzjoni għall-kuntratti li huma flessibbli f'termini ta’ arranġamenti tax-xogħol u li huma siguri fir-rigward tad-drittijiet u l-protezzjoni tal-impjieg; jirrikonoxxi li d-definizzjoni tal-qafas legali għall-kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit u l-mod li bih huma marbuta mal-kunċett tal-flessigurtà fil-liġi nazzjonali tax-xogħol huma ta’ importanza kruċjali għall-aċċettazzjoni tagħhom min-negozji u minn dawk li jħaddmu; |
36. |
Jikkundanna bil-qawwa s-sostituzzjoni ta’ impjiegi regolari b'forom ta’ kuntratti atipiċi li jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet tax-xogħol aktar baxxi u inċerti u mhux għal kundizzjonijiet regolari tal-impjieg u li huma b'detriment tal-pubbliku ġenerali, l-impjegati u l-kompetituri; jenfasizza li prattika abbużiva bħal din tikser u tista' tiddestabilizza l-mudell soċjali Ewropew, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jużaw il-mezzi kollha neċessarji biex jiġġieldu kontra din il-prattika abbużiva għal żmien fit-tul, pereżempju billi jimponu pieni aktar ibsin; |
37. |
Jemmen b'mod qawwi li, meta jitqiesu t-tradizzjonijiet differenti fl-Istati Membri, kwalunkwe forma ta’ impjieg għandu jkollha marbuta magħha għadd ta’ drittijiet, li għandhom jinkludu: il-pagi għall-għajxien u l-eliminazzjoni tad-differenzi fil-pagi abbażi tas-sess u l-etniċità; il-protezzjoni soċjali xierqa; in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali fit-tfittxija għall-impjieg u fl-impjieg, fit-taħriġ u fl-iżvilupp tal-karriera; il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol/tal-mistrieħ, id-drittijiet tal-pensjoni, il-libertà tal-assoċjazzjoni u tar-rappreżentanza, in-negozjar kollettiv, l-azzjoni kollettiva, l-aċċess għat-taħriġ u l-progress fil-karriera, kif ukoll il-protezzjoni f'każ ta’ telf ta’ impjieg; |
38. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jinvestu fil-ħiliet u fit-taħriġ biex jappoġġaw l-impjiegi stabbli u sostenibbli; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri jinvestu fil-persuni billi jimplimentaw u jiffinanzjaw b'mod vigoruż strateġiji ta’ tagħlim maħsuba għall-ħtiġijiet tas-suq, u r-rikonoxximent ta’ ħiliet u kompetenzi mhux formali, filwaqt li jirrispettaw l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja; jistieden ukoll lill-Istati Membri jintroduċu miżuri f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiggarantixxu li kull żagħżugħ li jitlaq mill-iskola jkollu aċċess għal xogħol, edukazzjoni għolja jew inkella biex jieħu taħriġ vokazzjonali; |
39. |
Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki li jippermettu n-nies kollha, inklużi dawk l-aktar dgħajfa u l-iktar żvantaġġati, li jkollhom aċċess effikaċi għas-suq tax-xogħol u li jsibu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol flessibbli u l-kura, il-ħajja privata u tal-familja, li jiżguraw appoġġ qawwi għall-opportunitajiet ugwali u għas-servizzi kollha meħtieġa għal dak l-iskop, pereżempju permezz ta’ miżuri li jakkumpanjawhom bħal-lif tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri, ħinijiet flessibbli tax-xogħol, u faċilitajiet għall-kura tat-tfal li jkunu aċċessibbli, disponibbli u bi ħlas raġonevoli; |
40. |
Jistieden lill-Istati Membri jfasslu politiki bl-għan li joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol; jirrikonoxxi r-responsabilità u r-riskji li jħabbtu wiċċhom magħhom dawk li joħolqu l-impjiegi, inklużi dawk li huma b'kuntratti atipiċi; |
41. |
Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jippermettu lill-ħaddiema jerġgħu jibdew jaħdmu wara l-lif tal-ġenituri, wara li jkunu ħadu taħriġ ta’ aġġornament jekk ikollhom bżonn; |
42. |
Jirrakkomanda bil-qawwa li l-inizjattiva tal-UE għall-impjiegi għandha tinkludi intervent bikri b'appoġġ għal dawk li huma qiegħda fil-mument meta fil-fatt jintilfu l-impjiegi, jekk xejn sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-persuni jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol u li jintilef il-kapital uman li dawn jikkostitwixxu; |
43. |
Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-iskemi ta’ appoġġ, speċjalment għal dawk li għandhom ftit kompetenzi professjonali, permezz ta’ approċċi ta’ mogħdija, konsultazzjonijiet personalizzati, taħriġ (mill-ġdid) intensiv tal-ħaddiema, impjiegi ssussidjati u għotjiet tal-bidu għal min jaħdem għal rasu u għan-negozji; jenfasizza speċifikament, madankollu, li din l-għajnuna trid tkun strutturata b'mod li l-impjiegi regolari ma jiġux sostitwiti; |
44. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeliminaw il-piżijiet amministrattivi, fejn ma jservux biex jipproteġu l-interessi tal-ħaddiema, biex jiffaċilitaw l-ambjent tan-negozju, speċjalment għall-SMEs, iżda jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li t-tibdil ma jkollux implikazzjonijiet fuq is-sikurezza jew is-saħħa tal-impjegati; jiġbed l-attenzjoni li l-SMEs huma, minħabba l-għadd kbir tagħhom, l-aġenti ewlenin fil-ġlieda kontra l-qgħad fl-UE; jenfasizza l-importanza li jiġu kkunsidrati, meta jkunu qed jitfasslu l-politiki tal-impjieg li jikkonċernawhom, il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u dawk tat-territorju li huma lokalizzati fih; |
45. |
Jistieden lill-Istati Membri jirrappurtaw dwar l-istat attwali fir-rigward tal-ħsieb u tal-implimentazzjoni tal-mogħdijiet tal-flessigurtà; |
46. |
Jiddispjaċih għall-approċċ dejjaq tal-Kunsill u l-Kummissjoni lejn il-flessigurtà; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkommettu lilhom infushom għal aġenda ta’ Xogħol ta’ Kwalità u li jinkorporawha fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-Linji gwida Integrati u l-Istrateġija Ewropea tal-Impjiegi: il-promozzjoni tas-sigurtà fix-xogħol u l-impjieg, l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għal politiki ta’ suq attiv tal-ħaddiema u t-tagħlim tul il-ħajja, is-saħħa u s-sikurezza komprensivi fuq ix-xogħol, id-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema universali u ugwali għal kulħadd, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja mhix marbuta max-xogħol, it-titjib tal-kwalità tal-impjieg u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol; |
47. |
Jitlob lill-Istati Membri ma jippermettux il-qgħad għal raġunijiet ekonomiċi, sakemm isir kull sforz biex jerġgħu jitħarrġu l-ħaddiema; |
C. Forom ġodda ta’ djalogu soċjali
48. |
Jemmen li r-rikonoxximent formali tar-rwol tas-sħab soċjali fit-Trattat il-ġdid huwa progress, peress li jirrikonoxxi l-awtonomija tagħhom u jerġa' jafferma l-importanza tar-rwol tagħhom fil-promozzjoni tad-djalogu soċjali, u jenfasizza hawnhekk l-importanza partikolari tad-djalogu soċjali settorjali, fejn issa hemm rappreżentati 40 settur; |
49. |
Huwa mħasseb, madankollu, dwar l-impatt tad-deċiżjoni reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-każ Laval, Rüffert, Viking u Lussemburgu dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà ta’ azzjoni biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol; |
50. |
Huwa tal-opinjoni li r-rikonoxximent tas-Samit Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi bħala korp istituzzjonali jikkontribwixxi għall-involviment tas-sħab soċjali fil-politiki ekonomiċi tal-UE; |
51. |
Jemmen li l-kontribut tas-sħab soċjali Ewropej u nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tintlaħaq l-istrateġija UE2020 huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-ilħuq tal-miri tal-impjiegi u l-aġġornament u l-implimentazzjoni tal-aġenda tal-flessigurtà; |
52. |
Jistieden lill-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali jkunu responsabbli għas-sitwazzjoni tal-“barranin” (impjegati b'kuntratti atipiċi jew “atipiċi ħafna”) u biex jiżguraw li d-drittijiet u r-rekwiżiti ta’ protezzjoni soċjali tagħhom ikunu bbilanċjati ma’ dawk “ta' ġewwa”; |
53. |
Jistieden lis-sħab soċjali fil-livell Ewropew u nazzjonali jappoġġjaw l-investiment fi strateġiji tat-tagħlim maħsuba għall-ħtiġijiet tas-suq u jilqa' l-“Qafas ta’ azzjonijiet għall-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja tal-kompetenzi u l-kwalifiki” diġà nnegozjat mis-sħab soċjali; |
54. |
Jemmen li n-nies involuti fil-miżuri tal-inklużjoni tas-suq tax-xogħol jew miżuri biex jippreparawhom jidħlu (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu dawn is-servizzi għalihom jew li jirrappreżentawhom, għandhom ikunu parti mill-qafas, l-implimentazzjoni u t-twassil ta’ politiki li qed jaffettwawhom; |
55. |
Jinnota li l-involviment tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki u fl-implimentazzjoni jvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor, iżda li ġeneralment ix-xejra hi li jsir użu ta’ taħlita usa' ta’ strumenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika; jemmen li l-kwalità tar-rikonoxximent soċjali u istituzzjonali li jgawdu minnha s-sħab soċjali għandha tittejjeb aktar fil-livell nazzjonali u għandha tkun aktar sostanzjali fin-natura tagħha, peress li hija fattur determinanti importanti tal-kwalità tal-kontribut tagħhom; jenfasizza b'mod partikolari, madankollu, li l-kwalità tad-djalogu soċjali jvarja ħafna minn pajjiż għall-ieħor u minn settur għall-ieħor, u jħeġġeġ bil-qawwa s-sħab soċjali jiżviluppaw “sħubija soċjali” ġenwina fil-livelli kollha; |
56. |
Jemmen li n-negozjar kollettiv wera li hu strument effikaċi biex jinżammu l-impjiegi u biex jippermetti lin-nies li jħaddmu u l-impjegati jsibu soluzzjonijiet effiċjenti biex jilqgħu għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku; jinnota li f'dan ir-rigward, l-importanza ta’ kunsens qawwi bejn is-sħab soċjali fis-sistemi nazzjonali fejn il-protezzjoni tal-liġi tax-xogħol hija stabbilita għall-minimu; |
57. |
Huwa konvint li d-djalogu soċjali b'suċċess fuq il-post tax-xogħol huwa determinat l-aktar mill-faċilitajiet li għandhom ir-rappreżentanti tal-impjegati fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-informazzjoni ta’ kwalità, it-taħriġ regolari u ħin suffiċjenti; |
58. |
Huwa konvint li r-rwol tal-gvernijiet huwa deċiżiv biex jiġu pprovduti l-prekundizzjonijiet għal negozjar kollettiv inklużiv u effikaċi u biex jiġu inklużi strutturi tripartitiċi għall-involviment tas-sħab soċjali b'mod sostanzjali u istituzzjonalment formalizzat, u fuq bażi ugwali, fit-tfassil tal-politika pubblika, skont il-prattika u t-tradizzjonijiet nazzjonali; |
*
* *
59. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali, lill-Kumitat Ewropew għall-Impjiegi, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati. |
(1) Testi adottati, P6_TA(2009)0123.
(2) Testi adottati, P6_TA(2008)0466.
(3) Testi adottati, P6_TA(2007)0574.
(4) Testi adottati, P6_TA(2007)0339.
(5) Testi adottati, P6_TA(2009)0371.