Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0262

    Il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta’ Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat (2009/2221(INI))

    ĠU C 351E, 2.12.2011, p. 29–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 351/29


    It-Tlieta 6 ta’ Lulju 2010
    Il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat

    P7_TA(2010)0262

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat (2009/2221(INI))

    2011/C 351 E/05

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-dokument ta’ evalwazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona (SEC(2010)0114),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa (COM(2008)0868),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Anness għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Ħiliet Ġodda għall-Impjieg Ġodda (SEC(2008)3058),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Impenn Komuni għall-Impjiegi (COM(2009)0257),

    wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008) 0426),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, adottata fi Brussell fid-9 ta’ Marzu 2009,

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u fuq ix-xogħol (1),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà (COM(2007)0498), akkumpanjata mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Impjieg taż-żgħażagħ fl-UE (SEC(2007)1093),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2008 dwar il-progress imwettaq fl-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni fl-UE (it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE) (2),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni. Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ (COM(2009)0200),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (3),

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ (COM(2009)0329),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni intitolat l-Impjiegi fl-Ewropa 2009, Novembru 2009,

    wara li kkunsidra r-rapport indipendenti intitolat Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Azzjoni Issa mħejji għall-Kummissjoni, li jipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar aktar żvilupp tal-inizjattiva fil-kuntest tal-istrateġija futura tal-UE għall-2020 għat-tkabbir u l-impjiegi, Frar 2010,

    wara li kkunsidra r-rapport indipendenti intitolat Aċċess għax-Xogħol: Prattiki attwali u ħtiġijiet futuri għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ, Iż-żgħażagħ li għandhom Impjieg u dawk Qiegħda: Naħsbu dwar l-integrazzjoni aħjar tagħhom fis-suq tax-xogħol, ikkummissjonat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Proġett taż-Żgħażagħ (ir-Rapport Finali dwar iż-Żgħażagħ, Settembru 2008),

    wara li kkunsidra r-riċerka tal-Eurofound dwar iż-Żgħażagħ u l-Impjiegi, Marzu 2007,

    wara li kkunsidra l-istudju tas-Cedefop dwar Il-professjonalizzazzjoni tal-gwida għall-karrieri: Ħiliet tal-professjonist u r-rotot għall-kwalifiki fl-Ewropa, Marzu 2009,

    wara li kkunsidra r-riċerka tas-Cedefop dwar Ħiliet għall-futur tal-Ewropa: antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet okkupazzjonali, Mejju 2009,

    wara li kkunsidra r-raba' rapport tas-Cedefop dwar l-edukazzjoni vokazzjonali u riċerka dwar it-taħriġ fl-Ewropa: rapport ta’ sintesi intitolat Nimmodernizzaw l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, Diċembru 2009,

    wara li kkundsidra l-Ħarsa Ġenerali lejn l-Impjieg 2008 tal-OECD intitolata Ser Nibdew bit-Tajjeb? Tranżizzjonijiet għas-Suq tax-Xogħol taż-Żgħażagħ f'Pajjiżi tal-OECD, Novembru 2008,

    wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ li għandu l-għan li jippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni, l-impjiegi u s-soċjetà, Marzu 2005,

    wara li kkunsidra l-Petizzjoni 1452/2008 mis-Sra Anne-Charlotte Bailly, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, f'isem il-Génération Précaire, dwar apprendistat ġust u aċċess xieraq taż-żgħażagħ għas-Suq Ewropew tax-Xogħol,

    wara li kkunsidra s-sentenza (C-555/07) tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, Jannar 2010,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar id-djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji: sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej (4),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0197/2010),

    A.

    billi l-kriżi ekonomika kkawżat żieda qawwija fir-rata tal-qgħad fl-Istat Membri tal-UE; billi ż-żgħażagħ ġew affettwati b'mod sproporzjonat minn din it-tendenza; billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ qed tiżdied aktar bil-qawwi fir-rigward tar-rata medja tal-qgħad; billi aktar minn 5.5 miljun żgħażugħ fl-UE taħt il-25 sena kienu qiegħda f'Diċembru 2009, ekwivalenti għal 21,4 % taż-żgħażagħ kollha, u dan joħloq paradoss li filwaqt li ż-żgħażagħ, minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, huma l-bażi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, fl-istess ħin dawn qed jibqgħu fil-marġini ekonomika,

    B.

    billi hemm ftit possibilitajiet għaż-żgħażagħ biex isibu impjieg permanenti regolari; billi ż-żgħażagħ prinċiparjament jidħlu fis-suq tax-xogħol permezz ta’ forom ta’ impjieg atipiċi, verament flessibbli, insiguri u inċerti (part time marġinali, impjieg temporanju u għal terminu fiss etc.), u l-probabilità li dan ikun pass 'il quddiem lejn impjieg permanenti hija waħda baxxa,

    C.

    billi jidher li min iħaddem qed juża t-taħriġ u l-internships iktar ta’ spiss biex jissostitwixxi impjieg regolari, billi jisfrutta l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ meta jkunu qed jippruvaw jidħlu fis-suq tax-xogħol; billi tali forom ta’ sfruttament taż-żgħażagħ jeħtieġ li jiġu indirizzati u eliminati b'mod effikaċi mill-Istati Membri,

    D.

    billi erbgħa mill-għaxar miżuri adottati fis-samit straordinarju tal-UE ta’ Praga fl-2009 dwar l-impjiegi jirrigwardaw l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja, l-apprendistati, l-iffaċilitar tal-mobilità, u tbassir aħjar tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u ħiliet komplementari,

    E.

    billi l-qgħad u rata baxxa ta’ impjiegi taż-żgħażagħ jimponu spejjeż soċjali u ekonomiċi kbar, li jirriżultaw fit-telf ta’ opportunitajiet għal tkabbir ekonomiku, erożjoni tal-bażi tat-taxxa li ddgħajjef l-investiment fl-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi, żieda fl-ispejjeż tal-għajnuna soċjali, investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ mhuwiex użat biżżejjed u r-riskju ta’ qgħad u esklużjoni soċjali fuq medda twila ta’ żmien,

    F.

    billi ġenerazzjonijiet iżgħar se jkollhom inaqqsu d-dejn pubbliku enormi kkawżat mill-ġenerazzjoni preżenti,

    G.

    billi l-previżjonijiet ekonomiċi u demografiċi juru li se jiżdiedu 80 miljun opportunità ta’ xogħol fl-UE fl-għaxar snin li ġejjin, li l-maġġoranza tagħhom ser ikunu jeħtieġu ħaddiema li huma mħarrġa sew fis-sengħa tagħhom; billi r-rata ta’ impjegar għal persuni b'livelli għolja ta’ ħiliet madwar l-Ewropa inġenerali hija ta’ madwar 85 %, għal persuni b'livelli medji hija ta’ 70 % u għal dawk b'livelli baxxi ta’ 50 %,

    H.

    billi t-tkabbir ekonomiku huwa kruċjali għall-ħolqien tal-impjieg, minħabba li aktar ma jkun hemm tkabbir ekonomiku aktar se jkun hemm possibilitajiet ta’ impjieg; billi aktar minn 50 % tal-impjiegi l-ġodda fl-Ewropa jinħolqu mill-SMEs,

    I.

    billi t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u bejn l-impjiegi hija sfida strutturali għaż-żgħażagħ madwar l-UE kollha; billi l-apprendistati għandhom impatt ġeneralment pożittiv fuq l-aċċess taż-żgħażagħ għall-impjieg, partikolarment jekk jippermettu l-akkwist intern dirett tal-ħiliet tax-xogħol u tal-għarfien,

    J.

    billi l-programmi ta’ edukazzjoni għandhom jitjiebu b'mod sinifikanti, filwaqt li għandhom jiġu inkoraġġiti sħubijiet università-negozju, skemi effiċjenti ta’ apprendistat, self għall-iżvilupp tal-karriera u investiment fit-taħriġ ipprovdut minn dawk li jħaddmu,

    K.

    billi ż-żgħażagħ sikwit jaffaċċjaw diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età meta jidħlu fis-suq tax-xogħol u meta jkunu qed jitnaqqsu l-impjiegi; billi hu iktar probabbli li żgħażagħ nisa jaffaċjaw il-qgħad u l-faqar, jew li jkunu impjegati b'mod każwali jew mhux iddikjarat, minn żgħażagħ irġiel; billi mil-lat l-ieħor iż-żgħażagħ irġiel intlaqtu l-aktar mill-qgħad minħabba l-kriżi ekonomika attwali; billi ż-żgħażagħ b'diżabilità jħabbtu wiċċhom ma’ ostakoli anke ikbar fir-rigward tal-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol,

    L.

    billi permezz ta’ xogħol diċenti ż-żgħażagħ, minn dipendenti soċjalment ikunu jistgħu jsiru awtosuffiċjenti, u b'hekk ikunu jistgħu jaħarbu l-faqar u jikkontribwixxu b'mod attiv għas-soċjetà, ekonomikament u soċjalment; filwaqt li leġiżlazzjoni f'ċerti Stati Membri tintroduċi d-diskriminazzjoni skont l-età permezz ta’ limiti għad-drittijiet taż-żgħażagħ li huma bbażati biss fuq l-età, bħal-livelli aktar baxxi ta’ pagi minimi għaż-żgħażagħ fir-Renju Unit, aċċess limitat għar-Revenu de solidarité active fi Franza u l-benefiċċji mnaqqsa għall-qgħad taż-żgħażagħ fid-Danimarka, li kollha kemm huma, minkejja li huma maħsuba biex iħaddmu liż-żgħażagħ, mhumiex aċċettabbli u jistgħu jkollhom l-effett oppost billi jipprevjenu liż-żgħażagħ milli jidħlu f'ħajja ekonomikament indipendenti, partikolarment fi żminijiet ta’ kriżi fejn ikun hemm livell ogħli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ,

    M.

    billi l-punti ta’ referenza tal-Istrateġija ta’ Lisbona dwar iż-żgħażagħ u l-modernizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali (ETV) ma ntlaħqux bis-sħiħ,

    N.

    billi l-flessigurtà kienet l-istrateġija ġenerali għas-swieq tax-xogħol tal-UE li jimmiraw għall-kuntratti flessibbli u affidabbli, it-tagħlim tul il-ħajja, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u s-sigurtà soċjali; billi sfortunatament, din l-istrateġija f'bosta pajjiżi ġiet interpretata b'mod ristrett bħala “flessibilità” u b'hekk intilfet kull perspettiva ta’ approċċ olistiku u ta’ sigurtà fl-impjieg u sigurtà soċjali,

    O.

    billi bħala riżultat tal-bidla demografika wara l-2020, in-nuqqas kbir ta’ ħaddiema b'ħiliet se jaffettwa bil-kbir iż-żona ekonomika Ewropea u din it-tendenza tista' tiġi ffaċċjata biss permezz ta’ livell adegwat ta’ edukazzjoni, taħriġ u taħriġ mill-ġdid,

    P.

    billi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għandhom ir-rwol tagħhom fl-istruttura ekonomika Ewropea kemm minħabba l-għadd numeruż tagħhom kif ukoll minħabba r-rwol strateġiku tagħhom fil-ġlieda kontra l-qgħad,

    1.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu approċċ ibbażat fuq id-drittijiet lejn iż-żgħażagħ u l-impjiegi. L-aspett kwalitattiv ta’ xogħol diċenti għaż-żgħażagħ m'għandux ikun kompromess, l-istandards ewlenin tax-xogħol u standards oħra marbuta mal-kwalità tax-xogħol, bħall-ħin tax-xogħol, il-paga minima, is-sigurtà soċjali, u s-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, għandhom ikunu kunsiderazzjonijiet ċentrali fl-isforzi li qed isiru;

    Il-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar u l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol

    2.

    Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiddefinixxu strateġija tal-impjiegi għall-UE li tgħaqqad strumenti finanzjarji u politiki tal-impjieg sabiex jiġi evitat it-“tkabbir tal-qgħad”, u li tinvolvi t-twaqqif ta’ punti ta’ referenza ambizzjużi għall-impjiegi taż-żgħażagħ; jinkoraġġixxi bis-sħiħ li l-istrateġija tax-xogħol ikollha fokus speċjali fuq l-iżvilupp ta’ impjiegi ekoloġiċi u impjiegi fl-ekonomija soċjali, filwaqt li jiġi żgurat li l-Parlament ikun involut fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

    3.

    Jenfasizza kemm huwa importanti għall-Istati Membri li jiżviluppaw impjiegi ħodor, pereżempju billi jipprovdu taħriġ f'teknoloġiji ambjentali;

    4.

    Jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu inċentivi effiċjenti, bħas-sussidji tal-impjieg jew il-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għaż-żgħażagħ li jiggarantixxu kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol diċenti; sabiex min iħaddem fis-settur pubbliku u privat ikun imħeġġeġ biex iħaddem liż-żgħażagħ, jinvesti kemm fil-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ, u kemm fit-taħriġ u t-titjib kontinwu tal-ħiliet tagħhom matul l-impjieg u sabiex jappoġġa l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ; jinnota r-rwol speċjali u l-importanza tal-intrapriżi żgħar rigward l-għardien espert u l-għarfien tradizzjonali; iħeġġeġ biex jiġi żgurat l-aċċess taż-żgħażagħ għall-Faċilità Ewropea għall-Mikrofinanzja li ġiet stabbilita reċentement;

    5.

    Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni intraprenditorjali, li hija parti integrali mill-proċess tal-ksib tal-ħiliet meħtieġa għal tipi ġodda ta’ impjiegi;

    6.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw politiki ambizzjużi dwar it-taħriġ taż-żgħażagħ;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi u tappoġġa – fil-kunsiderazzjoni tas-sħubijiet nazzjonali ta’ benefiċċju bejn l-iskejjel, l-universitajiet, l-intrapriżi u l-imsieħba soċjali – proġetti pilota fis-setturi l-ġodda ta’ żvilupp strateġiku li jipprovdu taħriġ xieraq xjentifiku u teknoloġiku u orjentat lejn l-impjieg għaż-żgħażagħ, u speċjalment għan-nisa, sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-kompetittività fi ħdan l-intrapriżi, bl-użu ta’ għotjiet għall-istudju, apprendistati b'livell ta’ edukazzjoni ogħla u kuntratti tax-xogħol mhux atipiċi;

    8.

    Jistieden lill-universitajiet biex jagħmlu kuntatt ma’ min iħaddem fi stadju bikri u jipprovdu l-opportunità lill-istudenti biex jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu għas-suq tax-xogħol;

    9.

    Jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu miżuri mifruxa ħafna maħsuba biex jistimulaw l-ekonomija, bħal tnaqqis fit-taxxa u tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq l-SMEs, sabiex ikun hemm tkabbir u jinħolqu impjiegi ġodda, b'mod speċjali għaż-żgħażagħ;

    10.

    Jittama li l-mikroself jittieħed b'suċċess miż-żgħażagħ; iqis li l-fundaturi tan-negozji l-ġodda għandhom jingħataw pariri konsistenti u professjonali;

    11.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jistabbilixxu politiki inklussivi u mmirati għas-suq tax-xogħol li jiżguraw l-inklużjoni dinjituża u xogħol li għandu skop għaż-żgħażagħ, eż. permezz tat-twaqqif ta’ netwerks inspirazzjonali, arranġamenti għal min jitħarreġ li jinkludu għajnuna finanzjarja sabiex min jitħarreġ ikun jista'jmur joqgħod xi mkien ieħor u joqgħod qrib il-post fejn ikun qed isir it-taħriġ, ċentri internazzjonali tal-karrieri u ċentri taż-żgħażagħ għal gwida individwali dwar kwistjonijiet bħall-organizzazzjoni u l-għarfien kollettivi tal-aspetti legali li jirrigwardaw it-taħriġ tagħhom;

    12.

    Jirrikonoxxi d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ biex ikollhom aċċess għall-fondi sabiex joħolqu u jiżviluppaw in-negozju tagħhom stess; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jadottaw miżuri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess taż-żgħażagħ għall-fondi, u biex f'kooperazzjoni mal-komunità tan-negozju jitwaqqfu programmi ta’ konsulenza għaż-żgħażagħ dwar il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi;

    13.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ħiliet tal-persuni li jitilqu kmieni mill-iskola u biex iħejjuhom għall-impjieg permezz ta’ proġetti innovattivi;

    14.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu kooperazzjoni bejn l-iskejjel u min iħaddem fil-pjanijiet bikrija tagħhom għat-tfassil mill-ġdid tal-iskemi ta’ taħriġ; iqis li l-awtoritajiet lokali u tad-distrett għandhom jiġu inklużi fl-ippjanar tal-edukazzjoni u t-taħriġ billi huma għandhom il-kuntatti fin-netwerk ta’ min iħaddem u jafu dan x'jeħtieġ;

    15.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tespandi l-kapaċità finanzjarja, u tiżgura użu aħjar tal-Fond Soċjali Ewropew, tassenja minimu ta’ 10 % ta’ dan il-fond għal proġetti li għandhom liż-żgħażagħ fil-mira u biex tiffaċilita l-aċċess għall-fond; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jipperikolawx it-twettiq ta’ proġetti żgħar u innovattivi b'kontroll eċċessiv u biex jirrevedu wkoll l-effikaċja u l-valur miżjud tal-programmi, bħall-programm “Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni”, f'termini tal-opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimmiraw aħjar lejn iż-żgħażagħ;

    16.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-kooperazzjoni ma’ min jipprovdi edukazzjoni dwar in-negozju bħala l-għodda t-tajba għall-ġlieda kontra l-qgħad strutturali;

    L-Edukazzjoni u t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol

    17.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi biex inaqqsu t-tluq kmieni mill-iskola sabiex jiksbu l-miri stabbilit fl-Istrateġija tal-UE 2020 ta’ mhux aktar minn 10 % ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola sal-2012; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-firxa wiesgħa ta’ miżuri biex jiġġieldu t-tluq kmieni mill-iskola u l-analfabetiżmu, eż. inaqqsu n-numru ta’ studenti f'kull klassi, jipprovdu għajnuna għall-istudenti li ma jistgħux iħallsu biex itemmu l-edukazzjoni obbligatorja, iżidu l-enfasi fuq aspetti prattiċi fis-sillabu, jintroduċu konsulenti fl-iskejjel kollha, jistabbilixxu segwitu immedjat ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola; juża lill-Finlandja bħala eżempju ta’ pajjiż li naqqas b'suċċess in-numru ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola billi tiġi studjata magħhom il-possibilità li tinstab direzzjoni ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina proġett fuq l-aqwa prattiki;

    18.

    Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu r-rabtiet bejn is-sistema edukattiva u d-dinja tax-xogħol u jfasslu mezzi biex wieħed jipprevedi d-domanda għall-ħiliet u għall-kapaċitajiet;

    19.

    Jitlob biex isiru sforzi biex jiġi żgurat li t-tfal kollha jingħataw l-inkoraġġiment li jeħtieġu mill-bidu nett, u b'mod partikolari biex jitħares l-inkoraġġiment maħsub għat-tfal li għandhom problemi fil-lingwa jew diżabilitajiet oħra, sabiex dawn it-tfal jingħataw l-aqwa opportunitajiet possibbli fir-rigward tal-edukazzjoni u l-karriera;

    20.

    Jitlob għal aktar apprendistati li jkunu aħjar; jirreferi għall-esperjenzi pożittivi bis-sistema doppja fi ħdan l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) f'pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Awstrija u d-Danimarka fejn is-sistema titqies bħala parti importanti mit-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għall-impjieg; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-iskemi ta’ apprendistat u jħeġġu lill-kumpaniji biex jipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ liż-żgħażagħ saħansitra fi żmien il-kriżi; jenfasizza l-importanza ta’ taħriġ adegwat għall-iżgurar ta’ forza tax-xogħol ta’ kapaċitajiet għolja li l-kumpaniji se jeħtieġu fil-futur; jenfasizza li l-apprendistati ma għandhomx jieħdu post impjiegi normali;

    21.

    Jitlob għal internships aħjar u aktar siguri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, sabiex wara l-impenn mogħti bil-Komunikazzjoni COM(2007)0498, “tipproponi […] inizjattiva għal statut ta’ kwalità Ewropew dwar l-apprendistati”, biex iħejju Karta Ewropea ta’ Kwalità dwar it-Taħriġ, bi standards minimi għall-internships, sabiex jiżguraw il-valur edukattiv tagħhom u jevitaw l-isfruttament, billi jitqies li l-internships jiffurmaw parti mill-edukazzjoni u ma għandhomx jieħdu post l-impjiegi proprji. Dawn l-istandards minimi għandhom jinkludu spjegazzjoni tad-deskrizzjoni tax-xogħol jew il-kwalifiki li għandhom jinkisbu, limitu ta’ żmien għall-internships, paga minima abbażi tal-istandard tal-ħajja fil-post fejn issir l-internship li jikkonformaw mat-tradizzjonijiet nazzjonali, assigurazzjoni fil-qasam tax-xogħol, benefiċċji tas-sigurtà soċjali skont l-istandards lokali u rabta ċara mal-programm edukattiv inkwistjoni;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi statistika dwar l-internships f'kull Stat Membru li tinkludi:

    in-numru ta’ internships

    it-tul tal-internships

    il-benefiċċji soċjali għall-interns

    l-allowances imħallsa lill-interns

    il-gruppi tal-età tal-interns

    u biex jagħmlu studju komparattiv dwar l-iskemi differenti ta’ internship li jeżistu fl-Istati Membri tal-UE;

    23.

    Jistieden lil kull Stat Membru biex jimmonitorja l-konformità;

    24.

    Jissuġġerixxi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni u ta’ rikonoxximent tal-għarfien u l-ħiliet miksuba permezz tat-tagħlim u t-taħriġ, sistema li tikkontribwixxi wkoll għal żieda fil-mobilità tal-forza tax-xogħol taż-żgħażagħ;

    25.

    Jitlob li ż-żgħażagħ jitħarsu kontra dawk l-impjegaturi – pubbliċi u privati – li permezz ta’ programmi għall-kisba ta’ esperjenza tax-xogħol, apprendistati jew skemi ta’ taħriġ ikopru ħtiġijiet essenzjali u bażiċi bi spejjeż baxxi jew kważi mingħajr spejjeż billi jisfruttaw ir-rieda taż-żgħażagħ għat-tagħlim mingħajr ma jkun hemm l-ebda perspettiva għal inklużjoni sħiħa, fil-futur, taż-żgħażagħ li jkunu fil-forza tax-xogħol tagħhom;

    26.

    Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-mobilità tax-xogħol u tat-taħriġ taż-żgħażagħ madwar l-Istati Membri u l-ħtieġa li jittejbu r-rikonoxximent u t-trasparenza tal-kwalifiki, tal-ħiliet u tad-diplomi fl-UE; jitlob li jkunu rduppjati l-isforzi favur l-iżvilupp tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u tal-Qafas Ewropew ta’ Referenza għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tisħiħ tal-programm “Leonardo da Vinci”;

    27.

    Jitlob lill-Istati Membri biex iħaffu l-armonizzazzjoni tal-profili ta’ kwalifiki nazzjonali u l-profili ta’ kwalifiki Ewropej sabiex iżidu aktar il-mobilità taż-żgħażagħ fl-oqsma tal-edukazzjoni u x-xogħol;

    28.

    Jenfasizza r-rwol tal-fornituri edukattivi tas-settur privat peress li s-settur privat is-soltu huwa aktar innovattiv fit-tfassil ta’ korsijiet u aktar flessibbli fil-provvista tagħhom;

    29.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu liż-żgħażagħ li qed jitħarrġu jew li qed jagħmlu internship jew apprendistat drittijiet sħaħ b'rabta max-xogħol u s-sigurtà soċjali billi jissussidjaw, jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti, perċentwali mill-kontribuzzjonijiet tagħhom għas-sigurtà soċjali;

    30.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jorbtu l-apprendistati, l-iskemi ta’ taħriġ u l-programmi għall-kisba ta’ esperjenza tax-xogħol mas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

    31.

    Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu s-sistemi tagħhom ta’ gwida edukattiva f'livell primarju u sekondarju, bil-għan li jkunu megħjuna ż-żgħażagħ u l-familji tagħhom fl-għażla ta’ triq edukattiva u ta’ taħriġ li verament tkun taqbel mal-ħiliet, il-kapaċitajiet u x-xewqat reali tagħhom u b'hekk tnaqqas ir-riskju ta’ tluq kmieni u falliment;

    32.

    Jirrikonoxxi li, fi żminijiet ta’ kriżi, iż-żgħażagħ ifittxu l-edukazzjoni u għandhom ikunu inkoraġġuti biex jagħmlu dan; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess ugwali għall-edukazzjoni għal kulħadd billi jiggarantixxu dritt minimu ta’ edukazzjoni bla ħlas mill-edukazzjoni ta’ qabel l-iskola sal-università u jiżguraw appoġġ finanzjarju għal studenti żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu aktar fl-edukazzjoni u t-taħriġ, anke jekk restrizzjonijiet fiskali u soċjali huma preżenti, biex jimplimentaw il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki mill-iktar fis possibbli u biex jistabbilixxu oqfsa tal-ħiliet nazzjonali, fejn meħtieġ;

    33.

    Ifakkar li l-għan tal-proċess ta’ Kopenħagen huwa li jinkoraġġixxi lil individwi biex jagħmlu użu minn firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet disponibbli ta’ tagħlim vokazzjonali (eż. fl-iskola, f'edukazzjoni ogħla, fuq il-post tax-xogħol, jew permezz ta’ korsijiet privati);

    34.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tespandi l-programmi tal-UE li jappoġġaw l-edukazzjoni u titjib fil-ħiliet bħat-Tagħlim tul il-Ħajja, il-Fond Soċjali Ewropew, l-Azzjonijiet Marie Curie u Erasmus Mundus u l-Inizjattiva ta’ Edukazzjoni Xjentifika;

    35.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu Task Forces Nazzjonali dwar iż-Żgħażagħ biex jiżguraw koerenza msaħħa bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol, u b'hekk tiġi promossa responsabilità aktar b'saħħitha u maqsuma bejn il-gvern, min iħaddem u l-individwi, biex isir investiment fil-ħiliet; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu korpi konsultattivi fi ħdan l-iskejjel kollha biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol u biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn atturi pubbliċi u privati;

    36.

    Jikkunsdra li huwa ferm importanti li s-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tiġi adattata għas-suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr u għad-domanda għal professjonijiet ġodda;

    37.

    Iqis li t-tagħlim tal-lingwi huwa kruċjali biex jiffaċilita l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol u għall-promozzjoni tal-mobilità u l-opportunitajiet indaqs tagħhom;

    Adattament għall-ħtiġijiet tal-individwu u s-suq tax-xogħol

    38.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu liż-żgħażagħ b'informazzjoni dwar id-domanda fis-suq tax-xogħol, bil-patt li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ reviżjoni xierqa għall-iżviluppi ta’ monitoraġġ fl-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki u strateġiji bbażati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, li fihom l-edukazzjoni u l-impjiegi huma integrati aħjar, fejn tranżizzjoni sikura hija punt ewlieni u fejn hemm titjib kontinwu tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol għall-kisba tal-kompetenzi ewlenin mitluba mis-suq tax-xogħol;

    39.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-ħidma tagħha dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, inklużi t-tagħlim mhux formali u l-esperjenza tax-xogħol, bil-għan li titmexxa 'l quddiem il-mobilità taż-żgħażagħ;

    40.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jippromwovu r-rikonoxximent tal-kisbiet edukattivi fil-qafas tat- tagħlim mhux formali u dak informali sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu juru aktar l-edukazzjoni u l-kompetenzi tagħhom, kif mitlub meta jkunu qed ifittxu impjieg fis-suq tax-xogħol;

    41.

    Jitlob għal appoġġ u prestiġju akbar fir-rigward tat-taħriġ vokazzjonali;

    42.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-istrateġija tal-flessigurtà flimkien mas-sħab soċjali, sabiex tpoġġi s-sigurtà tat-tranżizzjoni fuq nett tal-aġenda filwaqt li toħloq mobilità u aċċess aktar faċli għaż-żgħażagħ; jenfasizza li l-flessibilità mingħajr is-sigurtà soċjali mhix mod sostenibbli biex jiġu miġġielda l-problemi li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, iżda huwa mod ta’ kif qed jiddgħajfu d-drittijiet taż-żgħażagħ b'rabta max-xogħol u s-sigurtà soċjali;

    43.

    Jappella lill-Istati Membri biex jinkludu l-erba' komponenti tal-flessigurtà fil-pjanijiet nazzjonali għall-istrateġiji tal-impjiegi taż-żgħażagħ, jiġifieri:

    a.

    arranġamenti flessibbli u affidabbli,

    b.

    programmi komprensivi ta’ taħriġ jew tagħlim tul il-ħajja li jiżguraw l-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet,

    c.

    politiki effikaċi tas-suq tax-xogħol u tar-rati ta’ xogħol li jiffukaw fuq il-ħiliet, impjiegi ta’ kwalità u l-inklużjoni,

    d.

    mekkaniżmi effikaċi ta’ mobilità tax-xogħol,

    e.

    sistemi tas-sigurtà soċjali li jipprovdu liż-żgħażagħ b'siġurtà fit-tranżizzjoni minn sitwazzjoni ta’ impjieg għal oħra, mill-qgħad għall-impjieg jew mit-taħriġ għall-impjieg, aktar milli jġegħluhom ikunu flessibbli,

    f.

    mekkaniżmi effikaċi ta’ monitoraġġ li jiggarantixxu d-drittijiet tal-ħaddiema;

    44.

    Jitlob lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jiżguraw xogħol ta’ kwalità sabiex jevitaw li ż-żgħażagħ jaqgħu fin-“nassa tal-prekarjetà”; jitlob lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali, abbażi ta’ liġijiet nazzjonali li diġà jeżistu u f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jistabbilixxu u jimplimentaw standards aħjar li jipproteġu lil dawk li jaħdmu f'impjiegi mhux siguri u ta’ kwalità baxxa;

    45.

    Jitlob li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt, fuq medda twila ta’ żmien, tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u tal-preżenza ta’ relazzjoni ġusta bejn il-ġenerazzjonijiet;

    46.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta’ djalogu soċjali b'saħħtu u strutturat fuq il-postijiet kollha tax-xogħol bil-għan li l-ħaddiema żgħażagħ jitħarsu mill-isfruttament u x-xogħol temporanju li ta’ spiss ikun ta’ natura prekarja; jenfasizza l-ħtieġa li s-sħab soċjali jindirizzaw lill-ħaddiema żgħażagħ u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom;

    47.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar sforzi biex jiżguraw it-traspożizzjoni korretta u l-implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni, fir-rigward tal-impjiegi, abbażi tal-età; huwa tal-fehma li ħafna aktar għandu jsir biex jiġi żgurat li kemm l-impjegati u kemm min iħaddem ikunu konxji mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni;

    48.

    Jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex japplikaw strateġiji biex jinfurmaw u jedukaw liż-żgħażagħ dwar id-drittijiet tagħhom fuq ix-xogħol kif ukoll dwar id-diversi modi alternattivi li hemm għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

    49.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu r-rikonċiljazzjoni bejn id-dinja tax-xogħol u l-edukazzjoni sabiex il-mogħdijiet tat-taħriġ, bħal taħriġ doppju, jistgħu jitfasslu sabiex jikkombinaw n-nozzjonijiet teoretiċi mal-esperjenza prattika, sabiex iż-żgħażagħ jakkwistaw ħiliet ġenerali u esperti speċifiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu wkoll fl-appoġġ għal kampanja ta’ għarfien dwar it-taħriġ vokazzjonali (VET) u studji tekniċi u intraprenditorjali, sabiex dawn il-mogħdijiet għall-karriera ma jibqgħux interpretati bħala għażla ta’ skwalifika, iżda bħala ċans li jimtela' l-vojt fis-suq għall-impjiegi tekniċi, domanda li kulma jmur dejjem qed tiżdied, u sabiex l-ekonomija Ewropea terġa' taqbad;

    50.

    Jitlob lill-Istati Membri u s-sħab soċjali biex iwettqu ppjanar u implimentazzjoni aktar intensiv ta’ programmi biex jiżdied l-aċċess taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, permezz ta’ politiki attivi tal-impjieg, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni u s-setturi b'qgħad għoli fost iż-żgħażagħ;

    51.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jassorbu l-impatt li se jkollu l-qgħad fost iż-żgħażagħ fuq id-drittijijiet tal-pensjoni ta’ dik il-ġenerazzjoni u billi jikkunsidraw sew iż-żmien mgħoddi fl-istudju jagħtu liż-żgħażagħ inċentiv biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom għal perjodu twil;

    52.

    Jitlob lis-sħab soċjali biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jinfurmaw liż-żgħażagħ dwar id-drittijiet tagħhom li jipparteċipaw fid-djalogu soċjali, u biex jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni ta’ din il-parti kbira tal-popolazzjoni attiva ekonomikament fl-istrutturi tal-korpi rappreżentattivi tagħhom;

    Żvantaġġi u diskriminazzjoni

    53.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-liġi nazzjonali eżistenti li taffettwa liż-żgħażagħ u b'mod partikolari leġiżlazzjoni nazzjonali bbażata fuq id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (2000/78/KE) ma tintużax biex jiġi ddiskriminat l-aċċess tal-ħaddiema żgħażagħ għall-benefiċċji soċjali; huwa tal-fehma li ħafna aktar għandu jsir biex jiġi żgurat li kemm l-impjegati u kemm min iħaddem ikunu konxji mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni;

    54.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jipprovdu inizjattivi li jistgħu jiżguraw li l-immigranti ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti tagħhom, li l-kwalifiki li huma kisbu f'pajjiżhom huma rikonoxxuti u li jkollhom l-aċċess għal ħiliet ewlenin, għalhekk ikunu jistgħu japplikaw l-integrazzjoni soċjali tagħhom u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol;

    55.

    Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jipprovdu opportunijiet adegwati u aħjar ta’ kura tat-tfal, bħal skejjel għall-ġurnata kollha, għal ġenituri żgħażagħ bi prezz aċċettabbli, u b'hekk tiġi ffaċilitata l-possibilità li l-ġenituri żgħażagħ, partikolarment l-ommijiet, jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol;

    56.

    Jappella biex l-assistenza mogħtija mill-Istati Membri lill-ġenituri żgħażagħ f'għamla ta’ kura tat-tfal jew crèches tkun sostanzjali biżżejjed li ma tiskoraġixxihomx milli jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol;

    57.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sforz għal terminu qasir iffukat fuq iż-żgħażagħ irġiel qiegħda fis-setturi affettwati mill-kriżi, mingħajr ma jittraskuraw il-problemi fit-tul esperjenzati miż-żgħażagħ nisa fl-aċċess għas-suq tax-xogħol;

    58.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri ta’ azzjoni affirmattivi għaż-żgħażagħ f'dawk l-oqsma tas-suq fejn iż-żgħożija ftit li xejn hija rappreżentata, sabiex jingħelbu l-konsegwenzi ta’ diskriminazzjoni ta’ qabel fuq bażi tal-età u tinħoloq forza tax-xogħol tabilħaqq bi kwalitajiet differenti, li jippermettu adattamenti raġjonevoli xierqa għaż-żgħażagħ b'diżabilità;jenfasizza l-esperjenza tajba fir-rigward ta’ azzjoni affirmattiva fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

    59.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati programmi speċifiċi għal persuni b'diżabilità bil-għan li jkabbru l-possibilitajiet tagħhom ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol;

    60.

    Jenfasizza l-importanza li jiġu inkoraġġiti t-traineeships u l-mobilità għaż-żgħażagħ involuti fl-iskejjel jew fit-taħriġ għal attivitajiet artistiċi bħaċ-ċinema, il-mużika, iż-żfin, it-teatru jew iċ-ċirklu;

    61.

    Iqis li għandu jkun hemm appoġġ akbar għal programmi tal-voluntiera f'oqsma varji, inklużi, inter alia, l-oqsma soċjali, kulturali u sportivi;

    62.

    Jappella lid-diversi fergħat tal-industrija biex jistabbilixxu sħubijiet ġenerazzjonali fin-negozji u l-organizzazzjonijiet u biex b'dan il-mod jiġi ġġenerat skambju attiv ta’ għarfien espert u b'mod produttiv tiġi kkombinata l-esperjenza ta’ ġenerazzjonijiet differenti;

    63.

    Jirrikonoxxi l-importanza li ż-żgħażagħ jkunu kapaċi jkunu indipendenti finanzjarjament u jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha jkunu individwalment intitolati għal livell diċenti ta’ dħul li jiżguralhom il-possibilità li huma jgħixu ħajja ekonomikament indipendenti;

    64.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu, jekk jixtiequ, jirċievu assistenza effettiva fl-għażla tal-karriera tagħhom, biex isiru jafu dwar id-drittijiet tagħhom u biex jamministraw id-dħul minimu tagħhom;

    Strateġiji u għodod ta’ governanza fil-livell tal-UE

    65.

    Jissuġġerixxi li l-Kunsill u l-Kummissjoni jressqu Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ li tiżgura d-dritt għal kull żagħżugħ fl-UE li jiġi offrut impjieg, appendistat, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkumbinati wara perjodu massimu ta’ 4 xhur bla impjieg;

    66.

    Jilqa' l-progress li qed isir biex tiġi definita l-Istrateġija tal-UE għall-2020 iżda jiddispjaċih li ma kienx hemm evalwazzjoni pubblika u trasparenti tal-Istrateġija ta’ Lisbona, u b'mod partikolari tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, inklużi l-punti ta’ referenza għaż-żgħażagħ, u jiddispjaċih li l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ma kinux ikkonsultati biżżejjed matul il-proċess ta’ żvilupp tal-Istrateġija tal-UE għall-2020;

    67.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jintroduċu u jivvalutaw punti ta’ referenza ġodda u vincolanti għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena tevalwa l-punti ta’ referenza eżistenti għaż-żgħażagħ u l-Garanzija taż-Żgħażagħ sabiex dawn iwasslu biex jintlaħqu riżultati u progress ibbażati fuq informazzjoni statistika li hija diżaggregata u analizzata, speċjalment skont il-ġens u l-grupp ta’ età;

    68.

    Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaqblu li u jaħdmu fuq għodod ta’ governanza u ta’ informazzjoni ġodda u mtejba għax-xogħol fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ;

    69.

    Jissuġġerixxi l-formazzjoni ta’ grupp ta’ ħidma permanenti taż-żgħażagħ tal-UE li jinvolvi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-Parlament u l-imsieħba soċjali biex jimmonitorja żviluppi dwar l-impjiegi taż-żgħażagħ, jippermettu politiki trasversali, iqasmu l-aqwa eżempji prattiki u jibdew politiki ġodda;

    70.

    Jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu involuti fit-tfassil tal-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex il-ħtiġijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati aħjar; jirrakkomanda f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni tikkonsulta mar-rappreżentanti tal-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ dwar il-prijoritajiet għaż-żgħażagħ;

    71.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jivvalutaw l-impatti tal-politika fuq iż-żgħażagħ, jinkludu liż-żgħażagħ fil-proċessi kollha u jistabbilixxu kunsilli taż-żgħażagħ biex jimmonitorjaw politiki marbuta maż-żgħażagħ;

    72.

    Jitlob lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jagħtu eżempju tajjeb bit-tneħħija tar-reklamar tagħhom għat-taħriġ bla ħlas mill-websajts rispettivi tagħhom u jħallsu:

    allowance minima abbażi tal-ispejjez skont il-livell tal-għajxien fejn isir l-internship,

    benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-interns kollha tagħhom;

    *

    * *

    73.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

    (2)  ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 23.

    (3)  ĠU C 137 E, 27.5.2010, p.68.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2010)0187.


    Top