Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE0758

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-28 reġim – alternattiva li tippermetti inqas regolamentazzjoni fil-livell Komunitarju” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 21, 21.1.2011, p. 26–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 21/26


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-28 reġim – alternattiva li tippermetti inqas regolamentazzjoni fil-livell Komunitarju” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 21/05

Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar is-16 ta' Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

It-28 reġimalternattiva li tippermetti inqas regolamentazzjoni fil-livell Komunitarju.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta' Marzu 2010.

Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Mejju 2010 (sessjoni tas-27 ta' Mejju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’124 vot favur, 8 voti kontra u 20 astensjoni.

1.   Osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Reċentement, f’bosta okkażjonijiet u matul diversi avvenimenti, bosta vuċijiet mis-soċjetà ċivili qajmu l-kwistjoni dwar jekk reġim fakultattiv jistax jiġi adottat bħala alternattiva għall-mod tradizzjonali ta' kif tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni f’oqmsa speċifiċi u b’hekk jiġi regolat b’mod sħiħ kull tip ta' relazzjoni legali, b’mod partikolari l-kuntratti ċivili.

1.2   Bdew isiru wkoll referenzi f’bosta dokumenti tal-Kummissjoni u tal-PE għall-użu possibbli tal-hekk imsejjaħ it-28 reġim, b’mod partikolari b’relazzjoni ma' suġġetti importanti fejn kien mistenni li l-armonizzazzjoni sħiħa mixtieqa mhux ser tkun faċli biex tinkiseb jew saħansitra ma tkunx tista’ tinkiseb.

1.3   Il-KESE f’bosta opinjonijiet esprima l-appoġġ tiegħu għal studju dettaljat ta' dan il-mekkaniżmu u l-applikazzjoni possibbli tiegħu f’ oqsma speċifiċi.

1.4   Apparti l-ħidma li beda l-KESE fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar il-“Kuntratt Ewropew ta' Assigurazzjoni” (1) u mmexxija mill-Grupp tal-Proġett “Definizzjoni mill-Ġdid tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew ta' Assigurazzjoni ” bil-pubblikazzjoni reċenti “Prinċipji tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew ta' Assigurazzjoni (PEICL)” fil-kuntest tal-eżerċizzju “Qafas Komuni ta' Riferiment”, kienu ftit l-okkażjonijiet fejn ġie adottat approċċ simili minn leġiżlatur Ewropew fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji, tal-proprjetà intellettwali u l-liġi internazzjonali.

1.5   Madanakollu s’issa għadha ma saret l-ebda diskussjoni dettaljata dwar in-natura, l-għan, il-qafas legali, l-oqsma ta' applikazzjoni, il-vantaġġi u d-diffikultajiet ta' strument bħal dan u l-kontribut li jista’ jagħti fit-tlestija tas-suq uniku.

1.6   Għalhekk u b’konformità mal-opinjoni dwar l-approċċ proattiv tal-liġi (2) l-KESE ddeċieda li jfassal din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja akkumpanjata minn seduta pubblika fejn ir-rappreżentanti tal-partijiet interessati, l-akkademiċi, l-uffiċjali pubbliċi minn Stati Membri differenti u l-Kummssjoni kellhom l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom.

1.7   B’kunsiderazzjoni tal-materjal miktub u l-opinjonijiet li ġew espressi matul dawn l-aħħar snin u b’mod partikolari dawk li ħarġu waqt is-seduta, il-KESE jagħraf li għandhom jitqiesu xi parametri fundamentali fid-definizzjoni u t-tfassil ta' reġim fakultattiv li joffri vantaġġi f’termini ta' “regolamentazzjoni aħjar” u ta' ambjent regolatorju ssemplifikat, faċli jinftiehem u faċli jintuża.

1.8   Ir-reġim fakultattiv għandu għalhekk:

a)

jitqies bħala “t-tieni reġim” f’kull Stat Membru biex b’hekk il-partijiet ikollhom l-għażla bejn żewġ reġimi ta' dritt kuntrattwali domestiku;

b)

jiġi definit fil-livell tal-UE u jinħareġ f’liġi fir-regolamenti tal-UE;

c)

jiffaċilita l-interazzjoni bejn il-partijiet fil-proċess tal-abbozzar;

d)

jiġbor fih dispożizzjonijiet ta' liġi obbligatorja li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-parti dgħajfa, li jkunu minn tal-anqas jixbhu lil dawk li jipprovdu r-regoli obbligatorji tal-UE jew dawk nazzjonali u li jkunu applikabbli fejn hemm bżonn;

e)

jillimita l-għażla tal-partijiet għal strument sħiħ biex tiġi evitata l-possibbiltà li dawn jisiltu każijiet li mhumiex rappreżentattivi (cherry picking);

1.9   Il-KESE ppropona għażliet ġodda għal diskussjoni fil-futur dwar bażi legali possibbli għall-implimentazzjoni ta' dan il-mekkaniżmu tar-regolamentazzjoni. L-idea hi li l-għażla tal-bażi legali tiddependi mill-qasam ta' applikazzjoni tagħha.

1.10   Il-KESE elabora l-bosta vantaġġi tal-użu ta' dan l-istrument, pereżempju:

a)

L-istrument jippermetti lill-partijiet li jidħlu f’kuntratt li jwettqu tranżazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea kollha abbażi ta' reġim wieħed tad-dritt kuntrattwali. L-ostakli għas-suq intern, bħall-ispejjeż u r-riskji legali li jinħolqu mid-differenzi bejn is-sistemi legali nazzjonali, ser jiġu eliminati b’mod awtomatiku;

b)

Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu titħalla f’idejn is-suq u għalhekk ser jingħażel biss meta l-partijiet interessati jqisu li sa jkun ta' vantaġġ;

c)

Il-kultura legali individwali ta' kull Stat Membru mhux se tintlaqat, u għalhekk ikun iktar aċċettabbli fix-xena politika;

d)

Billi huwa mfassal tajjeb u implimentat mir-regoli tal-UE, huwa jippermetti lill-partijiet jużawh anke f’sitwazzjonijiet purament domestiċi;

e)

Il-qrati ma jistgħux iqisuh bħala liġi “barranija” magħżula. Għaldaqstant, japplikaw prinċipji bħal dak ta' “iura novit curia” (il-qorti taf il-liġi) u l-aċċess għall-Qrati Supremi nazzjonali kif ukoll għall-QĠE ma jkunx limitat, bħalma sikwit jiġri meta jiġu applikati liġi barranija jew prinċipji ġenerali. Bl-istess mod, l-istituzzjonijiet li joffru mekkaniżmi ta' tressiq ta' lmenti barra mill-qrati u mekkaniżmi ta' rimedju ma jistgħux jirrifjutaw li jisimgħu każ billi jargumentaw li jkun qed jitressaq quddiem liġi barranija.

1.11   Il-KESE huwa konxju mid-diffikultajiet tal-implimentazzjoni tiegħu:

a)

ir-relazzjoni bejn l-istrument fakultattiv u l-Liġi Internazzjonali Privata Ewropea, speċjalment rigward ir-regoli dwar il-politika pubblika nazzjonali (ordre public – Artikolu 21, Ruma I Regolament 593/2008);

b)

anke strument settorjali fakultattiv jirrikjedi sett ta' prinċipji ġenerali tal-liġi privata;

c)

strument fakultattiv li jkopri biss kwistjonijiet relatati mal-liġi privata ma jistax ikopri l-problemi tal-liġi fiskali;

d)

il-konsumaturi għandhom jiġu informati b’mod adegwat dwar in-natura, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' strument fakultattiv;

e)

dan it-28 reġim m’għandux japplika għal-liġi tax-xogħol jew għall-kuntratti tax-xogħol fis-seħħ fl-Istati Membri.

1.12   Il-KESE għalhekk huwa konvint li din id-diskussjoni għandha tidħol f’iktar dettall f’diversi livelli - akkademiċi, partijiet interessati (professjonisti, konsumaturi, eċċ.), istituti tar-riċerka u istituzzjonijiet tal-UE, l-iktar fil-qafas tal-eżerċizzju ta' “regolamentazzjoni aħjar” – bil-għan li jikkontribwixxi għat-twettiq tas-suq intern.

1.13   Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tkompli tistudja dan is-suġġett fil-livell teoretiku u prattiku tiegħu sabiex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li jiddeterminaw il-vijabbiltà u l-utilità tiegħu.

1.14   Il-KESE jirrakkomanda wkoll li fil-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante jew il-Kummissjoni jew il-Parlament Ewropew jikkunsidraw l-għażla li jadottaw it-28 reġim għal kull inizjattiva leġiżlattiva ġdida; l-istess valutazzjoni għandha tapplika għall-proposti li diġà qed jitħejjew, nibdew pereżempju mir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż. Permezz ta' valutazzjoni bħal din jista’ jiġi skrutinizzat l-impatt potenzjali li l-leġiżlazzjoni fakultattiva jista’ jkollha fuq ir-regoli obbligatorji li japplikaw bħalissa fil-qafas tal-liġijiet nazzjonali. Hija għandha teżamina r-riskju li l-istrument jintuża sabiex jiġu evitati r-regoli obbligatorji nazzjonali għad-detriment tal-partijiet dgħajfa.

2.   Introduzzjoni – l-għan tal-opinjoni

2.1   Wieħed mill-għanijiet tas-suq intern huwa r-regolamentazzjoni aħjar u, sa fejn possibbli, inqas regolamentazzjoni. L-inizjattivi kollha fil-qafas tal-eżerċizzju “regolamentazzjoni aħjar” żviluppat mill-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew u appoġġjata bis-sħiħ mill-KESE f’għadd ta' opinjonijiet kellhom l-għan li jfittxu l-aħjar modi li permezz tagħhom, l-ambjent leġiżlattiv ikun aktar aċċessibbli għall-utenti u jkun jista’ jiftiehem aħjar mid-dinja tan-negozju, il-ħaddiema u l-konsumaturi.

2.2   L-idea relattivament ġdida ta' mod aħjar u iktar konsistenti biex jiġu rregolati ċerti kwistjonijiet importanti fil-livell tal-UE dehret għall-ewwel darba fl-opinjoni tal-KESE dwar “Il-kuntratt tal-assigurazzjoni Ewropew” (3). F’din l-opinjoni ġie propost li l-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratt tal-assigurazzjoni Ewropew għandha tissejjes fuq sistema li toffri alternattiva oħra għall-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali differenti.

2.3   Fil-kuntest tal-Qafas Komuni ta' Riferiment (QFR), il-Grupp tal-Proġett “Definizzjoni mill-Ġdid tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew ta' Assigurazzjoni” żviluppa u ressaq quddiem il-Kummissjoni l-unika proposta strutturata għal mudell ta' strument fakultattiv fl-UE li qatt tressqet s’issa.

2.4   F’dawn l-aħħar snin, f’bosta avvenimenti, għadd ta' avukati, akkademiċi u xi partijiet interessati mis-soċjetà ċivili ssuġġerew li dan il-metodu jista’ joffri għażla alternattiva utli għall-metodu tradizzjonali tal-armonizzazzjoni f’oqsma speċifiċi, bħas-sistema tal-pensjonijiet jew is-servizzi finanzjarji.

2.5   Il-Kummissjoni bdiet ftit ftit tirreferi għall-possibbiltà li tuża l-metodu tat-“28 reġim” f’diversi oqsma u l-KESE wera l-appoġġ tiegħu għal dan f’għadd ta' opinjonijiet (4).

2.6   Iżda l-kunċett, in-natura u l-qafas għall-implimentazzjoni ta' dan il-metodu għadhom ma ġewx definiti b’mod adatt. Huwa partikolarment importanti li jintwera li mhux biss huwa fattibbli iżda li joffri wkoll għadd ta' vantaġġi mil-lat ta' “regolamentazzjoni aħjar” u ta' ambjent legali ssemplifikat, faċli jiftiehem u jintuża miċ-ċittadini. Dan huwa l-għan ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja.

3.   Il-kunċett tat-“28 reġim”

3.1   In-natura u l-karatteristiċi tiegħu

3.1.1   It-termini “it-28 reġim” u “strument fakultattiv”, li spiss jintużaw bħala sinonimi, jippruvaw jagħtu stampa grafika ta' Liġi Ewropea tal-Kuntratti jew tal-Liġi Privata li ma tirkibx il-liġi nazzjonali iżda tipprovdi alternattiva billi tħalli l-applikazzjoni tagħha f’idejn il-partijiet kontraenti.

3.1.2   Għalkemm l-espressjoni “it-28 reġim” tintuża f’għadd ta' dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE u f’ħafna mill-artikli ppubblikati dwar is-suġġett, hija tista’ tagħti idea żbaljata għaliex tista’ tiġi interpretata bħala reġim ta' liġi “barranija” meta mqabbel mas-27 liġi kuntrattwali “nazzjonali” tal-Istati Membri, li jistgħu jitqiesu li huma liġijiet “domestiċi”.

3.1.3   Għalhekk, jidher li jkun aħjar li nirreferu għat-“2 reġim” (5) tal-liġi privata fl-Istati Membri kollha. Dan it-terminu jagħmilha ċara li strument fakultattiv Ewropew ikun jista’ jippenetra l-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri bħal kwalunkwe sors ieħor tal-liġi Ewropea. Fil-qosor, “it-2 reġim” jipprovdi lill-partijiet ikkonċernati għażla bejn żewġ reġimi ta' dritt kuntrattwali nazzjonali/domestiku, wieħed maħruġ mil-leġiżlatur nazzjonali u l-ieħor mil-leġiżlatur Ewropew.

3.1.4   Din ix-xorta tat-“2 reġim” tista’ tintuża mill-partijiet biex jinnegozjaw fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-partijiet kontraenti ma jkollhomx għalfejn jiffaċċjaw is-27 reġim legali nazzjonali tal-Istati Membri u jkunu jistgħu jibbażaw it-tranżazzjonijiet tagħhom fuq reġim Ewropew komuni tal-liġi privata. Dan ikun utli għaliex l-ebda waħda mill-partijiet kontraenti ma jkollha għalfejn taċċetta l-applikazzjoni ta' liġi li hija tqis bħala liġi barranija.

3.1.5   It-“2 reġim” ikun partikolarment utli f’oqsma fejn il-liġi internazzjonali privata (Ruma I) tipprojbixxi jew tillimita lill-partijiet ikkonċernati milli jagħżlu l-liġi b’mod ħieles, bħal fil-każ tal-kuntratti tat-trasport (Artikolu 5, Ruma I), tal-konsum (Artikolu 6, Ruma I), tal-assigurazzjoni (Artikolu 7, Ruma I) u tal-impjieg (Artikolu 8, Ruma I). L-istrument fakultattiv jista’ japplika wkoll għal regoli internazzjonali obbligatorji (Artikolu 9, Ruma I) sakemm jikkunsidra b’mod suffiċjenti l-interess ġenerali mħares minn dawn ir-regoli (6). Madanakollu t-tieni reġim m’għandux japplika għal-liġi tax-xogħol u l-anqas għall-kuntratti tax-xogħol fis-seħħ fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

3.1.6   Għaldaqstant, it-“2 reġim” jippermetti li n-negozju fil-Komunità kollha jkun ibbażat fuq l-istess reġim ta' dritt kuntrattwali anke f’oqsma fejn il-liġi internazzjonali privata tipprovdi għall-applikazzjoni obbligatorja tar-regoli li jħarsu l-parti d-dgħajfa.

3.1.7   Il-Premessa 14 ta' Ruma I tirreferi għal strument fakultattiv ta' dan it-tip: “Jekk il-Komunità tadotta fi strument ġuridiku adatt regoli ta' liġi kuntrattwali sostantiva, …, tali strument jistajipprovdi li l-partijiet jistgħu jagħżlu li japplikaw dawk ir-regoli”.

3.1.8   Peress li l-istrument fakultattiv huwa t-2 reġim tad-dritt kuntrattwali fil-liġi ta' kull Stat Membru, l-għażla tal-istrument fakultattiv tista’ ssir anke f’“każijiet purament domestiċi”. B’riżultat ta' dan, l-intraprendituri jistgħu jibbażaw it-tranżazzjonijiet kollha tagħhom – kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali – fuq it-2 reġim u dan ikompli jnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet legali.

3.1.9   Il-fatt li l-qrati ma jkunux jistgħu jqisu l-istrument fakultattiv bħala l-liġi “barranija” magħżula huwa karatteristika oħra tat-“2 reġim”. Għaldaqstant, japplikaw prinċipji bħal dak ta' “iura novit curia” u l-aċċess għall-Qrati Supremi nazzjonali ma jkunx limitat, bħalma sikwit jiġri meta jiġu applikati l-liġi barranija jew prinċipji ġenerali. Bl-istess mod, l-istituzzjonijiet li joffru mekkaniżmi ta' tressiq ta' lmenti barra mill-qrati u mekkaniżmi ta' rimedju ma jistgħux jirrifjutaw li jisimgħu każ billi jargumentaw li jkun qed jitressaq quddiem liġi barranija. Pereżempju, l-Ombudsman tal-Assigurazzjoni tal-Ġermanja jista’ jirrifjuta li jindirizza lment skont il-Kodiċi ta' Proċedura tiegħu jekk l-ilment ikun irid jiġi determinat b’mod deċiżiv skont il-liġi barranija (7). Madanakollu, strument fakultattiv Ewropew ikun it-“2 reġim” ta' dritt kuntrattwali f’kull Stat Membru u għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala liġi “barranija” mill-Ombudsman tal-Assigurazzjoni tal-Ġermanja.

3.1.10   Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, strument fakultattiv stabbilit mil-leġiżlatur Ewropew ikun soġġett għal proċeduri għal deċiżjoni preliminari mill-QĠE, u b’hekk tiġi garantita applikazzjoni uniformi tal-istrument fakultattiv mill-qrati nazzjonali tal-UE (8).

3.2   Dritt kuntrattwali fakultattiv u l-ħarsien tal-parti d-dgħajfa

3.2.1   It-“2 reġim” kif deskritt hawn fuq joħloq għażla li ma tkunx ristretta mir-regoli obbligatorji tal-liġi nazzjonali sakemm jikkunsidra b’mod suffiċjenti l-interess ġenerali mħares minn dawn ir-regoli. Dan joħloq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ħarsien tal-parti d-dgħajfa, speċjalment il-konsumaturi, ma jonqosx (9) u li dan ma jintużax sabiex jiġu evitati dispożizzjonijiet obbligatorji tal-liġi nazzjonali.

3.2.2   Dan jista’ jiġi ssalvagwardjat bi tliet mezzi:

a)

L-ewwel nett, it-“2 reġim” stess ikollu jipprevedi regoli obbligatorji u jkollu japplika livell għoli ta' ħarsien tal-parti d-dgħajfa (10);

b)

It-tieni nett, kwalunkwe esklużjoni ta' dispożizzjonijiet partikolari tat-“2 reġim” bi ftehim għandha tiġi evitata sabiex tiġi pprojbita “taħlita” ta' liġi nazzjonali u t-“2 reġim” billi jintgħażlu l-aktar standards laxki minn kull sors ta' liġi;

c)

Il-konsumatur għandu jiġi infurmat dwar l-istrumenti fakultattivi permezz ta' informazzjoni ġenerali għall-konsumatur pprovduta mill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u permezz tad-dmir prekuntrattwali tal-intraprenditur li jinforma lill-konsumatur li kuntratt huwa soġġett għal strument fakultattiv.

3.2.3   B’konsegwenza ta' dan, l-eliġibbiltà tat-“2 reġim” ma toħloqx inċentiv biex il-parti l-aktar b’saħħitha tipproponi lill-imsieħeb kuntrattwali tagħha liġi anqas protettiva. Minflok, l-inċentiv biex jintgħażel it-“2 reġim” jinħoloq mill-possibbiltà li jintużaw termini kuntrattwali fil-Komunità mingħajr adattamenti għal-liġi nazzjonali imma bbażati fuq it-“2 reġim”, li hu stess jipprevedi livell ta' protezzjoni tal-parti l-aktar dgħajfa ogħla minn dak tal-leġiżlazzjoni medja tal-Istati Membri.

3.2.4   Strument fakultattiv li jintroduċi livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur ser joffri vantaġġ għall-konsumatur għaliex il-prodotti li jitpoġġew fis-suq Ewropew abbażi tal-istrument fakultattiv jistgħu jiġu kkumparati iktar faċilment. Għalhekk l-istrument fakultattiv jista’ jżid it-trasparenza.

3.3   Il-bażi legali u l-forma ta' strument fakultattiv

3.3.1   Il-kompetenza tal-UE fir-rigward tal-adozzjoni ta' dan l-istrument tibqa’ kwistjoni prinċipali fid-diskussjoni tan-natura u l-karatteristiċi tiegħu. Xi awturi jikkunsidraw li l-Artikolu 81 TFUE (li kien Artikolu 61(c) u Artikolu 65 TKE) jista’ jkun il-bażi legali għax fl-opinjoni tagħhom il-prijorità hija l-livell ta' kunflitt tal-liġijiet u mhux il-liġi sostantiva. Għalhekk l-UE teħtieġ biss bażi affidabbli li tippermetti lill-partijiet li jagħżlu strument bħala liġi applikabbli u għalhekk għandha tiffoka biss fuq il-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali tal-liġi internazzjonali privata. Strument ibbażat fuq Artikolu 81 TFUE jista’ madanakollu jkopri biss “kwistjonijiet ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali” u ma jorbotx lir-Renju Unit, lill-Irlanda u lid-Danimarka.

3.3.2   Oħrajn jaħsbu li l-Artikolu 352 TFUE (li kien Artikolu 308 TKE) huwa l-aktar bażi legali adatta biex il-KE tingħata l-awtorità li toħroġ dan it-tip ta' strument fakultattiv sabiex tikseb wieħed mill-objettivi tat-Trattati abbażi tal-fatt li dawn ma pprovdewx il-poteri neċessarji (11).

3.3.3   Madanakollu, m’għandniex neskludu l-possibbiltà li nużaw l-Artikolu 114 TFUE (li kien Artikolu 95 TKE) billi din hija dwar l-“approssimazzjoni ta' liġijiet” li jaffettwaw direttament “l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern” u għandhom l-għan li jiksbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 26 (li kien Artikolu 14 TKE). Barra minn hekk, kull darba li l-leġiżlatur Ewropew ikollu wkoll il-poter li japprossima d-drittijiet kuntrattwali nazzjonali skont l-Artikolu 114 tat-TFUE, għandu jkollu l-possibbiltà li joħroġ strument fakultattiv li, wara kollox, huwa anqas imponenti fuq ir-reġimi nazzjonali u, għalhekk, huwa l-għażla preferuta fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.3.4   L-Artikolu l-ġdid 118 TFUE jipprovdi għal bażi legali speċjali. Madanakollu, l-ambitu tiegħu huwa limitat għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

3.3.5   Sabiex niżguraw uniformità massima, strument bħal dan għandu jagħmel parti minn Regolament (Artikolu 288(2) TFUE). B’hekk ikun jagħmel parti mil-liġi sostantiva ta' kull Stat Membru u għaldaqstat jiġi applikat biss jekk il-liġi tal-Istat Membru tkun tapplika għall-kuntratt ikkonċernat skont ir-regoli ta' kunflitt imsemmija f’Ruma I. Huwa jkollu jipprovdi regoli komprensivi u mhux standards minimi biss.

3.3.6   Fi kwalunkwe każ, il-kompatibbiltà ta' kull strument fakultattiv ġdid mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għandha tiġi evalwata bis-serjetà.

3.4   Kontenut

3.4.1   Strument fakultattiv futur għandu jikkonsisi f’parti ġenerali li tirregola l-applikazzjoni fakultattiva tiegħu u parti speċifika li tipprovdi regolamentazzjoni sostantiva fl-oqsma tal-liġi li tkopri.

3.4.2   Strument fakultattiv jista’ jiġi strutturat kif ġej:

Kapitolu 1:   Dispożizzjonijiet ġenerali

Kapitolu 1 ikun jikkonsisti f’4 jew 5 artikoli biss (12) u għandu jiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni tal-istrument fakultattiv u jistabbilixxi l-għażliet tal-partijiet. Għandu jispeċifika wkoll ir-regoli obbligatorji (b’mod partikolari regoli li jħarsu l-parti d-dgħajfa). Fl-aħħar nett, għandu jipprojbixxi kwalunkwe rikors għal-liġi nazzjonali u minflok jimla’ l-lakuni billi jipprovdi rikors għal prinċipji ġenerali komuni fil-liġijiet tal-Istati Membri (13).

Kapitolu 2:   Dispożizzjonijiet speċifiċi

Kapitolu 2 għandu jipprovdi regoli sostantivi fl-oqsma ta' liġi li huma fil-kamp ta' applikazzjoni tal-istrument fakultattiv.

3.5   Vantaġġi u diffikultajiet

3.5.1   Strument fakultattiv l-ewwel u qabel kollox jippermetti lill-partijiet li jidħlu f’kuntratt li jwettqu tranżazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea kollha abbażi ta' reġim wieħed tad-dritt kuntrattwali. L-ostakli għas-suq intern, bħall-ispejjeż u r-riskji legali li jinħolqu mid-differenzi bejn is-sistemi legali nazzjonali jew għall-konsumaturi jew għall-intrapriżi, ikunu jistgħu jingħelbu (14).

3.5.2   Barra minn hekk strument fakultattiv joffri iktar vantaġġi meta mqabbel mal-unifikazzjoni jew l-armonizzazzjoni tal-liġi nazzjonali.

3.5.2.1   L-ewwel nett, id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-istrument fakultattiv titħalla f’idejn is-suq. B’hekk jiġi żgurat li ma jiġix applikat biss fejn il-partijiet f’kuntratt iqisuh vantaġġ. L-istrumenti fakultattivi mistennija jintużaw mill-partijiet internazzjonali fis-swieq, filwaqt li l-atturi lokali jiffrankaw l-ispejjeż tat-traspożizzjoni b’mod partikolari b’rabta mal-abbozzar mill-ġdid tat-termini kuntrattwali sabiex jiġu adottati għal Reġim Ewropew ġdid.

3.5.2.2   It-tieni nett, il-kultura legali individwali ta' kull Stat Membru mhux se tintlaqat. Għalhekk strument fakultattiv ikun iktar aċċettabbli fil-qasam politiku. L-istess argument japplika għall-avukati nazzjonali ta' kull Stat Membru li probabbilment ser jargumentaw kontra l-introduzzjoni ta' liġi Ewropea tal-kuntratti minflok il-liġijiet tradizzjonali. Madanakollu mhux ser ikollhom raġuni għalfejn jopponu strument fakultattiv li ma jmissx il-liġi nazzjonali.

3.5.3   Barra minn hekk diġà jeżistu xi sistemi tat-2 Reġim (ara punt 3.6.3). Dan jindika biċ-ċar li l-liġijiet kostituzzjonali nazzjonali mhumiex sors ta' kunflitt fil-konfront ta' strumenti fakultattivi.

3.5.4   Madanakollu, il-ħolqien ta' strument fakultattiv fid-dritt kuntrattwali jew oqsma oħra tal-liġi privata jista’ joħloq xi problemi tekniċi. Jidher ċar li mhuwiex faċli li tinħoloq l-għażla u tiġi rregolata r-relazzjoni bejn żewġ settijiet ta' liġijiet kuntrattwali li jeżistu fl-istess ħin. Madanakollu, hekk kif jindika l-pjan għal strument fakultattiv possibbli fil-ġejjieni, il-problemi tekniċi jistgħu jingħelbu.

3.6   Strumenti simili

3.6.1   Diġà jeżistu strumenti fakultattivi kemm fil-livell globali kif ukoll fil-livell Ewropew.

3.6.2   Fost l-eżempji fil-livell dinji huma l-Konvenzjoni tan-NU dwar Kuntratt għall-Bejgħ Internazzjonali tal-Oġġetti (1980) (15), il-Konvenzjonijiet tal-UNDROIT dwar il-Factoring Internazzjonali (16) u dwar il-Kiri Finanzjarju Internazzjonali (17). Dawn il-konvenzjonijiet huma bbażati fuq mudell ta' opt-out (18).

3.6.3   Jeżistu bosta strumenti fakultattivi fil-livell Ewropew:

Regolamenti li jistabbilixxu l-kumpaniji Ewropej bħar-Regolamenti dwar is-societas europaea (19), dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku (20) jew dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (21);

Regolamenti li jistabbilixxu d-drittijiet Ewropej tal-proprjetà intellettwali bħal dak dwar it-trade mark Komunitarja (22) u dwar il-Privattiva Komunitarja (23);

Regolamenti li joffru proċeduri ċivili Ewropej bħar-Regolamenti dwar proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea (24) u dwar Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (25).

Strumenti fakultattivi oħra huma proposti fosthom ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni (26) Dawn ir-Regolamenti jew Proposti jżidu strumenti Ewropej ma' dawk tal-liġi nazzjonali.

4.   It-28 reġim u regolamentazzjoni aħjar

4.1   It-tlestija tas-suq uniku

4.1.1   Strument fakultattiv jappoġġja bis-sħiħ it-tħaddim tas-suq uniku u jirrappreżenta mezz perfett ta' armonizzazzjoni volontarja b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

4.1.2   Barra minn hekk, strument fakultattiv jiffaċilita l-moviment liberu tal-konsumaturi u jsaħħaħ il-mobilità transkonfinali u l-kompetizzjoni bejn in-negozji.

4.1.3   Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona ma jbiddilx is-sitwazzjoni fir-rigward tal-ħolqien tar-reġim fakultattiv.

4.2   Id-dritt kuntrattwali Ewropew

4.2.1   In-netwerk tal-“Prinċipji Komuni tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew” (CoPECL-Netwerk) reċentement ikkonkluda l-“Abbozz tal-Qafas Komuni ta' Riferiment” (27) u ressqu lill-Kummissjoni Ewropea. Huwa ċar li, hekk kif stqarret il-Kummissarju Reding, dawn ir-regoli jservu ta' mudell li jista’ juża l-leġiżlatur Ewropew meta joħroġ strument fakultattiv (28). Għad hemm bżonn madanakollu ta' regola dwar l-applikazzjoni fakultattiva tas-CFR/il-Prinċipji Komuni b’konformità mal-proposta li teżisti tal-Artikolu 1:102 tal-PEICL (29).

4.3   Oqsma ta' applikazzjoni futuri

4.3.1   Hemm bżonn ikbar ta' strument fakultattiv fl-oqsma tad-dritt kuntrattwali li huma ddominati minn regoli obbligatorji tal-liġi nazzjonali li huma ostaklu legali għat-tħaddim tas-suq uniku (30). Dan diġà stqarritu l-Kummissjoni fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, inkluża l-assigurazzjoni (31). Għalhekk is-servizzi finanzjarji (il-liġi dwar il-banek u l-assigurazzjoni) jistgħu jkunu qasam prinċipali għall-applikazzjoni futura ta' strument fakultattiv filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumatur taħit iċ-ċirkustanzi kollha (sakemm il-proposta li tikkonċerna dan tiġi finalizzata b’konformità mal-qafas ta' referenza komuni).

4.3.2   Il-bejgħ lill-konsumaturi (b’mod partikolari l-bejgħ fuq l-internet) wkoll jista’ jiġi soġġett għat-28 Reġim. Madanakollu fejn jidħol il-bejgħ lill-konsumatur, ir-relazzjoni tal-istrument fakultattiv mal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (32) trid titqies bir-reqqa.

4.3.3   Apparti d-dritt kuntrattwali, l-istrumenti fakultattivi jistgħu jiġu adottati wkoll fl-oqsma tal-liġi privata: id-drittijiet tas-sigurtà fil-proprjetà mobbli jew oġġetti li mhumiex tanġibbli huma kandidati oħra li jistgħu jidħlu fit-“28 reġim”. Il-proposta tal-Kummissjoni għal ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni (33) turi l-applikazzjoni possibbli ta' strumenti fakultattivi fil-liġi dwar is-suċċessjoni; il-liġi dwar il-proprjetà matrimonjali wkoll tista’ tiġi soġġetta għal strument fakultattiv fil-futur.

4.3.4   Fil-qasam tal-liġi kuntrattwali ġenerali, il-bżonn ta' strument fakultattiv huwa inqas urġenti. L-Abbozz tal-Qafas Komuni ta' Riferiment (DCFR), li jkopri d-dritt kuntrattwali ġenerali, fil-fatt mhuwiex abbozzat bħala strument fakultattiv. Madanakollu l-edituri tad-DCFR fl-introduzzjoni tagħhom jenfasizzaw li jista’ jintuża bħala l-bażi ta' strument fakultattiv wieħed jew iktar (34). Din il-proposta tista’ tiġi implimentata wkoll b’mod restrittiv bl-introduzzjoni tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali tad-DCFR fi strument fakultattiv li japplika biss f’oqsma speċifiċi tad-dritt kuntrattwali. Dan jista’ jgħin biex jiġu evitati lakuni regolatorji li ser jinħolqu jekk japplikaw biss dispożizzjonijiet speċifiċi għal tipi ta' kuntratti partikolari.

5.   Is-sejbiet li ħarġu mis-seduta pubblika tal-Osservatorju tas-Suq Uniku tas-6 ta' Jannar 2010

5.1   Numru ta' varjazzjonijiet dwar is-suġġett tat-28 reġim diġà jeżistu jew huma proposti fil-liġi Ewropea tal-kumpaniji, il-liġi proċedurali intellettwali u l-liġi tas-suċċessjoni. Kollha jmorru lil hin mil-limiti nazzjonali, jindaħlu inqas fil-liġijiet nazzjonali u joħolqu opportunitajiet ġodda għall-atturi tas-suq fil-kummerċ transkonfinali. Madanakollu, it-28 reġim irid jirrispetta regoli stretti tal-ħarsien tal-konsumatur u fl-istess waqt ikun iktar rigoruż mill-armonizzazzjoni. Il-pensjonijiet huma kwistjoni prinċipali tat-28 reġim b’madwar 18-il miljun pensjonant fl-Ewropa jgħixu fi Stat Membru ieħor. Fl-aħħar mill-aħħar, it-28 reġim għandu jiffoka fuq informazzjoni tajba u l-bini tal-fiduċja (eż. kuntratti) u jwassal għal servizzi u prodotti iktar sempliċi (b’mod partikolari s-servizzi finanzjarji). Fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bl-imnut, għandha tingħata prijorità lil leġislazzjoni aħjar tal-ħarsien tal-konsumatur: il-kriżi wriet il-bżonn li jiġu rregolati s-servizzi kollha offruti lill-konsumaturi u li jiġu offruti servizzi finanzjarji semplifikati lill-konsumaturi kollha li jkunu jixtiequ dan. Madanakollu, il-kunsens politiku li għandu jiniseb sabiex tiġi offruta l-għażla tat-28 reġim u l-bażi legali tiegħu għadhom fuq l-aġenda. Il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni għandhom janalizzaw b’mod sistematiku l-possibbiltà ta' “approċċ fakultattiv”, jiġifieri li jiġi adottat it-28 reġim; dan jista’ jkun risposta għal problemi speċifiċi u mhux alternattiva ġenerika għad-dritt kuntrattwali.

Brussell, 27 ta’ Mejju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 157, 28.6.2005, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.

(3)  ĠU C 157, 28.6.2005, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 157, 28.6.2005, p. 1, relatur Pegado Liz (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 318, 23.12.2006, p. 200, relatur Von Fürstenwerth (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 65, 17.3.2006, p. 134, relatur Ravoet (mhux disponibbli bil-Malti). ĠU C 309, 16.12.2006, p. 26, relatur Iozia (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 65, 17.3.2006, p. 13, relatur Burani (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 27; 3.2.2009, p. 18, relatur Grasso; ĠU C 151, 17.6.2008, p. 1, relatur Iozia; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26, relatur Pegado Liz.

(5)  Dwar l-idea ta' strument alternattiv bħat-“2 reġim”, ara Heiss, Introduzzjoni, fBasedow/Birds/Clarke/Cousy/Heiss (ed.), “Principles of European Insurance Contract Law” (2009) I 45.

(6)  L-Assemblea Nazzjonali Franċiża reċentement adottat rapport informali dwar id-drittijiet tal-konsumatur (relatur: is-Sinjura M. Karamanli) li ssuġġerixxa li t-28 reġim legali Ewropew jiġi ttestjat fil-qafas tar-regolament Ruma I.

(7)  Ara Heiss, Introduzzjoni, fBasedow/Birds/Clarke/Cousy/Heiss (eds.), “Principles of European Insurance Contract Law” (2009) I 47.

(8)  Ibid.

(9)  Skont il-Professur M. Hesselink tal-Università ta' Amsterdam, f’termini ta' ġustizzja soċjali “(…) it-28 reġim jista’ jintgħażel billi wieħed jagħfas fuq buttuna blu (…). Jekk l-abbozz tal-QFR isir strument fakultattiv fil-kuntratti B2C, dan ma jwassalx għal dumping soċjali. (…) L-għażla tal-liġi għall-abbozz tal-QFR, jekk jippermetti l-leġiżlatur Ewropew, tista’ toħloq sitwazzjoni fejn kulħadd joħroġ rebbieħ fil-kuntratti B2C.

(10)  Ara Heiss/Downes, Non-Optional Elements in an Optional European Contract Law: Reflections from a Private International Law Perspective, ERPL 13 (2005) 693 (699).

(11)  Hesselink/Rutgers/de Booys, The Legal Basis for an Optional Instrument on European Contract Law, Centre for the Study of European Contract Law Working Paper No. 2007/04.

(12)  Fuq il-bażi tal-mudell tal-Prinċipji tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew ta' Assigurazzjoni (PEICL) u soġġett għal aktar diskussjonijiet.

(13)  Sabiex jiġi evitat kull sors ta' konfużjoni ikun utli li jiġu determinati l-prinċipji ġenerali jew li jkun hemm rikors għal regoli ġenerali applikabbli għall kull tip ta' kuntratt li jinsabu fil-Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law – Draft Common Frame of Reference (DCFR) Book I-III, outline edition 2009), fejn jew meta dan ikun rikonoxxut minn strument legali tal-UE.

(14)  Ara pereżempju, Basedow, Ein optionales Europäisches Vertragsgesetz: Opt-in, opt-out, wozu überhaupt?, ZEuP 2004, 1.

(15)  It-test huwa disponibbli hawn: www.uncitral.org.

(16)  Ibid.

(17)  Ibid.

(18)  Ara Art. 6 CISG; Art. 3 tal-Konvenzjoni dwar il-Factoring Internazzjonali; Art. 5 tal-Konvenzjoni dwar il-Kiri Finanzjarju Internazzjonali.

(19)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' Kumpannija Ewropea (SE), ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.

(20)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2137/85 tal-25 ta' Lulju 1985 dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku (GEIE), ĠU L 199, 31.7.1985, p. 1.

(21)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE), ĠU L 297, 18.8.2003, p. 1.

(22)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 ta' Frar 2009 dwar it-Trade Mark Komunitarja, ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1.

(23)  Ir-Regolament ġie adottat fl-4 ta' Diċembru 2009 iżda għadu ma ġiex ippubblikat fil-ĠU.

(24)  Ara Premessa 10 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1 kif emendat.

(25)  Ara Premessa 8 tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1.

(26)  Ara Kapitolu VI tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta' ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, COM(2009) 154 finali.

(27)  Ara von Bar/Clive/Schulte-Nölke et al. eds.), Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law – Draft Common Frame of Reference (DCFR) Outline Edition (2009); l-Assigurazzjoni tad-DCFR tinsab f’Basedow/Birds/Clarke/Cousy/Heiss (eds.), Principles of European Insurance Contract Law (2009).

(28)  Fis-seduta ma' Viviane Reding, il-Kummissarju inkarigata mill-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, il-Parlament Ewropew, 7.1.2010.

(29)  L-Artikolu 1:102 tal-Prinċipji tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew ta' Assigurazzjoni (PEICL), li jindirizza l-applikazzjoni alternattiva tagħhom, jistipula li l-PEICL għandhom japplikaw meta l-partijiet ikkonċernati, minkejja xi limitazzjonijiet fl-għażla tal-liġi skont il-liġi internazzjonali privata, jaqblu li dawn il-prinċipji għandhom jirregolaw il-kuntratt tagħhom. (Basedow, The Optional Application of the Principles of European Insurance Contract Law, in Fuchs (ed.), European Contract Law, – ERA Forum Special Issue 2008 vol 9, 111).

(30)  Ara Heiss/Downes, Non-Optional Elements in an Optional European Contract Law: Reflections from a Private International Law Perspective, ERPL 13 (2005) 697 (693).

(31)  Ara, pereżempju, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Liġi kuntrattwali Ewropea aktar koerenti – Pjan ta' Azzjoni, tat-12 ta' Frar 2003, COM (2003) 68 finali, nru 47, 48.

(32)  COM(2008) 614 finali.

(33)  Ara COM(2009) 154 finali, punt 3.6.3.

(34)  von Bar/Beale/Clive/Schulte-Nölke in von Bar/Clive/Schulte-Nölke et al. eds.), Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law – Draft Common Frame of Reference (DCFR) Outline Edition (2009); Intr. 79.


Top