Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE1627

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l- ‘Istrateġija tal-Enerġija għall-2011-2020’

    ĠU C 54, 19.2.2011, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 54/1


    L-467 SESSJONI PLENARJA TAT-8 U D-9 TA’ DIĊEMBRU 2010

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-‘Istrateġija tal-Enerġija għall-2011-2020’

    (Opinjoni esploratorja)

    (2011/C 54/01)

    Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

    Nhar it-12 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    l-Istrateġija tal-Enerġija għall-2011-2020

    (Opinjoni esploratorja).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Novembru 2010.

    Matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (sessjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’138 vot favur, 40 vot kontra u 21 astensjoni.

    1.   Introduzzjoni u Sommarju

    1.1   Il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tadotta Strateġija tal-Enerġija għall-2011-2020 u Pjan ta’ Azzjoni għal sistema ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju sal-2050. Hija talbet lill-Kumitat iħejji opinjonijiet esploratorji dwar dawn iż-żewġ suġġetti bħala kontribut għal ħidmiethom.

    1.2   Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li dawn iż-żewġ suġġetti qed jiġu żviluppati flimkien. L-investiment fis-settur tal-enerġija huwa wieħed fit-tul, u huwa ferm importanti li l-istrateġija għall-għaxar snin li ġejjin tkun waħda li taħdem biex jinkisbu l-għanijiet iktar fit-tul għall-2050.

    1.3   Il-Kummissjoni ħarġet dokument ta’ valutazzjoni, “Lejn strateġija ġdida tal-enerġija għall-Ewropa 2011-2020” bħala bażi għall-konsultazzjoni. F’din l-opinjoni l-ewwel Taqsima tippreżenta fil-qosor il-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna. It-tieni Taqsima tispjega fil-qosor għadd ta’ temi ġenerali li għandhom jiġu ttrattati f’din l-istrateġija. Imbagħad it-Taqsima 3 tikkummenta dwar il-kwistjonijiet partkolari li tqajmu għad-diskussjoni fid-dokument ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni.

    1.4   Tul l-aħħar 200 sena, id-dinja ddependiet l-iktar mill-karburanti fossili għall-enerġija u t-trasport. Matul dan iż-żmien kienu disponibbli għall-estrazzjoni sorsi abbundanti ta’ karburanti fossili bi prezzijiet komparattivament irħas, u dawn ippermettew li d-dinja żviluppata tikseb żieda enormi fil-produttività u l-istandards tal-għajxien.

    1.5   Madankollu, fl-erbgħin sena li ġejjin il-biċċa l-kbira tal-esperti jaqblu li l-provvisti taż-żejt u tal-gass ser isiru anqas abbundanti u se jkun hemm kompetizzjoni qawwija u prezzijiet ogħla għar-riżorsi li jkun baqa’. Il-faħam probabbilment ser jibqa’ relattivament aktar abbundanti, u x’aktarx se jkun hemm inqas riskju ta’ limitazzjonijiet serji fil-provvista tul is-seklu li jmiss. Iżda d-dinja teħtieġ b’mod urġenti li tnaqqas il-livell tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-ħruq tal-karburanti fossili sabiex jiġi evitat tibdil fil-klima katastrofiku; u dan japplika għall-faħam daqs kemm japplika għaż-żejt u l-gass.

    1.6   Għalhekk id-dinja teħtieġ li tittrasforma l-bażi tal-enerġija tagħha kif ukoll l-użu tal-enerġija sal-2050. Għandu jsir kull sforz biex jintużaw aktar id-diversi sorsi alternattivi ta’ enerġija kollha mill-iktar fis possibbli. Fil-każijiet fejn ikomplu jintużaw il-karburanti fossili, ser ikun meħtieġ li l-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom jinġabru minn ras il-għajn biex jinħażnu jew jintużaw mill-ġdid ħalli jiġi evitat li jiġu rilaxxati fl-atmosfera. U f’kull settur l-enerġija teħtieġ li tintuża b’mod ħafna aktar effiċjenti mil-lum.

    1.7   Il-ġestjoni effettiva ta’ din it-trasformazzjoni hija waħda mill-akbar sfidi li s-soċjetà u l-gvernijiet qed jiffaċċjaw fis-seklu 21. Din ser teħtieġ approċċ ġdid fl-ipprezzar tal-enerġija u tas-servizzi tal-enerġija sabiex ikun żgurat, b’mod partikolari, li l-użu tal-karburanti fossili jerfa’ l-prezz kollu tal-piż tas-CO2 li dan jimponi fuq id-dinja, investiment massiv fit-teknoloġiji ġodda, sħubiji ġodda b’saħħithom bejn l-industrija u l-gvernijiet sabiex tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa, u trasformazzjoni tal-attitudnijiet tal-pubbliku fir-rigward tal-użu tal-enerġija u l-ispejjeż tagħha.

    1.8   Il-pajjiżi ser ikollhom jaħdmu flimkien mill-viċin biex jiksbu l-bidliet meħtieġa. Fl-istess ħin il-proċess tat-trasformazzjoni nnifsu ser ikun intensament kompetittiv. Ser ikun hemm kompetizzjoni ħarxa għall-aċċess għas-sorsi li jifdal taż-żejt u l-gass, fl-istess ħin meta jibdew jinbtu oqsma ġodda għall-kompetizzjoni fl-iżvilupp ta’ sorsi alternattivi ta’ enerġija u fil-prodotti u servizzi li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-pajjiżi u r-reġjuni li jagħmlu progress minn kmieni lejn effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija u implimentazzjoni effettiva ta’ enerġija alternattiva se jsaħħu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom. Dawk li ser jitlajjaw u jittardjaw it-trasformazzjoni ser jiskopru li l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom saddet.

    1.9   L-Ewropa u l-Unjoni Ewropea issa jinsabu fi stadju kritiku ta’ din l-evoluzzjoni. L-Ewropa għandha raġunijiet b’saħħithom biex tagħti spinta ’l quddiem lil din it-trasformazzjoni peress li tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet barranin taż-żejt u l-gass u hija vulnerabbli għal kwalunkwe limitazzjoni li jista’ jkun hemm fuq dawn il-provvisti. Kienet ukoll fuq quddiem tal-kuxjenza pubblika u politika li dejjem qed tikber dwar it-theddida tat-tibdil fil-klima u wasslet għall-iżvilupp ta’ uħud mis-sorsi alternattivi tal-enerġija li ser ikunu meħtieġa, u miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f’uħud mis-setturi ewlenin.

    1.10   Iżda l-Ewropa m’għandhiex tikkuntenta bis-sitwazzjoni attwali. Il-proċess ta’ trasformazzjoni għadu ma beniex biżżejjed momentum biex jipproċedi bis-saħħa tiegħu stess, u jista’ faċilment jaqa’ lura minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi attwali u minħadda l-viżjoni fil-qosor li dawn iġibu magħhom. Sadattant pajjiżi u reġjuni oħra bħalma huma ċ-Ċina u l-Istati Uniti jinsabu lesti sabiex jieħdu azzjoni rapida. Iċ-Ċina, b’mod partikolari, x’aktarx issir kompetitur vigoruż ħafna fl-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija alternattivi.

    1.11   Huwa ta’ importanza vitali għall-Ewropa li din tiżviluppa dinamiżmu ġdid għat-trasformazzjoni tal-enerġija. L-istrateġija tal-enerġija l-ġdida tal-UE tista’, u għandha, tipprovdi l-qafas sabiex dan jiġi stabbilit. Għandha tfassal għanijiet u miri kif ukoll tispjega fil-qosor il-miżuri u l-istrutturi li jinħtieġu biex dan jinkiseb. Jeħtieġ li l-adozzjoni tal-istrateġija mill-Kunsill u l-istituzzjonijiet tkun l-okkażjoni għall-mobilizzazzjoni ta’ rieda politika, soċjetali u kummerċjali magħquda għall-bidliet meħtieġa. Hija opportunità li ma tistax tiġi injorata jew imberbqa.

    2.   Elementi Ewlenin tal-istrateġija

    2.1   L-Istrateġija tal-Enerġija l-ġdida għall-Ewropa bejn l-2011 u l-2020 għandha tkun ibbażata fuq mill-inqas tliet pilastri: is-sigurtà tal-provvista, ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u l-kompetittività tal-enerġija. Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi li saru biex tinbeda t-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u biex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tagħha, però jiddispjaċih li l-kwistjoni tal-kompetittività tal-enerġija ngħatat ftit wisq attenzjoni fid-dokument ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2010 intitolat “Towards a new energy strategy 2011-2020” (Lejn strateġija tal-enerġija ġdida għall-2011-2020). Hemm riskju reali li jkun hemm rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tal-impjiegi minħabba l-ispejjeż kumulattivi tal-politiki kollha tal-enerġija, sakemm ma jiġux adottati l-miżuri adegwati mingħajr dewmien.

    2.2   Fil-fehma tal-KESE l-elementi ewlenin tal-istrateġija jistgħu jiġu elenkati taħt l-intestaturi li ġejjin:

    Is-sinjali ekonomiċi jridu jkunu tajbin

    It-teknoloġiji jridu jkunu tajbin

    Il-mobilizzazzjoni tal-finanzi

    L-istituzzjonijiet u l-istrutturi (pubbliċi u privati) iridu jkunu tajbin

    Irid jiġi żgurat l-impenn tal-konsumaturi u tal-pubbliku

    Il-bini ta’ alleanza u sħubiji Ewropej għat-transizzjoni u li jiġi stabbilit ftehim ġenerali dwar l-objettivi, ir-ritmu tal-miri avvanzati u speċifiċi li għandhom jinkisbu sa dati speċifiċi

    2.3   Is-Sinjali Ekonomiċi. Minn perspettiva ta’ ekonomista, l-uniku mezz l-aktar importanti sabiex isseħħ it-trasformazzjoni meħtieġa tas-settur tal-enerġija huwa li l-enerġija tiġi pprezzata kif suppost, inklużi l-esternalitajiet kollha tal-produzzjoni u l-użu tagħha. B’mod partikolari l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija għandhom jerfgħu l-ispiża sħiħa tal-iżvantaġġ globali tal-produzzjoni tagħha tas-CO2 li din tikkawża.

    2.4   Fil-preżent dan assolutament mhuwiex il-każ mad-dinja kollha. Il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija xejn mhuma qed jerfgħu mill-ispejjeż tal-karbonju, u f’ħafna postijiet dawn għadhom jirċievu sussidji perversi biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-enerġija u titħeġġeġ id-domanda għaliha kif ukoll il-produzzjoni tal-karbonju assoċjata ma’ din. Il-politika tal-ġejjieni għandha timmira biex l-emissjonijiet tas-CO2 li ġejjin mill-ħruq tal-karburanti fossili jerfgħu l-prezz sħiħ tal-karbonju. Kwalunkwe sussidju li jifdal għandu jiffoka b’ħafna aktar reqqa fuq

    il-promozzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp fit-teknoloġiji l-ġodda,

    l-appoġġ għall-użu ta’ teknoloġiji ġodda li qed jinbtu b’livelli baxxi ta’ karbonju għal perijodi limitati sakemm dawn isiru b’saħħithom u indipendenti fis-swieq,

    l-inkoraġġiment għall-użu ta’ miżuri u tekniki għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija,

    u l-għajnuna għal djar ifqar u aktar vulnerabbli sabiex jiġu żgurati s-servizzi tal-enerġija li dawn jeħtieġu.

    2.5   L-Ewropa għamlet xi progress fid-direzzjoni ta’ strutturi ta’ pprezzar aħjar. Iżda t-taħlita attwali tagħha – magħmula minn ħafna taxxi differenti tal-karburanti f’pajjiżi differenti, xi sussidji ta’ produzzjoni residwi, sistema tal-iskambju tal-karbonju imperfetta u volatili, eċċ. – tinsab ’il bogħod milli tagħti s-sinjali tal-prezzijiet stabbli u konsistenti li huma meħtieġa biex il-fornituri u l-konsumaturi tal-enerġija jkunu jistgħu jippjanaw fiduċjużi bil-quddiem biex jagħmlu l-investimenti kbar jew żgħar. L-istrateġija tal-enerġija l-ġdida għandha tistabbilixxi għanijiet u miri ċari għal

    l-eliminazzjoni ta’ sussidji perversi fis-setturi tal-enerġija u dawk relatati kemm min-naħa tal-produzzjoni kif ukoll minn dik tal-konsum

    aktar armonizzazzjoni tat-tassazzjoni tal-karburanti, il-proċessi u l-prodotti kollha li jipproduċu gass b’effett ta’ serra

    l-iffissar ta’ prezz xieraq tal-karbonju fis-setturi kollha, kemm jekk permezz ta’ estensjoni tas-sistema tal-iskambju u l-eliminazzjoni tal-punti dgħajfa tagħha, kemm jekk permezz ta’ mezzi fiskali oħra

    u l-iffukar ta’ kwalunkwe sussidju li jifdal fuq l-iskopijiet speċifiċi msemmija hawn fuq.

    2.6   Il-prezzijiet tal-enerġija x’aktarx ser jibqgħu ogħla milli kienu fil-passat (u l-provvista ta’ xi sorsi ta’ enerġija tal-Ewropa tista’ tkun ristretta minn żmien għal żmien). L-enerġija trid tintuża bl-ikbar effiċjenza possibbli sabiex il-konsum globali tal-enerġija u l-livell ta’ investiment ġdid jinżammu f’livelli fattibbli. Għandu jsir l-ikbar sforz possibbli biex tiġi promossa l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-setturi kollha.

    2.7   Li l-prezzijiet ikunu tajbin huwa importanti iżda fil-fehma tal-Kumitat dan mhuwiex biżżejjed biex il-momentum jingħata spinta irriversibbli fid-direzzjoni tal-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Ser jinħtieġu ħafna miżuri u inizjattivi oħra, b’mod partikolari fl-istadji tal-bidu qabel ma s-suq innifsu ma jkun jista’ jipprovdi l-impuls prinċipali.

    2.8   It-Teknoloġiji t-Tajba. Għad iridu jsiru sforzi kbar biex jiġu promossi l-iżvilupp u l-istallazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija alternattivi, inkluża medda sħiħa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Meta dawn l-alternattivi jkunu kompletament żviluppati, dawn għandhom isiru kompetittivi bis-sħiħ fis-suq u m’għandhomx ikunu jeħtieġu iktar appoġġ speċjali apparti mid-differenza favurihom implikata minn prezz adegwat tal-karbonju. Iżda sal-2020 ħafna minn dawn it-teknoloġiji ser ikunu għadhom fi stadju ta’ żvilupp u x’aktarx ser ikunu jeħtieġu inkoraġġiment finanzjarju permezz tal-programmi tar-Riċerka u l-Iżvilupp, tariffi “feed-in” jew inċentivi oħra għall-investiment, u appoġġ għal żvilupp adegwat tal-infrastruttura.

    2.9   Ħafna mis-sorsi alternattivi tal-enerġija x’aktarx ser ikunu użati bl-aktar mod effettiv bħala kontribut għall-ġenerazzjoni tal-elettriku: sabiex isir l-aħjar użu mill-kontribut tagħhom, in-netwerk tal-elettriku ser ikollu jissaħħaħ bil-kbir u ser ikollu jitwessa’ fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew, u jrid isir iktar “intelliġenti” sabiex ikun jista’ jakkomoda diversi kontributi minn ħafna sorsi differenti fi skali differenti minbarra li jkollu jindirizza tendenzi ta’ domanda li jvarjaw.

    2.10   Il-kapaċità sekondarja (standby) jew il-ħażna (flimkien ma’ grilja integrata) fil-ġejjieni ser ikollhom rwol saħansitra iktar importanti x’jaqdu minn dak attwali billi ser ikollhom ikampaw b’tendenzi jiżdiedu u jonqsu tal-provvista minn sorsi rinnovabbli, bħalma hija l-enerġija mir-riħ u x-xemx, kif ukoll tendenzi ta’ domanda li jiżdiedu u jonqsu. L-impjanti tal-idroelettriku, l-impjanti bbażati fuq il-bijomassa, il-faċilitajiet għall-ħżin tal-gass, u possibbilment il-ħażna tal-batteriji fuq skala kbira jista’ jkollhom parti dejjem iktar importanti x’jaqdu għal dan il-għan flimkien mal-impjanti tal-karburanti fossili li jifdal (b’mod partikolari l-impjanti bbażati fuq il-gass) li jkunu mgħammra b’sistemi ta’ ħażna tal-karbonju.

    2.11   Għadd ta’ kummentaturi jemmnu li l-ġenerazzjoni ġdida ta’ impjanti nukleari se jkollha rwol importanti fl-ekonomija l-ġdida b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, u bosta pajjiżi kemm fl-Ewropa kif ukoll barra mill-Ewropa qed jieħdu passi biex itawlu l-ħajja tal-impjanti eżistenti u biex jippjanaw għal impjanti ġodda. Il-maġġoranza tal-Kumitat taqbel li l-enerġija nukleari se jkollha rwol fit-transizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Iżda t-teknoloġija għall-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari konvenzjonali issa hija żviluppata sew, u fil-fehma tal-Kumitat kull impjant nukleari ġdid li jiġi żviluppat issa għandu jkun obbligat iħallas l-ispejjeż ekonomiċi kollha għat-tħaddim, l-assigurazzjoni u eventwalment għad-diżattivazzjoni u l-ħażna u r-rimi tal-iskart mingħajr l-ebda sussidju espliċitu jew moħbi.

    2.12   Il-faħam ser jibqa’ biċ-ċar sors importanti ta’ enerġija, b’mod partikolari għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, għal għadd ta’ għexieren ta’ snin li ġejjin. Sabiex jiġi minimizzat l-impatt tas-CO2 jeħtieġ li l-isforzi għall-iżvilupp u l-istallazzjoni tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju jingħataw spinta sew ’il quddiem u jiġu stabbiliti skadenzi għall-istallazzjoni tagħhom fl-impjanti kollha tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam.

    2.13   Jeħtieġ li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni jiġu promossi sew fis-setturi kollha, inklużi, b’mod partikolari, it-trasport, id-djar u l-bini, is-settur tal-enerġija, u l-industriji ta’ enerġija intensiva.

    2.14   Il-Mobilizzazzjoni tal-Finanzi. Biex tiġi implimentata din it-trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija jeħtieġ li jsir investiment qawwi tul l-għoxrin sena li ġejjin (probabbilment tlieta jew erba’ darbiet ogħla mil-livelli tal-investiment attwali). Sabiex issir din l-espansjoni hemm bżonn strateġija Ewropea ambizzjuża biex jiġu stabbiliti objettivi ċari, u biex jinħoloq qafas tar-regolazzjoni, inċentivi u appoġġ ieħor li jkunu tajbin, konsistenti u ta’ min joqgħod fuqhom għall-industriji kkonċernati sabiex dawn ikunu jistgħu jimxu mingħajr xkiel lejn il-kisba ta’ dawn l-objettivi.

    2.15   L-Istrutturi u l-Istituzzjonijiet it-Tajba. Din it-trasformazzjoni ser teħtieġ ukoll li jissaħħu sew l-arranġamenti istituzzjonali għall-ippjanar u l-iggwidar tal-iżviluppi filwaqt li jitkompla jitħeġġeġ suq dinamiku u kompetittiv biex isiru l-investimenti neċessarji. L-ippjanar tal-provvista tal-enerġija, il-ġestjoni tal-grilja, u r-regolazzjoni tas-suq tal-enerġija u l-istrutturi tat-tariffi tiegħu lkoll għandhom jiġu eżaminati u integrati jew koordinati fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat li jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-Istrateġija tal-Enerġija għall-2011-2020.

    2.16   Il-bidliet meħtieġa ser ikollhom bżonn bidliet rapidi u sostanzjali fit-tendenzi tal-produzzjoni u l-konsum fl-ekonomija Ewropea. Min-naħa tal-produzzjoni, għandhom jinħolqu ħafna intrapriżi u impjiegi ġodda fil-qasam tal-enerġija hekk kif tiġi żviluppata l-enerġija rinnovabbli u prodotti u servizzi effiċjenti fl-użu tal-enerġija; fl-istess ħin, fl-oqsma antiki tas-settur tal-enerġija ser jintilfu intrapriżi oħra. Ser ikun hemm bżonn programm kbir ta’ sensibilizzazzjoni, taħriġ u taħriġ mill-ġdid biex din it-transizzjoni tiġi ġestita b’mod armonjuż.

    2.17   Bħalissa hemm suq internazzjonali li qed jikber b’rata mgħaġġla f’dawn it-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet il-ġodda li jinħtieġu għat-trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija. L-Ewropa għandha tespandi s-settur proprju tar-Riċerka u l-Iżvilupp u tħeġġeġ lill-industriji u lin-negozji tagħha biex jiżguraw post ewlieni f’dan is-suq dinamiku u kompetittiv.

    2.18   L-involviment tal-Konsumaturi, l-SMEs u l-pubbliku inġenerali. Min-naħa tad-domanda, għandu jsir sforz mill-ikbar biex jiġu edukati u inċentivati l-konsumaturi u l-intrapriżi lokali sabiex ikunu jistgħu jagħtu sehemhom fil-konsum intelliġenti li jkun meħtieġ fil-ġejjieni. Kull tip ta’ konsumatur (kemm il-kumpaniji kif ukoll id-djar) ser ikollhom bżonn informazzjoni adatta dwar l-opportunitajiet disponibbli għalihom biex ikunu jistgħu jużaw l-enerġija b’mod iktar effiċjenti u biex jassistu fit-transizzjoni għall-provvista ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. F’bosta każijiet ser ikollhom bżonn ukoll inċentivi biex jadottaw miżuri ta’ effiċjenza fl-użu ta’ enerġija huma nfushom jew biex jinstallaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

    2.19   X’aktarx il-prezzijiet tal-enerġija ser jibqgħu ogħla mill-passat, u l-impatti fuq djar ifqar, u jeħtieġ li l-persuni vulnerabbli jiġu evalwati bir-reqqa, u li l-politiki jitfasslu skont il-ħtieġa. Dawn id-djar għandhom ikunu l-kandidati ta’ prijorità għall-għajnuna għall-istallazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kemm minħabba li dawn m’għandhomx ir-riżorsi biex jieħdu dawn il-miżuri f’idejhom, kif ukoll minħabba li l-prezzijiet ogħla tal-enerġija ser ikunu aktar ta’ piż fuqhom milli fuq dawk li qegħdin f’sitwazzjoni finanzjarja aħjar.

    2.20   Alleanza Ewropea favur il-bidla. Sabiex titwettaq it-trasformazzjoni enormi u rapida li hemm bżonn, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaqsmu l-kompetenzi tagħhom u jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu l-integrazzjoni teknika u ekonomika meħtieġa tas-suq uniku tal-enerġija, u biex jinvolvu s-setturi rilevanti tal-industrija fil-ħidma lejn it-transizzjoni. L-Istrateġija tal-UE għandu jkollha responsabbiltà konġunta u implimentazzjoni konġunta.

    2.21   Miri. Sabiex jinżamm ir-ritmu tal-bidla, il-Kumitat jissuġġerixxi li jkun siewi għall-istrateġija tal-UE li tistabbilixxi sensiela ta’ dati ta’ mira interrelatati u konsistenti għat-twettiq ta’ partijiet partikolari tat-transizzjoni. Imbagħad kull mira tkun teħtieġ il-miżuri proprji għall-implimentazzjoni u l-pjani ta’ investiment maħduma b’kooperazzjoni mal-industrija u partijiet interessati oħra. Eżempji jistgħu jinkludu:

    Il-miri li huma diġà stabbiliti għas-sorsi rinnovabbli għall-2020, u miri oħra għall-2030, l-2040 u l-2050

    Ladarba t-tekniki jew it-teknoloġiji għall-ġbir jew it-tneħħija tal-karbonju mill-impjanti tal-karburanti fossili jiġu pprovati dan ikun jeħtieġ li mill-bidu jiġu inkorporati fi kwalunkwe impjant ġdid tal-karburanti fossili u li jiġu stabbiliti skadenzi għalihom biex jiġu applikati għal kull impjant eżistenti

    Dati ta’ mira biex kull dar ġdida u bini ieħor ġdid ikun kiseb status ta’ emissjonijiet ta’ livell żero, u biex progressivament jiġi mgħammar il-bini eżistenti

    Dati ta’ mira biex b’mod progressiv il-flotta ta’ vetturi ssir taħdem bl-elettriku

    Miri indikattivi għat-tneħħija tal-karbonju tal-fossili għat-tisħin u t-tisjir fid-djar.

    2.22   Kull waħda minn dawn il-miri u miżuri individwali għandhom jiġu integrati fl-istrateġija komprensiva għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, u jkunu konsistenti mal-mira globali ta’ 20 jew 30 % tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-2020.

    3.   Oqsma ta’ prijorità għall-istrateġija l-ġdida tal-enerġija identifikati fid-Dokument ta’ Konsultazzjoni tal-Kummissjoni

    3.1   Grilji integrati moderni. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li huwa tal-ikbar importanza għall-Ewropa li tiġi żviluppata infrastruttura ta’ grilja iktar b'saħħitha, iktar resiljenti, iktar intelliġenti u iktar integrata. Sabiex jiġu garantiti l-iktar riżultati effiċjenti mill-enerġija rinnovabbli għandha tingħata preferenza lill-istallazzjoni ta’ diversi tipi ta’ enerġija rinnovabbli fl-iktar postijiet adatti għal kull tip (l-enerġija mir-riħ fejn l-iktar li jagħmel ir-riħ, l-enerġija mix-xemx fejn tagħmel l-iktar ix-xemx, eċċ.), imbagħad tintuża grilja effiċjenti biex l-enerġija tiġi trasferita fejn hemm bżonn. Sabiex nilħqu l-aħjar livell possibbli fuq skala Ewropea fl-aħħar mill-aħħar ifisser li l-produzzjoni globali tal-elettriku fl-Ewropa trid titqies bħala sistema unika integrata. Għandha tiġi stabbilita “Grilja Unika Ewropea” kif ukoll proġetti konġunti u strutturi biex din tiġi ppjanata u amministrata. Il-grilja trid ikun kapaċi tamministra u topera b’mod intelliġenti fil-livelli kollha sabiex tqabbel bl-aħjar mod il-provvista mad-domanda. Fost objettivi oħra, il-grilja integrata ser ikollha takkomoda l-kontribut tal-enerġija minn sorsi mbiegħda (pereżempju, l-istallazzjonijiet tar-riħ fil-baħar jew tax-xemx fid-deżert; u l-użu ta’ AC u DC f’partijiet differenti tan-netwerk ikollu jiġi ottimizzat biex jitnaqqas kemm jista’ jkun it-telf tal-enerġija fin-netwerk globali.

    3.2   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu iktar qrib xulxin u mal-ENTSOs kollha biex jistabbilixxu struttura koordinata għall-ippjanar tal-iżvilupp u l-ġestjoni tan-netwerk integrat, inklużi l-parametri tekniċi u finanzjarji għall-bini u t-tħaddim tiegħu.

    3.3   Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li ser ikun importanti li jiddaħħal il-kejl intelliġenti (smart metering) f’kull livell tal-konsum, inklużi d-djar individwali. Il-konsumaturi ser ikollhom bżonn ħafna u ħafna għajnuna mill-fornituri tal-karburant u mill-korpi pubbliċi biex ikunu jistgħu jifhmu l-informazzjoni li ser jagħtuhom il-meters intelliġenti u biex jingħataw għażliet ġenwini dwar kif jistgħu jużaw din l-informazzjoni biex jagħmlu l-aħjar użu mit-tendenzi tal-konsum tagħhom tal-enerġija.

    Progress lejn sistema ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. L-UE diġà ħadet l-impenn li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju b’20 %, u bi 30 % jekk pajjiżi oħra jieħdu impenji kumparabbli. Dawn l-impenji huma xprun importanti għal ħafna politiki oħra u għall-investiment fis-sistemi l-ġodda tal-enerġija li ser jinbtu minnhom. Fil-fehma tal-Kumitat ikun mixtieq li l-UE timpenja lilha nnifisha, b’konformità mal-proposta mill-Ministri tal-Ambjent tal-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit, biex minn kmieni tibda tissikka l-mira tagħha tas-CO2 għall-2020 sabiex sa dak iż-żmien jinkiseb tnaqqis ta’ 30 % minflok l-impenn attwali ta’ 20 % jekk il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali jippermettu dan mingħajr it-telf tal-kompetittività u sakemm dan it-tnaqqis isir verament flimkien mal-miżuri u l-investiment meħtieġa sabiex dan jinkiseb.

    3.4.1   L-Unjoni Ewropea diġà qiegħda fit-triq it-tajba biex tikseb l-20 % tnaqqis sal-2020, (diġà nkiseb 17 % tnaqqis sal-2009) u tista’ tgawdi jekk jitħeġġeġ aktar il-fatt li l-iskadenza għat-tnaqqis tkun eqreb biex it-trasformazzjoni tal-enerġija sseħħ aktar malajr, is-suq tal-kummerċ tal-karbonju jaħdem b’mod aktar effettiv, u titjieb il-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa fit-tul. Iżda jekk titqies politikament, u f’termini tal-protezzjoni fuq żmien qasir tal-kompetittività tal-industrija Ewropea (b'mod partikolari s-setturi tal-enerġija intensiva), naturalment ikun ħafna aktar faċli li nimxu lejn tnaqqis ta’ 30 % jekk pajjiżi industrijalizzati oħrajn jimpenjaw ruħhom li jagħmlu tnaqqis kumparabbli, u jekk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw l-aktar avvanzati jaqblu li jagħtu kontribut adegwat għall-isforz globali. Dan ikun ifisser li l-pajjiżi ewlenin kollha jaqsmu bejniethom b’mod aktar ugwali l-ispejjeż tal-investiment u l-piżijiet tal-prezz tal-enerġija għall-ġestjoni tat-transizzjoni tal-enerġija, u li r-“rilokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-karbonju” titnaqqas kemm jista’ jkun.

    3.4.2   S’issa l-UE ppruvat tuża l-possibbiltà li nimxu lejn mira ta’ 30 % għall-2020 bħala ass għan-negozjar biex tipperswadi pajjiżi oħra jieħdu impenji simili. Iżda f’Kopenħagen u wara ħareġ li din mhijiex tattika effettiva. Sadanittant, mal-mogħdija taż-żmien, bil-mod qed tintilef l-opportunità li mira ogħla għall-2020 tintuża bħala mezz kif titħaffef it-trasformazzjoni tal-enerġija fi ħdan l-Ewropa nnifisha.

    3.4.3   Billi qed tkompli l-assenza ta’ qbil globali komprensiv dwar it-tibdil fil-klima, l-UE għandha tqis li tersaq qabel lejn mira ta’ tnaqqis ta’ 25 % sal-2020, biex b’hekk jiġi mmirat il-livell baxx tal-firxa tat-tnaqqis li l-IPCC rrakkomanda għal dik is-sena għall-pajjiżi żviluppati. Dan għandu jiżgura wkoll parti mill-benefiċċju tat-trasformazzjoni jekk tiġi adottata mira aktar stretta mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jinżamm il-benefiċċju tan-negozjar li jkun hemm 5 % aktar tnaqqis x’jiġi offrut biex pajjiżi oħra jitħeġġu jagħmlu aktar fis-sentejn li ġejjin.

    3.5   Pass bikri f’din id-direzzjoni jista’ jwassal għal limiti iktar stretti fl-iskema tal-iskambju tal-emissjonijiet tal-karbonju u b’hekk għal prezz ogħla u iktar effettiv għall-emissjonijiet tal-karbonju. Il-Kumitat jemmen li biex is-sistema tal-iskambju twassal għal riżultati ġenwini, għandu jiġi stabbilit prezz minimu ta’ EUR 30, u għandhom isiru arranġamenti biex jiġi żgurat li jinkiseb proporzjon ogħla tat-tnaqqis tal-karbonju fl-UE permezz ta’ investimenti adatti, iktar mill-esportazzjoni għal partijiet oħra tad-dinja bis-saħħa tal-mekkaniżmu għal żvilupp nadif (Clean Development Mechanism – CDM). Madankollu, minkejja dan it-titjib, il-Kumitat xorta jemmen li huwa importanti li ma jiġux eżaġerati r-riżultati li jistgħu jinkisbu mis-sistema tal-iskambju biss. Barra minn hekk jista’ jirriżulta politikament u kompetittivament inaċċettabli li s-sistema tissaħħaħ sostanzjalment fl-UE jekk partijiet oħra tad-dinja jkomplu jżommu lura milli jieħdu azzjoni komparabbli. Ser ikun meħtieġ li bosta politiki oħra simili għal dawk imsemmija f’din l-opinjoni jiġu introdotti taħt strateġija komprensiva jekk it-trasformazzjoni tal-enerġija għandha sseħħ bil-pass meħtieġ, u jista’ jkun hemm bżonn li jingħataw enfasi akbar fl-istrateġija tal-ġejjieni jekk is-sistema tal-iskambju tkompli tkun difettuża fil-prattika.

    3.6   L-UE diġà mxiet biċċa sew fit-triq lejn it-twaqqif ta’ standards minimi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-bini, il-vetturi u varjetà ta’ prodotti u servizzi oħra. Iżda għad hemm ħafna xi jsir biex dawn il-limiti jiġu estiżi u jsiru iktar stretti. U għad hemm ħafna iktar xi jsir biex jiġi żgurat li dawn l-istandards kollha jiġu implimentati u rispettati. Il-Kummissjoni ser ikollha żżid il-pressjoni fuq l-Istati Membri biex jiżviluppaw pjani ta’ azzjoni u politiki adegwati għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

    3.7   It-tmexxija fl-innovazzjoni teknoloġika. L-innovazzjoni teknoloġika ser tkun kruċjali biex is-settur tal-enerġija jiżviluppa prodotti u servizzi ġodda, u biex il-prezzijiet tagħhom jitniżżlu f’livelli fattibbli. L-Ewropa qiegħda fil-periklu li taqa’ lura wara l-kompetituri internazzjonali l-kbar f’dan is-settur, u għandha żżid ir-Riċerka u l-Iżvilupp (pubbliku u privat) fit-teknoloġiji l-ġodda prinċipali. Fil-livell Ewropew, il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET-Plan) għandu jiġi implimentat minnufih.

    3.8   L-enerġija għandha tingħata prijorità ogħla f’kull programm rilevanti tal-UE, inkluż b’mod partikolari, fil-fondi strutturali. L-Istati Membri wkoll għandhom jagħtu prijorità ogħla lill-pjani ta’ investiment tagħhom, b’mod partikolari dawk relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli. L-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-kumpaniji tas-settur privat li joperaw fil-provvista u d-distribuzzjoni tal-enerġija u li jaħdmu fuq prodotti u servizzi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jingħataw qafas ta’ regolazzjoni ġust u stabbli u l-inċentivi li jwassluhom biex jaqdu r-rwol tagħhom fl-espansjoni tal-isforzi.

    3.9   Il-Kumitat jaqbel li hemm rwol partikolarment importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fiż-żoni tagħhom u fil-koordinazzjoni tal-pjani għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. Huwa jirrakkomanda li jkun hemm appoġġ Ewropew għall-inizjattivi eċċellenti li ilhom jieħdu l-membri tal-Patt tas-Sindki fil-qasam tal-enerġija u li għandhom jinstabu mezzi biex din l-inizjattiva tissaħħaħ u tiġi estiża.

    3.10   Politika esterna tal-enerġija b’saħħitha u koordinata. Il-Kumitat jaqbel li l-UE tista’ tibbenefika minn politika tal-enerġija iktar koordinata ma’ pajjiżi terzi. Iżda tkun kemm tkun koordinata l-politika tagħha, l-Ewropa ser tibqa’ vulnerabbli fil-livell internazzjonali jekk tibqa’ dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni tal-karburanti fossili minn partijiet oħra tad-dinja, b’mod partikolari jekk dawn ikunu konċentrati f’xi ftit pajjiżi biss. Iktar ma l-UE tħaffef biex tikseb livelli ogħla ta’ effiċjenza, livelli iktar baxxi ta’ konsum globali u inqas dipendenza fuq l-importazzjoni ta’ karburanti fossili, iktar se tkun sigura l-pożizzjoni tagħha.

    3.11   Il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tingħata prijorità għolja lill-miżuri li joħolqu sitwazzjoni b’opportunitajiet indaqs għall-operaturi tal-enerġija fl-Ewropa, u għall-promozzjoni tat-trasparenza għall-klijenti rigward l-aspetti kollha tas-servizzi tal-enerġija li jirċievu. Kull tip ta’ konsumatur (kemm il-kumpaniji kif ukoll id-djar) ser ikollu jitgħallem jagħti ħafna iktar attenzjoni lit-tendenzi tal-konsum tiegħu tal-enerġija u l-opportunitajiet li ser ikunu disponibbli biex tintuża inqas enerġija b’iktar effiċjenza.

    3.12   X’aktarx il-prodotti u s-servizzi tal-enerġija ser jogħlew relattivament fil-prezz u dan ser jagħti inċentiv ekonomiku f’din id-direzzjoni. Iżda kull tip ta’ konsumatur, bir-raġun, ser jistenna iktar minn żidiet fil-prezzijiet biex jgħinuh jaqbad it-triq it-tajba. L-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-enerġija tal-prodotti u s-servizzi ser ikollha ssir ħafna iktar disponibbli, flimkien ma’ informazzjoni speċifika dwar l-għażliet li ser ikunu disponibbli u l-assistenza biex issir il-bidla (pereżempju, l-għażla tat-titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija fid-djar u bini ieħor, għażliet tat-trasport iktar ekoloġiċi, xiri u għażliet ta’ vaganzi iktar ekoloġiċi, eċċ.).

    Brussell, 9 ta’ Diċembru 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    APPENDIĊI

    It-test li ġej tal-Opinjoni tas-Sezzjoni ġie modifikat skont l-emenda li ġiet adottata mill-Assemblea, minkejja li mill-inqas kwart tal-voti mitfugħa kienu kontra din il-bidla:

    Punt 3.4

    Progress lejn sistema ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. L-UE diġà ħadet l-impenn li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju b’20 %, u bi 30 % jekk pajjiżi oħra jieħdu impenji kumparabbli. Dawn l-impenji huma xprun importanti għal ħafna politiki oħra u għall-investiment fis-sistemi l-ġodda tal-enerġija li ser jinbtu minnhom. Fil-fehma tal-Kumitat ikun mixtieq li l-UE timpenja lilha nnifisha, b’konformità mal-proposta mill-Ministri tal-Ambjent tal-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit, biex minn kmieni tibda tissikka l-mira tagħha tas-CO2 għall-2020 sabiex sa dak iż-żmien jinkiseb tnaqqas ta’ 30 % minflok l-impenn attwali ta’ 20 % jekk il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali jippermettu dan mingħajr it-telf tal-kompetittività u sakemm dan it-tnaqqis isir verament flimkien mal-miżuri u l-investiment meħtieġa sabiex dan jinkiseb.

    Riżultat tal-votazzjoni dwar l-emenda:

    88 vot favur 82 vot kontra u 26 astensjoni.


    Top