Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE1376

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI” COM(2010) 95 finali – 2010/0065 (COD)

    ĠU C 51, 17.2.2011, p. 50–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 51/50


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI”

    COM(2010) 95 finali – 2010/0065 (COD)

    2011/C 51/10

    Relatur: is-Sur SIBIAN

    Nhar it-22 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI

    COM(2010) 95 finali – 2010/0065 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2010.

    Fid-dawl tat-tiġdid tal-Kumitat, l-Assemblea Plenarja ddeċiediet li l-votazzjoni fuq din l-opinjoni ssir fis-sessjoni plenarja ta’ Ottubru u ħatret lis-Sur SIBIAN bħala relatur ġenerali, b’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura.

    Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’mod unanimu.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jappoġġja l-impenn tal-UE li tipprevjeni u tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u tħares id-drittijiet tal-vittmi u jilqa’ l-approċċ integrat u globali tad-direttiva.

    1.2

    It-traffikar tal-bndemin huwa ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, reat b’ħafna aspetti li kollha għandhom jitqiesu. Id-definizzjoni proposta mid-direttiva tkopri diversi forom ta’ vittmi u ta’ sfruttament, inklużi l-elemożina u l-isfruttament tal-attivitajiet kriminali, li huma żewġ oqsma ġodda koperti minn din id-direttiva. Id-definizzjoni tkopri wkoll it-traffikar għall-għan tat-teħid tal-organi, il-ksur serju tal-integrità fiżika u tad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din id-definizzjoni wiesgħa tal-offiżi li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin.

    1.3

    Il-KESE huwa tal-fehma li s-sanzjonijiet kriminali għall-offiżi relatati mat-traffikar iridu jkunu proporzjonati mal-gravità estrema ta’ dawn ir-reati. Għalhekk jirrakkomanda li jiġu adottati pieni u sanzjonijiet aktar ħorox flimkien mal-qbid ta’ assi li ġejjin minn attivitajiet illegali. L-investigazzjonijiet dwar it-traffikar tal-bnedmin għandhom jinkludu wkoll l-investigazzjonijiet finanzjarji. Huwa assolutament neċessarju li jiġu armonizzati l-pieni u s-sanzjonijiet bejn l-Istati Membri.

    1.4

    Apparti l-istabbiliment ta’ sanzjonijiet għal dawk li jwettqu r-reati, aspett ieħor ta’ importanza primarja fil-ġlieda kontra dan il-ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem huwa li jiġu assigurat li s-sentenzi li jingħataw mill-Qorti jiġu skontati. Fil-każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin, il-KESE jirrakkomanda li m’għandu jkun hemm l-ebda possibbiltà ta’ bdil ta’ sanzjoni jew ħelsien mill-ħabs qabel ma jiġi skontat il-perijodu speċifikat fis-sentenza.

    1.5

    Il-KESE jaqbel mal-fehma li l-vittmi tat-traffikar jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli u għandhom jiġu protetti minn vittimizzazzjoni sekondarja u aktar trawma matul il-proċedimenti kriminali. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jerġa’ jinkiteb l-Artikolu 7 tad-Direttiva, li bħalissa jgħid li “L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-possibbiltà li ma jagħmlux prosekuzzjoni jew jimponu pieni fuq il-vittmi” u l-kelma “possibbiltà” tiġi sostitwita b’terminu aktar qawwi, sabiex in-nuqqas ta’ prosekuzzjoni u li ma jiġux imposti pieni jsiru r-regola aktar milli l-eċċezzjoni.

    1.6

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-vittmi tat-traffikar, il-KESE jipproponi li dawn jiġu pprovduti b’assistenza legali b’xejn u ta’ kwalità, mill-mument li jiġu identifikati bħala tali.

    1.7

    Fil-każ tal-minuri, l-assistenza u l-appoġġ għandhom jikkonsistu primarjament li t-tfal jingħaqdu mal-familji tagħhom, jekk dawn tal-aħħar ma kinux involuti fit-traffikar.

    1.8

    Sabiex il-vittmi tat-traffikar jerġgħu jintegraw b’suċċess u sabiex jiġi evitat li jerġgħu jiġu traffikati hekk kif jaslu, il-vittmi tat-traffikar għandhom jibbenefikaw minn perijodu ta’ riflessjoni (1), li apparti l-għajnuna medika, għandu jipprovdilhom edukazzjoni u/jew taħriġ professjonali.

    1.9

    Il-prinċipju ta’ non-refoulement għandu jiġi applikat ukoll fil-każ tat-traffikar tal-bnedmin, u jiġi assigurat li l-vittmi ma jintbagħtux lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini jekk ħajjithom jew il-libertà tagħhom huma mhedda.

    1.10

    Il-KESE jaqbel mal-fehma li fost l-azzjoni u d-deċiżjonijiet ulterjuri dwar it-traffikar tal-bnedmin għandu jkun hemm il-prevenzjoni. F’dan ir-rigward, hemm bżonn ta’ għarfien u analiżi profondi tal-kawżi li huma sors tat-traffikar sabiex dawn il-fatturi jiġu miġġielda b’mod effettiv u b’hekk titnaqqas ir-rata tat-traffikar tal-bnedmin.

    1.11

    It-traffikar tal-bnedmin huwa kemm kwistjoni globali kif ukoll problema lokali. Il-KESE jemmen li l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-prosekuzzjoni jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikun hemm sħubija estensiva li tinvolvi l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, is-settur privat, it-trejdjunjins u l-livelli kollha ta’ gvern. Għandu jinħoloq ambjent ostili għat-traffikanti tal-bnedmin.

    1.12

    Is-soċjetà ċivili wkoll taqdi rwol ċentrali fl-isforz tal-ġlieda tat-traffikar. Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-Direttiva tantiċipa kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa kruċjali li dawn il-korpi jkunu involuti f’kull fażi ta’ dan il-proċess, mill-identifikazzjoni tal-vittmi sal-għotja tal-assistenza. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu rwol vitali fir-riintegrazzjoni soċjali tal-vittmi potenzjali u għalhekk jistgħu jkollhom effett preventiv indirett u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta’ iktar vittimizzazzjoni u involviment fit-traffikar tal-bnedmin.

    1.13

    Il-KESE jappoġġja l-idea li hemm nuqqas ta’ data komparabbli fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin. Għalhekk, hemm bżonn li tinġabar data ta’ kwalità dwar dan il-fenomenu b’mod armonizzat fl-Istati Membri tal-UE permezz tat-twaqqif ta’ Rapporteurs Nazzjonali.

    1.14

    Il-ħatra ta’ korpi nazzjonali ta’ rappurtaġġ fuq dan is-suġġett għandha ssir ir-regola, u l-mandat tagħhom speċifikat b’mod ċar. Skont id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jaħtru korpi nazzjonali ta’ rappurtaġġ jew jistabbilixxu mekkaniżmi oħra ekwivalenti. Il-KESE jikkunsidra li għandu jissemma biss tip wieħed ta’ istituzzjoni, u dan il-korp nazzjonali f’kull Stat Membru għandu jikkoordina politiki u azzjoni fil-livell reġjonali u mal-Istati Membri l-oħra, sabiex jiġu evitati diskrepanzi prinċipali bejn il-pajjiżi.

    1.15

    Il-KESE jinsab ħerqan biex jara azzjoni konsistenti, sodisfaċenti u deċiżiva b’riżultat tal-ftehim li ntlaħaq mill-Istati Membri dwar il-ħatra ta’ koordinatur Ewropew għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fil-livell Ewropew.

    2.   Proposta tal-Kummissjoni

    Il-proposta għal direttiva tibni fuq il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u tadotta l-istess approċċ globali li jkopri l-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi u l-monitoraġġ. Barra minn hekk, il-proposta turi dawn l-elementi prinċipali ta’ valur miżjud:

    passi biex il-pieni jkunu proporzjonati mas-severità tar-reati;

    klawżola ta’ ġurisdizzjoni ekstraterritorjali usa’ u aktar vinkolanti, li tobbliga lill-Istati Membri li jipproċedu kontra ċittadini u residenti abitwali li wettqu r-reat tat-traffikar barra t-territorju tal-Istat Membru;

    ambitu usa’ għad-dispożizzjoni relatata man-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ sanzjonijiet lill-vittmi għall-involviment tagħhom f’attivitajiet kriminali, ikunu xi jkunu il-mezzi illeċiti li ntużaw mit-traffikanti, skont il-Protokoll ta’ Palermo;

    għajnuna mtejba għall-vittmi, speċjalment fit-trattament mediku, kif ukoll miżuri ta’ protezzjoni;

    garanzija ta’ protezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini jekk il-vittmi jintbagħtu lura fih;

    miżuri protettivi speċjali għat-tfal, nisa u gruppi vulnerabbli oħra li huma l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; u

    barra minn hekk, l-integrazzjoni ta’ dispożizzjonijiet analogi fl-acquis tal-UE turi l-vantaġġi ta’ rabta iktar b’saħħitha imposta mill-ordni legali tal-UE, preċiżament id-dħul fis-seħħ immedjat u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1

    Il-KESE jappoġġja l-impenn tal-UE li tipprevjeni u tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u tħares id-drittijiet tal-vittmi. L-għan tad-Direttiva proposta huwa li jiġu stabbiliti regoli minimi għal sanzjonijiet li japplikaw għal reati ta’ traffikar tal-bnedmin u li jiżdiedu l-isforzi biex jitwaqqaf dan il-fenomenu u jiġu protetti l-vittmi tiegħu.

    3.2

    Il-KESE jilqa’ l-approċċ integrat u globali tad-direttiva. Peress li t-traffikar tal-bnedmin huwa forma moderna ta’ skjavitù u huwa kummerċ li jħalli ħafna qligħ għal reati organizzati u qiegħed jiżdied fl-Ewropa (skont il-valutazzjoni tal-Europol tal-2009), huwa essenzjali li l-approċċ tal-UE fil-qasam ikun iċċentrat fuq id-drittijiet tal-bnedmin u globali u jkun jiffoka fuq ir-relazzjonijiet esterni, il-politiki ta’ ritorn u ta’ riintegrazzjoni, l-affarijiet soċjali, l-inklużjoni soċjali, il-migrazzjoni u l-asil.

    3.3

    Il-KESE jinnota li d-direttiva tindirizza l-iżviluppi reċenti fil-fenomenu tat-traffikar tal-bnedmin, u għalhekk id-definizzjoni tat-traffikar tal-bnedim hija konformi ma’ standards miftiehma fil-livell internazzjonali, bħal dawk imfissra fil-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra t-Traffikar tal-Bnedmin.

    3.4

    Il-preambolu tad-direttiva jinkludi speċifikazzjonijiet ċari relatati ma’ x’inhu inkluż fl-espressjoni “persuni partikularment vulnerabbli”. Peress li t-tfal huma iktar vulnerabbli u għalhekk iktar fir-riskju li jisfgħu vittmi tat-traffikar, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil din il-kategorija ta’ vittmi. Il-KESE jqis li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom jingħataw konsiderazzjoni primarja, skont kif tistabbilixxi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    3.5

    Madankollu, huwa importanti li d-definizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin tkopri t-tipi kollha ta’ vittmi, inklużi n-nisa u l-irġiel, u tiġi rikonoxxuta l-possibbiltà li persuna tkun f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà.

    3.6

    Jitqiesu l-aspetti kollha ta’ dan ir-reat. Id-definizzjoni ta’ traffikar tal-bnedmin tkopri diversi forom ta’ vittmi u ta’ sfruttament, inklużi l-elemożina u l-isfruttament tal-attivitajiet kriminali, li huma żewġ oqsma ġodda koperti mid-Direttiva proposta. Id-definizzjoni tkopri wkoll it-traffikar għall-għan tat-teħid tal-organi, il-ksur serju tal-integrità fiżika u tad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din id-definizzjoni wiesgħa tal-offiżi li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin.

    3.7

    Il-KESE jqis li l-Istati Membri għandhom jintegraw definizzjoni usa’ ta’ traffikar (kif ukoll jintuża lingwaġġ usa’ kontra t-traffikar) fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jipprovdu qafas li jindirizza dan il-fenomenu kumpless u f’evoluzzjoni kontinwa fil-forom diversi tiegħu. Pereżempju, għandhom jitqiesu wkoll forom possibbli tar-reat bl-użu tal-internet u t-teknoloġiji tal-informatika b’mod ġenerali.

    3.8

    Id-direttiva hija progress importanti billi tistabbilixxi livelli ċari ta’ pieni u sanzjonijiet. L-għan tad-dokument huwa li jassigura armonizzazzjoni tal-livell ta’ sanzjonijiet bejn l-Istati Membri.

    3.9

    Il-KESE huwa konxju tad-diffikultajiet li ġew iffaċċjati fit-tfassil tad-direttiva, rigward l-istabbiliment ta’ livelli massimi u uniformi ta’ pieni. Madankollu, huwa importanti li l-pieni jiġu armonizzati, peress li hemm differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri: minn tlieta sa għoxrin sena ħabs għal offiżi bażiċi u minn għaxar snin sa għomor il-ħabs għal ċirkostanzi aggravanti. Minkejja d-differenzi bejn id-diversi sistemi u politiki penali, il-KESE jqis li r-risposta għaż-żjieda fir-rata ta’ dawn ir-reati hija politika ta’ pieni severi u stretti b’inkriminazzjoni soda.

    3.10

    Skont id-data disponibbli attwalment, ġie stmat li kull sena, mijiet ta’ eluf ta’ persuni jiġu ttraffikati minn pajjiżi terzi lejn l-UE jew fl-UE stess. Barra minn hekk, fl-2008, in-numru ta’ każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin li nfetħu mill-Eurojust żdied b’aktar minn 10 % meta mqabbel mal-2007. Illum il-ġurnata, dan it-tip ta’ traffikar jeżisti f’forma jew oħra f’kull wieħed mis-27 Stat Membru u dan ir-reat qiegħed isir aktar frekwenti.

    3.11

    Il-livell ta’ pieni u sanzjonijiet għal dawk li japprofittaw mit-traffikar tal-bnedmin għandu jirrifletti l-gravità tar-reat u jaġixxi ta’ deterrent effettiv. B’hekk, il-pieni proposti għandhom għalhekk jiġu riveduti u jiżdiedu, peress li l-KESE jqis li priġunerija ta’ ħames snin ma tirriflettix biżżejjed il-gravità ta’ dan ir-reat. Sanzjonijiet aktar qawwijin iservu aħjar l-interessi ta’ din id-direttiva. B’konsegwenza, il-pieni assoċjati ma’ ċirkostanzi aggravanti għandhom jiġu aġġustati. Il-prattika li s-sentenzi ta’ ħabs jinbidlu minħabba imġiba tajba jew f’kommemorazzjoni ta’ festivitajiet nazzjonali eċċ., m’għandhiex tiġi applikata għar-reati f’din il-kategorija.

    3.12

    Aspett ieħor ta’ importanza primarja li jrid jitqies mill-Istati Membri huwa li jiġi assigurat li s-sentenzi jiġu skontati. Minħabba l-gravità tar-reat m’għandhiex tiġi aċċettata l-prattika li s-sentenzi ta’ ħabs jinbidlu u jingħata l-ħelsien mill-ħabs qabel ma jiġi skontat il-perijodu kollu speċifikat fis-sentenza.

    3.13

    Barra l-pieni stabbiliti minn din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jinkludu sanzjonijiet fil-forma ta’ qbid ta’ assi, li jista’ jolqot il-qalba tar-raġunijiet ekonomiċi ta’ dawn l-attivitajiet (2), projbizzjoni fuq it-tluq mill-pajjiż u restrizzjonijiet fuq ċerti drittijiet ċivili u politiċi. L-investigazzjonijiet fit-traffikar tal-bnedmin għandhom jinkludu wkoll investigazzjonijiet finanzjarji.

    3.14

    Il-KESE jaqbel mal-fehma li l-vittmi tat-traffikar jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli u għandhom jiġu protetti minn vittimizzazzjoni sekondarja u aktar trawma matul il-proċedimenti kriminali. Iridu jkunu wkoll f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv u jiksbu l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġa.

    3.15

    Il-KESE jaqbel għalkollox li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għandhom ikunu protetti mill-prosekuzzjoni u l-ikkastigar għall-attivitajiet kriminali relatati maċ-ċirkostanzi tagħhom meta jkunu suġġetti għat-traffikar (eż. l-użu ta’ dokumenti foloz, il-prostituzzjoni, l-immigrazzjoni illegali eċċ.). Din il-protezzjoni hija meħtieġa biex tiġi evitata vittimizzazzjoni ulterjuri u tinkoraġġixxi lill-vittmi jkunu xhieda fil-proċedimenti kriminali. L-Artikolu 7 jgħid li: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-possibbiltà li ma jagħmlux prosekuzzjoni jew jimponu pieni fuq il-vittmi …”. Il-KESE jirrakkomanda li l-kelma “possibbiltà” tiġi sostitwita b’terminu aktar qawwi, sabiex in-nuqqas ta’ prosekuzzjoni u li ma jiġux imposti pieni jsiru r-regola aktar milli l-eċċezzjoni.

    3.16

    Il-vittmi tat-traffikar għandhom ikunu protetti mill-vittimizzazzjoni sekondarja u iktar trawma matul il-proċedimenti kriminali. Għalhekk, il-vittmi kollha tat-traffikar għandhom jingħataw il-possibbiltà li jixhdu minn wara skrin jew f’kamra separata, ħalli ma jiffaċċjawx direttament lit-traffikanti jew lil dawk li wettqu r-reat, peress li dan jista’ jwassal għal tensjoni jew biża’.

    3.17

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, mill-mument li jiġu identifikati bħala tali, għandhom jiġu pprovduti b’assistenza legali b’xejn u ta’ kwalità. Din l-assistenza hija wkoll fl-interess tal-istat, għax din tiggarantixxi li l-vittma tingħata l-protezzjoni meħtieġa kemm jista’ jkun malajr u tiġi assigurata parteċipazzjoni volontarja fl-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali.

    3.18

    Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi ripetut il-prinċipju ta’ non-refoulement, u jiġi assigurat li l-vittmi ma jintbagħtux lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini jekk ħajjithom jew il-libertà tagħhom jistgħu jkunu mhedda.

    3.19

    Il-KESE jikkunsidra li l-klawżola ta’ ġurisdizzjoni ekstraterritorjali proposta mid-direttiva tista’ toħloq kunflitti fit-twettiq tal-ġurisdizzjoni fil-proċedimenti kriminali.

    3.20

    L-assistenza u l-appoġġ għat-tfal vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għandhom jikkonsistu primarjament li t-tfal jingħaqdu mal-familji tagħhom, jekk dawn tal-aħħar ma kinux involuti fit-traffikar.

    3.21

    Sabiex il-vittmi tat-traffikar jerġgħu jintegraw b’suċċess u sabiex jiġi evitat li jerġgħu jiġu traffikati hekk kif jaslu, il-vittmi għandhom jibbenefikaw minn perijodu ta’ riflessjoni (3), li apparti l-għajnuna medika, għandu jinkludi edukazzjoni u/jew taħriġ professjonali. Il-perijodu ta’ riflessjoni għandu jsir irrispettivament mill-vittmi li jixhdu kontra min iwettaq ir-reat u irrispettivament mir-ritorn volontarju tagħhom lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom.

    3.22

    Il-KESE jaqbel mal-fehma li azzjoni u deċiżjonijiet ulterjuri dwar it-traffikar tal-bnedmin għandhom jinkludu prevenzjoni, kif ukoll protezzjoni u assistenza lill-vittmi u kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-partijiet interessati kollha.

    3.23

    L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-kawżi li huma s-sors tat-traffikar, rappreżentati mill-faqar u d-disparitajiet globali tal-istat tad-dritt. Id-distribuzzjoni żbilanċjata tal-ġid, in-nuqqas ta’ edukazzjoni, id-diskriminazzjoni, il-governanza medjokra, ir-rati għoljin ta’ qgħad, l-infurzar dgħajjef tas-sistema, il-kunflitti armati u l-korruzzjoni joħolqu qasam favorevoli għat-traffikar tal-bnedmin. Il-ġlieda kontra dawn il-fatturi għandha twassal ukoll għal tnaqqis fil-frekwenza tat-traffikar tal-persuni.

    3.24

    Anke jekk id-definizzjoni fid-direttiva tal-persuna legali li tista’ tinsab responsabbli għal offiżi kriminali li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin teskludi Stati jew korpi pubbliċi li jeżerċitaw l-awtorità ta’ Stat, huwa importanti li l-Istati jagħmlu l-isforzi kollha neċessarji biex jidentifikaw u jeliminaw l-involviment jew il-kompliċità tas-settur pubbliku fit-traffikar. L-uffiċjali pubbliċi involuti f’attivitajiet illegali jew kriminali bħal dawn għandhom jitħarrku u jiġu kkundannati mingħajr eċċezzjoni.

    3.25

    L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li t-traffikar huwa regolat ukoll mil-liġi tad-domanda u l-provvista. Għalhekk, għandhom jittieħdu passi biex titnaqqas id-domanda u dan għandu jgħin inaqqas it-traffikar innifsu. Kieku l-Istati Membri kellhom jieħdu l-miżuri adegwati biex jiskoraġġixxu d-domanda li twassal għal kull forma ta’ sfruttament kif ukoll jadottaw miżuri biex jitnaqqas ir-riskju ta’ nies li jisfgħu vittmi tat-traffikar, kieku jsir progress kbir biex titnaqqas il-frekwenza ta’ dan ir-reat.

    3.26

    It-traffikar tal-bnedmin huwa kemm kwistjoni dinjija kif ukoll problema lokali. Il-KESE jemmen li l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-prosekuzzjoni jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikun hemm sħubija estensiva li tinvolvi l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, is-settur privat, lit-trejdjunjins u l-livelli kollha ta’ gvern. Għandu jinħoloq ambjent ostili għat-traffikanti tal-bnedmin.

    3.27

    Skont id-direttiva, l-azzjoni li għandhom jieħdu l-Istati Membri tikkonsisti f’kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni, programmi ta’ riċerka u edukazzjoni, fejn xieraq f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, immirati biex inaqqsu r-riskju li l-persuni, speċjalment it-tfal, isiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Il-KESE jqis li l-kampanji ta’ darba mhumiex effiċjenti biżżejjed u jipproponi kampanji kontinwi ta’ edukazzjoni fil-livell Ewropew.

    3.28

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-Direttiva tantiċipa kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa kruċjali li dawn il-korpi jkunu involuti f’kull fażi ta’ dan il-proċess, mill-identifikazzjoni tal-vittmi sal-għotja tal-assistenza.

    3.29

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu rwol vitali fir-riintegrazzjoni soċjali tal-vittmi potenzjali u għalhekk jistgħu jkollhom effett preventiv indirett u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta’ iktar vittimizzazzjoni u involviment fit-traffikar tal-bnedmin. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-NGOs biex jipprovdu l-għajnuna. Flimkien mal-NGOs, l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ “hotlines” ta’ informazzjoni u sorsi oħra ta’ informazzjoni għall-gruppi f’riskju, il-persuni traffikati u l-familji tagħhom.

    3.30

    Il-KESE jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea (4) nediet talba immirata għall-proposti fi ħdan il-programm speċifiku “Prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità” bħala parti mill-programm ġenerali “Is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet”. Din għandha l-għan li ssaħħaħ il-politika tal-UE kontra t-traffikar u għandha twassal għal titjib fil-miżuri mhux leġislattivi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. F’dan ir-rigward, il-prijoritajiet stabbiliti għall-2010 jinkludu l-prevenzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi, il-prosekuzzjoni u l-investigazzjoni ta’ min jagħmel ir-reat, il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni, kif ukoll il-ġbir ta’ data affidabbli. Dan il-programm iqiegħed għad-disposizzjoni EUR 4 miljuni biex jiġu ffinanzjati 12-il proġett. Dan huwa bidu tajjeb, iżda hemm bżonn ta’ ħafna appoġġ għall-NGOs li jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom fl-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dan ir-rigward.

    3.31

    Il-KESE jikkunsidra li l-awtoregolamentazzjoni (pereżempju l-kodiċi ta’ kondotta), il-prattiki ta’ kummerċ ġust u l-ġestjoni tal-katina tal-provvista introdotti fl-industrija jistgħu jassiguraw li l-persuni ttraffikati ma jiġux sfurzati jaħdmu u għalhekk ma jkunux involuti fil-produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi tal-kumpanija. Il-linji gwida dwar il-prattiki tajbin relatati mar-reklutaġġ tal-ħaddiema migranti u l-kooperazzjoni bilaterali bejn il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni fil-monitoraġġ tar-reklutaġġ u l-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema migranti huma wkoll metodi apprezzati sew biex jiġi evitat dan il-fenomenu.

    3.32

    Peress li l-miżuri biex jitnaqqas it-traffikar ma jistgħux jiġu llimitati għall-adozzjoni ta’ strumenti leġislattivi, u peress li hemm bżonn li jiġu implimentati miżuri addizzjonali – mhux leġislattivi – bħall-kompilazzjoni u t-trasmissjoni ta’ data, il-kooperazzjoni, l-iżvilupp ta’ sħubijiet u l-iskambju tal-aħjar prattika, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ uniku u konsistenti fil-livell Ewropew.

    3.33

    Il-KESE jappoġġja l-idea li hemm nuqqas ta’ data komparabbli fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin. Għalhekk, hemm bżonn li tinġabar data ta’ kwalità dwar dan il-fenomenu b’mod armonizzat fl-Istati Membri tal-UE permezz tat-twaqqif ta’ Rapporteurs Nazzjonali.

    3.34

    Il-ħatra ta’ korpi nazzjonali ta’ rappurtaġġ fuq dan is-suġġett għandha ssir ir-regola, u l-mandat tagħhom speċifikat b’mod ċar. Skont id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jaħtru korpi nazzjonali ta’ rappurtaġġ jew jistabbilixxu mekkaniżmi oħra ekwivalenti. Il-KESE jikkunsidra li għandu jissemma biss tip wieħed ta’ istituzzjoni, u dan il-korp nazzjonali f’kull Stat Membru għandu jikkoordina politiki u azzjoni fil-livell reġjonali u mal-Istati Membri l-oħra, sabiex jiġu evitati diskrepanzi prinċipali bejn il-pajjiżi.

    3.35

    Għalkemm it-traffikar tal-bnedmin huwa inkluż f’ħafna ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi (pereżempju, dan huwa kopert mis-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea u mis-Sħubija tal-Lvant, u huwa wkoll wieħed mill-prijoritajiet tal-ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Balkani tal-Punent), il-KESE jħoss li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għandha ssir waħda mill-kompiti prijoritarji ta’ dawn il-ftehimiet. Għandhom jitħeġġew ftehimiet simili bejn l-UE u l-pajjiżi l-oħra.

    3.36

    Il-KESE jinsab ħerqan biex jara azzjoni konsistenti, sodisfaċenti u deċiżiva b’riżultat tal-ftehim li ntlaħaq mill-Istati Membri dwar il-ħatra ta’ koordinatur Ewropew għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fil-livell Ewropew.

    Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Dan il-perijodu ta’ riflessjoni jista’ jkun ta’ mill-inqas sitt xhur, bħalma nsibu fin-Norveġja.

    (2)  Ir-rapport tal-Europol tal-2009 dwar it-traffikar tal-bnedmin fl-Unjoni Ewropea juri li din l-attività tiswa bosta miljuni euro fis-sena.

    (3)  Dan il-perijodu ta’ riflessjoni jista’ jkun mill-inqas sitt xhur, bħalma nsibu fin-Norveġja.

    (4)  Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja, Ħelsien u Sigurtà, Direttorat F: Sigurtà, Unità F4: Appoġġ Finanzjarju – Sigurtà.


    Top