Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE1364

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Green Paper – L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi” (COM(2010) 183 finali)

    ĠU C 51, 17.2.2011, p. 43–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 51/43


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Green Paper – L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi”

    (COM(2010) 183 finali)

    2011/C 51/09

    Relatur: is-Sur CAPPELLINI

    Korelatur: is-Sur LENNARDT

    Nhar is-27 ta’ April 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Green Paper - L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi

    (COM(2010) 183 finali)

    Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Settembru 2010.

    Minħabba t-tiġdid tal-mandat tal-Kumitat, l-Assemblea Plenarja ddeċidiet li tieħu pożizzjoni fuq din l-opinjoni waqt is-sessjoni plenarja ta’ Ottubru, u ħatret lis-Sur Van Iersel Joost bħala relatur ġenerali b’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura.

    Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’71 vot favur, u astensjoni waħda (1).

    1.   Rakkomandazzjonijiet u proposti

    Il-Kumitat ifformula għadd ta’ proposti konkreti b’appoġġ għall-industriji kulturali u kreattivi Ewropej fuq il-bażi tal-mistoqsijiet imressqa mill-Kummissjoni fil-Green Paper (COM(2010) 183 finali, tas-27 ta’ April 2010), u fuq ir-rakkomandazzjonijiet li diġà ġew proposti mill-“Platform on the Potential of Cultural and Creative Industries” u d-djalogu intern, inklużi d-diskussjonijiet waqt is-seduti “ad hoc”.

    1.1   Rakkomandazzjonijiet:

    Il-KESE:

    a)

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli l-isforzi tagħha għal definizjoni aħjar tas-settur u biex din tkun riflessa aħjar fl-istatistika, b’kunsiderazzjoni speċjali tas-sitwazzjoni soċjali u ekonomika ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tal-arti. Fil-fatt ma teżisti l-ebda definizzjoni unika li sar qbil dwarha tal-kunċett tal-“industrija kulturali u kreattiva”, li hija rekwiżit fundamentali għal:

    i.

    promozzjoni tar-rikonoxximent tal-karatteristiċi speċifiċi tal-industriji kulturali u kreattivi;

    ii.

    analiżi tal-impatt fuq it-tkabbir fit-tul, il-kompetittività internazzjonali, l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni territorjali;

    iii.

    tħeġġiġ tal-adozzjoni ta’ politiki li jqisu l-ispeċifiċitajiet kulturali tas-settur, permezz ta’ implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 151(4) tat-Trattat tal-KE li issa huwa l-Artikolu 167(4) tat-TFUE.

    b)

    Jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex jinħoloq “spazju Ewropew tal-kreattività”, billi jiġi promoss qafas regolatorju Ewropew ibbażat fuq aċċess ġust għas-suq, kompetizzjoni ħielsa, miżuri kontra l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti, appoġġ u żvilupp tal-SMEs u tal-industriji tal-artiġġjanat, il-promozzjoni tad-diversità kulturali, il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ġlieda kontra l-piraterija, b’attenzjoni partikolari fuq il-potenzjal diġitali tas-settur.

    c)

    Jitlob li jiġu adottati konċessjonijiet fiskali u mudelli ġodda u strumenti sabiex jitħeġġeġ il-finanzjament tat-tfassil tal-proġett fis-settur, kif ukoll it-twaqqif tas-“sħubijiet pubbliċi-privati taċ-ċittadini” (PPPP – Participatory Public-Private Partnerships); fi kliem ieħor, f’dan il-qasam il-mudelli tradizzjonali ta’ PPP għandhom jiġu akkumpanjati minn forom ta’ parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini (1).

    d)

    Jenfasizza l-kontribut tal-industriji kulturali u kreattivi għall-objettivi strateġiċi tal-koeżjoni Ewropea, u jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali (il-muniċipalitajiet, ir-reġjuni, eċċ.), b’kollaborazzjoni ma’ korpi lokali u reġjonali oħra (universitajiet, banek, assoċjazzjonijiet, fornituri tal-kontenut pubbliċi u/jew privati, eċċ.) jippromovu l-industriji kulturali u kreattivi u l-integrazzjoni tagħhom fl-iżvilupp reġjonali.

    e)

    Juri l-ħtieġa ta’ miżuri adegwati biex tittaffa l-vulnerabbiltà tal-impriżi tas-settur, b’mod partikolari l-SMEs, u l-prekarjetà tal-attivitajiet artistiċi, filwaqt li jwissi dwar il-ħtieġa urġenti li tiġi ffaċilitata “massa kritika” ta’ investiment fis-settur li tisfrutta l-hekk imsejħa “ekonomiji ta’ agglomerazzjoni” sabiex tkun ristretta l-penetrazzjoni fis-suq Ewropew minn prodotti kulturali li jinkulkaw tendenzi ta’ imġiba li jmorru kontra l-kultura Ewropea jew li jistgħu jwasslu għal kolonizzazzjoni kulturali sħiħa.

    f)

    Jenfasizza li għandu jiġi meqjus bħala prijorità r-rwol tal-ICT (eż. ta’ inizjattivi tal-UE relatati mal-Internet tal-Futur) fil-provvediment ta’ opportunitajiet ġodda (broadband jew servizzi li jappoġġjaw il-kreattività, b’mod partikolari fiż-żoni żvantaġġati jew fejn id-dħul huwa baxx), kemm mil-lat tal-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi kreattivi kif ukoll fid-distribuzzjoni u l-użu tagħhom mill-utenti aħħarin.

    g)

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss għarfien akbar tal-industrija kreattiva fis-sillabi tal-iskejjel u fit-taħriġ professjonali, kif hemm indikat, fil-livell Ewropew, fil-Karta Internazzjonali tal-Artiġġjanat Artistiku.

    h)

    Jafferma l-bżonn li jiġi studjat liema strumenti huma l-aktar adatti biex itejbu l-aċċess tal-intrapriżi kreattivi u tal-professjonisti fis-settur għall-kreditu, b’mod li minn naħa tingħata attenzjoni akbar lill-aspetti tas-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja mill-intrapriżi u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-kapaċità li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jivvalutaw il-potenzjal ekonomiku u finanzjarju tal-proġetti kulturali u kreattivi.

    i)

    Jenfasizza, fl-aħħar nett, il-bżonn li fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE jitnieda dibattitu dwar l-impatt soċjali tal-iżvilupp ta’ clusters tal-kreattività u dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk li jaħdmu fis-settur.

    1.2   Proposti:

    Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Kummissjoni, fit-totalità tagħha (u mhux biss l-unitajiet speċjalizzati tagħha), għal sensiela ta’ proposti li jappoġġjaw lill-industriji kulturali u kreattivi:

    a)

    Jitnieda “djalogu strutturat” mal-partijiet interessati kollha u, b’kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet Komunitarji kollha, titnieda kampanja ta’ inizjattivi, ta’ diskussjoni u sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol tal-industriji kulturali u kreattivi fit-“territorju Ewropew”, b’attenzjoni partikolari għaż-żoni żvantaġġati u r-reġjuni li jaqgħu taħt il-politika ta’ koeżjoni. Il-KESE ħerqan li jħeġġeġ dan id-djalogu strutturat u li jaħdem mal-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra, billi joffri l-għarfien tekniku tiegħu u n-netwerk tiegħu ta’ kuntatti għal dan il-għan.

    b)

    Fuq il-bażi ta’ proġetti pilota mnedija f’ċerti żoni tal-Unjoni, jinħolqu postijiet fiżiċi għal laqgħat u sperimentazzjoni ta’ natura informali (fuq il-mudell tal-workshops tax-xjenza, il-Future Centres, il-Multimedia Parks, eċċ.) li jistgħu jippromovu l-parteċipazzjoni diretta ta’ gruppi fil-mira magħmula minn ċittadini/utenti/assoċjazzjonijiet u mis-soċjetà ċivili organizzata. L-għan hu li titħaddan il-parteċipazzjoni tat-territorju kollu tal-UE fl-iżvilupp tal-potenzjal tal-industrija kreattiva, mhux biss fiċ-ċentri urbani li ta’ spiss huma meqjusa bħala l-uniċi responsabbli mill-promozzjoni tal-proċess ta’ żvilupp kreattiv. F’dan l-ambitu l-komunitajiet lokali u reġjonali, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u tal-artiġġjanat ikun jista’ jkollhom rwol fundamentali biex l-industriji kulturali u kreattivi jiġu integrati fl-iżvilupp reġjonali (bl-applikazzjoni tal-prinċipju “Think small first” previst fis-Small Business Act Ewropew).

    c)

    Jiġi promoss “is-suq intern” tal-kreattività, fejn jiġu promossi:

    i.

    iċ-ċirkolazzjoni;

    ii.

    l-użu effettiv tad-dritt tal-istabbiliment;

    iii.

    ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u tal-kompetenzi ċertifikati;

    iv.

    l-iżvilupp ta’ sistema reali ta’ appoġġ għas-settur (sistema ta’ taxxa armonizzata għas-salvagwardja tal-attività kreattiva u tal-wirt kulturali, ftehimiet biex tiġi evitata t-taxxa doppja, eċċ.);

    v.

    Rakkomandazzjonijiet oħra jinkludu l-iskambju tal-aħjar prattika u l-iżvilupp ta’ koproduzzjonijiet u sħubijiet transkonfinali apparti dawk pubbliċi-privati (eż. ftehimiet bejn utenti u fornituri tal-kontenut) inkluż bl-għajnuna ta’ mudelli parteċipattivi ġodda PPPP fil-livell reġjonali u lokali.

    d)

    Jiġi intensifikat id-djalogu tal-istituti ta’ livell universitarju mal-SMEs u l-impriżi artiġġjanali mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi rispettivi tagħhom; it-titjib tal-kompetenzi tal-informatika u t-teknoloġija tal-istudenti; u t-tnedija ta’ inizjattivi sabiex jinħolqu impriżi ġodda fis-settur, anki permezz ta’ forom ta’ peer-coaching.

    e)

    Jiġi appoġġjat il-finanzjament tal-kreattività permezz ta’, minn naħa, it-tfassil fil-livell Ewropew ta’ linji gwida ta’ business plan għall-proġetti/servizzi/xogħlijiet kreattivi u kulturali, kif ukoll indikaturi speċifiċi ta’ prestazzjoni li jistgħu jiffaċilitaw l-evalwazzjoni teknika u ekonomika tal-investiment fis-settur, u minn naħa oħra, permezz ta’ faċilitajiet ta’ kreditu, fondi ta’ garanzija konġunti pubbliċi-privati għall-SMEs u fondi rotattivi, u forom ġodda ta’ assoċjazzjoni u sħubija bejn il-partijiet interessati varji tat-taqsimiet konċernati (ICT, pubblikazzjoni tal-kotba, produzzjoni tal-films, mużika, eċċ.).

    2.   X’inhuma l-industriji kulturali u kreattivi?

    2.1   Hekk kif inhu rikonoxxut mill-Istrateġija UE 2020, l-industriji kulturali u kreattivi għandhom rwol ċentrali fit-tkabbir, il-kompetittività u l-futur tal-UE u taċ-ċittadini tagħha. Min-natura tagħhom dawn joħolqu innovazzjoni u impjiegi, u jaġixxu bħala konnessjonijiet bejn diversi fergħat tal-industrija. Barra minn hekk dawn huma ġeneraturi ta’ vantaġġ komparattiv li ma jistax jiġi riprodott xi mkien ieħor, fatturi għall-iżvilupp lokali u muturi tat-tibdil industrijali.

    2.2   Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rwol li l-industriji kulturali u kreattivi għandhom fi ħdan is-“soċjetà Ewropea” kemm fil-promozzjoni tal-pluraliżmu u d-diversità kulturali, kif ukoll bħala strument għall-promozzjoni tal-“identità Ewropea” Huma jikkontribwixxu wkoll għal kwalità aħjar tal-ħajja, għat-tolleranza u għall-prevenzjoni ta’ mġiba li tmur kontra d-dinjità tal-persuni, għall-integrazzjoni u għall-akkoljenza.

    2.3   L-għan ambizzjuż ta’ din l-opinjoni huwa li jkun żvelat il-potenzjal sħiħ tal-industriji kulturali u kreattivi, element fundamentali tal-istrateġija l-ġdida tal-Ewropa għall-2020, kif enfasizzat ukoll mill-Kunsill Ewropew, u minn atturi ewlenin fl-ambitu tat-tibdil tal-industrija Ewropea. Dan jirrikjedi, l-ewwel nett, għarfien adegwat tas-suġġetti li qed jiġu kkunsidrati, u ssir distinzjoni bejn it-tfassil, l-analiżi tal-proċessi ta’ produzzjoni u konsum, u l-governanza.

    2.4   Għalkemm ġeneralment issir referenza għall-industriji kulturali u kreattivi, għandha xorta tibqa’ ssir distinzjoni bejn “kultura” u “kreattività”. Filwaqt li l-kultura hija mifhuma, b’mod ġenerali, bħala t-totalità tal-għarfien, l-użanzi u l-livelli ta’ żvilupp artistiku u xjentifiku fi żmien partikolari jew fi ħdan grupp soċjali partikolari (2), it-terminu kreattività huwa speċifikament interpretat bħala l-kapaċità li wieħed jaħseb b’mod innovattiv, jew li wieħed jipproduċi ideat ġodda li jiġbru flimkien elementi eżistenti b’mod ġdid (kemm jekk huma proċessi, oġġetti, għarfien, eċċ.). Min-naħa tiegħu dan m’għandux jitħallat mat-terminu “innovazzjoni” li jirreferi b’mod aktar ġenerali għall-proċessi u prodotti żviluppati minn għarfien, tekniki u strumenti (3).

    Din id-distinzjoni hija fundamentali, peress li minn naħa tippermetti s-separazzjoni tal-kunċetti li spiss jiġu konfużi fil-lingwaġġ kurrenti, u minn naħa oħra din tenfasizza biċ-ċar l-interkonnessjonijiet profondi bejn il-kultura, il-kreattività u l-innovazzjoni (ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp reġjonali u lokali, tad-29 ta’ April 2010).

    2.5   In-natura multidimensjonali tal-kultura u l-kreattività tagħmilha diffiċli biex jiġi identifikat approċċ uniku ta’ analiżi: f’estrem wieħed hemm dawk li jillimitaw il-kreattività għall-attivitajiet kulturali biss; mill-banda l-oħra hemm dawk li jqisu li l-industriji kollha, fin-natura tagħhom huma kreattivi. Għalhekk fl-identifikazzjoni tal-hekk imsejħa setturi kreattivi hemm ir-riskju li wieħed ikun xi ftit jew wisq arbitrarju, u dan jista’ jkollu riperkussjoni fuq l-effikaċja tal-politiki li huma ta’ sostenn għall-UE 2020.

    2.6   Il-problema fid-definizzjoni tal-konfini tas-settur hija marbuta wkoll ma’ problema ta’ “perċezzjoni” kemm “interna” (l-operaturi fi ħdan is-settur li ma jarawx lilhom infushom bħala parti minn industrija waħdanija speċifika) kif ukoll “esterna” (soċjetajiet li ma jagħrfux in-natura speċifikament settorjali ta’ dawk li jaħdmu fl-industriji kulturali u kreattivi).

    3.   Ħarsa ġenerali lejn l-industriji kulturali u kreattivi fl-Ewropa

    3.1   Skont id-definizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, l-industriji kulturali u kreattivi jikkontribwixxu madwar 2,6 % tal-PDG tal-UE-27 u jipprovdu impjieg għal madwar ħames miljun persuna (sors: Green Paper COM(2010) 183 finali). Sorsi oħra jindikaw impatt akbar. Id-diversità statistika tirrifletti naturalment id-diversità tal-valutazzjonijiet fir-rigward tar-ragruppamenti settorjali koperti mid-definizzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi (ara r-rakkomandazzjoni fil-punt 1.1.a).

    3.2   Fl-2007, il-bilanċ kummerċjali tal-UE-27 fis-setturi kreattivi prinċipali wera li kien hemm bilanċ favorevoli ta’ EUR 3 000 miljun. Skont l-UNCTAD (Creative economy report, 2008), l-industrija kreattiva hija waħda mis-setturi prinċipali tal-kummerċ dinji f’termini ta’ tkabbir. Fil-perijodu 2000–2005, il-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi marbuta mal-kreattività żdied bi kważi 9 % fil-livell dinji, u b’hekk ikkonferma l-prospettivi tajbin ta’ tkabbir fit-tul.

    3.3   Il-ħaddiema professjonali tipiċi fis-settur jinkludu l-artisti, il-ħassieba, il-produtturi, il-pubblikaturi u l-performers iżda hemm profili aktar konvenzjonali kemm mil-lat tekniku kif ukoll minn dak kummerċjali bħall-attivitajiet artiġjanali. Madankollu, ta’ min jinnota n-nuqqas ta’ leġislazzjoni adatta għas-settur, in-nuqqas ta’ rikonoxximent speċifiku tal-kategoriji professjonali fis-settur u ta’ protezzjoni soċjali għalihom (pereżempju li tipprovdi protezzjoni f’każijiet ta’ kuntratti qosra ħafna, aspetti ta’ sigurtà soċjali jew l-iffaċilitar ta’ mobbiltà internazzjonali).

    3.4   Madankollu, l-industriji kulturali u kreattivi joffru potenzjal konsiderevoli għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE. Il-kreattività hija meqjusa universalment bħala xprun għat-tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv u l-kultura taqdi rwol fundamentali fl-iżvilupp ta’ soċjetà tal-informazzjoni u bbażata fuq l-għarfien. Barra minn hekk, il-kultura u l-kreattività, apparti li huma strumenti għal offerta iktar kompetittiva u organizzata aħjar, jistimolaw ukoll id-domanda għall-kontenut, jedukaw fir-rigward tad-diversità kulturali u fl-istess ħin jgħinu fil-ġlieda kontra l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni.

    3.5   Il-kreattività taqdi wkoll rwol ewlieni fl-ambitu tal-kompetittività internazzjonali, billi tagħti valur immaterjali lill-prodotti u tittrasformahom f’forma partikulari ta’ esperjenza. Bħalissa, aktar u aktar attivitajiet ekonomiċi, barra mill-isfera tal-industriji kreattivi fis-sens dejjaq, qed jiddedikaw sehem dejjem akbar tar-riżorsi għal attivitajiet kreattivi bħala input għall-prodotti tagħhom. Is-settur kreattiv mhuwiex biss fundamentali għall-kompetittività internazzjonali tan-negozju, iżda jiġġenera wkoll effetti pożittivi li jaqgħu wkoll fuq il-bqija tal-ekonomija (4).

    3.6   Element ieħor li m’għandux jiġi sottovalutat huwa l-kontribut li sar mill-iżvilupp ta’ dan is-settur għall-“kwalità tal-ħajja” fiż-żona lokali rilevanti: dan jinfluwenza s-sistema ta’ taħriġ, il-mudelli ta’ mġiba għaż-żgħażagħ, u l-interess li qed jikber fil-kultura mxerrda permezz tal-industriji kulturali u kreattivi, li jikkontribwixxu sabiex jiġi attivat id-“dinamiżmu” tal-bliet u r-reġjuni konċernati.

    3.7   Fl-aħħar nett ta’ min jenfasizza li l-potenzjal offrut mill-applikazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda fis-settur huwa ta’ interess, kif muri mill-fenomenu tal-mezzi tax-xandir soċjali: mezzi għall-iskambju ta’ testi, stampi, vidjo u awdjo min-naħa tal-utenti. Fl-istess ħin, minn dan is-settur jistgħu joħorġu ideat interessanti, djalogi produttivi u paraguni tajbin (pereżempju Wikinomics), għalkemm qed jesperjenzaw ukoll diffikultajiet ta’ ġestjoni, bħal pereżempju fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kontenut kondiviż. Fl-aħħar, it-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jiġġieldu kontra l-piraterija diġitali.

    3.8   Madankollu s-settur jibqa’ vulnerabbli. Minn naħa, huwa dominat mill-SMEs, u minn naħa oħra hemm tendenza li jiġu stabbiliti oligopoliji li joqtlu l-kompetizzjoni (l-hekk imsejjaħ effett tal-bestseller). Biżżejjed wieħed jaħseb fis-soċjetajiet multimedjatiċi jew ir-reklamar li jagħmlu fuq livell dinji.

    3.9   Ir-rwol li jaqdu l-SMEs jibqa’ fundamentali. Huma dawn il-kumpaniji li jassumu r-riskju tal-innovazzjoni mhux teknoloġika, billi jinvestu f’talenti u forom estetiċi ġodda u jippruvaw joffru varjetà ta’ prodotti diversi lill-konsumaturi. Madankollu hemm il-problema ta’ “massa kritika” ta’ investiment li kapaċi tnaqqas il-penetrazzjoni fis-suq Ewropew minn prodotti li jinkulkaw tendenzi ta’ imġiba u valuri aljeni għall-kultura Ewropea. F’dan ir-rigward ikun utli jiġu adottati miżuri speċifiċi ta’ appoġġ u għajnuna għall-promozzjoni ta’ “sistemi lokali ta’ SMEs”, u għall-iżvilupp ta’ “clusters reġjonali” u “ekonomiji ta’ agglomerazzjoni”.

    3.10   Il-politiki għall-industrija kulturali u kreattiva fl-Ewropa għadhom eteroġeni. F’xi Stati Membri, is-settur jibbenefika minn investimenti pubbliċi rilevanti; fi Stati l-investiment huwa prinċipalment privat (5). Apparti minn kwalunkwe evalwazzjoni dwar l-effikaċja ta’ dawn il-politiki, il-qagħda frammentata tal-leġislazzjoni nazzjonali u tas-swieq f’dan il-qasam tikkostitwixxi bla ebda dubju tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq Ewropew. Il-Green Paper innifisha tagħmel ċar l-importanza li jiżdiedu l-isforzi sabiex tinkiseb aktar kompetittività Ewropea fis-settur biex b’hekk tingħata spinta lid-diversità kulturali. Barra minn hekk stimolu adatt għall-benchmarking jibqa’ kruċjali fi ħdan l-industriji kulturali u kreattivi.

    3.11   Fil-livell Komunitarju, kemm il-Kummissjoni (Komunikazzjoni tal-10 ta’ Mejju 2007 dwar aġenda Ewropea għall-kultura f’dinja li qed tiġi globalizzata), il-Kunsill (Pjan ta’ ħidma għall-kultura 2008–2010 tal-10 ta’ Ġunju 2008) kif ukoll il-Parlament (Riżoluzzjoni tal-Parlament dwar l-industriji kreattivi fl-Ewropa tal-10 ta’ April 2008) għandhom l-għan li jtejbu kemm jista’ jkun il-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi, b’mod partikolari tal-SMEs. Fost l-attivitajiet previsti, tajjeb li wieħed isemmi l-European Creative Industries Alliance, li ser titnieda fl-2011 fil-kuntest tal-Entrepreneurship and Innovation Program (EIP) tal-“Programm ta’ Kompetittività u Innovazzjoni” (6). Inizjattivi oħra huma relatati mal-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma dwar l-industriji kulturali u kreattivi li jinkludi esperti mill-Istati Membri stess; it-twettiq ta’ studji dwar il-kontribut tal-kultura għall-kreattività, dwar id-dimensjoni intraprenditorjali tal-industrija kulturali u kreattiva, u dwar il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjonali; u t-tfassil tal-Green Paper dwar l-industriji kulturali u kreattivi.

    4.   It-temi tad-dibattitu u l-prijoritajiet li ħarġu mill-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    4.1   Bil-pubblikazzjoni tal-Green Paper tas-27 ta’ April 2010, il-Kummissjoni nediet id-dibattitu dwar il-potenzjal tat-tkabbir tal-industriji kulturali u kreattivi filwaqt li enfasizzat ir-rwol tad-diversità kulturali, tal-globalizzazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni bħala xprun tal-proċess, kif ukoll tal-ħtieġa li l-industriji tas-settur jingħataw l-istrumenti adatti – bħall-possibbiltà li jesperimentaw u jinvestu, b’aċċess imħaffef għall-kreditu – u l-promozzjoni tal-iżvilupp permezz tal-orjentazzjoni mill-ġdid tal-politiki territorjali.

    4.2   L-azzjoni tal-Kummissjoni ser tkun ibbażata fuq tliet linji prinċipali ta’ politika: “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, li fiha l-Kummissjoni qed tipprevedi l-ħolqien ta’ suq uniku tal-kontenut u s-servizzi onlajn; azzjonijiet speċifiċi għat-tisħiħ tar-rwol tal-industriji kulturali u kreattivi bħala katalizzaturi tal-innovazzjoni u tat-tibdil strutturali fil-kuntest tal-inizjattiva ewlenija “L-Unjoni tal-innovazzjoni”; strateġija fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, maħsuba biex tippromovi l-bilanċ meħtieġ bejn il-ħarsien u d-diffużjoni ta’ mudelli ġodda ta’ negozju.

    4.3   Barra minn hekk, il-Green Paper tpoġġi għadd ta’ mistoqsijiet miftuħin biex tqajjem diskussjoni wiesgħa mal-partijiet Ewropej kollha interessati fil-kreattività (fis-sens wiesa’). Permezz ta’ din l-opinjoni l-KESE beħsiebu jikkontribwixxi għad-dibattitu li tnieda mill-Kummissjoni, billi joffri suġġerimenti u proposti operattivi prattiċi. F’dan ir-rigward, il-punt ewlieni ta’ referenza tal-KESE jibqa’ r-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-Pjattaforma dwar il-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi. Madankollu ħarġu aktar fatturi mid-djalogu soċjali bejn il-partijiet interessati u matul seduti ad hoc organizzati mill-Kumitat.

    4.4   L-“ispazji fiżici” tal-kreattività, il-clusters u r-rwol tagħhom fl-iżvilupp territorjali

    4.4.1   L-ewwel aspett tad-dibattitu li joħroġ mill-Green Paper jikkonċerna l-kwistjoni tal-“ispazji għall-esperimentazzjoni, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fis-settur kulturali u kreattiv” u r-rwol tat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni.Fil-prattika dan ifisser il-ħolqien ta’ spazji għal laqgħat għall-kollaborazzjoni interdixxiplinarji, adatti wkoll biex jiġu ppruvati soluzzjonijiet aktar innovattivi fl-industrija kreattiva fejn, flimkien maċ-ċittadini/l-utenti, jiġu ppruvati lingwaġġi u forom ġodda ta’ espressjoni bħal pereżempju l-esperjenzi diġitali multisensorjali tal-kontenut artistiku (ċentri tan-negozju u/jew futuri tal-prodotti u s-servizzi tal-industrija kreattiva, ir-realtà virtwali u l-parks multimedjatiċi).

    4.4.2   Dawn il-postijiet, ikkaratterizzati mit-tfittxija għat-tibdil, jistgħu jkunu wkoll ta’ stimolu li jmur kontra l-marġinalità ta’ xi territorji meta mqabbla ma’ ċentri kbar urbani ta’ żvilupp kreattiv. (Il-clusters prinċipali tal-kreattività Ewropea ġeneralment huma kkunsidrati bħala ċ-ċentri urbani ewlenin bħal pereżempju l-Ile de France, il-qalba ta’ Londra, il-provinċja ta’ Milan, Amsterdam, Madrid, eċċ (7). (ara “Priority Sector Report: Creative and Cultural Industries” (Rapport dwar il-prijoritajiet tas-settur: l-industriji kulturali u kreattivi) tal-Osservatorju Ewropew tal-Cluster).

    4.4.3   Hemm bosta raġunijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta’ clusters industrijali kreattivi bħall-iżvilupp ekonomiku tal-belt u tar-reġjun; l-iżvilupp tal-ekonomija tal-għarfien; it-turiżmu kreattiv; l-effikaċja tal-ktajjen ta’ produzzjoni u l-effetti sekondarji tal-innovazzjoni, eċċ. Fuq il-bażi ta’ dan l-għarfien, għandhom jiġu introdotti proġetti speċifiċi biex titħeġġeġ l-espansjoni ta’ dawn il-clusters u l-estensjoni tagħhom madwar it-territorju kollu tal-UE, kif ukoll jinħolqu netwerks fil-livell Ewropew.

    4.4.4   Dan jorbot (ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tad-29 ta’ April 2010) mar-rwol ċentrali tal-industrija kreattiva – in-netwerks u l-clusters tagħha – bħala xprun għall-iżvilupp reġjonali. Il-“Priority Sector Report: Creative and Cultural Industries” (Rapport dwar il-prijoritajiet tas-settur: l-industriji kulturali u kreattivi) tal-Osservatorju Ewropew tal-Cluster jindika b’mod empiriku rabta diretta bejn fejn ikunu lokalizzati l-industriji kreattivi u l-iżvilupp territorjali. Il-problema hija waħda ta’ għażla tal-aktar forom adatti ta’ kooperazzjoni biex titħeġġeġ l-integrazzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi fl-iżvilupp strateġiku reġjonali.

    4.4.5   Karatteristika prominenti tal-clusters kulturali u kreattivi hija d-dipendenza tagħhom, speċjalment fil-fażi inizjali tat-twaqqif, mill-appoġġ pubbliku u l-bżonn ta’ inizjattivi ta’ integrazzjoni pożittiva li jistgħu jinvolvu l-atturi reġjonali u lokali kollha: l-amministrazzjoni pubblika, is-settur kummerċjali, is-sistema tat-taħriġ u tal-università, l-operaturi kulturali, il-professjonijiet intellettwali u s-soċjetà ċivili. M’għandhiex tiġi sottovalutata r-rabta bejn dawn il-clusters u l-komunità territorjali ta’ oriġini. Dawn il-clusters jinbtu minn “għarfien kondiviż” tal-lokal, u huma marbuta sew ma’ ambjent favorevoli li ma jistax jiġi prodott mill-ġdid xi mkien ieħor li jippromovi l-innovazzjoni u t-tibdil (ara l-istudji tal-każijiet bħalma huma ta’ Bilbao, Valencia, Amsterdam, Ruhr, eċċ.).

    4.4.6   Għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali (muniċipalitajiet, reġjuni, eċċ) b’kollaborazzjoni mal-korpi lokali u reġjonali l-oħra (universitajiet, banek, assoċjazzjonijiet, provvedituri tal-kontenut pubbliċi u/jew privati, eċċ) jaqdu rwol fundamentali biex l-industriji kulturali u kreattivi jiġu integrati fl-iżvilupp reġjonali, bil-għan li jinkisbu l-objettivi strateġiċi tas-settur. Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE, pereżempju, għarfet il-kontribut multiplu tal-industriji kulturali u kreattivi għall-għanijiet strateġiċi tagħha (il-konverġenza; il-kompetittività, l-impjiegi, il-kooperazzjoni territorjali u l-inklużjoni tas-setturi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà), anke jekk l-effetti huma speċifiċi u mhux faċli li jiġu determinati.

    4.4.7   Fost l-eżempji prattiċi li jiġbru flimkien il-kulturi u forom ta’ kreattività barra ċ-ċentri urbani ewlenin, ta’ spiss f’żoni żvantaġġati u/jew transkonfinali, il-KESE jenfasizza, apparti l-esperjenza konsolidata ta’ Valencia, anki l-esperjenza reċenti tal-“laboratorji urbani” tar-reġjun tal-Puglia fejn bini mhux użat, inklużi skejjel antiki, bini storiku abbandunat, monasterji, swieq u kwartieri antiki tas-suldati madwar ir-reġjun ġew ristrutturati u mgħammra biex isiru, bl-appoġġ tar-reġjun, “spazji” għalkollox kulturali u kreattivi għaż-żgħażagħ.

    4.5   L-ispazju Ewropew tal-kreattività: il-qafas regolatorju

    4.5.1   Kwistjoni oħra importanti kontra l-marġinalità hija l-mobbiltà tal-artisti u tal-operaturi tal-industrija kreattiva. Fil-fatt, għad hemm bżonn tal-iskambju tal-aħjar prattiki biex jinħolqu prospettivi ġodda u biex iċ-ċittadini Ewropej jitħajru jsiru jafu u jifhmu aħjar il-kulturi ta’ xulxin.

    4.5.2   Madankollu, l-ostakli għall-mobbiltà huma ħafna, l-aktar konnessi mar-regolamenti tal-viża, is-sistemi fiskali u ostakli oħra amministrattivi marbutin mar-regolamenti differenti li japplikaw għas-settur fil-pajjiżi Ewropej differenti, u ta’ spiss bejn id-diversi amministrazzjonijiet reġjonali.

    4.5.3   Il-proposti prattiċi biex tiġi promossa l-mobbiltà jinkludu: il-promozzjoni ta’ koproduzzjonijiet Ewropej u/jew l-iskambju ta’ esperjenzi u ta’ kompetenzi, kemm fil-fażijiet ta’ produzzjoni kif ukoll f’dawk ta’ disinn, intra- jew intersettorjali; garanzija tal-fondi għat-traduzzjoni fil-lingwi l-anqas mitkellma u mhux Ewropej; il-promozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-għarfien reċiproku tal-attivitajiet, il-kwalifiki professjonali u l-kompetenzi li jistgħu jiġu ċċertifikati; l-iffirmar ta’ ftehimiet kontra t-tassazzjoni doppja. Il-professjonijiet intellettwali jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ “ekonomija kulturali u kreattiva”: dawn jistgħu jagħtu kontribut għal proġett pilota f’netwerk li jkun kapaċi jiġbed il-kontributi kreattivi anke minn barra l-Unjoni Ewropea.

    4.5.4   F’dan il-qasam l-ICT joffri opportunitajiet ġodda kemm għall-ħolqien ta’ prodotti kreattivi, kif ukoll għad-distribuzzjoni u t-tgawdija tagħhom mill-utenti finali. F’Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Aġenda Diġitali għall-Ewropa ambizzjuża (l-ewwel minn seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020). Fost is-seba’ objettivi ewlenin tagħha, l-Aġenda tirrakkomanda suq uniku ġdid biex jiġu sfruttati l-benefiċċji tal-era diġitali, żieda sinifikanti fil-possibbiltà ta’ aċċess għal internet veloċi u veloċi ħafna għaċ-ċittadini Ewropej, u l-għan li ċ-ċittadini Ewropej kollha jingħataw kompetenzi diġitali u servizzi aċċessibbli onlajn.

    4.5.5   Madankollu, l-ostaklu ewlieni għall-potenzjal diġitali tas-settur huwa n-nuqqas ta’ qafas regolatorju li jħares id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kontenut kulturali u kreattiv f’forma diġitali (ir-regoli attwali ta’ spiss ikunu mmirati lejn il-bżonnijiet tal-operaturi l-kbar biss), kif ukoll id-dritt għall-aċċess għall-kontenut mill-utenti/iċ-ċittadini u l-SMEs, b’mod partikolari dawk li jinsabu f’żoni żvantaġġati (li spiss ikollhom joqogħdu għal regoli ta’ aċċess limitat mhux ġustifikati).

    4.5.6   Il-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tiġi studjata b’rabta mal-problema tal-piraterija u tal-falsifikazzjoni. B’riżultat ta’ dan ġie stmat li, fl-2008 biss, l-industrija kreattiva (ċinema, sensiliet televiżivi, produzzjonijiet mużikali u softwer) tilfet dħul ta’ EUR 10 biljun u 185 000 post tax-xogħol (ara l-istudju TERA dwar “Il-bini ta’ ekonomija diġitali: l-importanza tal-ħarsien tal-livelli tal-impjiegi fl-industriji kreattivi fl-UE”). Il-piraterija diġitali hija reat kriminali ta’ dannu kemm għall-kumpaniji ż-żgħar kif ukoll għall-kbar, u teħtieġ miżuri aktar robusti u koordinati fil-livell Ewropew sabiex tingħata spinta lill-protezzjoni tal-konsumatur u biex il-produzzjonijiet illegali jiġu ttrattati fuq skala akbar.

    4.5.7   F’dan il-qasam, għandu jiġi vvalutat il-potenzjal offrut mill-mudelli tal-“open source” u tal-“wikinomics”, fid-dawl tal-kapaċità speċifika tagħhom li jagħtu valur lill-ħidma tal-atturi ż-żgħar, ikkaratterizzata minn proċess ta’ produzzjoni frammentat, kontributi kreattivi b’individwalità qawwija, ċikli produttivi varjabbli, u riżorsi finanzjarji limitati.

    4.5.8   Ir-rapport tal-proġett tal-CReATE (8) dwar l-ICT u l-industriji kulturali jidentifika erba’ xejriet prinċipali li permezz tagħhom l-ICT jista’ jixpruna l-iżvilupp ekonomiku tal-industriji kulturali u kreattivi: id-distribuzzjoni diġitali biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-kontenut onlajn; l-iżvilupp tal-esperjenzi viżwali; it-tnaqqis tal-ostakli u l-iżvilupp sostenibbli ta’ intaprenditoriji ġodda, b’mod partikolari fiż-żoni żvantaġġati tal-UE; il-kapaċità li l-organizzazzjoni tax-xogħol tiġi adattata għar-riżorsi mifruxa fir-reġjun u tingħaqad sempliċement permezz tat-teknoloġija u tal-provvedituri tal-kontenut fl-ambitu tas-sħubija tal-individwi pubbliċi u privati.

    4.5.9   It-tieni kwistjoni li tqajjem il-Kummissjoni tikkonċerna l-promozzjoni tal-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel tal-arti u tad-disinn u l-intrapriżi, b’mod partikolari dawk tal-artiġġjanat, kif ukoll l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali, b’mod partikolari fejn dawn ikunu nieqsa jew ikunu għadhom dgħajfa. Il-manifest li ħareġ fl-2009, is-sena tal-kreattività tal-UE, enfasizza l-ħtieġa ta’ riforma kbira fit-tagħlim biex dan iħejji lill-individwi għas-soċjetà tal-għarfien. Madankollu hemm problema speċifika ta’ nuqqas ta’ integrazzjoni bejn id-dinja tat-tagħlim u dik intaprenditorjali, b’mod partikolari fl-iżvilupp tal-kreattività, ta’ ’l hekk imsejħa ħiliet elettroniċi u b’mod aktar ġenerali, tal-kapaċità ta’ adattament tar-riżorsi umani għall-iżvilupp straordinarju tas-settur.

    4.5.10   Il-proposti prattiċi għal dan il-qasam jinkludu:

    a)

    il-promozzjoni ta’ għarfien akbar tal-industrija kreattiva fil-kurrikula tal-iskejjel; il-promozzjoni ta’ intraprenditorija kreattiva anke billi jinħolqu aktar opportunitajiet għall-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u l-istituzzjonijiet tal-arti u tad-disinn (pereżempju apprendistati u seminars);

    b)

    l-introduzzjoni ta’ kompetizzjonijiet u ta’ premji għaż-żgħażagħ b’talent u għal dawk l-istituzzjonijiet li jħeġġu l-kompetenzi;

    c)

    il-promozzjoni tal-edukazzjoni artistika u kulturali u b’mod aktar ġenerali, tal-interess għax-xogħol u l-prodotti tal-industrija kreattiva fl-edukazzjoni primarja u sekondarja;

    d)

    miżuri ta’ appoġġ għall-gradwati ġodda fis-settur permezz ta’ għajnuna ekonomika diretta jew lill-intrapriżi li jimpjegawhom;

    e)

    appoġġ lill-impjegabbiltà permezz ta’ proċess ta’ taħriġ kontinwu u ta’ għarfien Ewropew taċ-ċertifikati;

    f)

    l-iżvilupp ta’ għarfien tal-informatika u t-teknoloġija fl-istudenti tal-istituti tal-arti u d-disinn;

    g)

    It-tnedija ta’ sħubijiet ma’ assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-artiġġjanat fl-UE, bl-għan li jsir kontribut effettiv lill-proċess ta’ trażmissjoni tal-għarfien, l-intraprenditorija u l-valuri “immaterjali” li huma l-bażi tal-iżvilupp kreattiv.

    4.6   Il-finanzjament tal-kreattività

    4.6.1   It-tielet kwistjoni li tqajjem il-Kummissjoni tikkonċerna t-tema tal-finanzjament tal-kreattività, jiġifieri kif għandhom jiġu stimolati l-investiment privat u l-PPPP u jittejjeb l-aċċess tal-industriji kulturali u kreattivi għall-kreditu. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, minn naħa, jekk l-intrapriżi jagħtu attenzjoni akbar lill-aspetti tas-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja tal-proġetti/xogħlijiet, bla dubju jżidu l-aċċess għall-kreditu u, minn naħa oħra, li l-istituzzjonijiet tal-kreditu mhumiex imħarrġa biex jivvalutaw l-effetti ekonomiċi u finanzjarji ta’ ideat ġodda.

    4.6.2   F’dan ir-rigward il-proposti konkreti jinkludu:

    a)

    mudell Ewropew komuni ta’ pjan ta’ negozju għall-proġetti/servizzi/xogħlijiet kreattivi u kulturali, kif ukoll indikaturi speċifiċi ta’ kwalità tal-proċessi u tal-prestazzjoni ekonomika-finanzjarja li jistgħu jħaffu l-valutazzjoni teknika-ekonomika tal-investiment fis-settur, filwaqt li jiġu evitati spejjeż u burokrazija inutli għall-SMEs;

    b)

    l-għoti ta’ taħriġ adatt għal dawk li jwettqu l-valutazzjonijiet u l-iżvilupp ta’ politiki u programmi ta’ appoġġ immirati lejn l-industriji kulturali u kreattivi permezz ta’ approċċ “olistiku”;

    c)

    bi ftit riżorsi, jista’ jiġi garantit finanzjament favorevoli għall-ippjanar ta’ kumpaniji ġodda jew għall-verifika preliminari tal-fattibbiltà u s-sostenibbiltà tal-proġetti (pereżempju, ċertifikazzjoni tal-fattibbiltà), biex ikunu jistgħu jinkisbu fondi oħra għall-fażi tal-produzzjoni u biex ir-riżultati jiġu applikati għal firxa usa’ ta’ kumpaniji interessati;

    d)

    jiġu adottati sistemi fiskali li ma jippenalizzawx lill-industriji kulturali u kreattivi, b’mod partikolari l-SMEs, individwalment jew kollettivament, permezz ta’ krediti tat-taxxa u ħelsien mit-taxxa (eż. VAT imnaqqsa għal prodotti “off line” u “on line” tas-settur, kif jiġri fl-Istati Uniti);

    e)

    jiġu żviluppati forom ta’ faċilitar ta’ kreditu, fondi ta’ garanzija konġunti pubbliċi-privati għall-SMEs (network Ewropew ta’ konsorzji ta’ kreditu tal-SMEs) u fondi rotattivi;

    f)

    jiġu promossi forom ġodda ta’ assoċjazzjoni u sħubija bejn il-partijiet interessati varji tat-taqsimiet konċernati (eż. ICT, mużika, pubblikazzjoni tal-kotba, eċċ.).

    4.6.3   Kwistjoni relatata hija l-appoġġ Ewropew għall-investiment fis-settur. Il-politiki Ewropej bil-għan li jappoġġjaw is-settur għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni tal-armonizzazzjoni tar-regolamenti nazzjonali u reġjonali u tal-politiki li jippromovu s-settur fir-rigward tal-appoġġ pubbliku u aċċess għall-kreditu, privat u sussidjat bil-għan li jitwaqqfu sħubijiet u proġetti bejn it-territorji b’livelli differenti ta’ żvilupp (ara r-rapport KEA Business Innovation Support Services for Creative Industries) (9).

    4.7   Id-dimensjoni soċjali tal-kreattività

    4.7.1   Fl-aħħar, ta’ min jenfasizza l-kwistjoni tal-impatt soċjali tal-iżvilupp tal-clusters tal-kreattività. Dan hu intrinsiku għall-iżvilupp tal-industriji kulturali u kreattivi, fil-fatt, hemm rabta mill-qrib bejn it-tkabbir ekonomiku u t-tkabbir soċjali tal-komunitajiet interessati. Fil-fatt, is-settur jibqa’ intrinsikament marbut mal-ambjent tiegħu: il-clusters jiddependu mir-relazzjonijiet soċjoekonomiċi lokali li ma jistgħux jinħolqu mill-ġdid banda oħra; l-għeruq reġjonali tal-operaturi tas-settur u r-rabta mill-qrib mas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Għaldaqstant jinħtieġ l-iżvilupp ta’ djalogu strutturat bejn l-industriji kulturali u kreattivi u l-amministrazzjoni lokali billi jiġu adattati l-kompetenzi istituzzjonali/amministrattivi permezz ta’ taħriġ immirat u l-parteċipazzjoni attiva tal-komunità lokali.

    4.7.2   Konsegwentement, il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit djalogu strutturat fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji dwar l-impatt soċjali tal-iżvilupp ta’ clusters tal-kreattività u dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk li jaħdmu fis-settur. Is-settur għandu bżonn miżuri mmirati ta’ protezzjoni soċjali fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, bħall-firxa tal-impjieg prekarju, il-preżenza ta’ kuntratti qosra u qosra ħafna, in-nuqqas ta’ protezzjoni adatta tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u n-nuqqas ta’ leġislazzjoni dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema, tal-membri tal-professjonijiet liberali u tal-artisti.

    Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Ara, f’kuntest differenti, l-opinjoni dwar Titjib tal-mudelli tas-“sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati” fl-iżvilupp ta’ “servizzi-e” għal kulħadd fl-UE 27 (TEN/402, adottata mill-KESE waqt is-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Settembru 2010, għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

    (2)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Europe's Creative Industries” (L-industriji kulturali fl-Ewropa) (ĠU C 108, 30.4.2004, p. 68). (Mhux disponibbili bil-Malti).

    (3)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Unlocking and strengthening Europe's potential for research, development and innovation” (L-użu u l-iżvilupp tal-potenzjal tal-Ewropa fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni) (ĠU C 325, 30.12.2006, p. 16). Ara b’mod partikolari punt 4.12 u n-nota 55. (Mhux disponibbili bil-Malti).

    (4)  Studju li twettaq mill-kumpanija KEA fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea (http://www.keanet.eu/report/BISScreativeindustries.pdf) juri tliet linji fundamentali f’dan ir-rigward: ir-rabta mal-iżvilupp lokali/reġjonali; ir-relazzjonijiet intrasettorjali (pereżempju bejn il-kontenuti kreattivi u l-ICT, jew bejn il-kultura u t-turiżmu); l-interkonnessjonijiet bejn is-setturi “kreattivi” u dawk “mhux kreattivi”. Dan ir-rapport tħejja fl-okkażjoni tal-workshop organizzat f’Amsterdam mid-DĠ għall-Intrapriża, fejn ġiet elaborata wkoll id-“Dikjarazzjoni ta’ Amsterdam” (http://www.europe-innova.eu/creative-industries).

    (5)  Ovvjament, eżaminazzjoni dettaljata tal-mudelli ta’ politika industrijali adottati fid-diversi Stati Membri għal darb’oħra se jirrikjedu definizzjoni unika li jkun sar qbil dwarha tal-industrija kulturali u kreattivi. Il-finanzjament pubbliku, madankollu, huwa ġeneralment immirat biex jippromovi s-settur kulturali (it-teatru, iċ-ċinema, l-arti, il-fondazzjonijiet, eċċ.) b’impatti sinifikanti fuq is-settur kollu, minħabba l-interrelazzjoni li teżisti bejn l-investimenti kulturali u l-iżvilupp tal-industiji kreattivi.

    (6)  L-inizjattiva se jkollha baġit ta’ EUR 7,5 miljun, u huwa maħsub li din ser ikollha effett qawwi ta’ lieva finanzjarja (madwar EUR 100 fi tliet snin).

    (7)  Dawn il-“konċentrazzjonijiet reġjonali” jikkonċernaw prinċipalment, sottosetturi speċifiċi bħall-computer media, sound recording u video recording.

    (8)  Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett CreATe: http://www.lets-create.eu/

    (9)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.


    Top