This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010AE1166
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Simplifying the implementation of the research framework programmes’ — COM(2010) 187 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka” – COM(2010) 187 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka” – COM(2010) 187 finali
ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129–133
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 48/129 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka”
COM(2010) 187 finali
2011/C 48/22
Relatur: is-Sur WOLF
Nhar id-29 ta’ April 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka
COM(2010) 187 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Settembru 2010.
Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’114-il vot favur u astensjoni waħda.
1. Sommarju u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-programmi tar-riċerka tal-UE għandhom isiru iktar effiċjenti u attraenti. Għalhekk huwa essenzjali li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi ssemplifikata.
1.2 Konsegwentement, il-Kumitat jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u japprova l-proposti tagħha b’mod ġenerali.
1.3 Jilqa’ wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni tas-26 ta’ Mejju 2010 dwar l-istess suġġett.
1.4 Il-varjetà dejjem ikbar tad-diversi programmi u l-istrumenti tagħhom, b’regoli u proċeduri kultant differenti ħafna, saret waħda mill-problemi prinċipali tal-promozzjoni tar-riċerka mill-UE. Dan ħoloq kumplessità kbira li tfixkel lill-applikanti u lill-benefiċjarji u li ser tkompli tikber minħabba r-regoli u r-regolamenti differenti tad-diversi Stati Membri u l-korpi ta’ finanzjament.
1.5 Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li ssir armonizzazzjoni progressiva tar-regoli u l-proċeduri rilevanti, bħala l-ewwel pass għall-promozzjoni tar-riċerka fl-UE fuq perijodu twil, iżda wkoll bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni. Huwa biss wara dan li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka tkun kompluta.
1.6 Il-finanzjament tar-riċerka fl-UE għandu bżonn bilanċ aħjar bejn il-libertà u l-kontroll. Dan jikkonċerna fuq kollox it-tfassil tar-regoli kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika. Il-Kumitat jirrakkomanda li jittieħed approċċ ibbażat fuq il-fiduċja li jkun fiċ-ċentru tal-finanzjament Ewropew tar-riċerka. B’rabta ma’ dan huwa jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni favur żieda fil-livell ta’ tolleranza fir-rigward tar-riskju ta’ żball tollerabbli (TRE) speċifiku għar-riċerka (1).
1.7 Bħala passi konkreti addizzjonali l-Kumitat jirrakkomanda, fl-ispirtu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni:
— |
rikonoxxenza tal-proċeduri ta’ kontabilità tal-benefiċjarji tal-finanzjamenti, skont il-liġijiet vinkolanti applikabbli f’kull Stat Membru; |
— |
applikazzjoni adegwata u effiċjenti tar-regoli fil-prattika; |
— |
konsiderazzjoni tal-kontributi globali bħala għażla fakultattiva iżda mhux bħala skuża għal finanzjament iktar baxx; il-kalkolu għandu jsir fuq il-bażi tal-ispejjeż reali; |
— |
l-ikbar koerenza u trasparenza possibbli fil-proċeduri; |
— |
kontinwità u stabbiltà mill-aqwa tad-dispożizzjonijiet legali u tal-proċeduri; |
— |
esperti b’esperjenza, rikonoxxuti internazzjonalment, bħala aġenti tal-koordinazzjoni b’ambitu ta’ azzjoni suffiċjenti fil-qasam tat-teħid tad-deċiżjonijiet; |
— |
strateġija tal-verifika koerenti u definita skont proċeduri ċari; |
— |
żvilupp addizzjonali tal-għodod tal-IT; |
— |
possibbiltà ta’ rimborż tal-VAT; |
— |
semplifikazzjoni speċifika għall-SMEs; |
— |
linji gwida affidabbli, ċari u fil-ħin (struzzjonijiet dwar l-użu) għall-programmi u l-istrumenti ta’ finanzjament. |
1.8 Fir-rigward tat-tieni proposta tal-Kummissjoni dwar il-konsiderazzjoni ta’ “finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati” bħala metodu ta’ finanzjament alternattiv tal-programm qafas li jmiss, il-Kumitat huwa pjuttost xettiku, sakemm ma jkollux f’idejh spjegazzjoni iktar dettaljata u ċara tal-Kummissjoni li biha jkun jista’ jivvaluta b’mod oġġettiv x’għandu jew x’jista’ jinftiehem b’dawn it-termini fil-livell proċedurali. Madankollu, huwa ċar li l-kompitu u l-għan ewlieni ta’ kull programm ta’ finanzjament tar-riċerka għandu jkun li jinkiseb għarfien importanti u ġdid bl-iktar mod effiċjenti, u billi wieħed jadatta r-regoli u r-regolamenti u l-applikazzjoni tagħhom għal dan il-għan.
1.9 Flimkien mas-semplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri legali, amministrattivi u finanzjarji, huwa daqstant importanti li jiġu wkoll issemplifikati l-proċeduri ta’ applikazzjoni u valutazzjoni xjentifiċi u tematiċi, sabiex ir-regolazzjoni eċċessiva u l-varjetà ta’ rapporti obbligatorji, proċeduri ta’ applikazzjoni, rappurtar, valutazzjoni u approvazzjoni jitnaqqsu u jiġu armonizzati.
2. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
2.1 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tkompli tissemplifika l-implimentazzjoni tal-programm Ewropew tar-riċerka. Il-Komunikazzjoni tittratta l-ewwel u qabel kollox il-kwistjonijiet finanzjarji.
2.2 Il-possibbiltajiet ippreżentati fil-Komunikazzjoni għal semplifikazzjoni addizzjonali jistgħu jinqasmu fi tliet partijiet:
— Parti 1: Semplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-proposti u tal-għotjiet skont ir-regoli eżistenti
— Parti 2: Adattament tar-regoli skont is-sistema bbażata fuq l-ispejjeż reali
— Parti 3: Ngħaddu għal finanzjamant ibbażat fuq ir-riżultati minflok dak ibbażat fuq l-ispejjeż
2.3 L-ewwel parti tippreżenta t-titjib prattiku fil-proċessi u l-għodod li l-Kummissjoni diġà bdiet timplimenta.
2.3.1 It-tieni parti tkopri l-bidliet fir-regoli eżistenti li jippermettu aċċettazjoni aktar wiesgħa tal-prattiki tal-kontabilità abitwali (inklużi l-ispejjeż medji tal-persunal), it-tnaqqis fil-varjetà ta’ kundizzjonijiet speċjali, dispożizzjoni għall-maniġers-sidien ta’ SMEs u bidla fil-proċess tal-għażla tal-għotjiet. Il-biċċa l-kbira tal-proposti f’dan il-livell jikkonċernaw il-ħolqien ta’ programmi qafas futuri.
2.3.2 It-tieliet parti tippreżenta l-possibbiltajiet biex titħejja bidla minn finanzjament orjentat ibbażat fuq l-ispejjeż għal finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati. B’dan il-mod ir-rappurtar u l-kontroll għandhom jgħaddu mill-qasam finanzjarju għall-qasam xjentifiku u tekniku.
3. Kummenti ġenerali
3.1 Importanza, effikaċja u interess tal-programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp. Il-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp huwa wieħed mill-iktar strumenti Komunitarji importanti biex jiġu żgurati u jissaħħu l-kompetittività u l-benessri tal-Ewropa, biex jiġu sodisfatti l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex tinħoloq iż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Għalhekk huwa importanti li l-programm qafas għar-riċerka jiġi implimentat bl-iktar mod effiċjenti possibbli. Il-parteċipazzjoni fil-programm qafas għandha tkun attraenti għall-aqwa xjenzjati u istituti kif ukoll għall-industrija u l-SMEs: l-involviment fih għandu jkun interessanti u jiġi kkunsidrat bħala premju. Dan jeħtieġ kundizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji attraenti u effikaċi għall-benefiċjarji.
3.2 Semplifikazzjoni meħtieġa. B’mod ġenerali, hemm bżonn ċar ta’ titjib u semplifikazzjoni konsiderevoli tal-proċeduri u r-regoli. Għalhekk il-Kumitat kemm-il darba sejjaħ għal semplifikazzjoni tal-proċeduri marbutin mal-użu tal-programm qafas tar-riċerka, u nnota bi pjaċir li l-ewwel miżuri diġà ġew implimentati fis-seba’ programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp.
3.3 Konklużjonijiet tal-Kunsill. Konsegwentement, il-Kumitat jilqa’ wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2010 (2). Il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet addizzjonali tal-Kumitat għandhom iservu biex il-punti mqajma f’dan il-Kunsill jiġu approfonditi u appoġġjati.
3.4 Approvazzjoni ġenerali. B’mod ġenerali l-Kumitat jilqa’ u jappoġġja l-inizjattivi u l-ideat tal-Kummissjoni hekk kif ippreżentati fil-Komunikazzjoni tagħha. Ħafna mill-miżuri proposti huma adatti u jistgħu jwasslu għal titjib sinifikanti. Għaldaqstant il-Kumitat jappoġġjahom. Dan jgħodd pereżempju għat-tnaqqis tal-burokrazija marbuta mal-proposti u l-għoti tal-għajnuna finanzjarja fil-qafas tar-regoli eżistenti jew l-aċċettazzjoni iktar wiesgħa tal-proċeduri tal-kontabilità u t-tfassil tar-rapporti tal-benefiċjarji. Madankollu dan mhux ser jippermetti li jiġu skartati għal kollox il-kawżi prinċipali tal-kumplessità attwali; ser jikkontribwixxi biss għal trażżin tal-impatt. Għaldaqstant hemm bżonn ta’ sforzi fuq perijodu twil, fl-interess tas-suq komuni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, sabiex jitwarrbu l-kawżi ewlenin tal-problema.
3.5 Kawża ewlenija tal-kumplessità attwali. Problema kbira tal-promozzjoni tar-riċerka fl-UE hija d-diversifikazzjoni dejjem tikber tal-programmi u l-istrumenti tal-UE. L-istrumenti u l-programmi ta’ promozzjoni kultant għandhom regoli u proċeduri proprji u differenti ħafna minn xulxin (bħall-JTIs skont l-Artikolu 187, l-inizjattivi skont l-Artikolu 185, EIT, ERA-Nets, PPP, eċċ.). Dan iwassal għal kumplessità dejjem ikbar għall-benefiċjarji li mhux biss ixxekkel l-effiċjenza tar-riżorsi investiti, iżda wkoll il-ġibda tax-xjenzjati lejn il-programm qafas. Min-naħa tiegħu dan jipperikola s-suċċess tal-programm qafas.
3.5.1 Regoli differenti tal-Istati Membri. Din il-kumplessità hija aggravata mid-differenzi, kultant kbar, bejn ir-regoli u r-regolamenti fid-diversi Stati Membri u l-kontributuri nazzjonali, li jaqdu rwol konsiderevoli, ħafna drabi deċiżiv, fil-proġetti ta’ appoġġ. Ta’ min ifakkar, biex il-problema tiġi analizzata fit-totalità tagħha, li kważi l-proġetti kollha appoġġjati mill-Kummissjoni (bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-European Research Council, ERC) jitolbu l-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi u kontributuri minn mill-inqas tliet Stati Membri!
3.6 Armonizzazzjoni tar-regoli. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li l-atturi kollha responsabbli għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka jnaqqsu din id-diversità u l-varjetà ta’ regoli legali, amministrattivi u finanzjarji fil-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp: hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni/standardizzazzjoni u tnaqqis tar-regoli marbutin mal-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp. L-istrumenti ta’ finanzjament tajbin tal-programm qafas għandhom jiġu identifikati u żviluppati b’mod adegwat. Għall-miżuri Ewropej kollha ta’ appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp għandu jkun hemm qafas legali uniku.
3.7 Objettiv addizzjonali. It-tieni objettiv għandu jkun l-istandardizzazzjoni tal-istrumenti ta’ appoġġ u l-proċeduri ta’ kalkolu tal-ispejjeż (ara wkoll punt 4.1), mhux biss fi ħdan il-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp stess, iżda wkoll bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni. B’hekk uħud mill-fatturi magħrufa li jostakolaw l-iżvilupp tal-mobbiltà transkonfinali bejn ix-xjenzjati jkunu jistgħu jingħelbu. B’mod ġenerali dan ikun pass konsiderevoli biex tiġi kkompletata ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Anke jekk dan l-għan importanti llum għadu jista’ jitqies bħala utopiku, xorta waħda għandna nkomplu nimmiraw lejh, b’paċenzja u determinazzjoni, forsi anke permezz ta’ approċċ gradwali. Għax jekk dan isir, inkunu għamilna l-pass importanti li hemm bżonn biex tiġi kkompletata ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.
3.7.1 Pluralità fir-riċerka. Madankollu dan it-tip ta’ standardizzazzjoni m’għandu bl-ebda mod iwassal għal trażżin tal-pluralità tal-metodi, l-approċċi u l-firxa ta’ suġġetti ta’ riċerka (3), li l-Kumitat jikkunsidra bħala vitali. Il-pluralità (fir-riċerka) mhijiex ħalja, iżda hija mezz neċessarju ta’ kif jista’ jittejjeb u jitwettaq il-progress fit-tfittxija għal għarfien ġdid u tekniki ġodda, u hija kundizzjoni sine qua non għall-progress xjentifiku.
3.8 Bilanċ bejn il-libertà u l-kontroll. Fil-prinċipju, jeħtieġ li jkun hemm rabta bbilanċjata bejn il-libertà u l-kontroll. Dan jikkonċerna kemm it-tfassil tar-regoli kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika. Sakemm tintlaħaq is-semplifikazzjoni tar-regoli, jeħtieġ urġentement li l-applikazzjoni tar-regoli tkun iktar flessibbli u prammatika. Fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tar-regoli, l-iżvilupp tal-proġetti u l-użu effiċjenti tar-riżorsi għandhom jingħataw prijorità fuq il-prevenzjoni tar-riskju li jsir żball. L-istandards espressi b’mod astratt tar-regoli tal-parteċipazzjoni u tal-baġit joħolqu flessibbiltà kbira. Dawn għandhom jiġu użati biex tinkiseb promozzjoni mill-aħjar tar-riċerka u ġestjoni effiċjenti tal-fondi. Il-Kumitat ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu, essenzjalment flessibbiltà ikbar fid-deċiżjonijiet li jistgħu jieħdu l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan il-Kummissjoni u tolleranza ikbar fir-rigward tar-riskju li jsir żball. Il-biża’ li individwi jagħmlu żbalji m’għandhiex twassal għal regolamentazzjoni eċċessiva u ostakoli għal kulħadd. Għandu japplika l-istess prinċipju għall-modus operandi tal-korpi ta’ finanzjament u r-riċerkaturi.
3.9 Approċċ ibbażat fuq il-fiduċja. L-iżbalji fil-kalkolu tal-ispejjeż huma ġeneralment dovuti għall-kumplessità tal-kriterji ta’ finanzjament u m’għandhom l-ebda għan qarrieqi. Għaldaqstant għandha ssir distinzjoni bejn l-iżbalji u l-frodi. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jadottaw approċċ ibbażat fuq il-fiduċja u jpoġġuh fil-qalba tal-promozzjoni Ewropea tar-riċerka. B’rabta ma’ dan huwa jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni favur żieda fil-livell ta’ tolleranza fir-rigward tat-teħid tar-riskju fil-qasam tar-riċerka (4).
3.10 Uffiċjali kkwalifikati u impenjati. Għall-implimentazzjoni tal-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp il-Kummissjoni teħtieġ uffiċjali kkwalifikati b’għarfien xjentifiku espert rikonoxxut mill-komunità xjentifika internazzjonali (5). L-impenn tagħhom għal riżultati mill-aqwa u żvilupp effiċjenti tal-programmi m’għandux ibati żżejjed minħabba l-biża’, totalment iġġustifikata, li jsir żball proċedurali minħabba l-kumplessità tas-sistema, u l-konsegwenzi ta’ dan. Iżda dan ifisser ukoll li wieħed m’għandux jiġi kkunsidrat responsabbli għall-iżbalji li jsiru b’mod eċċessiv. Huwa wkoll minħabba f’hekk li s-semplifikazzjoni, il-flessibbiltà u ċ-ċarezza huma essenzjali.
3.11 It-trasparenza bħala mekkaniżmu ta’ kontroll addizzjonali. Inevitabbilment, il-flessibbiltà ikbar fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li qiegħed jirrakkomanda l-Kumitat u li ttejjeb l-effikaċja tal-atturi kompetenti fi ħdan il-Kummissjoni tinvolvi wkoll potenzjal addizzjonali għal żbalji u trattament preferenzjali. Madankollu billi l-Kumitat dejjem enfasizza li l-apertura u t-trasparenza totali kienu essenzjali fil-qasam tal-appoġġ tar-riċerka, il-komunità tal-utenti infurmati u r-reazzjonijiet tagħha jirrappreżentaw fattur ta’ korrezzjoni addizzjonali kontra l-iżbalji potenzjali.
3.12 L-importanza tal-kontinwità u l-istabbiltà. Il-ġestjoni ta’ sistemi tant kumplessi titlob proċess ta’ tagħlim tqil u l-ksib ta’ rutina; dan jgħodd kemm għall-uffiċjali tal-Kummissjoni kif ukoll għall-benefiċjarji potenzjali, b’mod speċjali għall-SMEs li m’għandhomx ir-riżorsi biex jiftħu dipartiment legali li jieħu ħsieb dawn il-kwistjonijiet. Għalhekk il-kontinwità progressiva tal-proċess mhux biss ittejjeb iċ-ċertezza legali iżda tissemplifika wkoll il-ġestjoni tas-sistema. Għaldaqstant kull tibdil ippjanat, anke jekk iservi biex jissemplifika s-sistema, għandu jiġi vvalutat bi tqabbil mat-telf ta’ kontinwità u stabbiltà: is-semplifikazzjoni mixtieqa għandu jkollha valur miżjud konsiderevoli meta mqabbla mat-telf ta’ kontinwità u stabbiltà.
3.13 Semplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ applikazzjoni u valutazzjoni. Flimkien mas-semplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri legali, amministrattivi u finanzjarji (punti 3.6 u 3.7), huwa daqstant importanti li jiġu wkoll issemplifikati l-proċeduri xjentifiċi u tematiċi ta’ applikazzjoni, valutazzjoni u monitoraġġ, sabiex ir-regolamentazzjoni eċċessiva u l-pataflun ta’ rekwiżiti Ewropej u nazzjonali għal rappurtar istituzzjonali, proċeduri ta’ applikazzjoni, reviżjonijiet, evalwazjonijiet, arranġamenti għall-awtorizzazzjoni, eċċ. u fejn huwa neċessarju li jitneħħa minnhom dak li m’huwiex meħtieġ. Il-Kumitat jiddispjaċih li dan l-aspett lanqas biss jissemma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk huwa jerġa’ jirrakkomanda li l-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri u r-rappreżentanti tagħhom, tagħmel li tista’ biex tarmonizza u tiġbor flimkien id-diversi proċeduri ta’ applikazzjoni, monitoraġġ u valutazzjoni fil-livelli istituzzjonali, nazzjonali u Ewropej li ħafna drabi jirkbu fuq xulxin. B’hekk jiġi evitat li r-riċerkaturi kkwalifikati – u b’mod ġenerali l-kapital uman – jintilfu mingħajr raġuni. Filwaqt li sar xi progress f’dan ir-rigward fi ħdan is-seba’ programm qafas, għad fadal ħafna x’jista’ jsir. Is-soluzzjonijiet potenzjali għandhom jiżguraw li l-Istati Membri jkomplu jipparteċipaw kif jixraq fil-proċess ta’ allokazzjoni tal-għajnuniet fi ħdan il-korpi u l-kumitati.
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Proċeduri ta’ ħlas ta’ spejjeż tal-Istati Membri. Fil-fehma tal-Kumitat, il-proposta tal-Kummissjoni għal “ aċċettazzjoni aktar wiesgħa tal-prattiki tal-kontabilità abitwali ” twassal effettivament għal semplifikazzjoni konsiderevoli. Iżda dan huwa biss minnu jekk l-għan ġenwin – approvat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri – huwa li jkun possibbli li jintużaw għall-programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp ukoll l-arranġamenti u l-proċeduri ta’ ħlas stabbiliti taħt ir-regoli nazzjonali dwar il-finanzjament tar-riċerka li huma fis-seħħ f’kull Stat Membru. Il-Kumitat huwa konxju li dan jista’ jwassal għal inugwaljanzi fit-trattament iżda dawn għandhom jiġu ttollerati sabiex titwettaq tassew is-semplifikazzjoni mixtieqa. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda bis-sħiħ li din il-proposta tal-Kummissjoni tiġi applikata, b’mod effiċjenti u mingħajr riżervi, għall-kategoriji kollha tal-ispejjeż, bil-kundizzjonijiet imsemmijin hawn.
4.1.1 Possibbiltà ta’ rimborż tal-VAT. Ċerti proġetti ta’ riċerka jinkludu l-VAT fl-ispejjeż tagħhom. Ir-regoli baġitarji Ewropej jippermettu li f’ċerti ċirkostanzi l-VAT tkun tista’ tiġi sovvenzjonata. Fil-fatt dan ir-regolament diġà qiegħed jiġi applikat fil-biċċa l-kbira tal-programmi ta’ riċerka Ewropej. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li fil-ġejjieni l-VAT titqies bħala spiża rimborżabbli fil-programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp.
4.2 Limitazzjoni tal-varjetà tar-regoli. Hemm bżonn urġenti li l-għadd kbir ta’ regoli dwar id-diversi programmi u strumenti jiġi llimitat (ara punt 3.6). Madankollu m’għandux ikun hemm soluzzjoni waħda għall-benefiċjarji kollha, billi approċċ ta’ dan it-tip ma jkunx ġust għad-diversi parteċipanti tal-programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp, anke jekk jikkontribwixxi għas-semplifikazzjoni. Għalhekk għandha tinżamm mill-inqas id-distinzjoni attwali bejn id-diversi organizzazzjonijiet. Għaldaqstant il-Kumitat jirrakkomanda li ma jiġux adottati l-proposti tal-Kummissjoni taħt dan it-titolu għal approċċ finanzjarju uniku għall-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet kollha.
4.3 Awtorizzazzjoni tat-testijiet bi prova. Il-limitazzjoni tan-numru ta’ regoli u r-rekwiżit tal-kontinwità u l-istabbiltà fir-regoli (ara wkoll punt 3.12) m’għandhomx jibblukkaw is-sistema. Strumenti ġodda għandhom jiġu awtorizzati bħala esperiment u ttestjati, qabel ma jiġi deċiż li jkunu soġġetti għar-regoli attwali.
4.4 Definizzjonijiet u linji gwida ċari – struzzjonijiet għall-użu. Fis-sistemi kumplessi huwa kruċjali li jkun hemm definizzjoni ċara u mhux ambigwa tal-kunċetti, ir-regoli, il-proċeduri u l-proċessi sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jaħdmu b’mod effiċjenti. Dan jgħodd ukoll għad-disponibbiltà f’waqtha ta’ linji gwida u “struzzjonijiet” affidabbli min-naħa tal-Kummissjoni. Minn banda, il-linji gwida għandhom joffru ambitu ta’ azzjoni suffiċjenti sabiex il-karatteristiċi differenti tal-benefiċjarji jiġu kkunsidrati b’mod adegwat. Mill-banda l-oħra, il-benefiċjarji għandhom ikunu jistgħu jafdaw fir-rakkomandazzjonijiet li jingħatawlhom. Dan ir-rekwiżit m’huwiex kontradizzjoni tal-flessibbiltà meħtieġa iżda jippermetti pjuttost li din tintuża bis-sħiħ. Iżda l-Kumitat jagħraf li hemm problema partikolari fl-aħħar parti, l-iktar waħda revoluzzjonarja, tal-proposti tal-Kummissjoni (ara punt 4.8 ukoll).
4.5 Strateġija ta’ verifika koerenti. L-istrateġija ta’ verifika futura tal-Kummissjoni hija element importanti tal-proċess ta’ semplifikazzjoni (ara wkoll punti 3.9 u 4.1). Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li l-istrateġija ta’ verifika terġa’ tiġi ddefinita bil-għan li jittejbu kemm l-effikaċja tal-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi. Ikun ukoll xieraq li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu vverifikati l-proċeduri ta’ kontabilità eżistenti tal-Istati Membri, inklużi l-arranġamenti potenzjali għall-ħlas tal-ispejjeż medji tal-persunal.
4.6 Aktar kontributi globali fi ħdan l-approċċ attwali bbażat fuq l-ispejjeż reali. Fi prinċipju l-Kumitat japprova din il-proposta tal-Kummissjoni li tista’ taffettwa diversi tipi ta’ spejjeż. Fiha l-Kummissjoni tara wkoll il-possibbiltà li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-SMEs. Madankollu l-Kumitat japprova din il-proposta bil-kundizzjoni li l-kontribut globali jkopri l-ispejjeż reali u ma jkunx skuża biex jitnaqqas il-finanzjament, iżda jibqa’ għażla fakultattiva.
4.6.1 Spejjeż reali bħala bażi tal-ħlas tal-kontributi globali. Fi prinċipju l-allokazzjoni finanzjarja – jiġifieri l-kontribut globali offrut – għandha tkun ibbażata fuq l-ispejjeż reali tal-benefiċjarji. Huwa biss meta l-finanzjament mill-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp jilħaq ċertu somma li jkun interessanti għal ogranizzazzjoni potenzjalment benefiċjarja li tipparteċipa fil-programmi Ewropej tar-riċerka minkejja l-isforzi amministrattivi u oħrajn meħtieġa. U huwa biss f’dan il-punt li l-objettivi f’termini ta’ kompetittività u kapaċità ta’ innovazzjoni jintlaħqu bis-sħiħ.
4.7 Għodod tal-IT sodi għall-ġestjoni tal-proġetti. L-użu ta’ sistemi tal-internet għall-implimentazzjoni globali ta’ proġett, mit-tressiq tal-applikazzjonijiet sa tmiem il-proġett, għandu potenzjal kbir biex inaqqas konsiderevolment ix-xogħol amministrattiv kemm min-naħa tal-Kummissjoni kif ukoll min-naħa tal-applikant. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni f’din direzzjoni. Madankollu l-istrumenti mfassla mill-Kummissjoni għall-użu tal-applikanti għandhom jaħdmu mingħajr xkiel. Anke jekk is-softwer ġdid żviluppat għas-seba’ programm qafas jiffaċilita l-ħidma tal-Kummissjoni, m’għandux jikkomplika l-proċedura għall-applikant. Softwer mhux effiċjenti (pereżempju n-NEF) u strutturi ta’ dokumenti inkompatibbli (pereżempju bejn stadju tal-proġett u ieħor) joħolqu xogħol amministrattiv addizzjonali u żejjed għall-applikanti kollha. Il-Kumitat jirrakkomanda li dan il-punt jiġi kkunsidrat fl-istadji u l-livelli kollha tal-proġett u li fil-ġejjieni jiġu investiti iktar riżorsi fl-iżvilupp addizzjonali tal-għodod tal-IT.
4.8 Ngħaddu għal finanzjamant ibbażat fuq ir-riżultati minflok dak ibbażat fuq l-ispejjeż. Il-Kummissjoni tipproponi li fit-tmien programm qafas li ġej, tiġi kkunsidrata, bħala semplifikazzjoni ġdida u kunċett ta’ finanzjament alternattiv, it-tranżizzjoni minn finanzjament ibbażat fuq l-ispejjeż għal finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati. Billi l-ewwel objettiv ta’ kull finanzjament tar-riċerka għandu jkun li jinkisbu għarfien u esperjenzi ġodda u li jintgħażel l-aqwa mod għal dan, din il-proposta tidher ferm attraenti mal-ewwel daqqa t’għajn. Għax ovvjament ir-regoli u l-applikazzjoni tagħhom għandhom jissodisfaw lil dan il-għan u jkunu soġġetti għalih.
4.8.1 Xettiċiżmu inizjali. Ftehim minn qabel dwar ir-riżultati konkreti ta’ proġett ta’ riċerka jidher problematiku: jagħti l-impressjoni ta’ riċerka mwettqa b’kuntratt. Dan mhux biss iqajjem problemi legali fir-rigward tal-akkwist pubbliku u tat-taxxi, iżda wkoll kwistjonijiet fir-rigward tal-mod kif inhi kkunsidrata r-riċerka. X’inhu r-riżultat tar-riċerka bażika? Din hija r-raġuni għalfejn il-Kumitat ser jibqa’ xettiku fir-rigward ta’ din il-proposta, sakemm ikun jista’, permezz ta’ spjegazzjoni dettaljata u ċara tal-Kummissjoni, jivvaluta b’mod oġġettiv x’jista’ jinftiehem konkretament b’riċerka bbażata fuq ir-riżultati u liema strumenti ser jintużaw għall-applikazzjoni tagħha. Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni stess tħeġġeġ dan ix-xettiċiżmu bl-attitudni ambigwa tagħha: Approċċi bbażati fuq ir-riżultati jesiġu definizzjoni attenta tal-output/riżultat fil-livell ta’ kull proġett individwali u analiżi bir-reqqa sabiex jiġu ffissati somom ta’ flus f’daqqa… Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li jkun hemm dibattitu dettaljat u maħsub sewwa bejn il-parteċipanti potenzjali kollha, li jwassal għal Komunikazzjoni addizzjonali ċara dwar il-finanzjament tar-riċerka bbażata fuq ir-riżultati, qabel ma jittieħdu passi konkreti oħra dwar dan.
4.8.2 Studju ta’ fattibbiltà u definizzjonijiet. Għar-raġunijiet ippreżentati hawn fuq, il-Kumitat jilqa’ studju ta’ fattibbiltà (ara wkoll punt 4.3) dwar ir-riċerka bbażata fuq ir-riżultati, sabiex l-opportunitajiet, ir-riskji, il-problemi u l-potenzjal ta’ semplifikazzjoni possibbli jkunu jistgħu jiġu vvalutati b’mod oġġettiv. Minflok finanzjament tar-riċerka bbażata fuq ir-riżultati forsi jkun preferibbli li jintużaw termini bħal “finanzjament ta’ proġetti bbażati fuq ir-riċerka” (6) (TRANS E science-based funding) jew “finanzjament tar-riċerka bbażata fuq il-programmi”.
4.8.3 Konsiderazzjoni tal-bżonnijiet speċjali tal-SMEs. L-allokazzjoni ta’ għajnuniet ibbażata fuq ir-riżultati inċerti tal-proġetti li għad iridu jinksibu tista’ tkun partikolarment problematika għall-SMEs. Jekk l-approvazzjoni tal-finanzjament tal-Kummissjoni tkun imxekkla minn nuqqas ta’ sigurtà sustanzjali, jista’, pereżempju, ikun diffiċli li jinkisbu l-fondi addizzjonali meħtieġa.
Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Ara wkoll COM(2010) 261 finali.
(2) Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 28 ta’ Mejju 2010 - Konklużjonijiet tal-Kunsill għal programmi ssemplifikati u iktar effiċjenti għall-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea 10268/10.
(3) ĠU C 44, 16.02.2008, p. 16 u punti 1.10 u 3.14.1.
(4) Ara wkoll COM(2010) 261, finali.
(5) Il-Kumitat jirreferi għall-opinjoni ĠU C 44, 16.02.2008, p. 1, li fil-punt 1.12 tagħha huwa jirrakkomanda “li l-korpi ta’ finanzjament, b’mod speċjali l-Kummissjoni, jinvolvu l-istaff li taw xhieda tal-kompetenza xjentifika tagħhom, li huma familjarji mal-karatteristiċi partikulari u l-”komunità“ ta’ dan il-qasam xjentifiku - u jaġġornaw l-għarfien tagħhom fit-tul (u b’hekk ir-rotazzjoni tax-xogħol fuq bażi regolari issir kontraproduttiva ).”
(6) Proposta tal-grupp ta’ ħidma informali “Implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Qafas” taħt il-presidenza tas-Sur Herbert Reul (MPE).