This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010AE0989
Opinion of the European Economic and Social Committee on the subject ‘Toward the wider uptake of electric vehicles’ (exploratory opinion on request of the Belgian presidency)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana)
ĠU C 44, 11.2.2011, p. 47–52
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/47 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi”
(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana)
2011/C 44/08
Relatur: is-Sur OSBORN
Nhar id-9 ta' Frar 2010, il-Presidenza Belġjana tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi (opinjoni esploratorja).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (sessjoni tal-14 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’155 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ kwalunkwe miżura biex l-Ewropa tagħmel użu aktar mifrux mill-vetturi elettrici, u b’mod partikolari l-karozzi elettriċi. Dan huwa urġenti kemm bħala kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra mis-settur tat-trasport u biex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq importazzjonijiet dejjem inqas siguri taż-żejt. |
1.2 |
Il-KESE jappoġġja l-azzjonijiet kollha proposti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni reċenti tagħha dwar vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Jirrakkomanda wkoll li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jieħdu għadd ta' azzjonijiet oħra. |
1.3 |
Mil-lat teknoloġiku, il-KESE jirrakkomanda għadd ta' prijoritajiet fil-qasam tar-R&Ż, għat-tħaffif tal-programmi prinċipali tal-istandardizzazzjoni, għat-twessigħ tal-ħiliet u l-programmi tat-taħriġ u għall-ġestjoni u l-indirizzar tad-diffikultajiet marbuta mat-tibdil fit-tipi tal-impjiegi fis-settur tal-karozzi u tas-setturi marbuta miegħu. |
1.4 |
Il-KESE jenfasizza li t-tranżizzjoni għall-vetturi elettriċi tista’ tikseb tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra biss jekk l-elettriku għall-vettura nnifisha jiġi minn sorsi b’livelli baxxi ta' karbonju jew mingħajru. Għalhekk, il-bidla għall-vetturi elettriċi trid timxi id f’id ma' bidla parallela oħra marbuta mal-ġenerazzjoni ta' elettriku li jagħmel użu baxx mill-karbonju. |
1.5 |
L-użu fuq skala wiesa’ tal-vetturi elettriċi, u l-kapaċità sostanzjali għall-ħżin tal-elettriku li l-batteriji użati lkoll flimkien jirrappreżentaw, jistgħu jaqdu rwol importanti fil-kontribut li jipprovdu biex jinsab l-aħjar bilanċ possibbli bejn il-provvista u d-domanda fis-sistema tal-provvista tal-elettriku, ġaladarba tiġi introdotta t-teknoloġija intelliġenti fil-ġestjoni tan-netwerk għad-distribuzzjoni tal-elettriku (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “grilja”) u fl-infrastruttura għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi. Fil-fehma tal-KESE, dan huwa proċess ikkumplikat; madankollu, jirrakkomanda li jsiru studji u proġetti mill-aktar fis biex nippruvaw inbiddlu din il-possibbiltà f’opportunità kbira li jkunu jistgħu jgawdu minnha kemm is-settur tat-trasport kif ukoll dak tal-provvista tal-elettriku. |
1.6 |
It-tranżizzjoni rapida għall-vetturi elettriċi fis-settur tal-karozzi ser teħtieġ ħidma bi sħab importanti min-naħa tal-industrija tal-karozzi, il-fornituri l-ġodda tal-infrastruttura tal-iċċarġjar, is-settur pubbliku – bħala regolaturi, l-awtoritjaiet responsabbli għall-iffissar tal-istandards, dawk li jipprovdu l-inċentivi u l-edukaturi – u ċ-ċittadini inġenerali fir-rwol li jaqdu ta' konsumaturi intelliġenti ta' teknoloġija ġdida, u fl-istess ħin konsumaturi eżiġenti u preokkupati. Il-KESE jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jniedu ħidma kollettiva importanti li tippromovi u tappoġġja din it-tranżizzjoni kruċjali b’kull mezz possibbli, u jiżguraw li l-Ewropa ma tibqax lura fit-tellieqa tal-kompetizzjoni barranija li dejjem qed tiżviluppa f’dan is-settur ewlieni. |
2. Kummenti ġenerali
2.1 |
Is-settur tat-trasport inġenerali għadu qed juri żidiet kontinwi fl-emissjonijiet tas-CO2 minn sena għall-oħra minkejja li l-istandards tal-effiċjenza qed jitjiebu gradwalment f’kull tip ta' trasport. Jekk irridu li t-trasport jagħmel kontribut adegwat lit-tnaqqis tal-karbonju li l-Ewropa impenjat ruħha li tagħmel sal-2050, mhux ser ikun biżżejjed li niddependu miż-żidiet tal-effiċjenza li nagħmlu f’kull mezz tat-trasport. |
2.2 |
Fil-qasam tat-trasport bit-triq, hemm limiti fiżiċi fundamentali sa liema punt tista’ tittejjeb il-prestazzjoni tal-magni tal-karozzi b’kombustjoni interna fir-rigward tal-użu tal-karbonju. F’ċertu punt, ċerti titjibiet ser jitolbu bidla trasformattiva findamentali lejn sorsi ta' enerġija ġodda b’livelli baxxi ta' karbonju jew mingħajru. |
2.3 |
Fost id-diversi possibbiltajiet li hemm biex niksbu dan, jidher li l-aktar waħda promettenti hija t-tranżizzjoni bikrija fis-settur tal-karozzi privati, l-ewwel permezz ta' tranżiżżjoni għall-vetturi ibridi u mbagħad il-vetturi totalment elettriċi mill-aktar fis possibbli. |
2.4 |
Hemm għadd ta' raġunijiet għalfejn għandna nagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun:
|
2.5 |
F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma intensiva li għaddejja bħalissa fi ħdan il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri bil-għan li tiġi appoġġjata u aċċellerata t-tranżiżżjoni lejn il-vetturi elettriċi. Huwa jirrakkomanda li ssir aktar ħidma marbuta ma' dawn it-tliet aspetti ewlenin:
|
3. Appoġġ għat-tranżizzjoni teknoloġika
3.1 Riċerka u żvilupp
3.1.1 |
Huwa meħtieġ sforz kbir sabiex ir-R&Ż tiżdied b’mod li toqrob lejn il-mira ta' 3 % u sabiex ikun hemm numru akbar ta' programmi ddedikati għall-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta' karbonju. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-importanza li, b’mod ġenerali, tingħata lill-ħidma fil-qasam tar-R&Ż fl-istrateġija l-ġdida 2020, u l-importanza partikolari li tingħata lill-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ħadra, inkluża t-tranżizzjoni lejn vetturi li jużaw livelli baxxi ta' karbonju u vetturi elettriċi. Għandha bżonn tingħata attenzjoni partikolari lill-aspetti li ġejjin:
|
3.1.2 |
Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-proġetti ta' dimostrazzjoni u programmi oħra tad-distribuzzjoni. L-esperjenza fil-qasam tal-Pjattaformi għat-Teknoloġija tal-Enerġija għandha tiġi estiża u żviluppata fi programmi tad-distribuzzjoni proattivi b’mod li jsiru disponibbli l-ewwel ibridi rikarikabbli (plug-in hybrids) u vetturi totalment elettriċi u l-appoġġ infrastrutturali li jkollhom bżonn. Il-proġetti tad-dimostrazzjoni fi bliet u reġjuni individwali li huma lesti li junu fost l-ewwel li jittestjaw il-prodotti ġodda (li diġà bdew f’ċerti bliet u reġjuni Ewropej) għandhom jitħeġġu b’mod attiv, permezz ta' inċentivi adegwati. Il-programm CIVITAS għandu jitwessa’. |
3.1.3 |
Il-KESE jinsab imħasseb li t-teknoloġija attwali tal-batteriji tiddependi bil-bosta mill-materjali (il-litju u r-rare earths) li attwalment jiġu prodotti l-aktar, jew saħansitra biss, fiċ-Ċina. Jitlob li jkun hemm riċerka u jsiru sondaġġi ġeoloġiċi b’mod urġenti biex jiġu identifikati sorsi alternattivi għall-provvista ta' dawn it-tipi ta' materjali u li jitħeġġeġ ir-riċiklaġġ tagħhom fejn ikun possibbli. |
3.2 Iffissar ta' standards
3.2.1 |
L-istandards regolatorji dwar il-ħtiġijiet minimi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-prodotti u s-servizzi għandhom rwol kruċjali x’jaqdu. L-UE diġà stabbilixxiet standards għall-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi, bi skedi ta' żmien stabbiliti għal aktar titjib sabiex ikunu awtorizzati fil-futur. Iżda jeħtieġ li dawn il-programmi jsiru aktar komprensivi u li jistabbilixxu sensiela ta' miri aktar ambizzjużi fuq medda qasira u twila ta' żmien. |
3.2.2 |
Il-limiti preżenti għall-emissjonijiet stabbiliti sal-2015 jippermettu krettu importanti għall-vetturi li jagħmlu użu minn livelli baxxi ta' karbonju jew vetturi elettriċi. Bis-saħħa ta' dan, il-produtturi Ewropej ikollhom inċentiv importanti biex iħaffu l-iżvilupp tagħhom u jipproduċu l-ewwel ġenerazzjoni ta' karozzi totalment elettriċi. Iżda, fl-istess ħin, dan inaqqrilhom mill-inċentiv biex ifittxu titjib ieħor mill-bqija tal-karozzi li jaħdmu bil-karburant fossili. Fir-reviżjoni li jmiss, forsi tista’ tiġi stabbilita mira speċifika għall-espansjoni tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku; fl-istess ħin, il-produtturi għandhom jintalbu jkomplu jtejbu l-prestazzjoni tal-vetturi tal-petrol u d-diżil mil-lat tas-CO2, li inevitabbilment ser jibqgħu jiffurmaw il-biċċa l-kbira tal-karozzi kollha mmanifatturati tul l-20 sena li ġejjin. |
3.2.3 |
Huwa essenzjali wkoll li tinżamm il-pressjoni fuq l-industrija Ewropea sabiex tkun minn ta' quddiem fid-dinja fir-rigward tal-vetturi elettriċi sabiex ikunu jistgħu jżommu pożizzjoni kompetittiva b’saħħitha hekk kif is-suq dinji jimxi f’din it-triq. Hemm kompetizzjoni ħarxa bejn l-operaturi tal-industrija fis-settur tal-karozzi, tal-batteriji u tal-provvista tal-enerġija biex jiżviluppaw l-aħjar teknoloġiji għall-aktar prezzijiet raġonevoli. Fiha nnifisha, din il-kompetizzjoni hija xprun b’saħħtu għall-innovazzjoni u m’għandhiex titrażżan. |
3.2.4 |
Min-naħa l-oħra, huwa ċar li l-UE ser ikollha bżonn tippromovi ċerti elementi bikrija ta' standardizzazzjoni, biex tiżgura sigurtà, affidabbiltà u kompatibilità, b’mod partikolari fl-infrastruttura ta' appoġġ għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi u għat-tagħmir għall-iċċarġjar permezz ta' sokits kif ukoll fil-ħtiġijiet tal-enerġija u l-konfigurazzjoni tas-settijiet tal-batteriji. Peress li l-karozzi (kemm ġodda kif ukoll dawk użati) jiġu kkumerċjalizzati ħafna bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja, l-UE għandha wkoll tipparteċipa b’mod attiv f’ħidma biex tistabbilixxi standards globali dwar dawn il-kwistjonijiet bil-għan li jiġi żgurat li t-teknoloġija tal-vetturi elettriċi tkun kompatibbli fuq livell dinji. |
3.3 Edukazzjoni u taħriġ professjonali u tekniku
3.3.1 |
It-tranżizzjoni lejn industrija tal-karozzi ddominata mill-vetturi elettriċi ser iġġib magħha bidla fit-tipi tal-impjiegi fi ħdan l-industrija. Sabiex jinżammu l-produzzjoni u l-impjiegi fl-industrija Ewropea tal-karozzi u sabiex tinżamm prestazzjoni b’saħħitha fil-qasam tal-esportazzjoni, huwa essenzjali li jsiru investimenti minn kmieni fil-kapaċità għall-produzzjoni ta' vetturi elettriċi fl-Ewropa, u li jingħataw it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid meħtieġa fil-ħiliet ġodda li ser ikun hmm bżonn fis-setturi kollha tal-industrija (disinn, produzzjoni, distribuzzjoni, bejgħ, manutenzjoni, rimi, eċċ.). |
3.3.2 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li jitnieda mill-ġdid il-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21, bil-parteċipazzjoni msaħħa tal-partijiet interessati, bil-għan li jiġu indirizzati l-ostakli preżenti biex it-teknoloġiji l-ġodda jiġu assimilati fis-suq. Il-KESE jirrakkomanda li dan jinkludi grupp ta' ħidma speċifiku fil-qasam tal-kwistjonijiet soċjali, u li għandhom jittieħdu passi mill-aktar fis biex l-istrutturi settorjali għat-taħriġ u t-tagħlim jiġu żviluppati u orjentati mill-ġdid b’mod li jissodisfaw il-ħtiġijiet ġodda ta' ħiliet fid-dawl tat-teknoloġija tal-vetturi elettriċi. |
4. It-trasformazzjoni simultanja tal-provvista tal-elettriku u r-rabtiet mad-dekarbonizzazzjoni tal-provvista tal-elettriku
4.1 |
Il-bidla għall-vetturi elettriċi ser tirrappreżenta żieda sostanzjali fid-domanda għall-provvista tal-elettriku – mhux kbira daqstant għall-ewwel, iżda fl-aħħar mill-aħħar, konsiderevoli. Li kieku din id-domanda addizzjonali għall-elettriku kienet tkun issodisfata permezz tal-bini ta' impjanti tal-enerġija tredizzjonali oħra li jaħdmu bil-faħam, il-produzzjoni tas-CO2 ma tonqosx wisq. L-emissjonijiet tas-CO2 ikunu sempliċement għaddew mill-karozzi għall-impjanti elettriċi. Għalhekk, huwa importanti li l-espansjoni tal-karozzi elettriċi timxi pari passu mal-espansjoni tal-provvista ta' enerġija b’livelli baxxi ta' karbonju jew mingħajru. |
4.2 |
Il-programi favur l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu aċċellerati b’mod li jissodisfaw id-domanda dejjem tikber għall-vetturi elettriċi. Din il-ħtieġa għandha tiġi integrata fir-reviżjoni li jmiss tal-miri marbuta mal-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli. |
4.3 |
Qed tibda toħroġ fid-dieher il-possibbiltà għal komplementarjetà aktar sofistikata bejn l-espansjoni tal-kapaċità sħiħa tal-batterija meħtieġa għall-vetturi elettriċi u t-tkabbir tas-sehem tal-provvista tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli. |
4.4 |
Problema kbira għall-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli hija l-intermittenza tal-provvista tar-riħ, l-enerġija solari, il-marea, eċċ. Sabiex jiġu ssodisfati t-tipi differenti ta' domanda għall-elettriku, probabbilment ser ikun hemm bżonn ta' espansjoni tal-mezzi użati għall-ħżin tal-enerġija. Il-batteriji għall-karozzi huma meħtieġa biss għall-ammont limitat ta' ħin li fih in-nies ikunu qegħdin isuquhom. Meta ma jkunux qed jiġu użati, ikollhom bżonn jiġu ċċarġjati, iżda jkunu jistgħu wkoll jiġu użati bħala sorsi ta' riżervi ta' enerġija biex jagħtu riżervi addizzjonali lill-grilja meta ma jkunx hemm biżżejjed provvisti rinnovabbli. Il-problemi tekniċi u loġistiċi biex dan iseħħ huma kbar ħafna. Iżda din il-possibbiltà ssir iktar fattibbli hekk kif tiżviluppa grilja interkonnessa u intelliġenti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tagħmel l-istudji meħtieġa disponibbli mill-aktar fis, u tiżgura li l-infrastruttura għall-iċċarġjar żviluppata għall-vetturi elettriċi tkun intelliġenti biżżejjed sa mill-bidu biex tinkiseb din il-komplementarjetà mal-provvista tal-enerġija rinnovabbli. |
4.5 |
L-iżvilupp tal-infrastruttura għall-iċċarġar u/jew is-sostituzzjoni tal-batteriji ser titlob investiment qawwi. It-tagħmir neċessarju għall-iċċarġjar għandu jkun disponibbli f’firxa wiesgħa ta' postijiet, pereżempju fil-parkeġġi, id-djar, il-postijiet tax-xogħol, il-ħwienet, il-garaxxijiet kummerċjali, postijiet pubbliċi oħra u t-toroq. Is-settur pubbliku irid jistabbilixxi qafas regolatorju li jiżgura li dawk inkarigati mill-investiment fl-infrastruttura ikunu jistgħu jagħmlu profitt raġonevoli, filwaqt li jevitaw prezzijiet eċċessivi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel studji urġenti dwar l-oqfsa regolatorji adatti li jħeġġu l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura. F’dan il-kuntest, josserva u jappoġġja l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tas-26 ta' Mejju li fihom saret talba għal żvilupp rapidu ta' standard Ewropew għall-vetturi elettriċi, bil-għan li jibdew jintużaw b’rata aktar mgħaġġla. |
5. Il-konsumaturi u s-suq
5.1 |
Iċ-ċittadini Ewropej qed isiru dejjem aktar konxji li dalwaqt ma nkunux nistgħu niddependu aktar mid-disponibbiltà ġenerali taż-żejt irħis. Qed isiru konxji li qed isir dejjem aktar diffiċli li jinstab u li jiġi rkuprat iż-żejt f’ħafna partijiet fid-dinja, u li l-kompetizzjoni għal kulma hu disponibbli mill-ekonomiji emerġenti qed tiħrax. Minkejja ċertu xettiċiżmu, in-nies qed isiru dejjem iżjed konxji mill-fatt li l-emissjonijiet tas-CO2 iridu jitnaqqsu biex it-tibdil fil-klima jittaffa, u li s-settur tat-trasport irid jagħti sehmu biex dan iseħħ. Il-gvernijiet fl-Istati Membri differenti – uħud aktar minn oħrajn – ilkoll komplew isaħħu dawn it-tipi ta' messaġġi billi intaxxaw il-prodotti taż-żejt, billi imponew taxxi differenti għall-vetturi b’mod li l-karozzi ż-żgħar li jipproduċu livelli aktar baxxi ta' karbonju jingħataw preferenza fuq il-vetturi aktar sofistikati li jaħlu ħafna, u f’ċerti każi, billi xtraw ibridi u vetturi elettriċi prototipi għall-użu tagħhom stess. |
5.2 |
Fid-dawl ta' din is-sensibilizzazzjoni globali, kien hemm ċertu tibdil fis-suq f’dawn l-aħħar snin. Il-konsumaturi saru jippreferu bil-wisq aktar vetturi iżgħar b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju u qed iwarrbu lil dawk aktar kbar b’emissjonijiet aktar għoljin. Kien hemm ukoll ċerta domanda għall-ibridi li ġew introdotti s’issa, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li pprovdew l-inkoraġġiment meħtieġ permezz ta' inċentivi fiskali. Iżda, b’mod ġenerali, il-konsumaturi juru ċerta prudenza fir-rigward tal-innovazzjonijiet ġodda f’dan is-settur, u probabbilment ser ikollhom bżonn riassigurazzjoni u inċentivi biex jilqgħu b’mod definittiv il-ġenerazzjoni li jmiss tal-ibridi rikarikabbli u vetturi totalment elettriċi malli jsiru disponibbli. |
5.3 |
Il-produtturi u l-industrija taż-żejt ukoll urew ċerta prudenza dwar il-potenzjal tat-tranżizzjoni lejn il-vetturi elettriċi. Iridu jkunu konvinti mill-inevitabbiltà ta' din il-bidla, u tad-determinazzjoni politika tal-Unjoni Ewropea li tixpruna u tħaffef din it-tranżizzjoni biex ikunu lesti li jipprovdu r-riżorsi u l-għarfien espert kollu li din il-bidla teħtieġ, u jbigħuha lill-konsumaturi. L-UE u l-Istati Membri għandhom joħorġu fid-dieher din in-neċessità u l-urġenza tat-tranżiżżzjoni bl-aktar mod ċar lill-industriji tagħhom, u ma jħallux li negozji li jimxu b’pass inqas mgħaġġel jingħataw konċessjonijiet speċjali u mbagħad iwaqqfu l-progress globali, li jwassal biss biex negozji li jimxu b’pass aktar mgħaġġel fi nħawi oħra tad-dinja jaqbżu l-industrija inġenerali, u jwassal ukoll għal telf permanenti tas-sehem tas-suq u l-influwenza fl-evoluzzjoni tal-istandards fil-livell dinji. |
5.4 |
Biex inkunu nistgħu ngħaddu għall-fażi li jmiss b’suċċess u nrawmu l-fiduċja u d-domanda tal-konsumaturi, il-konsumaturi għandhom għadd ta' ħtiġijiet, li fil-qosor jolqtu lil dawn l-oqsma prinċipali – is-sigurtà, l-affidabbiltà, il-prestazzjoni u d-disinn, il-firxa tal-prodotti u l-flessibbiltà, il-konvenjenza tal-iċċarġjar kif ukoll il-prezz meta tinxtara u waqt l-użu. (Hemm ukoll xi tħassib li l-vetturi elettriċi jistgħu jkunu tant kwieti fit-triq li jkunu ta' periklu – jekk dan huwa minnu, għandu jkun hemm żieda fil-livell minimu ta' storbju bil-għan li l-persuni li jkunu mexjin fit-triq u persuni oħra li jużaw it-toroq jisimgħu li tkun ġejja karozza). |
5.5 |
Huwa importanti li l-vetturi elettriċi jkunu siguri mill-inqas daqs il-vetturi konvenzjonali (kemm fis-sewqan normali u f’każ ta' inċident), kemm fil-kejl statistiku oġġettiv kif ukoll fil-perċezzjoni It-tagħmir għall-iċċarġjar, b’mod partikolari dak disponibbli għall-pubbliku, għandu jkun protett kontra t-tbagħbis u l-frodi. Dan il-kriterju għandu jkun inkorporat fil-ħtiġijiet regolatorji kollha marbuta mas-sigurtà li għandhom jiġu imposti fuq il-vetturi elettriċi. |
5.6 |
Il-vetturi elettriċi għandhom ikunu affidabbli kull ħin u f’kull tip ta' temp. Jekk il-batterija taqa’ malajr u jekk ċerti kundizzjonijiet tat-temp jaffettwaw il-prestazzjoni tagħhom jew is-servizzi li joffru b’mod sostanzjali, in-nies faċilment ikunu delużi. Ikun aħjar li jiġu introdotti standards marbuta mas-solidità u l-affidabbiltà fil-qafas regolatorju. |
5.7 |
Il-prestazzjoni tal-vetturi elettriċi għandha tal-anqas tixbah lil dik ta' karozza tal-familja għaliex din hija t-tip ta' karozza li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni jafu sewwa. Huwa importanti wkoll li d-disinn u l-konfigurazzjoni tal-vetturi elettriċi ma jkunux inqas attraenti għall-pubbliku mill-aqwa ICVs (vetturi b’kombustjoni interna). Naturalment, din hija sfida li l-industrija għandha tissodisfa, u mhux ser ikun hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja, bil-kundizzjoni li l-industrija nnifisha tkun immotivata biżżejjed (u, f’każ ta' bżonn, tiġi pprovduta b’inċentiv) biex tkun trid tħaffef il-pass tal-bidla. |
5.8 |
Id-distanzi li kapaċi jkopru huma marbuta mill-qrib mat-tagħmir għall-iċċarġjar. Jekk l-iċċarġjar jitlob għadd ta' sigħat f’garaxx jew f’postijiet riżervati fit-triq għal dan il-għan, allura l-konsumaturi wisq probabbli jitolbu li l-karozzi jkunu jistgħu jkopru distanza konsiderevoli wara kull waqfa għall-iċċarġjar. Jista’ jkun minnu li l-biċċa l-kbira tan-nies jivvjaġġaw distanzi pjuttost qosra tul ġurnata normali tax-xogħol – iżda jkunu jridu l-possibbiltà ta' distanzi itwal għal dawk l-okkażjonijiet meta jkollhom jivvjaġġaw iżjed fit-tul – u ma jkunux iridu jaħlu sigħat sħaħ jiċċarġjaw il-karozza waqt vjaġġi bħal dawn. Kultant, il-batteriji jaqgħu jekk il-karozza ma tkunx f’post riżervat għall-iċċarġjar. Irid jiġi żviluppat tagħmir fit-toroq għall-iċċarġjar urġenti jew għat-tbiddil tal-batterija. |
5.9 |
Jidher li l-iċċarġjar aktar malajr qed isir possibbiltà teknika. Iżda jekk il-ħin għall-iċċarġjar ma jitnaqqasx tant li jieħu biss il-ħin li normalment jieħu xi ħadd huwa u jimla t-tank tal-petrol, allura ħafna nies li jkollhom x’jagħmlu jitilfu l-paċenzja. Fil-fehma tagħna, il-produtturi għandhom ifittxu li jżidu d-distanzi disponibbli mill-aktar fis sa [300 km] jekk iridu jiżguraw suq imdaqqas. Il-ħidma fil-qasam tar-R&Ż għandha tiffoka fuq dan il-għan b’mod partikolari. |
5.10 |
Jekk għad fadal ammont sostanzjali ta' snin biex dawn id-distanzi jintlaħqu, il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari għall-possibbiltà li t-tagħmir għall-iċċarġjar permezz ta' sokits ikun ikkomplementat bl-għażla li l-unità sħiħa tal-batterija tkun tista’ titbiddel malajr f’garaxx kummerċjali (jew f’każi ta' emerġenza fit-triq stess) f’bejn żewġ u tliet minuti.Il-KESE għandu informazzjoni li qed jiġu żviluppati għadd ta' proġetti ta' prova inizjali f’dan il-qasam. Bil-għan li jitħaffef l-iżvilupp tal-infrastruttura għat-tbiddil tal-batteriji b’dan il-mod, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni mill-aktar fis lill-possibbiltà li jkun hemm standardizzazzjioni bikrija tal-konfigurazzjoni u l-karatteristiċi għall-pakketti tal-batteriji u kif jistgħu jitneħħew u jerġgħu jitpoġġew b’mod konvenjenti. It-tbiddil tal-batteriji jitħaffef jekk il-pakketti tal-batteriji jinkrew minn kumpanija li tieħu ħsieb il-proċedura tat-tbiddil pjuttost milli jinxtraw. Bis-saħħa ta' dan il-proċess, jitnaqqsu l-ispejjeż inizjali marbuta mal-vetturi elettriċi, iżda jista’ jinqala’ l-bżonn li jitwaqqaf qafas regolatorju biex jiżgura li l-kumpaniji li jipprovdu dan is-servizz iżommu prezzijiet ġusti u standards tajba ta' operazzjoni. |
5.11 |
Fejn jintuża ċċarġjar bis-sokits, huwa importanti li jsir disponibbli malajr f’netwerk mifrux ta' postijiet riżervati għall-iċċarġjar. Minbarra t-tagħmir disponibbli fid-djar, irid ikun hemm dawn it-tipi ta' postijiet f’kull parkeġġ tal-karozzi (parkeġġi pubbliċi u privati, il-postijiet tax-xogħol, il-ħwienet, eċċ.), u fil-postijiet kollha iżervati għall-parkeġġ fit-toroq. Biex din is-sitwazzjoni taħdem tajjeb, jista’ jkun hemm bżonn li l-ewwel ħidma marbuta ma' din is-sistema tiffoka fuq żoni ġeografiċi speċifiċi. Għandu mnejn ikun utli li jitnedew xi skemi pilota f’għadd ta' żoni differenti – gżejjer, bliet kbar u ż-żona reġjonali ta' madwarhom, żoni urbani iżgħar, żoni rurali, eċċ. – biex jiġi stabbilit liema huma l-aħjar modi għat-tħaddim ta' din is-sistema u x’hemm bżonn mil-lat ta' appoġġ għall-infrastruttura. Kull fejn il-vetturi elettriċi jiġu introdotti għall-ewwel darba, huwa importanti li jitwaqqaf netwerk adegwat ta' tagħmir għall-iċċarġjar mill-ewwel. Il-konsumaturi malajr iwarrbu t-teknoloġija l-ġdida jekk ma jħossux li hija appoġġjata tajjeb minn tagħmir għall-iċċarġjar u għat-tbiddil tal-batteriji, li jkun disponibbli b’mod wiesa’ sa mill-bidu nett. |
5.12 |
L-awtoritajiet muniċipali, lokali u reġjonali ser ikollhom rwol importanti x’jaqdu fil-promozzjoni tal-użu tal-vetturi elettriċi fiż-żona tagħhom. Jistgħu jikkontribwixxu biex jidentifikaw is-siti adatti għat-tagħmir għall-iċċarġjar u t-tbiddil tal-batteriji. Jistgħu jagħtu preferenza lill-vetturi elettriċi fir-rigward tal-ipparkjar jew f’karreġġjatiriżervati. Jistgħu jaqdu rwol konsiderevoli fir-reklamar u t-tħeġġiġ tat-tranżizzjoni lejn il-vetturi elettriċi, anke billi jħeġġu l-użu tal-vetturi elettriċi għat-trasport ta' dawk il-persuni li għandhom problemi ta' mobbiltà, għat-tindif tat-toroq, eċċ., peress li ħafna minn dawn il-vjaġġi jinvolvu biss distanzi qosra fiż-żona tal-lokalità nnifisha. |
5.13 |
Naturalment, il-prezz fil-punt tal-bejgħ u tal-użu ser ikun kruċjali. It-tranżizzjoni mill-petrol biċ-ċomb għall-petrol mingħajr ċomb f’bosta pajjiżi tipprovdi eżempju tajjeb ħafna. Għal ċertu żmien, il-konsumaturi rreżistew din il-bidla. Iżda, malli l-gvernijiet introduċew taxxa biex jiffavorixxu lill-petrol mingħajr ċomb, ir-reżistenza għosfrot u t-tranżizzjoni mxiet ħarir u malajr. |
5.14 |
Sabiex jiġi inkoraġġit l-użu tal-vetturi elettriċi, ser ikun hemm bżonn ukoll li almenu jitneħħa kwalunkwe vantaġġ mil-lat ta' prezz tal-vetturi li jaħdmu biż-żejt permezz ta' reġimi adatti ta' tassazzjoni differenti, u probabbilment għandha tingħata preferenza lill-vetturi elettriċi fis-snin bikrin bil-għan li s-suq jaqbad ir-ritmu. Fil-prinċipju, għandu jkun irħas li topera l-vetturi elettriċi minħabba l-livell ogħla ta' effiċjenza tal-magna elettrika. Iżda, ovvjament kollox jiddependi mill-istruttura tat-tariffi tal-elettriku, u jekk l-iċċarġjar tal-batteriji jistax jiġi integrat fi ħdan sistema intelliġenti għall-ibbilanċjar tal-kurrent elettriku permezz ta' tariffa preferenzjali. Il-KESE jirrakkomanda li jsiru studji ekonometriċi bikrin tad-diversi possibbiltajiet disponibbli. Peress li l-bidla għal vettura elettrika tirrappreżenta pass kbir għall-konsumatur, għandu mnejn ikun hemm bżonn li tkun akkumpanjata minn inċentivi kbar, b’mod partikolari fis-snin bikrin tat-tranżizzjoni (eż. permezz ta' taxxa fuq il-bejgħ sostanzjali li tiffavorixxi l-vetturi elettriċi fil-konfront tal-ICVs). |
5.15 |
Minbarra l-ħolqien ta' inċentivi fuq il-prezzijiet, il-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali għandhom jikkunsidraw bir-reqqa tipi oħra ta' inċentivi li jistgħu jgħinu t-tranżizzjoni, fost l-oħrajn żoni jew rotot dedikati u faċilitajiet preferenzjali għall-parkeġġ tal-vetturi elettriċi. Huwa ċar li dawn il-vetturi ser iniġġsu inqas minn magni b’kombustjoni interna, u ċerti verżjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konġestjoni (eż. vetturi elettriċi żgħar għal skopijiet partikolari). |
5.16 |
Minbarra miżuri biex jiġi żgurat li l-vetturi elettriċi jistgħu jiġu kummerċjalizzati bi prezzijiet kompetittivi, ser ikun importanti li jittieħdu miżuri oħra bil-għan li l-konsumaturi ikollhom għarfien aktar sod dwar il-marka tal-karbonju li jħallu d-deċiżjonijiet li jieħdu marbuta mat-trasport, u sa liema punt ser inaqqsu l-impatt tagħhom jekk jużaw vetturi elettriċi. |
5.17 |
Din l-informazzjoni għandha tissejjes fuq analiżi tal-impatt ta' ċiklu ta' ħajja sħiħ tal-karozzi u l-mezzi l-oħra tat-trasport tagħhom. Iżda anke meta jitqies iċ-ċiklu ta' ħajja sħiħ, jidher probabbli li l-bidla lejn il-karozza elettrika ser tkun waħda mill-ikbar deċiżjonijiet li tkun tista’ tieħu persuna biex tnaqqas il-marka tal-karbonju tagħha. Iżda, biex jagħmlu evalwazzjoni korretta, irid ikollhom l-informazzjoni ġusta. |
5.18 |
Probabbilment, ċerti setturi tas-suq ser ikunu ppenetrati aktar faċilment minn oħrajn għall-ewwel. Fid-dawl tal-limitazzjonijiet attwali fir-rigward tad-distanza koperti u tal-ħin meħtieġ għall-iċċarġjar, il-vetturi elettriċi, almenu għall-ewwel, ser ikun aktar adatti għal vjaġġi urbani jew lokali qosra u inqas adatti għal vjaġġi twal. Bl-istess mod, ser ikun aktar faċli li t-tagħmir għall-iċċarġjar bis-sokits jiġi pprovdut fi djar li għandhom garaxx jew, tal-inqas, parkeġġ privat għall-karozzi tagħhom. Għalhekk, huwa mistenni li l-ewwel tentattivi fil-qasam tal-marketing jiffukaw fuq djar li għandhom dawn il-faċilitajiet, li jikkunsidraw li jixtru vettura elettrika żgira għal qadi żgħir fl-inħawi tar-residenza tagħhom; fl-istess ħin, ikollhom vettura b’kombustjoni interna jew ibrida għal vjaġġi iktar twal b’tagħbijiet itqal. Anke għal dan it-tip ta' użu, jidher li r-riċerka inizjali timplika li d-distanza koperta u t-tul ta' ħin li jieħu l-iċċarġjar mhux qed iħajru l-biċċa kbira tan-nies jixtruhom; għalhekk, biex jiġi evitat li l-vetturi elettriċi jintużaw biss minn numru żgħir ta' swieq żgħar speċjalizzati, huwa importanti li sa mill-bidu nett nistabbilixxu viżjoni fit-tul għal tranżizzjoni iktar sħiħa li tippermetti li l-vetturi elettriċi jkunu għażla attraenti għall-utenti kollha għall-vjaġġi kollha. |
5.19 |
Il-programmi tal-akkwisti pubbliċi jistgħu jservu ta' għodda b’saħħitha għat-titjib tal-istandards fis-setturi ewlenin tal-industrija. Is-settur pubbliku huwa xerrej importanti ta' karozzi u vetturi oħra; l-eżempju tas-settur pubbliku jista’ jkollu influwenza addizzjonali fuq id-deċiżjonijiet marbuta max-xiri li jieħdu oħrajn. Għalhekk, huwa importanti li l-gvernijiet u korpi oħra tas-settur pubbiku, fosthom l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, jimpenjaw ruħhom sa mill-bidu li jixtru karozzi u vetturi elettriċi oħra, biex jagħtu spinta bikrija lis-suq ta' dawn il-vetturi, u jagħmlu mod li l-volumi tal-produzzjoni tagħhom jersqu b’rata mgħaġġla lejn il-massa kritika għall-produzzjoni ekonomika. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jagħtu l-ewwel eżempju permezz tad-deċiżjonijiet li jieħdu marbuta max-xiri, u jistgħu jniedu diskussjonijiet u inizjattivi fil-livell Ewropew biex jippromovu l-użu bikri tal-vetturi elettriċi. Il-mexxejja politiċi u personalitajiet pubbliċi prominenti oħra jistgħu jxerrdu l-messaġġ billi huma stess ikunu minn tal-ewwel li jużaw il-vetturi elettriċi. |
5.20 |
Huwa stmat li kważi (50 %) tal-karozzi mixtrija fl-Ewropew jinxtraw fuq il-bażi ta' skemi mmexxija jew appoġġjati mill-kumpaniji għall-impjegati tagħhom. Ikun tajjeb li l-kumpaniji jingħataw inċentivi b’mod li tingħata preferenza lill-karozzi b’użu baxx tal-karbonju jew dawk elettriċi fl-iskemi tagħhom permezz ta' differenzjazzjoni fiskali adatta. |
6. Vetturi u mezzi tat-trasport oħra
6.1 |
F’din l-opinjoni ffukajna l-aktar fuq il-karozza privata tal-passiġġieri, u l-miżuri li għandha tieħu l-Ewropa issa biex tħaffef it-tranżizzjoni lejn l-użu ta' vetturi elettriċi fil-ġejjieni. Fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, il-vettura elettrika hija l-aktar miżura fattibbli. |
6.2 |
Iżda, ċertament, l-elettriċizzar ma jiqafx hawn. Dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki u l-industrija għandhom ikunu attenti għall-potenzjal li dan il-qasam joffri fil-firxa sħiħa tat-trasport fuq l-art u bil-baħar, inklużi vetturi żgħar ħafna maħsuba għal persuna waħda, vetturi kbar tas-servizz pubbliku, ferroviji, tramms u karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku, u l-qasam kollu tat-trasport tal-merkanzija. Barra minn hekk, hekk kif l-elettriċizzar tas-sistema tat-trasport tinfirex aktar, jistgħu jibdew jiffurmaw mudelli ġodda tal-mobbiltà li jiġu ffaċilitati permezz tal-karatteristiċi differenti tal-enerġija elettrika, it-teknoloġija tal-batteriji u sistemi intelliġenti tal-ġestjoni tal-grilja u tat-traffiku. Hawnhekk ukoll, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki jkunu attenti għall-aħjar ideat li jinħtieġu l-inkoraġġiment u josservawhom bir-reqqa. |
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI