Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0974

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX)” COM(2010) 61 finali — 2010/0039 (COD)

    ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162–166 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 44/162


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX)”

    COM(2010) 61 finali — 2010/0039 (COD)

    2011/C 44/28

    Relatur: is-Sur PEZZINI

    Nhar it-18 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX)

    COM(2010) 61 finali — 2010/0039 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju 2010.

    Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-15 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 78 vot favur, 1 vot kontra u 1 astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ b’sodisfazzjon u japprova x-xogħol li għamlet il-Kummissjoni biex tadatta u taġġorna r-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

    1.2   L-Istati Membri, li abolixxew il-kontrolli tal-fruntieri interni b’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Schengen dwar il-moviment ħieles fl-Ewropa, huma fil-libertà li jafdaw il-kontroll tal-fruntieri esterni lill-awtorità li jagħżlu huma.

    1.2.1   Madankollu, bit-tkabbir tal-UE u l-estensjoni gradwali taż-żona Schengen għal kważi l-Istati Membri kollha, u fid-dawl tad-diversità tas-sistemi legali nazzjonali, ġew osservati għadd ta’ differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-responsabbiltajiet fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea.

    1.3   Għalhekk, fi tmiem il-Kunsill Ewropew ta’ Laeken ta’ Diċembru 2001, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li joħolqu mekkaniżmu komuni u operattiv għall-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni, bil-għan li jikkoordina l-azzjoni tas-servizzi nazzjonali responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri esterni.

    1.3.1   Dan l-impenn sar iktar u iktar urġenti minħabba t-tkabbir sostanzjali fil-komunikazzjoni transnazzjonali, li tat spinta lill-ħolqien ta’ bosta identitajiet u ta’ nazzjonijiet-stati ġodda.

    1.4   Permezz ta’ approċċ komprensiv fil-konfront tas-“sigurtà” tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-“immigrazzjoni klandestina”, il-Kummissjoni Ewropea għalhekk ipproponiet li jiġu stabbiliti Timijiet ta’ Appoġġ Konġunt tal-FRONTEX li l-Istati Membri joffru fuq bażi volontarja.

    1.4.1   Għalhekk, b’konformità mal-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen” u l-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali, u bil-għan li tiġi żviluppata politika komuni fil-qasam tal-infrastruttura fissa u mobbli, it-Timijiet imsemmija hawn fuq għandhom jiġu fdati bis-“sorveljanza” u, mbagħad, bil-“kontroll integrat” taż-żoni fejn tinqasam il-fruntiera.

    1.4.2   Dan ifisser li jkunu jistgħu jiġu ċċekkjati d-dokumenti tal-identità, li l-barranin jiġu interrogati dwar ir-raġunijiet għas-soġġorn tagħhom, dejjem b’konformità mal-politiki tal-Istati Membri u jsir tlugħ abbord ta’ bastimenti li jinsabu fl-ilmijiet territorjali ta’ Stat Membru partikolari (1).

    1.4.3   Fil-fehma tal-KESE, it-Timijiet għandhom jingħataw ir-riżorsi finanzjarji u l-mezzi tat-trasport (bastimenti, ajruplani, elikotteri) neċessarji. Il-mezzi li jintużaw fl-operazzjonijiet tal-Frontex għandhom jiġu identifikati u jitħabbru b’mod ċar mill-Istati Membri kollha tal-UE.

    1.5   Iżda, hemm bżonn li nirriflettu fuq il-periklu li l-attivitajiet marbuta mas-sorveljanza u l-kontroll tal-fruntieri esterni jiġu “militarizzati”. Għalhekk, l-“interferenzi” potenzjali mal-funzjonijiet tal-pulizija ġudizzjarja, id-difiża militari u tad-dwana li l-Istati Membri individwali jafdaw lill-korpi tal-pulizija, tad-dwana u tal-forzi armati tal-art, il-baħar u l-ajru tagħhom għandhom jiġu kkoordinati b’mod adegwat, b’attenzjoni biex il-kapaċità tagħhom li jikkontrollaw il-fruntieri ma tonqosx iżda tissaħħaħ (valur miżjud Ewropew).

    1.5.1   Barra minn hekk, jibqgħu miftuħin il-kwistjonijiet marbuta mal-liġi nazzjonali fil-qasam tal-interventi fl-ibħra internazzjonali, anke fuq il-bażi tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, jiġifieri l-Konvenzjoni tal-Montego Bay tal-1982 (2).

    1.6   L-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona li, fost affarijiet oħra, jiġbor fih il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, żiedet b’mod konsiderevoli r-responsabbiltà u l-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-asil. Il-KESE jqis li l-prerogattivi marbutin mal-kattura u ż-żamma tal-persuni għandhom jibqgħu taħt il-liġi ordinarja għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u mhux tar-regoli hekk imsejħa “esorbitanti”. Frontex, bħala “aġenzija”, ma tistax tiġi kkontrollata minn servizz estern, jew minn regoli esklussivament baġitarji, iżda għandha żżomm mar-rekwiżiti tar-rispett tal-persuni li jinżammu fl-Ewropa kollha f’dan il-qasam, b’mod partikolari bl-applikazzjoni tar-regoli penali tal-Kunsill tal-Ewropa (3).

    1.7   Il-Kumitat, konxju mit-tradizzjoni soċjali u legali tal-Ewropa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tal-asil, jirrakkomanda li l-membri li ser jagħmlu parti minn dawn it-Timijiet jingħataw taħriġ inizjali li jkun ċar u sod, u taħriġ regolari ta’ aġġornament dwar l-aspetti psikoloġiċi u dawk marbuta mal-imġiba, u b’hekk tiġi żgurata superviżjoni regolari, li jagħmluha possibbli li jkun hemm relazzjonijiet aħjar ma’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli, u li qed jippruvaw itejbu l-benesseri soċjali tagħhom, kif ġara tul is-sekli anke lil ħafna ċittadini Ewropej.

    1.7.1   Fil-fehma tal-KESE, dawn it-Timijiet għandhom ikunu ta’ natura operattiva u mhux pulizija tal-fruntiera, b’operazzjonijiet li jagħmluha possibbli li tiġi implimentata l-Kodiċi ta’ Schengen.

    1.7.2   Fil-fehma tal-Kumitat, il-ħidma tal-Frontex għandha tfittex li tikxef u tieħu passi legali kontra l-kriminali internazzjonali li jorganizzaw it-traffikar tal-bnedmin u jbiddlu l-persuni li jkollhom xewqa leġittima li jtejbu s-sitwazzjoni soċjali tagħhom f’vittmi ta’ sfruttament li jumiljahom u jiddegradahom.

    1.7.3   Barra minn hekk, it-Timijiet tal-Frontex għandu, bl-appoġġ tal-GMES, jikkontribwixxi bis-sħiħ għas-salvataġġ tal-migranti li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli fil-Baċir tal-Mediterran, b’konformità mal-linji gwida tal-Istati Membri.

    1.7.4   Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jissuġġerixxi li jsiru kuntatti kontinwi u li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mal-NGOs.

    1.7.5   Fid-dawl tar-rwol u l-funzjonijiet tal-NGOs, il-KESE huwa tal-fehma li s-sehem tagħhom huwa indispensabbli biex jipprovdu appoġġ u medjazzjoni kulturali fil-fażijiet kollha tal-proċeduri stabbiliti fir-regoli Ewropej u nazzjonali, fil-konfront tal-persuni f’sitwazzjonijiet prekarji.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Il-fruntieri jpoġġu żewġ stati jew reġjuni ġeografiċi wiċċ imb wiċċ u jisseparawhom skont konfini li jillimitaw ir-relazzjonijiet reċiproċi bejn il-popli.

    2.1.1   Il-fruntieri naturali (muntanji, xmajjar, meded ta’ ilma) huma sors ta’ rivalità kontinwa bejn il-popli li jgħixu fin-naħat opposti.

    2.1.2   Anke l-fruntieri politiċi u dawk konvenzjonali huma r-riżultat ta’ kunflitti u kompromessi, li huma l-frott ta’ perijodi twal ta’ ġrajjiet storiċi.

    2.1.3   Fl-era tal-globalizzazzjoni, ir-rata mgħaġġla tal-komunikazzjoni internazzjonali għandha t-tendenza tħeġġeġ il-multiplikazzjoni tal-identitajiet u żżid in-numru tan-nazzjonijiet sovrani, permezz tal-ħolqien ta’ nazzjonijiet-stati u nazzjonijiet-reġjuni ġodda.

    2.1.4   Minħabba f’hekk, żdiedu l-fruntieri u s-“sanktità” tal-istati individwali, li l-fruntieri fraġli tagħhom huma sors ta’ kunflitti potenzjali u reali.

    2.2   L-istati Ewropej jirrappreżentaw eċċezzjoni importanti fil-qafas dinji għaliex, permezz tal-Ftehim ta’ Schengen, abolixxew il-kontrolli fil-fruntieri esterni, u b’hekk naqqsu l-piż tas-sovranità nazzjonali.

    2.2.1   Iżda l-pressjoni migratorja qawwija attwali fuq il-fruntieri tal-art u tal-baħar tal-UE ħolqot il-bżonn għat-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda u komuni għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni (EUROSUR).

    2.3   EUROSUR

    2.3.1   Bħalissa, l-UE qed teżamina t-twaqqif ta’ sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri.

    2.3.2   L-implimentazzjoni tal-proġett għandha tnaqqas in-numru ta’ migranti illegali u r-rata tal-mortalità waqt il-vjaġġ tagħhom, kif ukoll twaqqaf il-kriminalità transkonfinali u żżid is-sigurtà interna.

    2.3.3   Għaldaqstant, hemm pjani li titwaqqaf sistema Ewropea għall-ġestjoni tal-fruntieri fuq il-bażi ta’ netwerk komuni ta’ sistemi ta’ informazzjoni u sorveljanza.

    2.3.4   Huwa ppjanat it-twaqqif ta’ netwerk ta’ “komunikazzjoni informatika protetta” għall-iskambju ta’ data u għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet taċ-ċentri differenti tal-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Frontex (4).

    2.4   It-triq li wasslet għall-FRONTEX

    2.4.1   Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 stabbilixxa Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri.

    2.4.2   Ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 imbagħad stabbilixxa mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri u emenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 fir-rigward ta’ dak il-mekkaniżmu u rregola l-kompiti u l-poteri ta’ uffiċjali mistiedna.

    2.4.3   Għalhekk, permezz tal-Aġenzija, Stat Membru jista’ jitlob li jintbagħtu timijiet ta’ intervent rapidu fil-fruntieri – magħmulin minn esperti ta’ Stati Membri oħra li jkunu tħarrġu b’mod adegwat – fit-territorju tiegħu (5).

    2.5   Id-Direttiva 2008/115/KE tistabbilixxi standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment “skont id-drittijiet fundamentali … inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”.

    2.5.1   Fil-5 ta’ April 2010, fid-dawl tal-adozzjoni tal-Manwal għall-ipproċessar tat-talbiet għall-viża (6), disponibbli għall-persunal konsulari tal-Istati Membri, il-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi daħal fis-seħħ għaż-żona Schengen, li hija magħmula minn 22 Stat Membru u 3 stati assoċjati.

    2.5.2   Il-Programm tal-Aja (7) jipprevedi l-iżvilupp tal-Frontex fuq il-bażi ta’ programm definit.

    2.5.3   Il-programm multiannwali ta’ Stokkolma għal spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2009, iddeċieda favur it-tisħiħ tal-Aġenzija Frontex, anke permezz ta’ reviżjoni tal-qafas legali tagħha, u ppreveda, b’mod partikolari, il-ġestjoni integrata tal-fruntieri tal-UE.

    3.   Il-punti ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni

    3.1   Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi reviżjoni tal-qafas legali tal-Aġenzija Frontex, b’dawn il-punti ewlenin:

    l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri esterni, fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà (Artikolu 74 tat-Trattat), bil-korp tal-pulizija u s-servizzi tal-informazzjoni tagħhom;

    l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-Aġenzija, fl-għamla ta’ koordinazzjoni, meta jkunu involuti Stati Membri oħra u jkun hemm bżonn ta’ aktar għajnuna teknika u operattiva;

    il-flussi migratorji kbar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li bħalissa qed jippruvaw jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri illegalment jitolbu li jissaħħaħ ir-rwol tal-Frontex fil-politika tal-UE fil-qasam tal-immigrazzjoni;

    l-evalwazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta (8) tipprevedi eċċezzjonijiet għall-qafas legali tal-Frontex u ddaħħal l-emenda għar-Regolament bħala żvilupp ieħor tal-acquis ta’ Schengen fil-ġlieda kontra l-organizzazzjoni tal-immigrazzjoni klandestina;

    il-proposta għal emenda għandha l-għan li żżid il-koordinazzjoni u l-kooperazzzjoni fost l-Istati Membri permezz ta’ kriterji u proċeduri aktar armonizzati għal livell aktar għoli u uniformi tal-ġestjoni tas-sorveljanza;

    it-tagħmir tekniku u r-riżorsi umani għandhom jissaħħu. Għal dan il-għan, jista’ jinħoloq tim ta’ gwardjani tal-fruntiera stakkati, li jkun magħmul minn esperti nazzjonali bi kwalifiki u taħriġ ta’ livell għoli.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1   Fl-operazzjonijiet kollha tal-Frontex għandha tiġi garantita l-konformità stretta mal-prinċipju tan-“non refoulement” stabbilit fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra “trattament inuman u degradanti” u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    4.2   Il-missjonijiet tal-Frontex għandhom jitwettqu bil-għan assolut tal-ħarsien ta’ ħajjet il-bniedem u tal-protezzjoni tan-nisa, il-minorenni u tal-aktar persuni vulnerabbli. Għandhom jevitaw l-“esternalizzazzjoni” tal-kontrolli fil-fruntiera lejn pajjiżi (9) li ma jirrikonoxxux id-dritt tal-asil u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (10).

    4.3   Il-ħidma tal-Frontex għandha tfittex li tilħaq dawn il-valuri prijoritaji:

    tfittex li tneħħi l-poter tan-netwerks kriminali internazzjonali, li jorganizzaw it-traffikar tal-bnedmin;

    tagħmel il-liġi tal-asil realtà għall-vittmi tal-inġustizzja, kif previst mit-Tratta tal-UE;

    tgħin lill-migranti f’sitwazzjonijiet diffiċli, anke jekk jinsabu f’ibħra internazzjonali.

    4.4   Il-KESE japprova l-Proposta għal Regolament, meta tipprevedi li, anke b’rispett tal-kompetenzi tal-Aġenzija, l-Istati Membri jistgħu jkomplu bil-kooperazzjoni operazzjonali stabbilita ma’ stati u/jew pajjiżi terzi oħra fil-fruntieri esterni, bil-kundizzjoni li din il-kooperazzjoni tikkomplementa l-azzjoni tal-Aġenzija b’konsistenza mad-drittijiet tal-bniedem u skont it-tradizzjonijiet Kristjani-soċjali u legali tal-Unjoni Ewropea.

    4.5   Fil-fehma tal-KESE, sabiex tiġi żgurata l-aħjar kooperazzjoni possibbli, jinħtieġ li l-Frontex tingħata r-riżorsi (bastimenti, ajruplani u elikotteri) neċessarji. Il-mezzi li jintużaw fl-operazzjonijiet tal-Frontex għandhom jiġu identifikati u jitħabbru b’mod ċar mill-Istati Membri kollha tal-UE, u filwaqt li tqis l-impatt baġitarju tagħhom, il-Frontex għandha tkun f’pożizzjoni li tużahom b’koordinament mas-servizzi nazzjonali kollha li diġà għandhom riżorsi bħal dawn.

    4.6   Il-KESE jista’ jappoġġja l-possibbiltà mogħtija lill-Frontex biex tiffinanzja u timplimenta proġetti ta’ għajnuna teknika f’pajjiżi terzi u tibgħat uffiċjali ta’ kollegament, bil-kundizzjoni li l-proġett u l-għajnuna jinvolvu lil NGOs b’esperjenza twila u sostanzjali fil-qasam tal-għajnuna, it-taħriġ għall-iżvilupp u l-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem.

    4.7   Il-Frontex għandu jakkwista s-sistema l-ġdida SIS II (Sistema ta’ Schengem tat-tieni ġenerazzjoni) (11) mill-aktar fis.

    4.8   Il-Frontex tista’ tingħata appoġġ sostanzjali biex tgħin lill-migranti li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli fil-Baċir tal-Mediterran permezz tad-data tal-GMES trasmessa mill-istazzjon ta’ Neustrelitz (12).

    4.9   Anke r-rwol previst għall-Frontex biex tikkoordina l-attivitajiet marbuta mal-operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn għandu, fil-fehma tal-Kumitat, jitwettaq b’kooperazzjoni stretta mal-NGOs umanitarji li għandhom sensibbiltà rikonoxxuta u esperjenza twila fil-bini ta’ relazzjonijiet ma’ persuni f’sitwazzjonijiet diffiċli jew vulnerabbli.

    4.10   Fil-fehma tal-KESE, il-Frontex tista’ tingħata mandat limitat biss għall-ipproċessar tad-data personali marbuta mal-ġlieda kontra n-netwerks kriminali li jorganizzaw l-immigrazzjoni klandestina, u dejjem b’kooperazzjoni stretta mal-awtoritajiet nazzjonali tal-prosekuzzjoni.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1   Fil-fehma tal-KESE, l-emendi proposti jikkonformaw mal-għan li jissaħħu r-rwol u l-funzjonijiet tal-Frontex, sabiex jittejjeb il-kontroll tal-fruntieri esterni tal-UE u biex jiġu żgurati, fl-istess ħin, il-libertà u s-sigurtà interna tal-Istati Membri.

    5.2   Madankollu, jistgħu jitqajmu l-punti li ġejjin:

    5.2.1   Premessa (10) – jista’ jorbot aktar legalment kieku tintuża l-kelma “jiggarantixxi” minflok “jiżgura”.

    5.2.2   Premessa (13) – il-kelma “listi” għandha tiġi sostitwita bil-frażi “reġistri adatti”, li tidher aktar adattata għall-ħolqien tal-obbligu li r-riżorsi jiġu mmaniġġati b’mod rigoruż.

    5.2.3   Premessa (14) – għandhom jiddaħħlu l-aġġettivi “mħarrġa u speċjalizzati” fil-frażi “numru xieraq ta’ għassiesa tal-fruntiera kompetenti”.

    5.2.4   Premessa (15) – il-frażi “fuq bażi semipermanenti” tidher vaga u għandha tiġi sostitwita bi frażi oħra aktar preċiża.

    5.2.5   Premessa (23) – il-“limiti” marbuta mal-possibbiltà li l-Aġenzija “tniedi u tiffinanzja proġetti ta’ assistenza teknika(…)” għandhom jiġu definiti b’mod rigoruż.

    5.3   Artikolu 1a)(a)(2) – il-kelma “viċin” għandha tiġi speċifikata b’mod aktar ċar, l-aktar biex jiġi evitat kwalunkwe indħil bla bżonn fil-konfront tas-sovranità nazzjonali.

    5.3.1   Artikolu 2(1)(c) – il-kompitu fdat lill-Aġenzija biex twettaq “analiżi ta’ riskju” għandu jiġi estiż għall-“ispejjeż” involuti biex tiġi ttrattata l-pressjoni fil-konfront tal-fruntieri esterni tal-aktar Stati Membri esposti. Fil-fatt, jidher ġust li l-Istati Membri kollha, u mhux biss dawk tal-“fruntiera” jerfgħu din ir-responsabbiltà.

    5.3.1.1   Id-dispożizzjoni għandha tiġi kkoordinata b’mod adegwat mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4.

    5.3.2   Artikolu 2(1)(iii)(h) – jidher li jkun aħjar li jiġi speċifikat li l-Aġenzija tista’ tingħata biss “mandat limitat” biex tipproċessa data personali relatata mal-ġlieda kontra n-netwerks kriminali li jorganizzaw l-immigrazzjoni illegali. Id-dispożizzjoni għandha tiġi kkoordinata mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11, 11a u 11b.

    5.3.3   Artikolu 14(1) – jidher li tkun idea tajba li jiġu ċċarati l-mezzi li permezz tagħhom l-Aġenzija “tiffaċilita” l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

    5.3.4   Artikolu 14(2) – il-possibbiltà li l-Aġenzija tibgħat uffiċjali ta’ kollegament fil-pajjiżi terzi għandha tiġi ċċarata aktar, fis-sens li dawn l-uffiċjali li jintbagħtu bħala osservaturi u/jew konsulenti, jistgħu jintbagħtu f’pajjiżi terzi biss “fejn il-prattiki tal-ġestjoni tal-fruntiera jirrispettaw l-istandards minimi tad-drittijiet tal-bniedem”; għandu jiġi preċiżat ukoll li dawn il-pajjiżi terzi jridu jkunu formalment qablu mal-Konvenzjonijiet vinkolanti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-asil u l-protezzjoni internazzjonali.

    Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  B’konformità mal-Artikolu 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aġenti tal-Frontex jistgħu jaġixxu fuq l-ordni tal-gwardjani tal-fruntiera tal-Istati Membri u għalhekk b’konformità mas-sovranità tal-Istati Membri.

    (2)  Minbarra l-kontroversja ma’ Stati Membri oħra dwar l-applikazzjoni ġusta tar-regoli dwar l-akkoljenza u l-illegalità tal-operazzjonijiet bil-għan li jiġu “respinti” l-immigranti, il-qrati Taljani qed jakkużaw lill-uffiċjali ċivili u militari b’aggressjoni minħabba li f’Awwisu 2009, 75 immigrant klandestini li twaqqfu fuq l-ibħra internazzjonali ntbagħtu lura l-Libja. Iżda, il-gvern Taljan ma huwiex tal-istess fehma tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Siracusa. Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati jsostni li l-operazzjonijiet li saru bil-għan li l-immigranti jintbagħtu lura pperikolaw il-possibbiltà li dawn igawdu mid-dritt tal-asil fl-Italja.

    (3)  Peress li issa l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Protokoll Nru. 14 tal-Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu, u peress li t-Trattat ta’ Lisbona ratifikat jiftaħ it-triq biex l-UE ssir membru tal-ECHR, huwa aktar u aktar meħtieġ li l-Frontex tibqa’ konformi ma’ dawn il-linji.

    (4)  In-netwerk elettroniku imbagħad jiġi kkoordinat mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Jannar 2006 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE li tistabbilixxi Network sigur bbażat fuq il-web dwar l-Informazzjoni u l-Kordinazzjoni għas-Servizzi ta’ Amministrazzjoni tal-Migrazzjoni tal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-iskambju rapidu ta’ informazzjoni fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni legali.

    (5)  Il-kompiti msemmija hawn fuq huma marbua mill-qrib ma’ dawk tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL), stabbilit fl-1992 biex jipprovdi informazzjoni fil-livell Ewropew fil-qasam kriminali. Dan il-qafas jiġbor fih ukoll is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), li tagħmilha possibbli li l-awtoritajiet rilevanti fiż-żoni ta’ Schengen jaqsmu informazzjoni dwar l-identità ta’ kategoriji speċifiċi ta’ persuni u prodotti.

    (6)  Adottat mill-Kummissjoni Ewropea fid-19.3.2010.

    (7)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1 1.

    (8)  SEC(2010) 149.

    (9)  Pereżempju, il-Libja.

    (10)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16.12.2008 (li ser tidħol fis-seħħ f’Diċembru 2010) dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, “skont id-drittijiet fundamentali … inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”.

    (11)  SIS, Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, li għandha tibda topera sal-31.2.2011 (Rapport Coelho tal-Parlament Ewropew).

    (12)  L-istazzjon ta’ Neustrelitz fil-Ġermanja ser jiżgura l-ippjanar u l-produzzjoni ta’ data ta’ riżoluzzjoni għolja għall-Ewropa u l-Baċir tal-Mediterran bis-saħħa tas-satelliti ottiċi GEO, Eye 1 u Ikonos.


    Top