EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0961

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ir-Rapport mill-Kummissjoni – Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2008” COM(2009) 374 finali

ĠU C 44, 11.2.2011, p. 143–147 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/143


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ir-Rapport mill-Kummissjoni – Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2008”

COM(2009) 374 finali

2011/C 44/24

Relatur: is-Sur Arno METZLER

Nhar it-23 ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

ir-Rapport mill-Kummissjoni – Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2008

COM(2009) 374 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’111-il vot favur, vot wieħed kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ddedikat għall-ewwel darba kapitolu lill-problema tal-konsumaturi fl-ambitu tal-ġlieda kontra l-kartelli. Jixtieq ifakkar li l-proċedura dwar l-azzjoni kollettiva ġudizzjarja għadha ma ġietx implimentata. Barra minn hekk, għandhom jiġu enfasizzati l-impatt u l-importanza tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-antitrust għall-oqsma l-oħra tas-soċjetà ċivili u ekonomika Ewropea. Dwar dan għandu jsir rapport fil-futur.

1.2   Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex, meta jiġu rkuprati l-għajnuna mill-Istat u l-garanziji tal-Istat, jerġgħu jinħolqu u jiġu applikati kundizzjonijiet ekwivalenti tal-kompetizzjoni fis-swieq Ewropej kollha. Il-KESE huwa konvint li dan huwa essenzjali għall-affidabbiltà u l-kredibbiltà tal-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni.

1.3   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tidħol għal aktar impenji u impenji akbar sabiex tiffamiljarizza liċ-ċittadini Ewropej ma' dawn l-aspetti tal-ħidma tagħha billi ssaħħaħ il-komunikazzjoni tagħha.

1.4   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tispjega jekk, fid-dawl tal-esperjenzi tagħha fil-qafas tal-għajnuna ta' emerġenza għall-ekonomija finanzjarja u reali bħala għajnuna statali – li ngħatat minħabba l-kriżi – hijiex qed tippjana bidliet fir-regolamenti u l-linji gwida attwali u sa liema punt. Minn dan il-Kumitat jixtieq ikun jaf ukoll x’pożizzjoni ser tadotta fil-futur il-Kummissjoni rigward l-għajnuna mill-Istat għall-industriji ewlenin (l-industrija tal-karozzi, eċċ.).

Fil-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni għandhom jitqiesu wkoll iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet tal-globalizzazzjoni.

1.5   Il-KESE jenfasizza l-fehma tiegħu li esprima fl-opinjoni dwar ir-rapport tal-2007 li l-Kummissjoni għandha tpoġġi l-attenzjoni tagħha fuq l-importanza tad-dumping soċjali u n-nuqqas ta' konformità mal-liġi tax-xogħol, u għandha tagħmel rapporti dwar ir-riżultati. Dan għandu jkun punt essenzjali partikolari fil-qasam tat-trasport.

2.   Kontenut tar-rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2008

2.1   Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea għall-2008 jpoġġi enfasi partikolari fuq il-kartelli u l-ħarsien tal-konsumatur. Il-Kummissjoni tagħti l-eżempju tal-kartell tal-banana kif ukoll tal-ħġieġ tal-karozzi, (il-proċedimenti saru fl-2008), biex turi l-impatt negattiv tal-kartelli tal-produtturi fuq il-konsumaturi u l-prezzijiet li dawn iħallsu, kif ukoll fuq il-kapaċità ta' innovazzjoni tas-setturi partikolari.

Il-Kummissjoni wriet li s-sett ta' strumenti tal-programm ta' klemenza ħadem. Il-possibbiltà l-ġdida li titqies il-kooperazzjoni fl-iskoperta tal-kartelli bħala raġuni għat-tbaxxija tal-multi għandha impatt pożittiv fuq il-ħidma u s-suċċessi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni wriet kif l-għoti ta' multi akbar jappoġġja l-effett preventiv ġenerali tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ.

2.2   Fl-2008, il-Kummissjoni ssoktat bl-approċċ deċiżiv tagħha kontra l-kartelli. Tat multa lil 34 intrapriża f’seba’ każi ta' kartelli, b’ammont totali ta' EUR 2 271 biljun.

Fl-2008, il-Kummissjoni għamlet stima tad-danni. Ikkonċentrat fuq 18-il kartell li bejn l-2005 u l-2007 kienu s-suġġett ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni. Hi żiedet il-prezz tal-produzzjoni tal-oġġetti tal-parteċipanti f’kartell b’bejn 5 % u 15 %, u stmat li d-danni kkawżati minn dawn il-kartelli jammontaw għal bejn EUR 4 biljuni u EUR 11 biljun.

Skont l-istimi tal-awtorità Ingliża tal-kompetizzjoni, l-Office of Fair Trading (OFT), għal kull kartell li jiġi skopert hemm ħamsa oħra li jistgħu ma jifformawx jew li jiġu abbandunati qabel ma jiġu skoperti. Dan jissuġġerixxi li t-18-il deċiżjoni rigward il-kartelli li ttieħdu bejn l-2005 u l-2007, inkluż l-effett dissważiv tagħhom, jista’ jkun li pprevenew danni addizzjonali għall-konsumaturi li jammontaw għal madwar EUR 60 biljun.

3.   Strumenti

3.1   Antitrust – L-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE

3.1.1   Fit-2 ta' April 2008, il-Kummissjoni adottat il-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust. Minħabba l-istrument ta' azzjonijiet individwali kontra min jikser il-liġi tal-antitrust, din il-White Paper kienet proġett diskuss ħafna tal-Kummissjoni tal-UE dwar il-liġi tal-antitrust u l-kompetizzjoni. Il-KESE saħaq li huwa favur il-ħolqien ta' strument Komunitarju li jarmonizza ċerti aspetti tal-azzjonijiet individwali u dawk kollettivi għad-danni kkawżati mill-ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni introduċiet proċedura ssemplifikata (“settlement”) għall-ġlieda kontra l-kartelli. Il-pakkett għar-riżolviment, magħmul minn regolamenti u komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2008. B’hekk, il-multa tal-parteċipanti raġonevoli f’kartelli, li wara li jinfetħu l-proċedimenti u jingħata aċċess għad-dokumenti “jammettu” l-involviment tagħhom f’kartell, tista’ titnaqqas b’10 %. Din hija semplifikazzjoni tassew.

3.1.2   Fl-2008, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll gwida dwar il-prijoritajiet tagħha fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 għall-każi ta' tfixkil inġust tal-kompetituri minn intrapriżi dominanti. Hawnhekk il-Kummissjoni ppreżentat il-qafas analitku li, hi u tieħu d-deċiżjonijiet, jippermettilha tifhem u tispjega l-proċess tad-danni għall-konsumatur.

3.1.3   Fl-2008 nbdiet, jew tkompliet, ir-reviżjoni tar-regolament dwar l-eżenzjoni ta' kategorija applikabbli għall-ftehimiet vertikali, ir-regolament dwar l-eżenzjoni ta' kategorija fil-qasam tal-vetturi bil-mutur, u r-regolament dwar l-eżenzjoni ta' kategorija fil-qasam tal-assigurazzjoni.

3.1.4   Applikazzjoni tar-regoli għad-dritt tal-awtur li ma jkunx relatat mal-antitrust

3.1.4.1   Fl-2008, il-Kummissjoni pprojbixxiet lill-Konfederazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tal-Awturi u l-Kompożituri li tkompli l-prattiki restrittivi permezz ta' ftehimiet esklużivi fil-ftehimiet reċiproċi tagħha u b’hekk tapplika restrizzjonijiet nazzjonali.

3.1.4.2   Il-Kummissjoni ħadet azzjoni wkoll b’rabta mal-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti, billi tat multa definittiva ta' EUR 899 miljun lill-kumpanija Microsoft. L-azzjoni legali li nbdiet sadanittant quddiem il-qorti tlestiet f’Diċembru 2009.

3.2   Miżuri tal-Istat għall-intrapriżi pubbliċi jew intrapriżi bi drittijiet esklużivi u speċjali

3.2.1   Skont l-Artikolu 86 tat-Trattat dwar l-UE, anke s-settur pubbliku huwa soġġett għall-politika Ewropea tal-kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tat il-fehma tagħha permezz ta' deċiżjonijiet dwar il-monopolju tal-posta u tas-settur tal-enerġija.

3.3   Kontroll tal-konċentrazzjoni u sorveljanza tal-azzjonijiet korrettivi

3.3.1   Komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet korrettivi

F’Ottubru 2008, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni ġdida u regolament ta' implimentazzjoni dwar dan is-suġġett. L-għan ta' dawn iż-żewġ dokumenti huwa li jittejjeb il-ħarsien tal-konsumatur f’dan is-settur u jonqsu l-prezzijiet, pereżempju billi jkun hemm eżiġenzi aktar stretti b’rabta mal-informazzjoni u billi tiġi sistematizzata l-informazzjoni li tingħata mal-prodott.

3.3.2   Applikazzjoni tar-regoli

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat il-mezzi u l-miżuri użati għall-ħarsien tal-konsumatur. Anke hawnhekk, in-numru ta' proġetti rappurtati lill-Kummissjoni fl-2008, jiġifieri 347 (fużjoni u każ ta' kooperazzjoni), kien għoli ħafna. Il-Kummissjoni ħarġet 340 deċiżjoni definittiva.

3.4   Kontroll tal-għajnuna mill-Istat, żvilupp tar-regoli tal-politika tal-kompetizzjoni

3.4.1   Fl-2008, il-Kummissjoni esprimiet l-akbar pressjoni għall-bidla u l-akbar ħtieġa ta' bidla f’dan il-qasam. Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, hi ssoktat bl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Ġew ippubblikati tliet komunikazzjonijiet dwar ir-rwol tal-politika tal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriżi u tal-proċess ta' rkupru.

3.4.2   Rigward l-iżvilupp ġenerali tar-regoli tal-politika tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni adottat, kif kienet ħabbret, pjan ta' implimentazzjoni għar-regolament dwar l-eżenzjoni ta' kategorija.

3.4.3   Il-komunikazzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat f’forma ta' garanziji (Ġurnal Uffiċjali C 155, 20.6.2007 u Ġurnal Uffiċjali C 244, 25.9.2008) jistabbilixxu kif għandhom jiġu kkalkulati l-elementi tal-għajnuna ta' garanzija u jipprevedu regoli ssemplifikati għall-SMEs.

3.4.4   Fl-2008, il-Kummissjoni kompliet taħdem ukoll biex ittejjeb l-infurzar u l-kontroll tal-konformità mad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat. Permezz tal-pubblikazzjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-irkupru kif ukoll tal-infurzar effettiv u immedjat tagħhom, ippruvat turi b’mod ċar li hija trid u tista’ tillimita l-impatt tal-għajnuna mill-Istat.

Kif tħabbar fil-pjan ta' azzjoni korrispondenti, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti – f’ħames każi taħt l-Artikolu 88(2) u fi tmien każi taħt l-Artikolu 228(2) tat-Trattat dwar l-UE – kontra l-Istati Membri li ma infurzawx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni dwar l-irkupru.

3.4.5   It-tabella ta' valutazzjoni għall-għajnuna mill-Istat fl-2008 turi li l-Istati Membri tal-UE jaqblu max-xewqa tal-Kummissjoni li l-għajnuna mill-Istat tintuża b’mod aktar immirat. 80 % tal-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri fl-2007 kellhom objettivi orizzontali.

3.4.6   Rigward il-qafas Komunitarju għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, id-DĠ Kompetizzjoni indirizza l-aspett tal-għajnuna mill-Istat (88 każ).

Fil-qasam tal-finanzjament tal-kapital ta' riskju għall-SMEs, il-Kummissjoni approvat 18-il skema ta' kapital ta' riskju skont il-Linji Gwida dwar il-Kapital ta' Riskju.

4.   Żviluppi settorjali

4.1   L-enerġija u l-ambjent

Il-Kummissjoni ressqet kunsiderazzjonijiet dwar il-konċentrazzjoni fil-qasam tal-enerġija u dwar l-aspetti tal-politika ambjentali relatati mat-tibdil fil-klima fil-promozzjoni ta' bidla fil-produzzjoni tal-enerġija lejn proċessi li jemettu inqas CO2. Il-Kunsill tal-Enerġija adotta kompromess fl-10 ta' Ottubru.

L-investigazzjonijiet tal-kartelli f’dan il-qasam jiffokaw fuq it-tfixkil inġust tal-kompetituri, l-isfruttament abbużiv u l-kollużjonijiet. It-trasport tal-enerġija għall-fornituri l-ġodda, b’mod partikolari, qed ikun dejjem is-suġġett ta' proċedimenti korrispondenti fi kważi l-Istati Membri tal-UE kollha.

4.2   Is-servizzi finanzjarji

4.2.1   L-għajnuna mogħtija lis-settur finanzjarju fl-2008 kkawżat interventi sinifikanti fil-kompetizzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji.

F’dan is-settur, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkontrolla l-għajnuna mill-Istat flimkien mal-Istati Membri.

4.2.2   Il-Kummissjoni fasslet linji gwida għall-miżuri statali. Sadanittant, il-Kummissjoni kkunsidrat miżuri adatti għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji u stabbilixxiet numru minimu ta' miżuri għall-ġlieda kontra d-distorsjonijiet sproporzjonati tal-kompetizzjoni. Fuq il-bażi ta' dawn id-dispożizzjonijiet ġew approvati miżuri konkreti, bħall-iskemi tal-garanziji, l-għajnuniet individwali mill-Istat u l-għajnuniet għal-likwidità, għal aktar minn 16-il pajjiż tal-Komunità Ewropea u bosta istituzzjonijiet f’dawn il-pajjiżi.

4.2.3   Il-Kummissjoni temmen li aġixxiet malajr sabiex terġa’ tibni l-fiduċja fis-swieq.

4.2.4   Permezz tal-miżuri tagħha, hi wriet li l-liġi tal-kompetizzjoni hija strument effettiv għall-ġlieda kontra l-kriżi.

4.3   L-istrumenti għall-ekonomija reali

4.3.1   Għall-intrapriżi tal-“ekonomija reali”, il-Kummissjoni awtorizzat għajnuniet mill-Istat, garanziji għall-kreditu, krediti sussidjati u għajnuniet għall-kapital ta' riskju.

Ġiet issemplifikata l-prova tal-falliment ta' suq bħala prerekwiżit għall-approvazzjoni tal-assigurazzjonijiet għall-kreditu tal-esportazzjoni.

4.4   Il-komunikazzjoni elettronika

4.4.1   F’dan il-qasam, il-Kummissjoni ħadmet favur it-trasformazzjoni tal-monopolji nazzjonali fi swieq determinati mill-kompetizzjoni. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2007 turi l-impatt tagħha. Fl-2008, il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali waslu għall-konklużjoni li l-ispeċifiċitajiet nazzjonali mhumiex ostaklu.

4.4.2   Fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni ġew konklużi jew kważi konklużi proċeduri kbar. Ir-rapport tal-Kummissjoni jitkellem dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għal dak diġitali u dwar il-kummenti kritiċi fuq l-għajnuna mill-Istat għax-xandara pubbliċi.

4.5   It-trasport

4.5.1   F’dan il-qasam, il-Kummissjoni ssemmi kemm il-proċedimenti rigward it-trasport bil-ferrovija u dak multimodali kif ukoll id-dħul fis-seħħ tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-intrapriżi tal-ferroviji, il-kontroll tal-fużjonijiet (mergers) u d-deċiżjonijiet dwar il-promozzjoni tat-trasport bil-ferrovija fit-trasport multimodali. Għat-trasport marittimu, il-Kummissjoni ssemmi l-prospetti li jiġi konkluż il-proċess ta' riforma tar-regoli tal-kompetizzjoni. Bħalma huwa l-każ fil-qasam tat-trasport bl-ajru, is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali huma s-suġġett ta' attivitajiet speċifiċi f’dan il-qasam ukoll.

Hija mistennija aktar konċentrazzjoni f’dan il-qasam.

4.5.2   Ir-rapport ma jikkummentax dwar il-konformità mal-istandards soċjali għall-kompetizzjoni fil-qasam tat-trasport.

4.6   L-industrija farmaċewtika

4.6.1   F’dan il-qasam il-Kummissjoni aġixxiet fuq il-bażi tal-informazzjoni u s-sinjali. Eżaminat b’mod partikolari l-introduzzjoni tal-mediċina ġenerika fis-suq, u b’mod ġenerali nnotat tnaqqis fl-innovazzjoni.

Ġew investigati aktar minn 100 intrapriża u l-kampjuni ta' 219-il molekola kimika.

Il-Kummissjoni nnotat li l-introduzzjoni ta' privattiva Komunitarja unika u ta' ġurisdizzjoni unika għall-privattivi tista’ tkun tajba għall-kapaċità tal-innovazjoni f’dan il-qasam. Skont ir-rapport tal-Kummissjoni, il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni, tal-ipprezzar u tar-rimborż, li huma differenti fil-pajjiżi individwali, għandhom jiġu ssemplifikati.

4.7   L-ikel

4.7.1   Ma ġiet innotata l-ebda tendenza lejn il-konsolidazzjoni fil-qasam tal-ikel u f’oqsma oħra tal-provvista. Il-Kummissjoni ppubblikat żewġ Komunikazzjonijiet dwar il-prezzijiet tal-ikel (COM(2008) 321 finali u COM(2008) 821 finali) li jikkonfermaw dan.

5.   Unità għall-komunikazzjoni mal-konsumatur

5.1   Fl-2008, id-DĠ Kompetizzjoni ħoloq l-unità għall-komunikazzjoni mal-konsumatur. Din twassal l-informazzjoni biex il-konsumatur jifhem aħjar is-swieq, u tirċievi l-informazzjoni u s-sejbiet dwar il-fallimenti tas-swieq. L-unità għall-komunikazzjoni mal-konsumatur ikkonsultat b’suċċess lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, u pparteċipat fid-dibattitu mal-KESE fil-kuntest tat-tħejjija ta' opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar “Id-demokrazija ekonomika fis-suq intern”, bit-tama li din il-kollaborazzjoni titkompla, sabiex l-għan aħħari tal-politika tal-kompetizzjoni jkun il-benesseri tal-konsumaturi u l-protezzjoni tal-valuri tas-soċjetà ċivili.

6.   Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni u qrati fl-Istati Membri

6.1   Fl-2008, il-kooperazzjoni fin-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u d-Direttorat Ġenerali tal-UE ħadmet mingħajr problemi, u l-Kummissjoni tikkunsidraha bħala suċċess.

6.2   L-istess japplika għall-ħidma u l-kooperazzjoni mal-qrati.

7.   Attivitajiet internazzjonali

7.1   Il-Kummissjoni tirrapporta li fl-2008 ħadmet flimkien maċ-Ċina u l-Korea fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali. Hija attiva fl-OECD kif ukoll fin-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni.

8.   Koperazzjoni interistituzzjonali

8.1   Id-DĠ Kompetizzjoni jenfasizza l-kuntatti eċċellenti tiegħu mal-PE, mal-Kunsill u mal-KESE.

9.   Pożizzjoni tal-KESE

9.1   Ħarsien tal-konsumatur

9.1.1   Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li d-DĠ Kompetizzjoni poġġa aktar enfasi fuq il-kwistjonijiet tal-konsumatur, b’referenza partikolari għall-pubblikazzjoni tal-White Paper tiegħu dwar l-azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust, li l-KESE appoġġa. Minkejja dan, huwa ta' dispjaċir li aktar minn sentejn wara, il-mekkaniżmu għal azzjoni kollettiva ġudizzjarja għall-ħarsien tal-konsumatur li l-White Paper tirreferi għalih u li għalih il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu f’għadd ta' opinjonijiet, għadu ma twettaqx.

9.1.2   Fil-fehma tal-Kumitat, l-enfasi fuq il-kooperazzjoni mal-ħarsien tal-konsumatur – jekk dawn l-attivitajiet jitkomplew mingħajr limitazzjonijiet – m’għandhiex teskludi l-ħsieb u l-qofol tal-ħidma, jiġifieri li l-liġi tal-antitrust għandha tkopri wkoll aspetti oħra minbarra l-ħarsien tal-konsumatur, bħal pereżempju:

tiżgura l-aċċess għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;

tiżgura li l-istrutturi ħielsa u demokratiċi ma jkunux mhedda mill-poter ekonomiku (“wisq kbar biex ifallu”, “too big to fail”);

tiżgura li ma jkunx hemm pożizzjonijiet dominanti fil-livell ta' sistema jew ta' settur;

tipproteġi l-istrutturi tal-SMEs.

9.2   Għajnuna statali

9.2.1   Il-Kumitat jappoġġa l-isforzi biex jiġu ssorveljati l-Istati Membri meta jkunu qed jirkupraw il-krediti u l-garanziji bil-għan li jerġgħu jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti tal-kompetizzjoni.

9.2.2   Mir-rapporti speċifiċi dwar il-proċedimenti individwali fil-qafas tal-ħolqien ta' miżuri għat-tranżazzjoni fil-proċedimenti tal-antitrust, il-KESE qed jara li bis-sett il-ġdid ta' strumenti l-Kummissjoni kisbet riżultati tajbin. Għaldaqstant jemmen li l-liġi proċedurali, b’mod partikolari, għandha dejjem tiġi adattata għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu.

9.2.3   Fis-settur finanzjarju, il-kredibbiltà tal-liġi tal-kompetizzjoni Ewropea ser tiġi ttestjata matul l-għexieren ta' snin li ġejjin. Għadhom ma reġgħux ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet ekwivalenti tal-kompetizzjoni. Hawnhekk l-azzjoni tal-Kummissjoni ser tiddetermina l-fiduċja taċ-ċittadin Ewropew fil-leġislazzjoni u l-istituzzjonijiet Ewropej.

9.2.4   Meta tkun qed tissorvelja l-għajnuna mill-Istat u l-kundizzjonijiet relatati magħha, il-Kummissjoni Ewropea hija mitluba tara li fis-settur finanzjarju r-rikapitalizzazzjoni tal-banek tibqa’ marbuta mal-istabbiliment mill-ġdid tal-funzjonalità tal-flussi finanzjarji u tal-mekkaniżmi tal-għoti tal-krediti. Il-piż tal-baġits pubbliċi huwa ġġustifikat biss meta r-rwol tal-benefiċjarji jiġi appoġġjat b’mod sostenibbli fil-qafas tal-ekonomija reali.

9.3   Il-Kummissjoni hija mitluba tispjega jekk, u sa liema punt, l-approċċ tagħha fuq il-bażi ta' każ każ u l-kunsiderazzjoni tal-opportunitajiet politiċi fl-għoti tal-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju jfissrux li l-Kummissjoni qed titbiegħed għal perijodu twil ta' żmien mill-prinċipji u r-regoli li applikat s’issa, u jekk fil-futur l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 107 (2A3) hux ser tkun miftuħa wkoll għal industriji ewlenin oħra, bħal pereżempju għas-suq tax-xogħol (industrija tal-karozzi).

9.4   Servizzi ta' interess ġenerali

9.4.1   Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni maħsuba biex l-arranġamenti fil-qasam tas-servizzi tal-elettriku, il-gass, it-telefon u t-trasport ikunu ta' benefiċċju għall-konsumatur.

9.5   Trasport

9.5.1   Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi tal-Komunità Ewropea.

Fir-rigward tar-rapport tal-2007, il-Kumitat innota li f’dan is-settur il-konformità mad-dispożizzjonijiet soċjali tinkludi aspett marbut mal-kompetizzjoni.

9.5.2   Il-KESE jitlob li tingħata aktar attenzjoni lil dan l-aspett fl-interess tal-ħaddiema fil-qasam tat-trasport. Fil-qasam tat-trasport Ewropew għadha teżisti differenza bejn l-istandards soċjali u dan joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fehma tal-Kumitat, il-Kummissjoni Ewropea għandha topponi b’mod aktar qawwi lill-Istati Membri.

9.6   Komunikazzjoni elettronika u l-mezzi tax-xandir

9.6.1   Il-KESE jaħseb li kemm l-interessi tal-konsumatur kif ukoll dawk tad-demokrazija, tat-trasparenza u tal-libertà tal-espressjoni tas-soċjetà ċivili lkoll huma affettwati.

Bħala objettivi, dawn għandhom jiġu kkunsidrati aktar.

9.7   Unità għall-komunikazzjoni mal-konsumatur

9.7.1   Il-Kumitat jilqa’ t-twaqqif u t-tħaddim tal-unità għall-komunikazzjoni mal-konsumatur, u jappoġġja lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tagħha.

9.8   Netwerk Ewropew u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

9.8.1   Il-KESE jinnota li n-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni qed jiffunzjona – kemm bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll bejn il-qrati.

9.8.2   Fil-fehma tal-KESE, l-importanza internazzjonali tal-liġi tal-kompetizzjoni għadha mhix rikonoxxuta b’mod suffiċjenti.

9.8.3   Fl-Opinjoni fuq ir-rapport tal-2007 dwar il-kompetizzjoni, il-KESE diġà esprima ruħu b’mod ċar rigward ir-rilevanza għal-liġi tal-kompetizzjoni tad-dumping soċjali, in-nuqqas ta' konformità mal-liġi tax-xogħol kif ukoll in-nuqqas ta' konformità mal-liġi dwar il-ħarsien tal-ambjent. Fl-istess ħin, ħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ rapport dwar dawn il-kwistjonijiet. Dan għadu ma sarx u hemm bżonn li jsir.

9.8.4   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tikkoordina l-politika tal-industrija u tal-kompetizzjoni.

9.9   Kompetizzjoni u globalizzazzjoni

9.9.1   Il-KESE huwa favur li fl-assessjar tal-kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni jitqiesu wkoll l-aspetti tal-globalizzazzjoni, jiġifieri l-linji gwida tal-GATT u d-WTO.

9.9.2   Skont il-KESE, ir-rapport dwar il-kompetizzjoni tal-2008 jonqos milli jindirizza l-effett ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni li jħalli l-fatt li Stat ikollu holdings finanzjarji, anke barra mill-UE. Barra minn hekk, l-effett tal-akkwist ta' intrapriżi Ewropej permezz tal-fondi ta' Stati oħra – anke barra mill-UE – u r-realizzazzjoni tal-interesi statali strateġiċi permezz tal-akkwist tal-ishma huma preokkupanti.

10.   Kompetizzjoni u dritt tal-awtur

10.1   Għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti tal-kompetizzjoni b’rabta mad-dritt tal-awtur.

10.2   Il-kummerċ ġust u l-kummerċ ħieles huma possibbli biss f’ċerti kundizzjonijiet fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-awtur. Anke l-liġi tal-kompetizzjoni hija arma effettiva f’dan il-qasam, u għalhekk huwa rakkomandat li l-Kummissjoni tikkunsidraha.

11.   Kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet Ewropej oħra

11.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jisħaq li huwa dejjem disponibbli.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


Top