Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0709(07)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar il-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti

    ĠU C 156, 9.7.2009, p. 27–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 156/27


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar il-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti

    2009/C 156/15

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt li wieħed joġġezzjona għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI TA' SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GGARANTITA (STG)

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

    “KABANOSY”

    Nru tal-KE: PL-TSG-0007-0050-22.01.2007

    1.   Isem u indirizz tal-grupp applikant:

    Isem: Związek „Polskie Mięso”

    Indirizz:

    ul. Chałubińskiego 8

    00-613 Warsaw

    POLSKA/POLAND

    Nru tat-telefown +48 228302657

    Nru tal-faks +48 228301648

    Indirizz tal-posta elettronika: info@polskie-mieso.pl

    2.   Stat membru jew pajjiż terz:

    Il-Polonja

    3.   Speċifikazzjoni tal-prodott:

    3.1.   L-isem (jew l-ismijiet) li għandhom jiġu rreġistrati (l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007):

    “Kabanosy”

    3.2.   Jekk l-isem:

     hux speċifiku fih innifsu

    Image

    jesprimix in-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    L-isem jesprimi n-natura speċifika tal-prodott. Fis-seklu 19, fil-Polonja u l-Litwanja, il-kelma “kaban” u fid-diminuttiv “kabanek”, kienet tirreferi għal ħnieżer żgħar magħlufin ħafna li kienu jissemmnu l-iktar bil-patata, u l-laħam li kienu jipproduċu normalment kien jissejjaħ “kabanina”. Il-kelma “kabanos” ġejja mill-isem li kien jintuża għal dawn il-ħnieżer.

    3.3.   Jekk l-isem hux qed jiġi rriżervat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006:

     Reġistrazzjoni flimkien mar-riżerva tal-isem

    Image

    Reġistrazzjoni mingħajr ir-riżerva tal-isem

    3.4.   It-tip ta' prodott

    Il-Kategorija 1.2 –

    Il-prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

    3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem indikat fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007):

    Il-“kabanosy” huma tip ta’ zalzett niexef, twil u rqiq mibrum min-naħa waħda u mkemmex kollu bl-istess mod. Iz-zalzett huwa mitwi fi tnejn u fit-tidwira jkun hemm inċiż minn fejn ikun iddendel.

    Il-wiċċ tal-“kabanosy” huwa aħmar skur bi ħjiel ta’ lewn iċ-ċirasa. Meta taqsmu, tara biċċiet tal-laħam ta’ lewn aħmar skur u xaħam lewn il-krema.

    Meta tmissu, il-wiċċ jinħass lixx, niexef u mkemmex kollu bl-istess mod.

    Il-“kabanosy” għandu togħma qawwija ta’ laħam tal-majjal imsajjar u ppriservat u jħallilek togħma delikata u ta’ duħħan bir-riħa tal-karwi u tal-bżar.

    Il-kompożizzjoni kimika:

    Il-kontenut tal-proteina – mhux inqas minn 15,0 %

    Il-kontenut tal-ilma – mhux iktar minn 60,0 %

    Il-kontenut tax-xaħam – mhux iktar minn 35,0 %

    Il-kontenut tal-melħ – mhux iktar minn 3,5 %

    Il-kontenut tan-nitrat (III) u tan-nitrat (V) espress f’NaNO2 – mhux iktar minn 0,0125 %

    Il-valuri tal-kompożizzjoni kimika mogħtija hawn fuq jiżguraw il-kwalità tradizzjonali tal-prodott. Ir-rendiment tal-prodott aħħari meta mqabbel mal-laħam li jintuża bħala materja prima jrid ikun ta’ inqas minn 68 %.

    3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem indikat fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007):

    L-ingredjenti

     

    Laħam (100 kilogramm ta’ materja prima):

    Laħam tal-majjal tal-Kategorija I b’kontenut tax-xaħam li ma jaqbiżx il-15 % – 30 kilogramm

    Laħam tal-majjal tal-Kategorija IIA b’kontenut tax-xaħam li ma jaqbiżx l-20 % – 40 kilogramm

    Laħam tal-majjal tal-Kategorija IIB b’kontenut tax-xaħam li ma jaqbiżx l-40 % – 30 kilogramm

     

    It-taħwir (għal kull 100 kilogramm ta’ laħam)

    bżar naturali – 0,15 kilogrammi

    noċemuskata – 0,05 kilogrammi

    karwi – 0,07 kilogrammi

    zokkor – 0,20 kilogrammi

     

    Addittivi oħrajn:

    Taħlita għall-ippriservar [ibbażata fuq taħlita ta' melħ tal-mejda (NaCl) u nitrit tas-sodju(NaNO2)] – madwar 2 kilogrammi

    L-għalf fil-kuntest tal-produzzjoni tal-laħam tal-majjal maħsub għall-użu fil-produzzjoni tal-“kabanosy”

    L-għalf jirreferi għal tismin biex jinkiseb laħam mimli xaħam. L-għan hu li jkunu prodotti ħnieżer b’piż li ma jaqbiżx il-120 kilogramm, u li jkun ikkaratterizzat minn kontenut għoli tax-xaħam ġol-muskoli (iktar minn 3 %).

    It-tismin jissejjes fuq razez li jimmaturaw tard, u reġim xieraq tat-tismin jagħmilha possibbli li wieħed jikseb il-kontenut mixtieq tax-xaħam ġol-muskoli. Ir-razez użati għat-tismin ma għandhomx il-ġene RN u l-ġene RYR 1T tinsab f’20 % tal-popolazzjoni.

    It-tismin għandu jitwettaq fi tliet stadji – l-istadju nru I sa madwar 60 kilogramm, l-istadju nru II sa madwar 90 kilogramm u l-istadju nru III sa 120 kilogramm.

    It-tismin ta’ annimali li jiżnu sa 90 kilogramm isir billi jintużaw żewġ tipi ta' taħlitiet tal-għalf. It-taħlitiet tal-għalf (il-porzjonijiet) jinkludu:

    bħala komponenti li jagħtu l-enerġija: trab taċ-ċereali – qamħ, xgħir, segala, ħafur, “triticale” jew qamħirrum; it-trab tal-qamħirrum u t-trab tal-varjetajiet tal-ħafur għeri jgħoddu għal mhux iktar minn 30 % tat-taħlitiet;

    bħala komponenti li jagħtu l-proteina: - trab tal-lupin, tal-favetta u tal-piżelli, ikel tas-soja minn wara li jkun estratt, ikel taż-żerriegħa tal-kolza wara li jkun estratt, kejk taż-żejt tal-kolza, il-ħmira tal-għalf jew l-għalf aħdar imnixxef.

    It-taħlitiet tal-għalf (il-porzjonijiet) għall-annimali li jiżnu minn 90 sa 120 kilogramm jinkludu:

    bħala komponenti li jagħtu l-enerġija: trab tal-qamħ, tax-xgħir, tas-segala, u tat-“triticale”. It-trab tal-qamħirrum u t-trab tal-varjetajiet tal-ħafur għeri ma għandhomx jintużaw fit-taħlitiet (il-porzjonijiet);

    bħala komponenti li jagħtu l-proteina: trab tal-għelejjel mill-familja “Leguminosae” (il-lupin, il-favetta u l-piżelli), ikel tas-soja minn wara li jkun estratt, kejk taż-żejt tal-kolza jew ikel taż-żerriegħa tal-kolza wara li jkun estratt u l-għalf aħdar imnixxef.

    Dawn li ġejjin ma għandhom jintużaw fl-ebda punt fiċ-ċiklu tal-għalf: iż-żjut veġetali, l-għalf li ġej mill-annimali, per eżempju t-trab tal-ħalib, ix-xorrox imnixxef, l-ikel mill-ħut.

    Il-kontenut tal-enerġija metabolika (EM) fit-taħlitiet fl-istadji kollha tat-tismin huwa ta’ 12 sa 13-il MJ ta’ EM għal kull kilogramm tat-taħlita. Il-kontenut tal-proteina fit-taħlitiet għandu jkun ta’ madwar 16 sa 18 % fl-ewwel stadju tat-tismin, ta’ 15 sa 16 % fit-tieni stadju u ta’ madwar 14 % fl-aħħar stadju.

    Il-porzjonijiet għall-ħnieżer tas-simna jistgħu jissejsu fuq taħlitiet nutrittivi biss, jew fuq taħlitiet nutrittivi u ikel fi kwantitajiet kbar, jiġifieri patata u għalf aħdar.

    L-istadji fil-produzzjoni tal-“kabanosy”

    L-ewwel stadju

    it-tqattigħ preliminari tal-ingredjenti tal-laħam kollha. Wieħed irid jiżgura li l-biċċiet tal-laħam ikunu kollha tal-istess daqs (b’dijametru ta’ madwar 5 ċm).

    It-tieni stadju

    l-ippriservar tradizzjonali (il-metodu n-niexef) għal madwar 48 siegħa, bl-użu ta’ taħlita għall-ippriservar.

    It-tielet stadju

    il-laħam tal-Kategorija I jiċċekken għal daqs ta’ madwar 10 mm, filwaqt li dak tal-Kategoriji IIA u IIB jiċċekken għal daqs ta’ madwar 8 mm.

    Ir-raba’ stadju

    it-taħlit tal-ingredjenti tal-laħam kollha mat-taħwir: il-bżar naturali, in-noċemuskata, il-karwi u z-zokkor.

    Il-ħames stadju

    il-mili f’kisjiet irqaq magħmulin min-nagħaġ li jkollhom dijametru ta’ bejn 20 u 22 mm, u l-brim, min-naħa waħda, taz-zalzett li jkun twil madwar 25 ċm.

    Is-sitt stadju

    Iz-zalzett jitħalla joqgħod sagħtejn f’temperatura li ma tkunx ta’ iktar minn 30 °Ċ. Il-wiċċ jitnixxef b’mod preliminari, u l-ingredjenti ta’ ġoz-zalzett “joqogħdu”.

    Is-seba’ stadju

    it-tnixxif tal-wiċċ u l-affumikar tradizzjonali fid-duħħan jaħraq (għal madwar 150 minuta) u s-sajran fil-forn sa ma t-temperatura ta' ġoz-zalzett tilħaq mill-inqas is-70 °Ċ.

    It-tmien stadju

    Jitwaqqaf il-proċess tal-affumikar u l-“kabanosy” jitħalla fil-kamra tad-duħħan għal madwar siegħa. Wara jitkessaħ u jitqiegħed fil-friġġ f’temperatura li tkun inqas minn 10 °Ċ.

    Id-disa’ stadju

    it-tnixxif f’temperatura ta’ bejn l-14 u t-18-il °C u f’umdità ta' 80 % għal 3 sa 5 ġranet sa ma jinkiseb ir-rendiment mixtieq (li ma jaqbiżx it-68 %).

    3.7.   In-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007):

    In-natura speċifika tal-“kabanosy” ġejja minn diversi karatteristiċi li huma tipiċi għall-prodott:

    kemm hu tari, in-natura mmerqa u l-proprjetajiet speċifiċi tal-laħam;

    togħma u riħa eċċezzjonali;

    forma uniformi u karatteristika.

    Kemm hu tari, in-natura mmerqa u l-proprjetajiet speċifiċi tal-laħam

    Il-laħam tal-majjal minn ħnieżer ta’ razez li jimmaturaw tard, imsemmna sa ma jilħqu piż ta’ madwar 120 kilogramm, u li jkollhom il-karatteristiċi ġenetiċi deskritti fil-punt 3.6, huwa ingredjent essenzjali tal-“kabanosy” li jinfluwenza n-natura speċifika ta’ dan iz-zalzett. Il-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti trendi kontenut tax-xaħam ġol-muskoli ta’ iktar minn 3 %, li jiżgura li l-laħam ikollu l-proprjetajiet tat-togħma u teknoloġiċi xierqa li huma meħtieġa għall-produzzjoni tal-“kabanosy”. L-użu ta’ din it-tip ta’ materja prima u l-konformità mal-metodu tradizzjonali tal-produzzjoni, b’attenzjoni speċjali għall-istadji tat-tqattigħ, tal-ippriservar u tal-affumikar, jiżguraw li l-“kabanosy” jkun tari u mmerraq b’mod eċċezzjonali. Karatteristika oħra tal-“kabanosy” hija l-ħoss li jagħmel meta jinqasam fi tnejn, li jinstema’ b’mod ċar. Dan il-ħoss huwa minħabba kemm hu tari l-laħam u minħabba l-mod li bih jitħejja l-“kabanosy”, b’mod partikulari, kif jitnixxef u jiġi affumikat.

    Togħma u riħa eċċezzjonali

    It-togħma u r-riħa tal-“kabanosy” huma l-karatteristiċi li jiddistingwuh mit-tipi ta’ zalzett l-oħrajn. Dawn il-karatteristiċi huma minħabba li fil-proċess tal-produzzjoni jintuża taħwir magħżul kif xieraq, jiġifieri l-bżar naturali, in-noċemuskata, il-karwi u z-zokkor, u minħabba l-proporzjonijiet tagħhom, kif ukoll minħabba l-proċess speċifiku tal-affumikar, li jkompli jtejjeb it-togħma tal-prodott.

    Forma uniformi u karatteristika

    In-natura speċifika tal-“kabanosy” hija marbuta l-iktar mal-forma unika tiegħu. Il-“kabanosy” huma tip ta’ zalzett niexef, twil u rqiq mibrum min-naħa waħda u mkemmex kollu bl-istess mod.

    3.8.   In-natura tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007):

    Metodu tradizzjonali tal-produzzjoni u tal-ħażna

    Il-“kabanosy” jew tip ta' zalzett irqiq, niexef u affumikat magħmul mil-laħam tal-majjal u f’kisjiet magħmulin min-nagħaġ kien jittiekel mal-Polonja kollha sa mis-snin għoxrin u tletin tas-seklu l-ieħor. Huma kienu jsiru fi stabbilimenti żgħar tal-biċċiera tal-post b’dan l-istess isem, iżda f’varjetajiet reġjonali differenti. L-ikbar differenzi kienu fit-taħwir użat, iżda wkoll fil-kwalità taz-zalzett innifsu. Il-kotba tat-tisjir u l-pubblikazzjonijiet tal-ikel ta’ dak iż-żmien, bħall-ktieb ta’ M. Karczewska msejjaħ “Wyrób wędlin i innych przetworów mięsnych sposobem domowym” li kien ippubblikat fl-1937 f’Varsavja, taw ir-riċetti tal-“kabanosy” u għenu biex ikunu standardizzati t-tekniki tal-produzzjoni tiegħu, u b'hekk ippermettew li jkun ikkonsolidat ismu u li tittejjeb il-kwalità. Dan iz-zalzett kellu togħma tajba u t-tekniki tal-ippriservar bħall-affumikar u t-tnixxif fissru li seta' jinżamm għal żmien twil.

    Wara l-1945 kien hemm standardizzar sabiex tipprova tittejjeb il-kwalità tal-prodott. Il-“kabanosy” kienu rrilaxxati għall-konsum b’mod uffiċjali bid-Digriet tal-Ministeri għall-Fornimenti, għall-Industrija u għall-Kummerċ tal-15 ta’ Settembru 1948 (il-Ġurnal tal-Liġijiet nru 1948/44, il-punt nru 334). Wara dan, l-aspetti teknoloġiċi u dawk tal-produzzjoni ġew standardizzati (l-Istandard nru RN-54/MPMIM1-Mięs-56 tat-30 ta’ Diċembru 1954), u fl-1964 il-Kwartieri Ġenerali tal-Industrija tal-Laħam Pollakka f'Varsavja ħarġet riċetta standard tal-“kabanosy” msejsa fuq il-metodi tradizzjonali tal-produzzjoni (ir-Regolamenti Interni Nru 21).

    Il-“kabanosy” kien popolari ferm fi żmien il-Komuniżmu (mill-1945 sal-1989); kulħadd kien jixtrihom. Huma kienu jsebbħu l-imwejjed eleganti fl-okkażjonijiet speċjali u fl-istess ħin kienu adattati bħala ikel tal-piknik għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw, bħala rigal jew bħala ikla ħafifa għal mal-vodka. Flimkien mal-perżut u l-bejken, huma saru wkoll speċjalità Pollakka tal-esportazzjoni.

    Ingredjent tradizzjonali – il-laħam tal-majjal

    Il-“kabanosy” jsir minn ħnieżer imsemmnin apposta li kienu magħrufa bħala “kabany”. Il-kelma “kaban” tidher fl-epika tal-1834 imsejħa “Pan Tadeusz” ta’ Adam Mickiewicz, il-poeta nazzjonali Pollakk. Il-kelma kienet tintuża oriġinarjament biex tirreferi għall-ħnieżer selvaġġi u wkoll għaż-żwiemel, iżda, skont il-Volum 13 tal-“Encyklopedyja Powszechna” tal-1863, sas-seklu 19 kienet qed tintuża minn kulħadd biex tirreferi għal qażquż oħxon, magħluf tajjeb. Il-ħnieżer kienu jissemmnu apposta sabiex jinkiseb laħam fin u tajjeb ferm b’kontenut għoli tax-xaħam ġol-muskoli li kien jagħti lill-prodotti li jsiru minnu togħma qawwija u speċifika, u natura tarija u mmerqa. Il-kelma “kabanina” li ġejja mill-kelma “kaban” ukoll kienet tintuża ferm. Skont it-tifsira mogħtija fid-dizzjunarju Pollakk ippubblikat f’Vilnius fl-1861, normalment din kienet tirreferi għal-laħam tal-majjal.

    Il-laħam tal-ħnieżer imkabbrin sabiex ikun prodott il-“kabanosy” jrid ikollu kontenut tax-xaħam ġol-muskoli ta’ iktar minn 3 %; dawn huma l-istrixxi ta’ grass fil-laħam dgħif li lill-prodott jagħtuh, in-natura tarija u mmerqa u t-togħma bnina mixtieqa. L-użu ta’ dan it-tip ta’ laħam jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kwalità tal-prodott aħħari u n-natura speċifika tiegħu, u jżomm mal-metodu tradizzjonali tal-produzzjoni.

    3.9.   Ir-rekwiżiti minimi u l-proċeduri sabiex tiġi vverifikata n-natura speċifika (l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007):

    F'dak li għandu x’jaqsam man-natura speċifika tal-“kabanosy”, għandhom ikunu suġġetti għall-verifiki b’mod partikulari l-affarijiet li ġejjin:

    (1)

    Il-kwalità tal-materja prima li tintuża fil-produzzjoni tiegħu (il-laħam u t-taħwir), inklużi:

    L-adattabbiltà teknoloġika tal-laħam;

    It-tip ta’ tismin;

    Iż-żmien tal-ippriservar;

    It-taħwir użat fil-produzzjoni tal-“kabanosy” u l-proporzjonijiet li jintużaw.

    (2)

    Il-proċess tal-affumikar tal-“kabanosy”

    Matul spezzjoni, iridu jiġu vverifikati l-affarijiet li ġejjin:

    Iż-żamma tat-temperatura meħtieġa għall-affumikar tradizzjonali fid-duħħan jaħraq u t-temperatura tat-tisħin;

    Iż-żamma taż-żmien u tat-temperatura tal-affumikar ripetut fid-duħħan kiesaħ;

    L-użu tal-laqx tal-fagu għall-affumikar fid-duħħan kiesaħ.

    (3)

    Il-kwalità tal-prodott aħħari:

    Il-kontenut tal-proteina;

    Il-kontenut tal-ilma;

    Il-kontenut tax-xaħam;

    Il-kontenut tal-klorur tas-sodju (tal-melħ)

    Il-kontenut tan-nitrat (III) u tan-nitrat (V);

    It-togħma u r-riħa.

    (4)

    Il-forma tal-prodott.

    Il-frekwenza tal-verifiki

    Il-verifiki tal-istadji msemmija hawn fuq għandhom jitwettqu darba kull xahrejn. Jekk dawn l-istadji kollha jkunu qed jitwettqu tajjeb, il-frekwenza tal-verifiki tista’ titnaqqas għal tnejn fis-sena.

    Jekk, fi kwalunkwe stadju, iseħħu irregolaritajiet, il-frekwenza tal-verifiki ta’ dak l-istadju jridu jiżdiedu (għal darba kull xahrejn). Il-verifiki tal-istadji l-oħra jistgħu jitwettqu darba kull sitt xhur.

    4.   Awtoritajiet jew entitajiet li jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

    4.1.   Isem u Indirizz:

    Isem: Główny Inspektorat Jakości Handlowej Artykułów Rolno-Spożywczych

    Indirizz:

    ul. Wspólna 30

    00-930 Warsaw

    POLSKA/POLAND

    Nru tat-telefown +48 226232901

    Nru tal-faks +48 226232099

    Indirizz tal-posta elettronika: —

    ImagePubblika Privata

    4.2.   Il-ħidmiet speċifiċi tal-awtorità jew tal-entità:

    L-awtorità tal-ispezzjoni msemmija hawn fuq hija responsabbli għall-verifiki tal-ispeċifikazzjoni kollha.


    Top