Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0387

    L-impatt tat-Trattat ta’ Liżbona fuq l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta' Mejju 2009 dwar l-impatt tat-Trattat ta’ Liżbona fuq l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea (2008/2073(INI))

    ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 82–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 212/82


    Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2009
    L-impatt tat-Trattat ta’ Liżbona fuq l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea

    P6_TA(2009)0387

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-impatt tat-Trattat ta’ Liżbona fuq l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea (2008/2073(INI))

    2010/C 212 E/12

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tas-6 ta' Marzu 2008,

    wara li kkunsidra t-Trattat ta' Liżbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien iffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar it-Trattat ta’ Liżbona (1),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-11 u l-12 ta' Diċembru 2008,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0142/2009),

    A.

    billi t-Trattat ta’ Liżbona jsaħħaħ il-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni, minħabba li jirrinforza l-funzjonijiet ewlenin ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet politiċi, u għalhekk isaħħaħ l-irwoli rispettivi tagħhom fi ħdan qafas istituzzjonali li fih il-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet hija element ewlieni tas-suċċess tal-proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni,

    B.

    billi t-Trattat ta’ Liżbona jittrasforma l-“metodu Komunitarju” preċedenti, filwaqt li jadattah u jsaħħu, f'metodu tal-Unjoni’ li fih, essenzjalment:

    il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali,

    il-Kummissjoni Ewropea tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dak il-għan,

    il-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien jeżerċitaw funzjoniiet leġiżlattivi u baġitarji fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni,

    C.

    billi t-Trattat ta’ Liżbona jestendi dan il-metodu speċifiku ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet mill-Unjoni għal oqsma ġodda tal-attivitajiet leġiżlattivi u baġitarji tagħha,

    D.

    billi t-Trattat ta’ Liżbona jistipula li l-Kunsill Ewropew, bl-unanimità u bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista’ jestendi l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, biex b'hekk jirrinforza l-metodu tal-Unjoni,

    E.

    billi, għalkemm l-għan tat-Trattat ta' Liżbona huwa li jħaffef u jtejjeb il-koerenza tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, il-koeżistenza ta' Presidenza separata tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (u tal-Ewrogrupp), u it-tkomplija ta' sistema b'rotazzjoni għall-presidenzi tal-konfigurazzjonijiet l-oħra tal-Kunsill, probabilment jkollhom l-effett, tal-inqas fil-bidu, li jikkumplikaw il-funzjonament tal-Unjoni,

    F.

    billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jimplika li r-rappreżentazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-ħajja pubblika tkun osservata wkoll fil-proċedura tan-nomina għall-iktar karigi politiċi importanti fl-Unjoni Ewropea,

    G.

    billi l-proċedura l-ġdida għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni tirrikjedi li jitqiesu r-riżultati tal-elezzjonijiet kif ukoll li jsiru konsultazzjonijiet xierqa bejn rappreżentanti tal-Kunsill Ewropew u tal-Parlament Ewropew qabel ma l-Kunsill jipproponi l-kandidat tiegħu,

    H.

    billi l-organizzazzjoni tal-koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċees tat-teħid ta’ deċiżjonijiet se tkun fattur importanti għas-suċċess tal-azzjoni tal-Unjoni,

    I.

    billi t-Trattat ta' Liżbona jirrikonoxxi l-importanza li qed tikber tal-programmazzjoni strateġika pluriennali u tal-programmazzjoni operattiva annwali sabiex tkun żgurata relazzjoni bla ostakli bejn l-istituzzjonijiet u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u billi jisħaq fuq l-irwol tal-Kummissjoni bħala l-inizjatriċi tal-eżerċizzji ewlenin tal-programmazzjoni,

    J.

    billi l-programmazzjoni finanzjarja attwali għal seba' snin tfisser li, minn żmien għal żmien, il-Parlament u l-Kummissjoni, matul leġiżlatura sħiħa, ma jkollhomx deċiżjonijiet fundamentali politiċi u finanzjarji x'jieħdu matul il-mandat tagħhom, filwaqt li jinqabdu f'qafas adottat mill-predeċessuri tagħhom li se jibqa' li hu sa ma jintemm il-mandat tagħhom, xi ħaġa li tista', madankollu, tiġi solvuta billi jsir użu mill-possibilità offruta mit-Trattat ta' Liżbona tal-programmazzjoni finanzjarja għal ħames snin, li tista' tikkoinċidi mal-mandat tal-Parlament u l-Kummissjoni,

    K.

    billi t-Trattat ta' Liżbona jdaħħal approċċ ġdid u komprensiv għall-azzjoni esterna tal-Unjoni – għalkemm b'mekkaniżmi speċifiċi għat-teħid ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet marbuta mal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP) – u joħloq ukoll il-kariga doppja ta' Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) appoġġat minn servizz estern speċjali bħala l-element ewlieni li jħaddem dan l-approċċ ġdid u integrat,

    L.

    billi t-Trattat ta’ Liżbona jdaħħal sistema ġdida ta’ rappreżentanza esterna tal-Unjoni, li essenzjalment tingħata f'idejn, f'livelli differenti, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) u li se tirrikjedi artikulazzjoni attenta u koordinazzjoni b'saħħitha bejn il-partijiet differenti responsabbli għal din ir-rappreżentanza, sabiex ikunu evitati kunflitti tal-kompetenzi li huma ta’ ħsara kif ukoll xogħol doppju għal xejn,

    M.

    billi l-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008 qabel li fil-każ tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona sa tmiem is-sena, se jieħu l-miżuri legali neċessarji biex tinżamm il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni fil-forma attwali tagħha ta' membru wieħed għal kull Stat Membru,

    Evalwazzjoni ġenerali

    1.

    Jilqa’ b'sodisfazzjon l-innovazzjonijiet istituzzjonali mdaħħla fit-Trattat ta’ Liżbona, li joħolqu l-kundizzjonijiet għal bilanċ istituzzjonali mġedded u msaħħaħ fi ħdan l-Unjoni, li jippermetti lill-istituzzjonijiet tagħha jaħdmu b'mod aktar effiċjenti, miftuħ u demokratiku u li jippermetti lill-Unjoni tikseb riżultati aħjar li jaqblu aktar mal-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha u taqdi dmirha għalkollox bħala parteċipant globali fil-kamp internazzjonali;

    2.

    Jisħaq fuq it-tisħiħ tal-qalba essenzjali tal-funzjonijiet ta’ kull istituzzjoni, sabiex kull waħda minnhom tkun tista’ tiżviluppa l-irwol tagħha b'mod aktar effettiv, iżda jwissi li l-qafas istituzzjonali l-ġdid jirrikjedi li kull istituzzjoni taqdi dmirha fir-rigward tal-koperazzjoni permanenti mal-istituzzjonijiet l-oħra sabiex jinkisbu riżultati pożittivi għall-Unjoni kollha;

    It-tisħiħ tal-“metodu tal-Unjoni” speċifiku tat-teħid ta’ deċiżjonijiet bħala l-bażi tal-bilanċ interistituzzjonali

    3.

    Jilqa’ b'sodisfazzjon il-fatt li l-elementi essenzjali tal-“metodu Komunitarju” – id-dritt ta’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni u t-teħid konġunt ta' deċiżjonijiet mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill – inżammu u ġew rinfurzati mit-Trattat ta’ Liżbona, billi:

    il-Kunsill Ewropew isir istituzzjoni li jissaħħaħ l-irwol tagħha fl-għoti ta' impetu u orjentament lill-Unjoni, filwaqt li jkunu definiti l-objettivi u l-prijoritajiet speċifiċi tiegħu bla ndħil fl-eżerċizzju normali tas-setgħat leġiżlattivi u baġitarji tal-Unjoni;

    l-irwol tal-Kummissjoni bħala l-“mutur” li jmexxi l-attività tal-Unjoni, huwa kkonfermat, biex b'hekk ikun żgurat li ma jintmissx il-monopolju tagħha tal-inizjattiva leġiżlattiva (u li saħansistra jissaħħaħ), partikolarment fil-proċedura baġitarja;

    jiżdiedu s-setgħat tal-Parlament Ewropew bħala fergħa tas-setgħa leġiżlattiva, peress li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (kif se tkun magħrufa l-proċedura attwali ta' kodeċiżjoni) issir ir-regola ġenerali (minbarra fejn it-Trattati ma jispeċifikawx li għandha tapplika proċedura leġiżlattiva speċjali) u hija estiża għal kważi l-oqsma kollha tal-leġiżlazzjoni Ewropea, inklużi l-ġustizzja u l-intern;

    jkun ikkonfermat u preservat l-irwol tal-Kunsill bħala l-fergħa l-oħra tal-awtorità leġiżlattiva – għalkemm b'ċerta preponderenza fi ftit oqsma importanti – minħabba b'mod partikulari għall-kjarifika fit-Trattat ta' Liżbona li l-Kunsill Ewropew m'għandux jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi;

    il-proċedura baġitarja l-ġdida se tkun ibbażata wkoll fuq proċess ta’ teħid konġunt ta’ deċiżjonijiet, b'mod ugwali, mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jkopri t-tipi kollha ta’ nfiq, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jiddeċiedu wkoll b'mod konġunt dwar il-qafas finanzjarju pluriennali, fiż-żewġ każi bl-inizjattiva tal-Kummissjoni;

    id-distinzjoni bejn atti leġiżlattivi u delegati u r-rikonoxximent tal-irwol eżekuttiv speċifiku tal-Kummisjoni skont il-kontroll ugwali taż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva, itejbu l-kwalità tal-leġiżlazzjoni Ewropea; il-Parlament Ewropew għandu rwol ġdid fl-għoti ta’ poteri delegati lill-Kummissjoni u fis-superviżjoni ta’ atti delegati;

    fir-rigward tas-setgħa tal-Unjoni li tfassal it-Trattati, l-irwol tal-Kummissjoni (b'assoċjazzjoni mill-qrib mal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli)) huwa rikonoxxut fir-rigward tal-kapaċità li tmexxi n-negozjati u jkun meħtieġ il-kunsens tal-Parlament Ewropew biex il-Kunsill jikkonkludi kważi l-ftehimiet internazzjonali kollha;

    4.

    Jilqa’ b'sodisfazzjon il-fatt li t-Trattat jistipula li l-Kunsill Ewropew bl-unanimità, u bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, sakemm ma jkun hemm l-ebda oppożizzjoni mill-parlament nazzjonali, jista’ jestendi t-teħid tad-deċiżjonijiet bil-maġġoranza kwalifikata u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja għal oqsma li fihom għadhom ma japplikawx;

    5.

    Jenfasizza li, kollox ma’ kollox, dawn il-klawsoli “li jagħmlu pont” juru tendenza vera lejn l-usa’ applikazzjoni possibbli tal-“metodu tal-Unjoni”, u konsegwentement jistieden lill-Kunsill Ewropew biex juża dawn l-opportunitajiet mogħtija mit-Trattat bl-aħjar mod possibbli;

    6.

    Isostni li l-utilizzazzjoni sħiħa tal-innovazzjonijiet kollha istituzzjonali u proċedurali mdaħħla mit-Trattat ta’ Liżbona tirrikjedi koperazzjoni kbira bejn l-istituzzjonijiet li jieħdu sehem fil-proċeduri differenti, filwaqt li jiġu sfruttati għalkollox il-mekkaniżmi l-ġodda stipulati fir-Trattat, partikolarment il-ftehimiet interistituzzjonali;

    Il-Parlament Ewropew

    7.

    Jilqa’ b'sodisfazzjon kbir il-fatt li t-Trattat ta’ Liżbona jirrikonoxxi għalkollox lill-Parlament Ewropew bħala waħda miż-żewġ fergħat tas-setgħat leġiżlattivi u baġitarji tal-Unjoni, filwaqt li huwa rikonoxxut ukoll l-irwol tiegħu fl-adozzjoni ta' ħafna deċiżjonijiet politiċi importanti għall-ħajja tal-Unjoni, u l-funzjonijiet tiegħu ta’ kontroll politiku huma rrinforzati u saħansistra estiżi, għalkemm mhux daqshekk, fil-qasam tal-PESK;

    8.

    Jenfasizza li dan ir-rikonoxximent ta’ l-irwol tal-Parlament Ewropew jirrikjedi l-kollaborazzjoni sħiħa ta’ l-istituzzjonijiet l-oħra, partikolarment fir-rigward tal-fatt li l-Parlament jingħata d-dokumenti kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fiż-żmien opportun, bl-istess mod li jingħataw lill-Kunsill, kif ukoll li jkollu aċċess għall-gruppi ta' ħidma u l-laqgħat li jsiru f'istituzzjonijiet oħra u li jieħu sehem fihom bl-istess kundizzjonijiet tal-parteċipanti l-oħra fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden lit-tliet istituzzjonijiet biex jikkunsidraw il-konklużjoni ta’ ftehimiet interistituzzjonali li jsawru l-aqwa prattiki f'dawn l-oqsma sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-koperazzjoni reċiproka tagħhom;

    9.

    Isostni li l-Parlament Ewropew stess irid iwettaq ir-riformi interni meħtieġa sabiex jadatta l-istrutturi, il-proċeduri u l-metodi ta’ ħidma tiegħu għall-kompetenzi l-ġodda u għall-ħtiġijiet irrinfurzati tal-ipprogrammar u tal-koperazzjoni interistituzzjonali li joriġinaw mit-Trattat ta’ Liżbona (2); ħa nota b'interess tal-konklużjonijiet tal-grupp ta’ ħidma dwar ir-riforma parlamentari u jfakkar li l-kumitat kompetenti tiegħu reċentement ħadem fuq ir-riforma tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu sabiex jadattahom għat-Trattat ta’ Liżbona (3);

    10.

    Jilqa’ b'sodisfazzjon il-fatt li t-Trattat il-ġdid jestendi d-dritt ta’ inizjattiva lill-Parlament Ewropew fir-rigward tar-reviżjoni tat-Trattati, jirrikonoxxi li l-Parlament għandu d-dritt li jipparteċipa fil-Konvenzjoni u li l-kunsens tiegħu huwa meħtieġ fil-każ li l-Kunsill Ewropew jikkunsidra li m'hemmx raġuni biex ilaqqa' l-Konvenzjoni; jikkunsidra li dan ir-rikonoxximent jaħdem favur il-fatt li jiġi rikonoxxut li l-Parlament Ewropew għandu d-dritt ta' parteċipazzjoni sħiħa fil-Konferenza Intergovernattiva (KIG) b' kundizzjonijiet simili għal dawk tal-Kummissjoni; jikkunsidra li, wara l-esperjenza taż-żewġ KIGi preċedenti, fil-ġejjieni ftehima interistituzzjonali tista’ tiddefinixxi l-linji gwida għall-organizzazzjoni tal-KIGi, partikolarment fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew u ta’ kwistjonijiet dwar it-trasparenza;

    11.

    Jieħu nota tal-arranġamenti tranżizzjonali rigward il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew; jikkunsidra li l-implimentazzjoni ta’ arranġamenti bħal dawn se jirrikjedu modifika fil-liġi primarja; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu d-dispożizzjonijiet legali nazzjonali neċessarji kollha li jippermettu l-elezzjoni minn qabel ta’ 18 –il Membru supplimentari tal-Parlament Ewropew, sabiex ikunu fil-Parlament bħala osservaturi mid-data meta jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona; Ifakkar madanakollu, li l-Membri supplimentari se jieħdu s-setgħat sħaħ tagħhom f'data miftiehma u simultanjament, la darba l-proċeduri għar-ratifika tal-bidla fil-liġi primarja jkunu tlestew kollha; ifakkar lill-Kunsill li l-Parlament Ewropew se jkun f'pożizzjoni li jikseb drittijiet sinifikanti ta' inizjattiva u kunsens skont l-Artikolu 14(2) tat-Trattat UE rigward il-kompożizzjoni tal-Parlament, li għandu kull intenzjoni li jasserixxi;

    L-irwol tal-Kunsill Ewropew

    12.

    Jikkunsidra li rikonoxximent formali tal-Kunsill Ewropew bħala istituzzjoni awtonoma u separata, bil-kompetenzi speċifiċi tagħha definiti b'mod ċar fit-Trattati, jirrikjedi li l-Kunsill Ewropew jerġa’ jqiegħed l-enfasi fuq il-kompitu fundamentali li jipprovdi l-impetu politiku meħtieġ u li jiġu definiti l-orjentamenti u l-għanijiet ġenerali tal-attività tal-Unjoni Ewropea;

    13.

    Jilqa’ b'sodisfazzjon ukoll l-ispeċifikazzjoni fit-Trattat ta’ Liżbona tal-irwol essenzjali tal-Kunsill Ewropew fir-rigward tar-reviżjoni tat-Trattati, kif ukoll fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet ta’ importanza fundamentali għall-ħajja politika tal-Unjoni – dwar kwistjonijiet bħan-nomini għall-karigi politiċi l-aktar importanti, is-soluzzjoni ta’ intoppi politiċi f'diversi proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, u l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ flessibiltà li jkunu adottati mill-Kunsill Ewropew jew bil-parteċipazzjoni tiegħu;

    14.

    Iqis ukoll li, minħabba li l-Kunsill Ewropew issa huwa inkorporat fl-arkitettura istituzzjonali tal-UE, hi meħtieġa definizzjoni aktar ċara u speċifika tal-obbligi tiegħu, inkluża l-possibilità ta’ skrutinju legali tal-azzjonijiet tiegħu, b'mod partikulari fid-dawl tal-Artikolu 265 tat-TFUE.

    15.

    Jisħaq fuq l-irwol partikulari ta' tmexxija li għandu l-Kunsill Ewropew fil-qasam tal-azzjoni esterna, speċjalment fir-rigward tal-PESK, fejn il-kompiti tiegħu li jidentifika l-interessi strateġiċi, li jfassal l-objettivi u li jiddefinixxi l-linji gwida ġenerali ta’ dik il-politika huma ta’ importanza kruċjali; f'dak ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa għal involviment akbar tal-Kunsill, tal-President tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) fit-tħejjija tax-xogħol tal-Kunsill Ewropew f'dak il-qasam;

    16.

    Isostni li l-ħtieġa biex tittejjeb il-koperazzjoni interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew, taħdem favur il-fatt li jsir l-aħjar użu mill-kundizzjonijiet li permezz tagħhom il-President tal-Parlament Ewropew jieħu sehem f'diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew, fatt li x'aktarx li jista' jkun ittrattat fi ftehima politika dwar ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; jikkunsidra li jkun utli li kieku l-Kunsill Ewropew jifformalizza dawk il-kundizzjonijiet bl-istess mod fir-regoli ta’ proċedura interni tiegħu;

    Il-Presidenza fissa tal-Kunsill Ewropew

    17.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' Presidenza fissa tal-Kunsill Ewropew għal perjodu twil ta' żmien, peress li dan jgħin biex ikunu żgurati kontinwità, effettività u koerenza akbar tal-ħidma ta' dik l-istituzzjoni u għaldaqstant tal-azzjoni tal-Unjoni; jenfasizza li n-nomina tal-President tal-Kunsill Ewropew għandha ssir malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona sabiex tinżamm rabta bejn it-tul tal-leġiżlatura tal-Parlament il-ġdid u l-perjodu tal-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida;

    18.

    Jisħaq fuq l-irwol essenzjali li se jkollu l-President tal-Kunsill Ewropew fil-ħajja istituzzjonali tal-Unjoni, mhux bħala President tal-Unjoni Ewropea – għaliex m'huwiex se jkun il-President tagħha – iżda bħala chairperson tal-Kunsill Ewropew inkarigat mit-tmexxija tal-ħidma tiegħu, li jiżgura t-tħejjija u l-kontinwità ta’ xogħlu, li jippromwovi l-konsensus fost il-membri tiegħu, li jirrapporta lill-Parlament Ewropew u li jirrappreżenta, fil-livell tiegħu u bla ħsara għall-funzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli), lill-Unjoni esternament fir-rigward tal-PESK;

    19.

    Ifakkar li t-tħejjija tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u l-kontinwità ta’ ħidmietu għandhom jiġu żgurati mill-President tal-Kunsill Ewropew b'koperazzjoni mal-President tal-Kummissjoni u fuq il-bażi tal-ħidma tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, li tirrikjedi l-kuntatt reċiproku u koperazzjoni akbar bejn il-President tal-Kunsill Ewropew u l-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali;

    20.

    Jikkunsidra, f'dan il-kuntest, li huwa essenzjali li jkun hemm relazzjoni bilanċjata u kollaborattiva bejn il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni, il-Presidenza b'rotazzjoni u, fir-rigward tar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni fi kwistjonijiet dwar il-PESK, il-Viċi President tal-Kummissjoni(Rappreżentant Għoli);

    21.

    Ifakkar li, għalkemm it-Trattat ta’ Liżbona jistipula li l-Kunsill Ewropew għandu jkun assistit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, in-nefqa speċifika tal-Kunsill Ewropew trid titfassal f'parti separata tal-baġit u trid tinkludi allokazzjonijiet speċifiċi għall-President tal-Kunsill Ewropew, li jkun irid jiġi megħjun mill-kabinett tiegħu, li għandu jkun stabbilit b'kundizzjonijiet raġonevoli;

    Il-Kunsill

    22.

    Jilqa’ b'sodisfazzjon il-passi li ttieħdu fit-Trattat ta’ Liżbona lejn il-kunsiderazzjoni tal-irwol tal-Kunsill bħala t-tieni fergħa tal-awtorità leġiżlattiva u baġitarja tal-Unjoni li taqsam – għalkemm xorta b'ċerta preponderanza f'xi oqsma – il-biċċa l-kbira tat-teħid ta' deċiżjonijiet mal-Parlament Ewropew, fi ħdan sistema istituzzjonali li evolviet gradwalment skont loġika parlamentari bikamerali;

    23.

    Jisħaq fuq l-irwol importanti mogħti mit-Trattat ta’ Liżbona lill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali – u għaldaqstant lill-President tiegħu – bil-għan li jkunu żgurati l-koeżjoni u l-kontinwità tal-ħidma tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill, kif ukoll fuq it-tħejjija u l-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill Ewropew (b'koperazzjoni mal-President tal-Kunsill Ewropew u mal-President tal-Kummissjoni);

    24.

    Jenfasizza li l-irwol partikulari tal-Kunsill fit-tħejjija, id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-PESK jirrikjedi koordinazzjoni rrinfurzata bejn il-President tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u l-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) bħala chairperson tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, kif ukoll bejniethom u l-President tal-Kunsill Ewropew;

    25.

    Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li s-separazzjoni stipulata mit-Trattat ta’ Liżbona bejn l-irwol tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u l-irwol tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tirrikjedi kompożizzjoni differenti ta' dawk iż-żewġ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, speċjalment għaliex minħabba l-kunċett usa' tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni kif stipulat fit-Trattati kif emendati bit-Trattat ta’ Liżbona, se jkun dejjem iktar diffiċli li jkun hemm mandati kumulattivi fiż-żewġ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill; għalhekk huwa tal-fehma li jkun tajjeb li l-Ministri tal-Affarijiet Barranin jikkonċentra qabel kollox fuq l-attivitajiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin;

    26.

    F'dan il-kuntest, jikkunsidra li jista' jkun meħtieġ li l-Prim Ministru/Kap ta' Stat tal-Istat Membru li jieħu l-Presidenza tal-Kunsill jippresiedi personalment u jiżgura t-tħaddim tajjeb tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali bħala l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill u għall-arbitraġġ fir-rigward tal-prijoritajiet u tas-soluzzjoni ta' kunflitti li attwalment jitressqu quddiem il-Kunsill Ewropew wisq faċilment;

    27.

    Jirrikonoxxi d-diffikultajiet kbar rigward il-koordinazzjoni bejn il-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill minħabba s-sistema ġdida ta' Presidenzi, u jenfasizza, bil-għan li jkunu evitati dawk ir-riskji, l-importanza tat-“trojki” (gruppi ta' tliet Presidenzi) il-“ġodda” li jkunu fissi għal perjodu ta' tmintax-il xahar, li se jaqsmu l-Presidenzi tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill (minbarra l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin u l-Ewrogrupp), u tal-COREPER sabiex ikunu żgurati l-koerenza, il-konsistenza u l-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill u sabiex tkun żgurata l-koperazzjoni interistituzzjonali meħtieġa għat-tħaddim bla ostakli tal-proċeduri leġiżlattivi u baġitarji b'deċiżjoni konġunta mal-Parlament Ewropew;

    28.

    Jikkunsidra li huwa kruċjali li t-trojki jiżviluppaw koperazzjoni intensa u permanenti matul il-mandat konġunt tagħhom; jisħaq fuq l-importanza tal-programm operazzjonali konġunt ta’ kull trojka ta’ 18-il xahar għat-tħaddim tal-Unjoni, kif imfisser aħjar fil-paragrafu 51 ta’ din ir-riżoluzzjoni; jistieden lit-trojki biex jippreżentaw il-programm operazzjonali konġunt tagħhom - li jinkludi b'mod partikolari il-proposti tagħhom dwar l-iskedar tad-deliberazzjonijiet leġiżlattivi lill-Parlament fil-plenarja, fil-bidu tal-mandat konġunt tagħhom;

    29.

    Jikkunsidra li l-Prim Ministru/Kap ta’ Stat tal-Istat Membru li se jieħu l-Presidenza tal-Kunsill se jkollu rwol fundamentali fl-assigurazzjoni tal-koeżjoni tal-grupp kollu tal-Presidenzi u tal-koeżjoni tal-ħidma tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill, kif ukoll biex jipprovdi l-koordinazzjoni meħtieġa mal-Kunsill Ewropew, speċjalment fir-rigward tat-tħejjija u l-kontinwità ta’ xogħlu;

    30.

    Jenfasizza wkoll li l-Prim Ministru/Kap ta' Stat li jieħu l-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill irid ikun l-interlokutur privileġġat tal-Parlament Ewropew rigward l-attivitajiet tal-Presidenza; jikkunsidra li għandu jkun mistieden biex jindirizza lill-Parlament fil-plenarja, filwaqt li jippreżentalu l-programm rispettiv ta’ attivitajiet tal-Presidenza u rendikont ta’ l-iżviluppi u tar-riżultati li nkisbu matul il-mandat tiegħu ta’ sitt xhur, u filwaqt li jressaq għad-dibattitu wkoll kull kwistjoni politika rilevanti oħra li tqum matul il-mandat tal-Presidenza tiegħu;

    31.

    Jenfasizza li, kif qedgħdin l-affarijiet bħalissa fir-rigward tal-iżvilupp tal-Unjoni, kwistjonijiet dwar is-sigurtà u d-difiża għadhom parti integrali mil-PESK, u jikkunsidra li, għaldaqstant, għandhom jibqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, ippresedut mRappreżentant Għoli jew mill-Viċi President, bil-parteċipazzjoni tal-Ministri tad-Difiża kull meta jkun meħtieġ;

    Il-Kummissjoni

    32.

    Jilqa’ b'sodisfazzjon ir-riaffermazzjoni tal-irwol essenzjali tal-Kummissjoni bħala l-“mutur” li jmexxi l-attività tal-Unjoni, permezz ta’:

    ir-rikonoxximent tal-quasi-monopolju tagħha tal-inizjattiva leġiżlattiva, li huwa estiż għall-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni minbarra l-PESK, u li ssaħħaħ partikolarment fil-kwistjonijiet finanzjarji;

    it-tisħiħ tal-irwol tagħha li tiffaċilita l-ftehim bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva u baġitarja;

    it-tisħiħ tal-irwol tagħha bħala l-“eżekuttiv” tal-Unjoni kull meta l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi approċċ komuni, filwaqt li l-Kunsill jieħu dan l-irwol biss fi kwistjonijiet rigward il-PESK u f'każijiet ġustifikati kif xieraq f'atti leġiżlattivi;

    33.

    Jilqa’ b'sodisfazzjon ukoll it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-President fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kummissarji, partikolarment fir-rigward tar-responsabiltà istituzzjonali lejh tal-Kummissarji kif ukoll tal-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni, tisħiħ li joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun rinfurzata t-tmexxija tal-Kummissjoni u biex tissaħħaħ il-koeżjoni tagħha; jikkunsidra li dan it-tisħiħ jista' jissaħħaħ iktar permezz tal-ftehima bejn il-Kapijiet tal-Istat jew Gvern biex jinżamm membru wieħed tal-Kummissjoni għal kull Stat Membru;

    L-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni

    34.

    Jenfasizza li l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew wara proposta mill-Kunsill Ewropew se tagħti natura deċiżament politika għan-nomina tiegħu/tagħha;

    35.

    Jenfasizza li elezzjoni bħal din ittejjeb il-leġittimità demokratika tal-President tal-Kummissjoni u ssaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu kemm internament fi ħdan il-Kummissjoni (fir-rigward tal-kapaċità tiegħu fir-relazzjonijiet ma’ Kummissarji oħra) kif ukoll b'mod ġenerali f'relazzjonijiet interistituzzjonali;

    36.

    Jikkunsidra li din il-leġittimità msaħħa tal-President tal-Kummissjoni tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-Kummissjoni kollha, billi ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li taġixxi bħala promotur indipendenti tal-interess ġenerali Ewropew u bħala l-mutur tal-azzjoni Ewropea;

    37.

    Ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-fatt li kandidat għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni jista’ jkun propost mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, u li l-elezzjoni ta’ dak il-kandidat mill-Parlament Ewropew jeħtieġ il-voti ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, jikkostitwixxi inċentiv ieħor li jħeġġeġ lil kull min huwa involut fil-proċess li jiżviluppa d-djalogu meħtieġ bil-għan li jkun żgurat li l-proċess jintemm b'suċċess;

    38.

    Ifakkar li l-Kunsill Ewropew huwa obbligattaħt it-Trattat ta’ Liżbona li “jikkunsidra l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew” u li, qabel ma jinnomina lill-kandidat, ikollu “konsultazzjonijiet xierqa”, li ma jkunux kuntatti istituzzjonali formali bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; ifakkar ukoll li d-Dikjarazzjoni 11 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovermentali li adottat it-Trattat ta’ Liżbona (4), titlob f'dan il-kuntest li jsiru “konsultazzjonijiet fil-qafas li jitqies l-aktar xieraq” bejn ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew;

    39.

    Jissuġġerixxi li l-President tal-Kunsill Ewropew jinħatar mill-Kunsill Ewropew (waħdu jew ma’ delegazzjoni) biex imexxi dawk il-konsultazzjonijiet, li għandu jikkonsulta mal-President tal-Parlament Ewropew bil-għan li jorganizza l-laqgħat meħtieġa ma’ kull wieħed mill-mexxejja tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, possibilment flimkien mal-mexxejja (jew delegazzjoni) tal-familji politiċi Ewropej u li wara dawn il-laqgħat il-President tal-Kunsill Ewropew għandu jagħti rapport lill-Kunsill Ewropew;

    Il-proċess tan-nomini

    40.

    Jikkunsidra li l-għażla tal-persuni magħżula biex jokkupaw l-uffiċċji ta’ President tal-Kunsill Ewropew, President tal-Kummissjoni u Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentatnt Għoli), għandha tikkunsidra l-kompetenzi relevanti tal-kandidati; jirrikonoxxi, barra minn hekk, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni 6 annessa mal-Att Finali msemmi hawn fuq (5), li l-għażla għandha tirrikonoxxi l-bżonn li tkun rispettata d-diversità ġeografika u demografika tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha;

    41.

    Jikkunsidra barra minn hekk li, fin-nomini għall-karigi politiċi l-aktar importanti fl-Unjoni, l-Istati Membri u l-familji politiċi Ewropej għandhom jikkunsidraw mhux biss il-kriterji tal-bilanċ ġeografiku u demografiku iżda wkoll il-kriterji bbażati fuq bilanċ politiku u fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

    42.

    Jikkunsidra f'dak il-kuntest li l-proċess tan-nomini għandu jsir wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, sabiex jitqiesu r-riżultati elettorali, li se jkollhom irwol primordjali fl-għażla tal-President tal-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni li l-bilanċ meħtieġ jista' jkun żgurat biss wara l-elezzjoni tal-President;

    43.

    Jipproponi f'dan il-kuntest, bħala mudell possibbli, il-proċedura u l-kalendarju li ġejjin għan-nomini, li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew jistgħu jaqblu dwarhom:

    l-ewwel u t-tieni ġimgħa wara l-elezzjonijiet Ewropej: l-istallazzjoni tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew;

    it-tielet ġimgħa wara l-elezzjonijiet: konsultazzjonijiet bejn il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Parlament Ewropew, segwiti minn laqgħat separati bejn il-President tal-Kunsill Ewropew u l-Presidenti tal-gruppi politiċi (possibilment mal-Presidenti tal-familji politiċi Ewropej jew ma' delegazzjonijiet ristretti wkoll);

    ir-raba’ ġimgħa wara l-elezzjonijiet: avviż mill-Kunsill Ewropew, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet imsemmija fl-inċiż preċedenti, tal-kandidat għal President tal-Kummissjoni;

    il-ħames u s-sitt ġimgħa wara l-elezzjonijiet Ewropej: kuntatti bejn il-kandidat għal President tal-Kummissjoni u l-gruppi politiċi; dikjarazzjonijiet minn dak il-kandidat u preżentazzjoni tal-linji gwida politiċi tiegħu/tagħha fil-Parlament Ewropew; votazzjoni fil-Parlament Ewropew dwar il-kandidat għal President tal-Kummissjoni;

    Lulju/Awwissu/Settembru: il-President tal-Kummissjoni li ġie elett jaqbel mal-Kunsill Ewropew dwar in-nomina ta’ Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) u jipproponi l-lista tal-Kummissarji nominati (inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni) (Rappreżentant Għoli));

    Settembru: il-Kunsill Ewropew jadotta l-lista ta’ Kummissarji nnominati (inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli));

    September/October: seduti ta’ smigħ tal-Kummissarji nnominati u tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) -nnominat mill-Parlament Ewropew;

    Ottubru: preżentazzjoni tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u tal-programm tagħhom lill-Parlament Ewropew; votazzjoni dwar il-kulleġġ kollu (inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli)); il-Kunsill Ewropew japprova l-Kummissjoni l-ġdida; il-Kummissjoni l-ġdida tibda taqdi dmirha;

    Novembru: il-Kunsill Ewropew jinnomina l-President tal-Kunsill Ewropew:

    44.

    Jenfasizza li x-xenarju propost f'kull każ għandu jkun applikat mill-2014 'il quddiem;

    45.

    Jikkunsidra li d-dħul fis-seħħ possibbli sa tmiem is-sena 2009 tat-Trattat ta' Liżbona jeħtieġ ftehima politika bejn il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew sabiex ikun żgurat li l-proċedura għall-għażla tal-President tal-Kummissjoni li jmiss u għan-nomina tal-Kummissjoni futura tkun, f'kull każ, tirrispetta s-sustanza tas-setgħat il-ġodda li t-Trattat ta' Liżbona jirrikonoxxi lill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni;

    46.

    Jikkunsidra li jekk il-Kunsill Ewropew iniedi l-proċedura għan-nomina tal-President tal-Kummissjoni l-ġdida mingħajr dewmien wara l-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2009 (6), il-Kunsill għandu jikkunsidra iż-żmien meħtieġ biex il-proċedura ta' konsultazzjoni politika, mar-rappreżentanti li jkunu għadhom kif ġew eletti tal-gruppi politiċi, kif prevista fit-Trattat ta' Liżbona, tkun tista' tiġi mwettqa informalment; jikkunsidra li f'dawn il-kundizzjonijiet, is-sustanza tal-prerogattivi l-ġodda tiegħu tkun irrispettata bis-sħiħ u li l-Parlament Ewropew ikun jista' jipproċedi għall-approvazzjoni tan-nomina tal-President tal-Kummissjoni;

    47.

    Jenfasizza li, f'kull każ, rigward in-nomina tal-Kulleġġ il-ġdid, il-proċedura għandha titnieda biss wara li r-riżultati tar-referendum l-ġdid fl-Irlanda jkunu magħrufa; jinnota li l-istituzzjonijiet ikunu konxji sew mill-kuntest legali futur li fih il-Kummissjoni l-ġdida teżerċita l-mandat tagħha u jistgħu jikkunsidrau sew is-setgħat rispettivi fuq livell proċedurali, kif ukoll il-kompożizzjoni, l-istruttura u l-kompetenzi tal-Kummissjoni l-ġdida; fil-każ ta' riżultat pożittiv fir-referendum, l-approvazzjoni formali tal-kulleġġ il-ġdid, inklużi l-President u l-Viċi President/Rappreżentant Għoli, mill-Parlament Ewropew għandha ssir biss wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona;

    48.

    Ifakkar li, jekk it-tieni referendum fl-Irlanda ma jkunx pożittiv, it-Trattat ta' Nizza f'kull każ ikun japplika bis-sħiħ u l-Kummissjoni li jmiss ikollha tkun iffurmata skont id-dispożizzjonijiet li taħthom l-għadd ta' membri tagħha se jkun inqas min-numru ta' Stati Membri; jenfasizza li, f'dak il-każ il-Kunsill Ewropew se jkollu jieħu deċiżjoni dwar l-għadd konkret ta' membri ta' din il-Kummissjoni mnaqqsa; jenfasizza r-rieda politika tal-Parlament Ewropew biex tkun żgurata l-osservazzjoni stretta ta' dawn id-dispożizzjonijiet;

    Il-programmazzjoni

    49.

    Jikkunsidra li l-programmazzjoni, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell operattiv, se tkun essenzjali sabiex ikunu żgurati l-effiċjenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni;

    50.

    Jilqa’ b'sodisfazzjon, għalhekk il-fatt li t-Trattat ta’ Liżbona jirrikjedi b'mod speċifiku l-programmazzjoni bħala mezz biex tittejjeb il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi, u jipproponi li jiġu organizzati diversi eżerċizzji ta’ programmazzjoni fl-istess żmien bil-mod li ġej:

    il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiftiehmu dwar “kuntratt” jew “programm” ta’ leġiżlatura, ibbażat fuq l-għanijiet u l-prijoritajiet strateġiċi wiesa’ li għandhom jitressqu mill-Kummissjoni fil-bidu tal-mandat tagħha, u li għandu jkun is-suġġett ta’ dibattitu konġunt mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, bil-għan li jkun stabbilit ftehim (possibilment bħala ftehim interistituzzjonali speċifiku, anke jekk dan ma jorbotx legalment) bejn it-tliet istituzzjonijiet dwar għanijiet u prijoritajiet komuni għall-mandat leġiżlattiv ta’ ħames snin;

    fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt jew programm, il-Kummissjoni mbagħad għandha tiżviluppa aktar l-ideat tagħha għall-programmazzjoni finanzjarja, u tippreżenta, sal-aħħar ta’ Ġunju fis-sena ta’ wara l-elezzjonijiet, il-proposti tagħha għal qafas finanzjarju pluriennali ta’ ħames snin – flimkien mal-lista tal-proposti leġiżlattivi meħtieġa sabiex il-programmi rispettivi jidħlu fis-seħħ – li mbagħad għandhom ikunu diskussi u adottati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, skont il-proċedura stipulata fit-Trattati, sa tmiem dik l-istess sena (jew għall-inqas sal-aħħar tal-ewwel trimestru tas-sena ta’ wara);

    dan jippermetti lill-Unjoni biex ikollha qafas finanzjarju pluriennali ta’ ħames snin lest biex jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena N+2 (jew N+3) (7), biex b'hekk kull Parlament Ewropew u kull Kummissjoni jingħataw il-possibiltà li jiddeċiedu dwar il-programmazzjoni “tagħhom stess”;

    51.

    Jikkunsidra li bidla għal din is-sistema ta’ programmazzjoni finanzjarja u politika kwinkwennjali tirrikjedi prolongazzjoni tal-qafas finanzjarju attwali inkluż fil-Ftehima Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġjar finanzjarju sod (8) sa tmiem l-2015/2016, filwaqt li l-qafas li jmiss jidħol fis-seħħ sal-bidu tal-2016/2017 (9);

    52.

    Jipproponi li, fuq il-bażi tal-kuntratt/programm tal-leġiżlatura, u filwaqt li jitqies il-qafas finanzjarju pluriennali:

    il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-programm leġiżlattiv u ta’ ħidma annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bil-għan ta’ dibattitu konġunt li jippermetti lill-Kummissjoni ddaħħal l-adattamenti meħtieġa;

    il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, fi djalogu mal-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-programmazzjoni operattiva tal-attivitajiet ta’ kull grupp ta’ tliet Presidenzi għall-mandat kollu tagħhom ta’ 18-il xahar, li sservi bħala qafas għall-programm ta’ attivitajiet rispettiv ta’ kull Presidenza għas-sitt xhur ta’ mandat tagħha;

    Relazzjonijiet esterni

    53.

    Jisħaq fuq l-importanza tad-dimensjoni l-ġdida li t-Trattat ta' Liżbona jagħti lill-azzjoni esterna tal-Unjoni kollha, inkluża l-PESK li, flimkien mal-personalità legali tal-Unjoni u l-innovazzjonijiet istituzzjonali relevanti għal dan il-qasam (partikolarment il-ħolqien ta’ Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) b'żewġ inkarigi u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)), tista' tkun fattur deċiżiv fil-koerenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam u ttejjeb b'mod sinifikanti l-viżibilità tagħha bħala parteċipant globali;

    54.

    Ifakkar li d-deċiżjonijiet kollha rigward l-azzjoni esterna għandhom jispeċifikaw il-bażi legali li jiġu adottati fuqha, sabiex titħaffef l-identifikazzjoni tal-proċedura li ntużat għall-adozzjoni tagħhom u tal-proċedura li għandha tintuża għall-implimentazzjoni tagħhom;

    Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli)

    55.

    Jikkunsidra il-ħolqien ta’ Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) b'żewġ inkarigi bħala pass fundamentali sabiex ikunu żgurati l-koerenza, l-effettività u l-viżibilità tal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni;

    56.

    Jenfasizza li l-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) għandu jkun nominat mill-Kunsill Ewropew b'maġġoranza kwalifikata, bil-kunsens tal-President tal-Kummissjoni, u għandu jirċievi wkoll l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew bħala Viċi President tal-Kummissjoni, flimkien mal-Kulleġġ tal-Kummissarji kollu; jistieden lill-President tal-Kummissjoni biex jiżgura li l-Kummissjoni teżerċita għalkollox ir-responsabiltajiet tagħha f'dan il-kuntest, filwaqt li jżomm f'moħħu li, bħala Viċi President tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli se jkollu rwol fundamentali fl-iżgurar tal-koeżjoni u tar-rendiment tajjeb tal-Kulleġġ, u li l-President tal-Kummissjoni għandu d-dmir politiku u istituzzjonali biex jiżgura li għandu l-kapaċitajiet meħtieġa biex jintegra l-Kulleġġ; jenfasizza wkoll li l-Kunsill Ewropew għandu jkun jaf b'dan l-aspett tal-irwol tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) u għandu jipproċedi mill-bidu tal-proċedura għall-konsultazzjonijiet meħtieġa mal-President tal-Kummissjoni, sabiex ikun żgurat li tintemm b'suċċess; ifakkar li se jeżerċita għalkollox il-ġudizzju tiegħu dwar il-kapaċitajiet politiċi u istituzzjonali tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) innominat fi ħdan il-qafas tas-setgħat tiegħu rigward in-nomina ta’ Kummissjoni ġdida;

    57.

    Jenfasizza li s-SEAE se jkollu rwol fundamentali fl-appoġġ li jagħti lill-attivitajiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) u se jkun element essenzjali tas-suċċess tal-approċċ integrat il-ġdid tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; jenfasizza li l-istallazzjoni tas-servizz il-ġdid tirrikjedi proposta formali tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli), li tkun possibbli biss ladarba jkun beda jaqdi dmiru, u li tista' tkun adottata mill-Kunsill biss wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u l-opinjoni tal-Parlament Ewropew; jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jeżerċita għalkollox is-setgħat baġitarji tiegħu fir-rigward tat-twaqqif tas-SEAE;

    58.

    Jenfasizza li l-kompiti tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) huma iebsa ħafna u se jirrikjedu koordinazzjoni kbira mal-istituzzjonijiet l-oħra, speċjalment mal-President tal-Kummissjoni, li jkun irid jagħti rendikont politiku lilu fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni li huma parti mill-kompetenzi tal-Kummissjoni, mal-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill u mal-President tal-Kunsill Ewropew;

    59.

    Jenfasizza li l-kisba tal-objettivi tagħhom li wasslu għall-ħolqien tal-kariga ta’ Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) se tiddependi ħafna fuq relazzjoni ta’ fiduċja politika bejn il-President tal-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli), u mill-kapaċità tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) li jikkopera b'mod produttiv mal-President tal-Kunsill Ewropew, mal-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill u mal-Kummissarji l-oħra inkarigati, permezz tal-koordinazzjoni tiegħu, bl-eżerċizzju ta' kompetenzi speċifiċi marbuta mal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni;

    60.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) biex jużaw kemm jistgħu l-possibiltà li jippreżentaw inizjattivi komuni fil-qasam tar-relazzjonijiet barranin, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni tal-oqsma differenti ta' azzjoni tal-Unjoni fil-kamp estern u sabiex tiżdied il-possibiltà li dawk l-inizjattivi jkunu adottati mill-Kunsill partikolarment b'rabta mal-PESK; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' sorveljanza parlamentari ta' miżuri ta' politika barranija u ta' sigurtà;

    61.

    Isostni li huwa essenzjali li jittieħdu ċerti miżuri prattiċi sabiex jitnaqqas il-piż tal-kompiti tar-tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli):

    il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli)għandu jipproponi n-nomina ta’ rappreżentanti speċjali, b'mandat ċar definit skont it-Trattat ta' Liżbona (l-Artikolu 33 tat-Trattat UE), biex jgħinuh f'oqsma speċifiċi tal-kompetenzi tiegħu fi kwistjonijiet marbuta mal-PESK (dawk ir-rappreżentanti speċjali, innominati mill-Kunsill, għandhom jinstemgħu wkoll mill-Parlament Ewropew u għandhom jinfurmawh regolarment dwar l-attivitajiet tagħhom);

    għandu jikkoordina l-attivitajiet tiegħu f'oqsma minbarra l-PESK mal-Kummissarji b'portafoll f'dawk l-oqsma, u għandu jiddelegalhom il-funzjonijiet tiegħu ta’ rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea f'dawk l-oqsma kull meta jkun meħtieġ;

    fil-każ ta’ assenza, il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) għandu jiddeċiedi, fuq il-bażi ta’ każ b'każ, fl-isfond tal-kompiti li għandhom jitwettqu f'kull okkazzjoni, min għandu jirrappreżenta lilu/lilha;

    Rappreżentazzjoni

    62.

    Jikkunsidra li t-Trattat ta’ Liżbona jwaqqaf sistema effettiva, għalkemm kumplessa, u operattiva għar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, u jipproponi li din għandha titfisser skont il-linji gwida li ġejjin:

    il-President tal-Kunsill Ewropew jirrappreżenta lill-Unjoni fil-livell ta' Kapi ta' Stat jew ta' Gvern fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-PESK, iżda ma jkollux is-setgħa li jmexxi negozjati politiċi f'isem l-Unjoni, kompitu li huwa tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli); jista’/tista’ jintalab/tintalab ukoll li jkollu/jkollha rwol speċifiku ta' rappreżentanza tal-Kunsill Ewropew f'ċerti avvenimenti internazzjonali;

    il-President tal-Kummissjoni għandu jirrappreżenta lill-Unjoni fl-ogħla livell fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni kollha tal-Unjoni, minbarra oqsma relatati mal-PESK, jew ta’ kull politika settorjali speċifika li taqa’ fl-ambitu tal-azzjoni esterna tal-Unjoni (kummerċ barrani eċċ.); il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) jew il-Kummissarju kompetenti/maħtur jista’ jkollu dan l-irwol ukoll taħt l-awtorità tal-Kummissjoni;

    il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) għandu jirrappreżenta lill-Unjoni fuq livell ministerjali jew f'organizzazzjonijiet internazzjonali dwar l-azzjoni esterna ġenerali tal-Unjoni; huwa/hija għandu/għandha jwettaq/twettaq ukoll il-funzjonijiet ta’ rappreżentanza esterna bħala President tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin;

    63.

    Jikkunsidra li mhux se jibqa' jkun mixtieq li l-President tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali (partikolarment il-Prim Ministru tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza) jew il-President ta' konfigurazzjoni settorjali speċifika tal-Kunsill, jintalab jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta' rappreżentanza esterna tal-Unjoni;

    64.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-partijiet differenti kollha responsabbli għaldawn il-kompiti differenti ta' rappreżentanza esterna tal-Unjoni, sabiex ikunu evitati kunflitti ta' kompetenza u jkunu żgurati l-koerenza u l-viżibilità tal-Unjoni fil-kamp estern;

    *

    * *

    65.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni u dan ir-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.


    (1)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0055.

    (2)  Riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona (Rapport Leinen), P6_TA-PROV(2009)0373.

    (3)  Deċiżjoni tal-Parlament tas-6 ta' Mejju 2009 dwar ir-reviżjoni ġenerali tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament P6_TA(2009)0359 u r- rapport dwar l-adattament tar- Regoli ta' Proċedura għat-Trattat ta' Liżbona (A6-0277/2009) (Rapporti Corbett).

    (4)  Dikjarazzjoni 11 dwar l-Artikolu 17(6) u (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (5)  Dikjarazzjoni 6 dwar l-Artikolu 15(5) u (6), Artikolu 17(6) u (7) u l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (6)  Kif dikjarat fid-Dikjarazzjoni dwar il-ħatra ta’ Kummissjoni futura, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008.

    (7)  N tfisser “Is-sena tal-elezzjonijiet Ewropej”.

    (8)  Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1).

    (9)  F' konformita' mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Marzu 2009 dwar ir-Reviżjoni ta’ Nofs il-Perjodu tal-Qafas Finanzjarju 2007-2013 (rapport Böge), it-Testi adottati, P6_TA(2009)0174 u mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-aspetti finanzjarji tat-Trattat ta’ Liżbona (rapport Guy-Quint) P6_TA(2009)0374.


    Top