EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0370

L-aġenda soċjali mġedda Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' Mejju 2009 dwar l-aġenda soċjali mġedda (2008/2330(INI))

ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 11–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/11


L-Erbgħa, 6 ta’ Mejju 2009
L-aġenda soċjali mġedda

P6_TA(2009)0370

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-aġenda soċjali mġedda (2008/2330(INI))

2010/C 212 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 dwar aġenda soċjali mġedda: opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21 (COM(2008)0412) (Komunikazzjoni dwar l-Aġenda Soċjali Mġedda),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' pagi indaqs għall-irġiel u għan-nisa (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar l-isfidi għall-ftehimiet kollettivi fl-UE (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 dwar Impenn imġedded għal Ewropa soċjali: Insaħħu l-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u għall-Inklużjoni Soċjali COM(2008)0418,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-nuqqas ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (3),

Wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 bit-titolu “In-nuqqas ta' diskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs: Impenn imġedded” (COM(2008)0420),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (COM(2008)0800),

Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 bit-titolu “Bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja” COM(2008)0635,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 t'Ottubru 2006 bit-titolu “Is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tal-UE” (COM(2006)0574), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-futur tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u l-pensjonijiet: il-finanzjament tagħhom u x-xejra lejn l-individwalizzazzjoni (4),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 t'Ottubru 2007 bit-titolu “L-immodernizzar tal-ħarsien soċjali għal aktar ġustizzja soċjali u koeżjoni ekonomika: titmexxa ‘l quddiem l-inklużjoni attiva tan-nies l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol” (COM(2007)0620), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar tat-tfal, fl-UE (5),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tal-24 ta' Ġunju 1992 dwar kriterji komuni rigward riżorsi suffiċjenti u assistenza soċjali f'sistemi ta' ħarsien soċjali (6),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2007 bit-titolu “Lejn Prinċipji Komuni ta' Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà” (COM(2007)0359), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-Prinċipji Komuni tal-Flessigurtà (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bit-titlu “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”- “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (COM(2008)0394,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2007 bit-titolu “Inventarju tar-Realtà Soċjali - Rapport temporanju għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007” (COM(2007)0063) u riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-Inventarju tar-Realtà Soċjali (8),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2006 bit-titolu “Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd - Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd” (COM(2006)0249), u riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd (9),

wara li kkunsidra r-risoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar in-nisa u l-faqar fl-Unjoni Ewropea (10), u d-definizzjoni ta' faqar fiha;

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea ghall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Eskluzjoni Socjali (2010) (11),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari għad-dispożizzjonijiet fiha fir-rigward tad-drittijiet soċjali, u għall-Artikolu 136 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2006 bit-titlu “Li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21” (COM(2006)0708),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2001 bit-titolu “Il-promozzjoni ta' qafas Ewropew għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva” (COM (2001)0366) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Marzu 2006 bit-titolu “L-implimentazzjoni tas-sħubija għat-tkabbir u l-impjiegi: nagħmlu l-Ewropa pilastru ta' eċċellenza dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Impriżi” (COM(2006)0136); u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' Marzu 2007 dwar ir-responsabilità soċjali tal-intrapriżi: sħubija ġdida (12),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar persuni bla djar li jgħixu fit-toroq (13),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza tas-Sessi (A6-0241/2009),

A.

billi l-konsegwenza negattiva prinċipali għall-UE li tirriżulta mill-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali se tkun iż-żieda drammatika fl-għadd ta' persuni bla xogħol, li se teffettwa bl-aktar mod sever lill-gruppi soċjali l-aktar vulnerabbli; billi livelli ogħla ta' qgħad huma assoċjati maż-żieda fil-faqar, inugwaljanzi fis-saħħa, l-esklużjoni, il-kriminalità, l-insigurtà u n-nuqqas ta' fiduċja,

B.

billi, minkejja l-kriżi attwali, l-UE diġà ffaċċjat diffikultajiet bħala riżultat ta' tkabbir ekonomiku dgħajjef, sitwazzjoni demografika splussiva u d-diffikultà tal-għajxien f'ekonomija dejjem aktar globalizzata,

C.

billi fl-2007, 15,2 % taċ-ċittadini tal-Unjoni f'etajiet bejn it-18 u l-24 sena telqu mill-iskola qabel iż-żmien,

D.

billi l-impjegar għadu ma jiggarantixxix rotta 'l barra mill-faqar għall-ħafna nies fl-UE, filwaqt li 8 % tal-persuna li jaħdmu kienu f'riskju ta' faqar fl-2006,

E.

billi fl-2006, 16 % taċ-ċittadini Ewropej kienu fir-riskju ta' faqar. Ġenituri waħidhom, persuni bla xogħol, persuni b'diżabilità, żgħażagħ u persuni anzjani huma vulnerabbli b'mod speċjali,

F.

billi n-nisa xorta għadhom qed jaffaċċjaw riskju ta' faqar ogħla mill-irġiel, minħabba fatturi bħad-dipendenza ekonomika tagħhom, id-diskrepanza tas-salarju bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u l-preżenza akbar ta' nisa li għandhom impjiegi b'salarju baxx; billi dik is-sitwazzjoni żżid ir-riskju li l-faqar jkompli jinfirex fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin,

G.

billi ż-żidiet fil-prezzijiet tas-snin reċenti kellhom effetti konsiderevoli fuq il-baġits tal-familji u affettwaw b'mod sproporzjonat lill-gruppi soċjali vulnerabbli,

H.

billi diversi studju (bħal Futur tar-Riċerka tax-xogħol tal-Fondazzjoni Russell Sage) juru li wieħed minn kull erba' ta' dawk li jaħdmu fl-aktar ekonomiji żviluppati fil-futur qarib jistgħu ikun qed jitħallsu ftit u jsibu lilhom rwieħhom f'riskju akbar ta' faqar; billi l-impjiegi b'salarju baxx huma simili ħafna fl-Istati Membri kollha, minħabba li sikwit jinvolvu relazzjoni tal-impjiegi mhux standard u l-istudji juru li l-ħaddiema b'ħiliet baxxi, il-part-timers, in-nisa, l-immigranti u l-ħaddiema żgħażagħ jinsabu f'riskju akbar, billi hemm it-tendenza li l-impjiegi b'salarju baxx jimxi minn ġenerazzjoni għall-oħra u billi dan jillimita l-aċċess għall-edukazzjoni, is-saħħa tajba u kundizzjonijiet ta' għajxien bażiċi oħra,

I.

billi l-Artikolu 2 tat-Trattat KE jistipula li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija waħda mill-prinċipji fundamentali li fuqhom ġiet imsejsa l-Unjoni Ewropea,

J.

billi l-UE qed tiffaċċja bidla demografika li l-karatteristiċi l-iktar importanti tagħha huma ż-żieda fl-aspettattiva tal-ħajja u rata baxxa ta' fertilità, minkejja li xi pajjiżi qed juru sinjali li din ix-xejra qed tinqaleb,

K.

billi l-bidla demografika hija mistennija li twassal biex il-proporzjon tad-dipendenza fix-xjuħija jirdoppja sal-2050 bil-konsegwenzi rigward b'mod partikulari s-saħħa fiżika u mentali tal-popolazzjoni,

L.

billi b'sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni “Rapport Demografiku 2008: Nissodisfaw il-Ħtiġijiet Soċjali f'Soċjetà li qed Tixjieħ” (SEC(2008)2911), li jagħraf l-irwol ewlieni li għandu min jieħu ħsieb lil ħaddieħor b'mod informali fis-soċjetà; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-argumenti soċjali b'saħħithom għall-inklużjoni ta' min jieħu ħsieb lil ħaddieħor fit-tfassil tal-politika futura,

M.

billi l-effetti tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali mhumiex magħrufa bis-sħiħ iżda se jkun impossibbli li tintlaħaq il-mira tal-ħolqien ta' 5 miljun impjieg fl-UE bejn l-2008 u l-2009. billi reċessjoni ekonomika se twassal għal iktar qgħad u ċertament iktar faqar u se tippreżenta sfidi għall-mudelli soċjali Ewropej,

N.

billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika qed toħloq dejjem aktar qgħaq u nuqqas ta' sigurtà, tant li l-koeżjoni soċjali madwar l-UE tinsab fi stat ta' ansjetà sostanzjali bi ksur soċjali u tensjonijiet f'diversi Stati Membri,

O.

billi l-UE impenjat ruħha għall-għan tal-iżvilupp sostenibbli mil-lat soċjali u ambjentali, u billi l-oppurtunitajiet għall-ħolqien ta' impjiegi li jistgħu joħorġu minn dan l-impenn għandhom ikunu sfruttati bis-sħiħ,

P.

billi d-djalogu soċjali jista' jkun importanti biex tiġi indirizzata l-kriżi ta' fiduċja li qed tkun aggravata mill-kriżi ekonomika minħabba li ħafna nies fis-soċjetà tagħna huma beżgħana mill-futur, billi daqstantieħor trid tingħata prijorità lil dawk li diġà huma esklużi u li l-pożizzjoni attwali tagħhom qed tmur lura fil-kriżi attwali,

Q.

billi l-arranġamenti istituzzjonali aktar intervenzjonisti tal-UE, ikkaratterizzati minn ċertu grad ta' ridistribuzzjoni tad-dħul u mill-kunċett komuni ta' “Mudell Soċjali Ewropew”, għandhom effett pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tax-xogħol ta' miljuni ta' rġiel u nisa fis-setturi aktar żvantaġġati tas-swieq tax-xogħol tagħna,

R.

billi r-rispett għall-oqsfa legali u konvenzjonali nazzjonali, ikkaratterizzat mill-bilanċ bejn il-liġi tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi, li jirregolaw dawn il-mudelli huma prekundizzjoni għall-valuri armonizzati f'diversità ta' sistemi;

S.

billi fil-każ ta' relazzjoni tal-impjiegi mhux standard, ir-regoli u l-proċeduri definiti mill-imsieħba fin-negozjar kollettiv ma japplikawx,

T.

billi l-aġenda soċjali mġedda għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju li politiki effettivi u effiċjenti jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-prosperità, u billi dan jista jgħin ukoll biex jerġa' jirbaħ l-appoġġ għall-UE li qed jonqos min-naħa taċ-ċittadini,

U.

billi hu ta' dispjaċir li l-aġenda soċjali mġedda ma titrattax il-kwistjoni tas-sigurtà legali ta' servizzi soċjali ta' interess ġenerali,

V.

billi kien hemm tħassib konsiderevoli dwar l-irwol u l-viżibilità tal-Aġenda Soċjali mġedda, inkluż in-nuqqas ta' ċarezza dwar l-iskop tagħha, kif se tiġi segwita kif ukoll it-tnaqqis fil-prominenza mogħtija lill-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni soċjali,

W.

billi l-mudelli soċjali Ewropej huma għaqda ta' valuri f'diversità ta' sistemi u huma b'mod ġenerali kompetenza tal-Istati Membri, l-għanijiet tal-Ewropa soċjali, imħaddna fit-Trattat u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fit-Trattat ta' Riforma, iridu jiġu enfasizzati bħala l-għan ewlieni tal-UE, biex titratta l-aspettattivi u l-biżgħat taċ-ċittadini tagħha; billi l-laqgħat suċċessivi tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tennew l-objettiv tal-qerda tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali ta' Liżbona; billi l-falliment u s-suċċess tal-politiki nazzjonali soċjali u għall-impjiegi għandhom ukoll impatt fuq Stati Membri oħra, għalhekk, id-dibattitu dwar ir-riforma tal-Mudell Soċjali Ewropew irid jitpoġġa fil-qalba ta' din l-interazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri,

X.

billi l-falliment tal-Istrateġija ta' Liżbona li tnaqqas il-faqar, li bħalissa hemm 78 000 000 persuna, u l-inugwaljanza li qed tiżdied huma ta' tħassib ewlieni; billi l-UE trid tagħmel progress rigward l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-miri tal-UE u dawk nazzjonali dwar it-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, u f'oqsma ewlenin fejn attwalment jeżistu indikaturi, biex in-nies jikkonvinċu ruħhom li l-UE qegħda hemm biex l-ewwel taqdi n-nies, u mbagħad lin-negozji u l-banek,

Y.

billi f'diversi proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, il-kunċett “provvedimenti li huma kruċjali għall-ħarsien tal-ordni politiku, soċjali u ekonomiku” intuża mingħajr ma ġie ċċarat min jista' jiddeċiedi, f'dan ir-rigward, liema provvedimenti huma kruċjali għall-ħarsien tal-provvedimenti ġenerali tal-politika pubblika fi Stat Membru,

Z.

billi l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li mhux f'idejn l-Istati Membri li jiddefinixxu l-kunċett ta' politika pubblika jew li b'mod unilaterali jimponu d-dispożizzjonijiet obbligatorji kollha tal-liġi tal-impjiegi tagħhom fuq fornituri ta' servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, u billi mhux ċar ta' min hi din il-kompetenza, jekk mhix tal-Istati Membri,

AA.

billi m'hemm ebda distinzjoni ċara bejn is-subkuntrattar ta' ħidma biss u t-traffikar dubjuż u l-provvediment ta' servizzi bbażat fuq kuntratti leċiti ma' persuni ġenwinament self-employed; billi d-differenza bejn prattiki frodulenti u relazzjonijiet tan-negozju verament ċivili u kummerċjali għandha tiġi indirizzata,

Azzjonijiet prioritarji

Mudelli soċjali Ewropej

1.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-reċessjoni ekonomika, biex jaffermaw mill-ġdid l-importanza ta' Ewropa soċjali b'saħħitha, li tinkorpora politiki soċjali u tal-impjiegi sostenibbli, effettivi u effiċjenti; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa Aġenda tal-Politika Soċjali ambizzjuża għall-perjodu 2010-2015;

2.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq pjan ta' politika koerenti dwar xogħol diċenti skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jenfasizza l-importanza li l-ħolqien u l-promozzjoni tal-impjiegi jitpoġġa fuq nett tal-aġenda soċjali f'dawn iż-żminjiet diffiċli; iqis li flessibilità akbar fil-post tax-xogħol issa hi aktar importanti minn qatt qabel;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tgħaqqad l-Aġenda Soċjali Mġedda ma' inizjattivi oħra bħall-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u l-Alleanza Ewropea tal-Familji, sabiex il-gruppi soċjali żvantaġġati jkollhom aċċess aħjar għall-benefiċċji soċjali;

5.

Hu mħasseb li l-miżuri proposti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni mhumiex koerenti biżżejjed biex jagħmlu impatt fuq il-livelli attwali ta' faqar u esklużjoni fl-UE u sabiex jindirizzaw l-isfidi attwali għall-koeżjoni soċjali;

6.

Jiddispjaċih, b'mod partikulari, li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hi nieqsa minn proposti dwar il-kwistjonijiet li ġejjin, li huma kruċjali biex jinkiseb bilanċ bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet soċjali;

direttiva li tipprevedi d-drittijiet tax-xogħol bażiċi għall-ħaddiema kollha, ikun xi jkun l-istatus tal-impjieg tagħhom, biex tħares l-għadd dejjem akbar ta' ħaddiema atipiċi;

reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol (14), akkumpanjata minn sistema ta' evalwazzjoni tax-xogħol newtrali mil-lat tal-ġeneri, sabiex jonqsu d-differenzi fil-pagi bejn il-ġeneri, kemm fi ħdan kif ukoll bejn is-setturi ekonomiċi; u

direttiva dwar in-negozjar kollettiv transkonfinali, skont ir-realtajiet tal-operazzjonijiet tan-negozju transkonfinali;

7.

Jenfasizza l-bżonn sabiex jiġu żviluppati aktar l-istandards minimi tad-drittijiet tal-impjieg; huwa konxju li la l-libertajiet ekonomiċi u anqas ir-regolamenti tal-kompetizzjoni m'għandhom ikunu aktar importanti mid-drittijiet soċjali fundamentali;

8.

Jinnota li l-politika soċjali għandha tkopri azzjonijiet fundamentali bħal bilanċ aħjar bejn id-drittijiet soċjali u libertajiet tas-suq, tiġġieled id-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ugwaljanza, timmodernizza u tirriforma l-mudelli soċjali Ewropej filwaqt li ssaħħaħ il-valuri tagħhom;

9.

Jinnota li d-delinjazzjoni ta' dak li jikkostitwixxi “provvedimenti li huma kruċjali għall-ħarsien tal-ordni politiku, soċjali u ekonomiku” tal-Istati Membri hi kwistjoni politika u għandha tkun definita fi proċess leġittimizzat b'mod demokratiku; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal dibattitu miftuħ biex tiċċara l-kunċett ta' dak li jikkostitwixxi dawn il-provvedimenti ġenerali tal-politika pubblika u biex tipproponi leġiżlazzjoni fejn dan ikun meħtieġ;

10.

Jikkunsidra li dan mhux il-waqt biex jitnaqqas l-infiq soċjali, anzi saħansitra għandhom jissaħħu r-riformi strutturali; iżid li l-UE għandha tappoġġa l-infrastrutturi tal-mudelli soċjali tal-Istati Membri, b'mod partikulari s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali, billi tafferma mill-ġdid l-importanza tal-aċċess, tal-kwalità u tas-sostenibilità universali tagħhom;

11.

Jiddispjaċih li għalkemm il-kriżi finanzjarja turi l-importanza ta' azzjoni Statali fir-rigward taż-żamma ta' attività ekonomika u koeżjoni soċjali msaħħa, il-Kummissjoni ma żguratx il-futur u l-irwol kruċjali tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni Ewropea permezzz tal-proposta ta' direttiva qafas fuq is-servizzi ta' interess ġenerali;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissottometti proposta leġiżlattiva bl-għan li tkun żgurata s-sigurtà legali tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali;

13.

Jenfasizza l-ħtieġa li jinsabu modi biex jiġu mmodernizzati u rriformati s-sistemi ta' siġurtà soċjali nazzjonali sabiex jinqered il-faqar b'perspettiva fuq perjodu ta' żmien twil, b'mod partikulari rigward paga minima adegwata, il-pensjonijiet u s-servizzi tal-kura tas-saħħa; jenfasizza li hemm potenzjal għat-tisħiħ tas-sostenibilità finanzjarja tas-sistemi tal-paga minima u tal-pensjonijiet kif ukoll tal-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tal-kura tas-saħħa permezz tat-titjib tal-organizzazzjoni tagħhom u l-aċċess għalihom, b'rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà, u b'appoġġ għal iżjed sforzi biex jiġu stabbiliti sistemi fiskali progressivi li jistgħu jnaqqsu l-inugwaljanza;

14.

Jinnota li xi Stati Membri introduċew il-kunċett ta' paga minima; jissuġerixxi li Stati Membri oħra jista' jkun li jibbenefikaw minn studju tal-esperjenza tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex iħarsu l-prekondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni soċjali u ekonomika għal kulħadd, u b'mod partikulari, biex jipprevedu regolamenti fuq kwistjonijiet bħall-pagi minimi jew arrangamenti oħra legali u b'mod ġenerali vinkolanti jew permezz ta' ftehimiet kollettivi skont it-tradizzjonijiet nazzjonali li jippermetti lill-ħaddiema full-time ikollhom għajxien diċenti bid-dħul li jkollhom;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għas-servizzi bażiċi bankarji;

16.

Isostni li l-isports u l-attivitajiet kulturali huma strumenti essenzjali għall-inklużjoni soċjali u jgħinu biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp personali, jippromwovu t-tajjeb ta' soċjetà, u jrawmu t-talenti;

17.

Jistenna li l-Kummissjoni tiżgura li l-kwistjonijiet ambjentali u tas-saħħa huma integrati b'mod mgħaġġel fil-politiki kollha tal-UE sabiex ikun żgurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE;

18.

Għandu l-istess rieda tal-Kummissjoni li l-aġenda soċjali titwessa' għal numru ta' oqsma ġodda; jikkundanna l-fatt li l-ambjent huwa wisq spiss ikkunsidrat biss mill-aspett tal-bidla fil-klima; jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-ġdid mill-Kummissjoni favur ekonomija sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' CO2, imma jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni ma fiha l-ebda miżura konkreta li għandha l-għan li tqis il-konsegwenzi soċjali u fuq is-saħħa li jkollhom il-kriżijiet ekoloġiċi u klimatiċi;

19.

Jenfasizza li l-faqar estrem u l-esklużjoni soċjali li tirriżulta minnu ma jistgħux jiġu mifhuma f'termini ekonomiċi fuq il-bażi ta' ċifri biss, iżda jridu jinftiehmu wkoll f'termini ta' drittijiet tal-bniedem u ċittadinanza; jirrikonoxxi li l-prinċipju ta' moviment ħieles tal-kapital u tal-merkanzija ma jistax, fih innifsu, jeqred il-faqar u b'mod partikolari il-faqar persistenti u li l-faqar estrem iċaħħad minn opportunitajiet lil dawk affettwati u ma jħallihomx jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-ħajja tal-komunità, billi jagħmilhom indifferenti għall-ambjent tagħhom;

Politiki soċjali u dwar l-impjiegi

20.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposti inklużi fil-pakkett tal-Kummissjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, imniedi fl-aħħar tal-2008; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri li b'mod ċar għadhom lura fl-ilħuq tal-objettivi tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-2002 rigward il-provvediment tal-kura tat-tfal sal-2010; jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ b'mod ulterjuri lil min iħaddem biex ikunu aktar miftuħa għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli, billi tottimizza l-użu u l-għarfien tal-ICT u forom ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol u b'dan il-mod tiġi promossa l-flessibilità tal-iskedi tax-xogħol u l-kompatibilità tagħhom mal-ħinijiet tan-negozju, tal-amministrazzjoni u tal-iskejjel;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta dwar rikonċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja privata, tal-familja u dik professjonali billi tottimizza l-użu u l-għarfien tal-ICT u forom ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol, jitqiesu l-ħtiġijiet u l-benessri tat-tfal filwaqt li jiġi promoss ħarsien aktar effettiv tal-impjiegi, li jikkonferma d-dritt tal-ġenituri u tal-carers għal ħinijiet tax-xogħol flessibbli, li jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tagħhom u b'attenzjon partikolari għall-aċċess għal persuni bi dħul baxx jew b'impjiegi prekarji jew ta' kwalità baxxa;

22.

Jiddeplora d-dgħjufija tal-politiki tal-UE u dawk tal-Istati Membri fil-konfront tal-faqar li qed jiżdied, b'mod speċjali l-faqar fost it-tfal;

23.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu skemi ta' introjtu garantit minimu għall-inklużjoni soċjali, skont il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

24.

Jissuġġerixxi li sfidi demografiċi ġodda jistgħu jiġu trattati billi tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tan-nisa li jgħixu fil-faqar, li għandhom aċċess ta' nutrizzjoni li mhuwiex la ugwali u anqas adegwat, mingħajr post fejn jgħixu, mingħajr edukazzjoni u mingħajr introjtu, u li jaffaċċjaw diffikultajiet biex isibu bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata;

25.

Jistieden li jkun hemm prevenzjoni ta' u ġlieda kontra t-tluq kmieni mill-iskola iktar effettivi bil-motto “bl-iskola jaqbillek”; jitlob għal sistemi ta' edukazzjoni organizzati b'mod effikaċi u kurrikuli adattati għas-swieq tax-xogħol ta' għada li jikkunsidraw l-bżonnijiet tas-soċjetà u l-iżviluppi tekonoloġiċi; jitlob għal aktar promożżjoni u assistenza għall-kunċett ta' “Second Chance Schools” (Skejjel li jagħtu t-Tieni Ċans) u tgħallim informali u mhux formali li diġa' wrew li jwasslu għal aktar parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-adulti mill-ambjenti ta' skejjel tradizzjonali li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fir-rata tat-tluq kmieni mill-iskola; għal dan l-iskop, jitlob li sseħħ l-eliminazzjoni li ilha mistennija ta' kwalunkwe u kull inugwaljanza tal-opportunitajiet tas-sistemi edukattivi fl-UE, b'mod partikulari, l-eliminazzjoni ta' edukazzjoni ta' livell baxx u segregata li għandha effetti negattivi irriversibbli fuq gruppi marġinalizzati, b'mod partikolari r-Roma;

26.

Jinsisti dwar il-ħtieġa ta' azzjonijiet aktar effettivi għat-tagħlim u għat-taħriġ tul il-ħajja li jimmira li jagħti iktar mezzi liċ-ċittadini, speċjalment dawk inqas kwalifikati, biex jidħlu, jew jerġgħu jidħlu, fis-suq tax-xogħol, mingħajr skossi u mingħajr diskriminazzjoni; jissuġġerixxi li ssir enfasi fuq il-ħiliet imprenditorjali, prinċipalment l-intraprenditorjat fost in-nisa u ż-żgħażagħ, l-ICT u l-kompetenzi fil-komunikazzjoni, il-litteriżmu finanzjarju u l-ħiliet lingwistiċi;

27.

Jenfasizza l-bżonn ta' titjib fl-edukazzjoni fl-UE billi l-proċess ta' kompatibbiltá u komparabbiltá jsiru aktar dinamiċi fis-sistemi tal-edukazzjoni tal-Istati membri bil-għan li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali u l-istandards;

28.

Iqis li l-politiki dwar l-inklużjoni soċjali attiva jrid ikollhom impatt deċiżiv fuq il-qerda tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kemm għal min għandu impjieg bi ħlas (il-“ħaddiema fqar”) kif ukoll għal min m'għandux impjieg bi ħlas;

29.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-Universitajiet u l-kummerċ billi huwa important li jiġi żgurat li dawn is-sħab jikkooperaw u li jappoġġjaw lil xulxin għall-ġid tal-organizzazzjoni tagħhom stess, tal-isaff tagħhom u tal-istudenti tagħhom; jikkunsidra li għandha tinbena rabta bejn il-kurrikuli universitarji u d-dinja tax-xogħol u l-qasam kummerċjali għandu jkollu l-possibilità li jikkumplimenta programmi ta' studju, li joffri apprendistat, li jorganizza “open days” għall-istudenti eċċ;

30.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa għal approċċ iktar bilanċjat bejn il-flessibilità, is-sigurtà u l-ħtieġa li jkunu żgurati pagi deċenti bl-għan li jkunu integrati aktar iż-żgħażagħ, l-anzjani, in-nisa, in-nies li ilhom qiegħda għal tul ta' żmien u nies żvantaġġati fis-suq tax-xogħol; jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom iqisu r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-Prinċipji Komuni tal-Flessigurtà meta jimplimentaw strateġiji nazzjonali dwar il-flessigurtà;

31.

Iqis li b'mod partikulari fi żmien ta' kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi, li spiss iwasslu għat-telf tal-impjiegi u għar-ristrutturar, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-kumpaniji li jaffettwaw l-impjiegi u l-għajxien tagħhom, hija importanti ferm; jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni reċenti (15) tad-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta' Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (16); itenni t-talba tiegħu għal aktar tisħiħ tat-tħaddim tal-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet kif stipulat fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2001 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/45/KE (17);

32.

Jenfasizza li l-politiki soċjali u tal-impjieg għandhom jinkoraġġixxu l-ħolqien tal-impjiegi u jiġu attivati kemm jista' jkun malajr b'reazzjoni għall-kriżi ekonomika attwai u għandhom jipprovu opportunitajiet għax-xogħol u għall-edukazzjoni u jnaqqsu wkoll it-telf tad-dħul; jikkunsidra li dawn il-politiki għandhom b'mod attiv jimmotivaw lin-nies biex jfittxu opportunitajiet ta' xogħol jew biex jibdew attività intraprenditorjali tagħhom stess; għal dan il-għan jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw mezzi ta' finanzjament għall-but ta' kulħadd, bħall-garanziji bi flus, ir-rati tal-imgħaxx imnaqqsa jew benefiċċji f'somma waħda ta' benefiċċji tal-qgħad, waqt li jnaqqsu t-telf tad-dħul u jipprovdu opportunitajiet għall-edukazzjoni li jgħinu persuni bla impjieg isibu xogħlijiet ġodda; ifakkar fl-approċċ olistiku tal-Kummissjoni għall-inklużjoni attiva li jinkludi l-appoġġ għal dħul xieraq, l-aċċess għas-swieq tax-xogħol inklużivi u s-servizzi soċjali ta' kwalità għolja;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi li jwasslu għal distinzjoni ċara bejn min iħaddem, min ġenwinament jaħdem għal rasu u l-imprendituri ż-żgħar minn naħa, u l-impjegati min-naħa l-oħra;

34.

Jenfasizza fuq il-ħtieġa vitali li l-ommijiet ikunu appoġġjati, permezz ta' allowances għall-familja matul l-infanzja u l-ħolqien ta' qafas xieraq biex jerġgħu lura għas-suq tax-xogħol, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari lill-ommijiet li jrabbu t-tfal waħedhom minħabba l-vulnerabilità ta' dan il-grupp;

35.

Jinnota li l-ekonomija soċjali, bħala forma oħra ta' intraprenditorija għandha rwol importanti fil-kontribuzzjoni għall-ekonomija Ewropea sostenibbli, billi l-profitabilità u s-solidarjetà jiġu magħquda; jenfasizza li l-imprizi tal-ekonomija soċjali għandha bżonn qafas legali sikur; jenfasizza l-kontribuzzjoni importanti ħafna tax-xogħol volontarju fil-qasam soċjali b'mod partikulari fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u fl-appoġġ għall-gruppi żvantaġġati fis-soċjetà;

36.

Jenfasizza li mhux kulħadd kapaċi jaħdem, u li bħalissa m'hemmx xogħol għal kulħadd, u jafferma l-importanza tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE, adottata mill-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008, dwar l-għoti ta' “biżżejjed riżorsi u għajnuna soċjali sabiex wieħed jgħix b'mod li jkun konformi mad-dinjità tal-bniedem”, permezz tal-estensjoni tal-iskemi ta' dħul minimu għall-Istati Membri kollha u billi jiżdiedu l-livelli sabiex ikunu żgurati l-aċċess u l-adegwatezza;

37.

Jemmen li l-iżvilupp tal-mikrokreditu jista' jkollu rwol importanti fl-appoġġ ta' nies qiegħda (għal perjodu twil ta' żmien) biex jibdew jaħdmu għal rashom; jinnota li l-mikrokreditu diġa għen f'ħafna sitwazzjonijiet bħal dawn fl-integrazzjoni mill-ġdid fil-ħajja tax-xogħol u li dan sar skont l-Istrateġija ta' Liżbona; jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-ħolqien u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-possibilitajiet u d-disponibilità tal-mikro-krediti u biex biex jiġu indirizzi b'mod attiv dawk il-gruppi fis-soċjetà li jibbenefikaw l-aktar u dawk li l-aktar li bżonn tal-provvista tal-mikrokreditu;

38.

Jistieden biex tkun promossa rabta ikbar bejn l-implimentazzjoni tal-flessigurtà u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali, li jirrispetta t-tradizzjonijiet u l-prattiċi nazzjonali;

39.

Jinsisti dwar it-tneħħija ta' ostakoli burokratiċi għall-intrapriżi żgħar u medji; jitlob l-implimentazzjoni ulterjuri tal-prinċipji li ġew proposti fil-komunikazzjoni mill-Kummisjsoni dwar Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa;

40.

Filwaqt li jagħraf għalkollox li l-politika tas-salarji hija l-kompetenza tal-Istati Membri, jissuġġerixxi li l-imsieħba soċjali jiddiskutu, f'livell nazzjonali, dwar metodoloġiji ġodda għall-politiki ta' salarji li jistgħu jinkludu inkorporazzjoni ikbar tad-dħul tal-kumpaniji f'dak li jaqalgħu l-impjegati permezz ta' skemi li jimmitigaw l-impatt tal-inflazzjoni; iqis li skemi bħal dawn jippermettu li d-dħul extra tal-impjegati jkun dirett lejn fondi kapitali speċjali mwaqqfa mill-kumpaniji; jitlob għal dibattitu rigward modi li bihom jinkoraġġixxu l-kumpaniji biex jieħdu sehem f'dawk il-metodoloġiji, u barra minn hekk jitlob għal dibattitu rigward l-oqfsa legali li jirregolaw l-aċċess tal-impjegati għal dawk il-fondi b'mod gradwali matul iż-żmien; jissuġġerixxi lill-imsieħba soċjali l-importanza ta' impenn imġedded għal “salarji għal għajxien deċenti” li jiggarantixxu salarji minimi b'mod sinifikanti aktar mil-livell ta' dħul adegwat, biex jippermettu li n-nies joħorqu mis-sitwazzjoni tal-faqar u biex jibbenefikaw b'mod pożittiv mix-xogħol;

41.

Jinsisti li l-iżvilupp ta' opportunitajiet indaqs u mhux diskriminatorji jiddependi kemm minn bażi leġiżlattiva soda kif ukoll minn firxa ta' għodod politiċi u jinsisti wkoll li n-non-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza jridu jkunu integrati fl-aspetti kollha tal-aġenda soċjali mġedda;

42.

Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq studji dwar l-impatt f'perjodu medju ta' żmien u fil-futur imbiegħed tal-mobilità tal-għerf, sabiex ir-riżultati jintużaw bħala bażi soda għal miżuri li jimmitigaw l-effetti negattivi;

Immigrazzjoni

43.

Jiġbed l-attenzjoni rigward l-impatt negattiv (possibilità ta' brain drain) li l-immigrazzjoni jista' jkollha fil-proċess tal-iżvilupp tal-pajjiżi tal-oriġini li jinkludu l-istrutturi tal-familja, is-saħħa, l-edukazzjoni u r-riċerka; ifakkar, min-naħa l-oħra, l-effetti tal-kriżi ekonomika f'termini ta' żbilanċji fis-swieq tal-impjiegi f'ħafna pajjiżi ospiti;

44.

Jenfasizza dwar l-importanza tar-reklutaġġ b'mod etiku minn pajjiżi terzi, partikolarment fir-rigward tal-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw Kodiċi ta' Prattika għar-reklutaġġ internazzjonali, jekk dan għadu ma sarx;

45.

Jenfasizza li l-impatt fuq perjodu twil ta' żmien tal-immigrazzjoni fuq il-bidla demografika huwa inċert minħabba li dan jiddependi fuq il-volatilità tal-flussi ta' migrazzjoni, ir-riunifikazzjoni tal-familji u r-rati tal-fertilità;

46.

Iqis li l-immigranti jistgħu, meta impjegati legalment, jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u jiggarantixxu wkoll id-drittijiet ta' pensjoni u soċjali tagħhom infushom;

47.

Jenfasizza li politika ta' immigrazzjoni li taħdem tajjeb u msejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem għandha tippromwovi strateġija koerenti u integrata għall-integrazzjoni tal-migranti fuq il-bażi ta' opportunitajiet indaqs, bil-għan li jkunu ggarantiti d-drittijiet fundamentali tagħhom, u li jkun żgurat bilanċ aħjar bejn id-drittijiet u l-obbligi;

48.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġu imposti sanzjonijiet fuq min iħaddem talli jimpjega ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu residenti illegalment; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-isfruttament ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu residenti illegalment filwaqt li jitħarsu d-drittijiet ta' min ikun f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-opportunitajiet għall-impjieg legali ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu residenti illegalment;

49.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali (COM(2008)0414); madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-direttiva, imbagħad, m'għandhiex twassal għal diskriminazzjoni akbar taċ-ċittadini tal-Unjoni minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom;

50.

Iqis li t-tisħiħ tal-implimentazzjoni u tal-infurzar tal-liġijiet tax-xogħol eżistenti skont il-liġi nazzjonali u Komunitarja u skont il-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), għandu jkun prijorità għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-Istati Membri;

51.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu aktar il-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tistimola l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-promozzjoni ulterjuri tal-integrazzjoni li tirnexxi tal-migranti; jinnota li, b'mod partikulari fi żminijiet ta' tbatija ekonomika, il-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, li ħafna drabi jkunu l-migranti, jintlaqtu b'mod sproporzjonat;

L-UE fil-livell estern

52.

Jemmen li fir-relazzjonijiet esterni tagħha, l-UE jista' jkollha rwol iktar proattiv fil-promozzjoni ta' standards soċjali u ambjentali fundamentali; huwa konvint li huma meħtieġa sforzi addizzjonali fir-rigward ta' mekkaniżmi għall-prevenzjoni, is-sorveljanza u s-sanzjonijiet rigward ksur;

53.

Jikkunsidra li l-UE tista' tagħmel aktar biex tinfluwenza l-aġenda internazzjonali dwar l-aġenda tax-xogħol deċenti u tippromwovi b'mod attiv il-konformità mal-konvenzjonijiet tal-ILO, mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u li dan jista' jikkontribwixxi biex ikun hemm il-paċi fid-dinja kif ukoll għall-ħarsien tal-interessi u l-valuri tal-UE;

54.

Jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp tal-qafas legali Komunitarju, permezz ta' leġiżlazzjoni primarja jew ta' leġiżlazzjoni sekondarja, m'għandu bl-ebda mod imur kontra l-obbligi internazzjonali fil-qafas tal-konvenzjonijiet tal-ILO;

55.

Jinnota li l-UE għandha timmira għal proċess ta' globalizzazzjoni iktar inklużiv soċjalment u sostenibbli mil-lat ekonomiku u dak ambjentali; jinnota li l-mod li bih il-korporazzjonijiet imexxu n-negozju mhux biss għandu impatt ekonomiku kbir iżda għandu wkoll impatt soċjali sinifikanti, kemm fl-UE kif ukoll f'pajjiżi terzi, b'mod partikulari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi b'mod attiv il-kunċett tar-Responsabilità Soċjali tal-Kumpaniji, jew permezz tal-promozzjoni tal-liġi li ma torbotx jew, meta jkun xieraq, permezz ta' proposti leġiżlattivi;

Fondi Strutturali

56.

Jissuġġerixxi t-tisħiħ tal-potenzjal tal-fondi strutturali permezz tas-simplifikazzjoni, tal-flessibilità u t-titjib tal-proċeduri, u d-dimensjoni tal-integrazzjoni soċjali, bl-għan li l-Istati Membri jkunu megħjuna jagħmlu l-aħjar użu mir-riżultati tal-politiki soċjali u tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jinvolvu għalkollox lill-imsieħba skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (18); jirrakkomanda bil-qawwa li l-Fond Soċjali Ewropew (ESF) isir aċċessibbli għall-imsieħba sabiex tkun tista' tiġi żviluppata l-kapaċità;

57.

Jenfasizza li l-Aġenda Soċjali mġedda trid tieħu impenn ċar li l-fondi strutturali u ta' koeżjoni tal-UE se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tagħha; għalhekk jitlob lill-Istati Membri biex jużaw l-ESF u l-Fondi Strutturali l-oħra kollha mhux biss sabiex tittejjeb l-impjegabilità tan-nies iżda wkoll biex tittejjeb l-infrastruttura soċjali;

58.

Jagħraf li l-Fondi Strutturali għadhom l-istrument ewlieni ta' finanzjament sabiex jintlaħqu l-objettivi soċjali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu sinerġiji ma' programmi oħra u biex jappoġġjaw il-koerenza bejn il-programmi ta' qafas pluriennali, bħal Daphne, Progress, il-Programm tas-Saħħa Pubblika, u l-programm “Ewropa għaċ-ċittadini”;

59.

Jistieden li tingħata attenzjoni partikulari lir-reġjuni li huma l-aktar affettwati mill-globalizzazzjoni kif ukoll lir-reġjuni fl-Istati Membri l-ġodda li huma fil-proċess ta' konverġenza soċjali;

60.

Jissuġġerixxi li l- Progress jista' jikkontribwixxi għall-evalwazzjoni aħjar tal-modernizzazzjoni tal-mudelli soċjali Ewropej permezz tal-evalwazzjoni ta' proġetti pilota;

61.

Iqis li, bħala riżultat tal-moviment ħieles tal-persuni fis-suq intern, f'xi partijiet tal-UE, u, b'mod partikulari fil-bliet il-kbar, qed jitfaċċaw problemi ġodda b'rabta mal-għoti tal-protezzjoni soċjali ta' emerġenza lil persuni li ma jkunux jistgħu jmantnu lilhom infushom, u dan iżid il-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi u privati (tal-karità) li jagħtu għajnuna ta' emerġenza, pereżempju lil min ma jkollux dar jew lil gruppi ta' popli marġinalizzati fis-soċjetà tagħna;

Azzjonijiet strumentali

Djalogu soċjali u ċivili

62.

Jenfasizza li l-flessibilità u l-aċċettazzjoni tal-bidla min-naħa taċ-ċittadini jistgħu jiżdiedu permezz ta' fiduċja reċiproka ikbar li tista' tittejjeb permezz ta' djalogu soċjali iktar effettiv u trasparenti kif ukoll billi tkun żgurata demokrazija parteċipattiva aktar effettiva fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika;

63.

Iqis li huwa importanti b'mod partikulari li d-djalogu soċjali jinkoraġġixxi l-politiki dwar is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol u, b'mod ġenerali, jippromwovi titjib fil-kwalità tal-ħajja fil-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi dibattitu dwar kif min ma jkollux impjieg full-time (ħaddiema temporanji, ħaddiema part-time, ħaddiema b'kuntratti għal perjodi fissi ta' żmien) jista' jkun inkluż fid-djalogu soċjali;

64.

Ladarba r-riżultati tan-negozjati tal-imsieħba soċjali Ewropej ma tantx ikunu magħrufa u żvelati, jitlob għall-promozzjoni ta' kuxjenza dwar ir-riżultati tad-djalogu soċjali biex jittejjeb l-impatt tiegħu u jkun promoss l-iżvilupp tiegħu;

65.

Jemmen li l-kultura ta' koperazzjoni, li qed tieħu post il-kultura msejsa fuq il-kunflitti fis-suq tax-xogħol, għandha tibqa' titħeġġeġ permezz tal-promozzjoni tad-djalogu soċjali;

66.

Jemmen li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u min ikun qed jgħix il-faqar u l-esklużjoni soċjali, iridu jkunu involuti b'mod aktar dirett fid-dibattiti dwar il-mudell ekonomiku u soċjali, fuq bażi ugwali;

67.

Jinnota li l-imsieħba soċjali għandhom jagħmlu sforz sabiex jaħdmu bi pjanijiet multiannwali b'kalendarji speċifiċi u skadenzi bl-għan ta' strateġija sostenibbli fuq tul ta' żmien;

68.

Jitlob li jsir dibattitu wiesa' bejn il-partijiet interessati Ewropej, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, min iħaddem u l-impjegati u s-soċjetà ċivili, dwar l-aġenda soċjali għall-perjodu wara l-2010;

69.

Jinnota li l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw miri u indikaturi soċjali ġodda li jistgħu jitkejjlu, li huma vinkolanti u li huma kwantittativi għall-Istrateġija ta' Liżbona ta' wara l-2010, inklużi l-impenji għall-ħidma lejn l-eradikazzjoni tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll l-iżvilupp ta' patt ta' progress soċjali ġdid li jistabilixxi l-miri u l-qafas ġdid għal UE globalment ġusta u soċjalment sostenibbli, li għandhom jibnu u jsaħħu l-OMC soċjali bħala pilastru ewlieni;

70.

Jinnota li l-kumpaniji għandhom rwol importanti mhux biss f'termini ekonomiċi iżda wkoll f'termini soċjali fl-UE; jiġbed għalhekk l-attenzjoni għall-promozzjoni tar-responsabilità soċjali korporattiva u għall-ħtieġa li jsir progress urġenti rigward ix-xogħol ta' kwalità għolja, partikolarment fir-rigward tas-salarji għal għajxien deċenti, sabiex jissaħħaħ il-mudell soċjali u jkun evitat id-dumping soċjali;

71.

Jiffavorixxi djalogu effettiv bejn il-Parlament u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili: jissuġġerixxi li d-djalogu li huwa wkoll meħtieġ ġewwa l-Istati Membri fuq livell ċentrali, reġjonali u lokali;

72.

Jinnota li Sena Ewropea tal-Volontarjat tkun opportunità ideali biex l-UE tibni relazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni biex twitti t-triq sabiex l-2011 tkun iddikjarata bħala s-Sena Ewropea tal-Volontarjat billi tressaq proposta leġiżlattiva xierqa għal dan il-għan mill-aktar fis possibbli;

73.

Iqis li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandha tkun involuta mill-bidu fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u li l-informazzjoni għandha tkun pubblikament aċċessibbli, il-feedback għandha tkun reċiproka u li l-marġini ta' bidla għandu jkun ċar għall-parteċipanti;

74.

Jisħaq fuq l-importanza u l-valur tal-proċess ta' konsultazzjoni bħala għodda effettiva sabiex iċ-ċittadini jingħataw aktar setgħat billi jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom b'mod dirett lill-proċess politiku fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri oħra sabiex jiżdied l-għarfien dwar konsultazzjonijiet tal-UE fil-ġejjieni permezz tal-midja u fora xierqa oħra fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

75.

Jissuġġerixxi li jeħtieġ b'mod urġenti li l-istituzzjonijiet Ewropej, l-imsieħba soċjali nazzjonali u s-soċjetà ċivili jadottaw “patt soċjali” li jiġbor fih azzjonijiet soċjali b'miri u indikaturi realistiċi u li jorbtu;

76.

Jinnota li l-parteċipazzjoni ċivika tibda matul it-tfulija u jitlob il-promozzjoni u l-appoġġ tal-istrutturi ta' parteċipazzjoni u ta' inizjattivi f'livell lokali, reġjonali u nazzjonali għat-tfal u ż-żgħażagħ;

Liġi tal-UE

77.

Jenfasizza l-bżonn li jsir progress u jkunu ffinalizzati d-direttivi rigward il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali, il-portabilità tad-drittijiet għall-pensjoni u l-proposta għal direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, mid-diżabilità, mill-età jew mill-orjentament sesswali;

78.

Jitlob li jsir titjib fil-proċess tal-leġiżlar fil-livell tal-UE, billi jkun iddikjarat b'mod ċar għalfejn ikun hemm bżonn ta' azzjoni fil-livell tal-UE, waqt li tkun żgurata l-kwalità tal-kontenut u titwettaq evalwazzjoni soda tal-impatt li tkopru l-effetti ekonomiċi, ambjentali u soċjali; jitlob, b'mod partikulari, l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehima Interistituzzjonali tal-2003 dwar il-Leġiżlar Aħjar (19);

79.

Jenfasizza li l-koperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri u l-monitoraġġ effettiv tat-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE għandha tkun priorità;

80.

Iqis li leġiżlar aħjar tal-UE għandu jkollu l-għan li jinvolvi b'mod attiv lis-soċjetà ċivili u għandu jindirizza t-tħassib taċ-ċittadini, u b'hekk iqarribhom iktar lejn l-UE;

OMC

81.

Iqis li għandu jkun hemm rabtiet aħjar bejn il-politiki ekonomiċi u soċjali fil-livell ta' UE, b'affermazzjoni mill-ġdid tal-għanijiet oriġinali tal-Istrateġija ta' Liżbona u l-ħtieġa li jkun żgurat li l-politiki ekonomiċi u tal-impjieg jikkontribwixxu b'mod attiv għall-qerda tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali;

82.

Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-adozzjoni ta' karta vinkolanti tad-drittijiet soċjali fundamentali;

83.

Jinnota li t-Trattat ta' Liżbona jistabbilixxi li kull aspett relevanti tal-politika soċjali għandu jiġi kkunsidrat meta jiġu ddefiniti u implimentati l-politiki tal-UE;

84.

Iqis li l-Istrateġija ta' Liżbona għal wara l-2010 għandha tkopri OMC msaħħaħ u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi aktar lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri nazzjonali kwantifikati, partikolarment fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar u tal-inklużjoni soċjali, appoġġjati partikolarment b'indikturi ġodda kwantitattivi u li jistgħu jitkejlu;

85.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex joħolqu opportunitajiet għall-involviment reali tal-Parlament fl-Istrateġija ta' Liżbona għal wara l-2010;

*

* *

86.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0544.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2008)0513.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2009)0039.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2008)0556.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2008)0467.

(6)  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46.

(7)  ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 174.

(8)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 463.

(9)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.

(10)  ĠU C 233 E 28.9.2006, p. 130.

(11)  Testi adottati, P6_TA(2008)0286.

(12)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 45.

(13)  Testi adottati, P6_TA(2008)0163.

(14)  ĠU L 303, 2.12.2000, p.16.

(15)  Direttiva 2009/38/KE (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(16)  ĠU L 254, 30.9.1994, p. 64.

(17)  ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 68.

(18)  Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal- 11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p.25).

(19)  ĠU C 321, 31.12.2003, p.1.


Top