EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0351

L-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (2008/2335(INI))

ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 23–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/23


L-Erbgħa, 6 ta’ Mejju 2009
L-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol

P6_TA(2009)0371

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (2008/2335(INI))

2010/C 212 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (COM(2008)0639),

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 99, 137 u 141 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (1),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tal-24 ta' Ġunju 1992 dwar il-kriterji komuni rigward ir-riżorsi u l-għajnuna soċjali suffiċjenti fis-sistemi ta' ħarsien soċjali (2),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2009 intitolata “Proposta għar-Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2009 ”(COM(2009)0058) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2009 dwar ir-Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni u l-Inklużjoni Soċjali 2008; Profili tal-Pajjiż, (SEC(2009)0255),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2006 dwar il-qagħda tal-persuni b'diżabilità f'Unjoni Ewropea imkabbra: il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew 2006-2007 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2006 dwar it-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni. Lejn strateġija dwar is-saħħa mentali għall-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra l-progress li sar fl-oqsma tal-opportunitajiet indaqs u tan-nondiskriminazzjoni fl-UE dwar it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Refuġjati,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u fuq ix-xogħol (5),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Barċellona fil-15 u s-16 ta' Marzu 2002,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2007 intitolata “Immodernizzar tal-ħarsien soċjali għal aktar ġustizzja soċjali u koeżjoni ekonomika: titmexxa 'l quddiem l-inklużjoni attiva tan-nies l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol” (COM(2007)0620) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 t'Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar tat-tfal, fl-UE (6),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tas-sieħba soċjali Ewropej fir-rapport tat-18 ta' Ottubru 2007 intitolat Sfidi Ewlenin li qed Jiffaċċjaw is-Swieq tax-Xogħol Ewropej: Analiżi Konġunta tas-Sieħba Soċjali Ewropej,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2007 intitolata “Inventarju tar-realtà soċjali - rapport Interim għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007” (COM(2007)0063) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-istess suġġett (7),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 intitolata “Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21” (COM(2008)0412) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istess suġġett (8),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006 intitolata “Is-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi tal-UE” (COM(2006)0574) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-ġejjieni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet: il-finanzjament tagħhom u t-tendenza lejn l-individwalizzazzjoni (9),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar it-tmiem tal-problema ta' persuni li m'għandhomx fejn joqogħdu (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd (11),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1098/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali (13),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim ta' matul il-ħajja (14),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim ta' matul il-ħajja (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008 dwar it-tagħlim għall-adulti: qatt mhu tard wisq biex wieħed jitgħallem (16),

wara li kkunsidra l-Protokoll, anness mat-Trattat ta' Liżbona, dwar servizzi ta' interess ġenerali (17),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0263/2009),

A.

billi l-inklużjoni attiva ma tistax tieħu post l-inklużjoni soċjali, peress li gruppi vulnerabbli li mhumiex kapaċi jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol għandhom id-dritt li jgħixu b'dinjità u li jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-soċjetà, u għalhekk, għandu jkun hemm dħul minimu u servizzi soċjali aċċessibbli, bi prezz deċenti u ta' kwalità għolja, indipendentement minn jekk persuna tistax tieħu sehem fis-suq tax-xogħol jew le,

B.

billi l-inklużjoni attiva mhijiex biss relatata mal-kapaċità tal-individwu, iżda wkoll mal-mod kif tinsab organizzata s-soċjetà; billi, għalhekk, il-kawżi strutturali tal-esklużjoni, inklużi d-diskriminazzjoni u l-provvista inadegwata tas-servizzi, għandhom ukoll jiġu indirizzati,

C.

Billi dik li tidher bħala esklużjoni mis-suq tax-xogħol tista' tkun ir-riżultat ta' nuqqas ta' disponibilità ta' possibilitajiet diċenti ta' impjieg suffiċjenti, u mhux ir-riżultat ta' nuqqas ta' sforz individwali,

D.

billi l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol m'għandhiex tkun kundizzjoni minn qabel sabiex wieħed jaqla' dħul minimu u sabiex ikun hemm aċċess għal servizzi soċjali ta' kwalità għolja; billi dħul minimu u aċċess għal servizzi soċjali ta' kwalità għolja huma kundizzjonijiet neċessarji għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol,

E.

billi dawk l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol huma ħafna drabi persuni bi bżonnijiet multipli u kumplessi, b'diffikultajiet jew żvantaġġi bħal dipendenza fit-tul fuq dħul baxx jew mhux adegwat, b'qgħad fit-tul, b'livell baxx ta' edukazzjoni u illitterati, bi trobbija f'familja vulnerabbli, b'diżabilità, b'nuqqas ta' saħħa, b'għajxien f'zoni bi żvantaġġi multipli, b'kundizzjonijiet prekarji tad-djar u persuni bla dar, u r-razziżmu u d-diskriminazzjoni u għalhekk l-istrateġiji għall-inklużjoni jridu jirriflettu d-diversità ta' dawk esklużi,

F.

Billi l-esklużjoni soċjali u l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol għandhom impatt serju fuq is-saħħa mentali tal-persuni affettwati, u billi persuni bla impjieg fit-tul għandhom riskju ikbar li jesperjenzaw dipressjoni u problemi oħra ta' saħħa mentali,

G.

billi dawk imbiegħda mis-suq tax-xogħol għandhom bżonn kbir ta' taħriġ vokazzjonali, jew għaliex l-edukazzjoni tagħhom ma kinitx biżżejjed jew għaliex, billi qattgħu żmien twil imbiegħda mis-suq tax-xogħol, mhumiex aktar kapaċi jużaw b'mod effettiv l-edukazzjoni tagħhom,

H.

billi dawk l-aktar vulnerabbli huma spiss affettwati mill-kundizzjonalità fil-politiki ta' attivazzjoni u billi dawn l-effetti hemm bżonn li jiġu mmonitorjati u jeħtieġ li l-impatti negattivi fuq gruppi vulnerabbli jiġu evitati,

I.

billi miżuri għall-inklużjoni attiva għandhom ukoll jitħaddmu flimkien mal-iżvilupp tal-objettivi tal-UE u ma' dawk nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali,

J.

billi l-parti l-kbira tal-persuni li jmexxu l-familja huma nisa, billi ħafna mill-ġenituri waħedhom huma nisa u billi ħafna mill-persuni li joffru kura (carers) huma nisa; billi, għalhekk, il-politiki għall-inklużjoni attiva jeħtieġu numru ta' miżuri inklużivi sabiex in-nisa li jinsabu l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol ikunu jistgħu jibbenefikaw fil-prattika minn strateġiji ta' inklużjoni attiva; billi s-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għandha rabtiet diretti mal-faqar relatat mal-età, li jaffettwa prinċipalment lin-nisa,

K.

billi fi żminijiet ta' kriżi ekonomika u ta' qgħad dejjem jiżdied, hemm riskju li l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol tkompli tiżdied u tespandi, speċjalment għall-gruppi soċjali l-aktar vulnerabbli, bħan-nisa, ix-xjuħ, persuni b'diżabilità; billi huwa essenzjali li l-inklużjoni soċjali u l-politika relatata tas-suq tax-xogħol għandhom ikunu segwiti permezz ta' metodu integrat u koerenti fi ħdan il-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew; billi parti mill-fondi pubbliċi għandha tintuża biex jinżammu u jitjiebu l-investimenti soċjali, tas-saħħa u dawk edukattivi u servizzi soċjali essenzjali oħrajn u servizzi ta' interess ġenerali,

L.

billi l-fehma li l-aħjar mod kif tiġi eliminata l-esklużjoni soċjali hija li wieħed jaħdem tista' biss tkun effettiva jekk ix-xogħol ikun sostenibbli, ta' kwalità għolja u mħallas b'mod xieraq; billi l-prinċipju tas-salarju ugwali għall-istess xogħol huma implimentat b'mod fqir,

M.

billi dawk li jieħdu ħsieb il-familja jipprovdu servizzi essenzjali ta' kura, edukazzjoni u appoġġ lilhinn mis-sistema ta' impjieg, mingħajr dħul jew drittijiet soċjali, u m'għandhomx id-dritt li jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol u li jiksbu rikonoxximent tal-ħiliet akkwistati jew żviluppati waqt il-perjodu li jkunu qed jieħdu ħsieb il-familja,

1.

Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tibbaża r-Rakkomandazzjoni tagħha 2008/867/KE fuq ir-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE li tirrikonoxxi d-dritt fundamentali ta' persuna li jkollha biżżejjed riżorsi u għajnuna sabiex tgħix f'kundizzjonijiet umani u dinjitużi, u tiddefinixxi prinċipji komuni għall-implimentazzjoni ta' dak id-dritt; japprova l-prinċipji komuni u linji gwida prattiċi ippreżentati fir-Rakkomandazzjoni 2008/867/EC dwar l-istrateġija tal-inklużjoni attiva bbażata fuq tliet pilastri, jiġifieri appoġġ adegwat għad-dħul, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta' kwalità; u b'mod partikolari jinnota li kwalunkwe strateġija ta' inklużjoni attiva għandha tinbena fuq il-principji tad-drittijiet individwali, ir-rispett għad-dinjità umana u tan-non-diskriminazzjoni, opportunitajiet ugwali u tal-ugwaljanza bejn is-sessi; dwar il-promozzjoni tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol flimkien ma' parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà; u dwar t-twettiq tal-prinċipji tal-kwalità, tal-adegwatezza u tal-aċċessibilità fit-tliet pilastri;

2.

Jaqbel mal-Kunsill li l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE għandha titjieb fir-rigward tad-dħul minimu u tat-trasferimenti soċjali; li l-għajnuna soċjali għandha tipprovdi dħul minimu xieraq għal ħajja b'dinjità, talanqas f'livell li jkun lilhinn mil-livell ta' “riskju ta' faqar” u biżżejjed biex il-persuni jinħarġu mill-faqar u li għandu jitjieb it-teħid tal-benefiċċji;

3.

Jilqa' b'sodisfazzjon is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta' Lulju 2008 fil-Kawża C-303/06 dwar karrieri li jsofru diskriminazzjoni b'assoċjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri xierqa sabiex jassiguraw li l-persuni li joffru kura (carers) jiġu mħarsa minn diskriminazzjoni ta' dan it-tip fir-rigward tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u sabiex l-Istati Membri jitħeġġu biex jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li s-sentenza tal-Qorti tiġi rrispettata;

4.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw appoġġ xieraq għad-dħul sabiex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota l-bżonn għal livell adegwat ta' dħul minimu, ibbażat fuq ir-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE u r-Rakkomandazzjoni 2008/867/KE li għandu jkun adegwat, trasparenti, aċċessibbli għal kulħadd u sostenibbli tul iż-żmien;

5.

Iqis li huwa vitali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2000/78/KE, li tistabbilixxi qafas legali għal trattament ugwali fl-impjieg li jiġġieled id-diskriminazzjoni fl-impjieg u x-xogħol fuq il-bażi ta' reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali;

6.

Jenfasizza t-talba tiegħu lill-Kunsill sabiex jaqbel dwar mira tal-UE għal skemi ta' dħul minimu u għal skemi kontributorji ta' dħul ta' sostituzzjoni li jipprovdu talanqas 60 % tad-dħul medju nazzjonali ekwalizzat u, barra minn hekk, sabiex jaqbel dwar skeda biex din il-mira tinkiseb fl-Istati Membri kollha;

7.

Jirrikonoxxi li l-interazzjoni tal-għajnuna soċjali u tal-attività fis-suq tax-xogħol hija waħda kumplessa: partikolarment meta x-xogħol li jkun disponibbli jkun fuq medda qasira ta' żmien, staġonali, prekarju jew inkella fuq bażi part-time fejn il-kundizzjonijiet tal-intitolament u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali jew rati tat-taxxa marġinali jkunu ta' diżinċentiv biex wieħed ikollu impjieg bi ħlas u s-sistema tal-għajnuna soċjali ma tkunx flessibbli biżżejjed biex tirreaġixxi; iħeġġeġ għalhekk l-iżvilupp ta' sistemi, li effettivament jappoġġjaw individwi f'perjodu ta' tranżizzjoni u mhux jippenalizzawhom jew ineħħu l-għajnuna wisq malajr meta persuna ssib impjieg;

8.

Jirrimarka dwar l-importanza li jiġu stipulati benefiċċji soċjali għal persuni vulnerabbli f'pożizzjoni li jaħdmu; jirrimarka, madanakollu, li, b'rispett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, benefiċċji bħal dawn huma kwistjoni tal-Istati Membri;

9.

Jirrimarka li dawk li jirċievu appoġġ xieraq ta' dħul u l-membri tal-familja tagħhom ser ikollhom l-opportunità li jevitaw ir-riskju tal-faqar u li jsiru ċittadini attivi li jikkontribwixxu għall-ħajja soċjali u ekonomika kif ukoll għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet;

10.

Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jqisu b'mod attiv politika relatata ma' salarju minimu sabiex jiġi ffaċċjat l-ammont dejjem jikber ta' “persuni fqar li jaħdmu” u sabiex l-impjieg isir prospett vijabbli għal dawk li jkunu mbiegħda mis-suq tax-xogħol;

11.

Jemmen li l-inklużjoni attiva teħtieġ tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn reġjuni u zoni fi ħdan il-Komunità, permezz tar-riabilitazzjoni mgħaġġla taz-zoni affettwati mill-kriżi ekonomika u l-iżvilupp tar-reġjuni rurali;

12.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni sabiex jiġġieldu kontra impjiegi klandestini u “moħbija”, li jeskludu lil dawk affettwati minn ċerti faċilitajiet u servizzi soċjali;

13.

Jitlob li l-politiki għall-inklużjoni attiva għandhom:

ikunu konsistenti ma' approċċ ta' ċiklu tal-ħajja fir-rigward tal-edukazzjoni, tat-tagħlim għal matul il-ħajja, tal-politiki soċjali u tal-impjieg;

ikunu mfassla skont il-każ, immirati u bbażati fuq il-bżonnijiet;

ikunu bbażati fuq approċċ integrat u jkunu parteċipattivi; kif ukoll

jirrispettaw il-kundizzjonijiet li huma essenzjali sabiex ikun jista' jkun hemm parteċipazzjoni, mingħajr ma joħolqu kundizzjonijiet li jipperikolaw id-dħul minimu għall-għajxien;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-ħlas tal-ispejjeż kollha fil-qasam tal-inklużjoni attiva u soċjali peress li l-esperjenza wriet li investiment bikri u azzjoni preventiva jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż ġenerali għas-soċjetà fuq medda twila ta' żmien; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li għalhekk ir-Rakkomandazzjoni 2008/867/KE tipproponi żieda fl-investiment għall-inklużjoni soċjali;

15.

Iqis li l-Istati Membri għandhom jipprovdu benefiċċji addizzjonali mmirati lejn gruppi żvantaġġati (bħal persuni b'diżabilità jew mard kroniku, ġenituri waħedhom, jew familji b'ħafna tfal) li jkopru l-ispejjeż żejda b'rabta, inter alia, ma' appoġġ personali, l-użu ta' faċilitajiet speċifiċi u kura medika u soċjali, u li jistabbilixxu inter alia livelli ta' prezzijiet ta' mediċini għal gruppi soċjali żvantaġġati; jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati livelli diċenti ta' pensjonijiet tal-invalidità u ta' ritrar mix-xogħol;

16.

Jaqbel, partikolarment fid-dawl tal-bżonnijiet spiss kumplessi tan-nies, li teżisti l-ħtieġa li jitfasslu u jiġu implimentati miżuri ta' inklużjoni attiva skont il-każ, li jgħaqqdu fihom dħul minimu, inklużjoni fis-suq tax-xogħol u servizzi soċjali, li għandu jkun hemm enfasi fuq identifikazzjoni bikrija u azzjoni preventiva, u li l-prijorità għandha tingħata lill-iktar persuni vulnerabbli;

17.

Iqis li fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri, għandhom jitqiesu l-opinjonijiet tal-persuni li għalihom huma mmirati dawm il-miżuri; jistieden lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw li tingħata s-setgħa lill-organizzazzjonijiet non-governattivi soċjali sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fl-ifformular u fl-implimentazzjoni tal-politiki inklużivi;

18.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw approċċ aktar kostruttiv għall-politika dwar id-drogi b'enfasi fuq il-prevenzjoni, l-edukazzjoni u t-trattament għall-vizzju minflok sanzjonijiet kriminali;

19.

Jitlob għat-tmiem tal-istigma li tingħata lill-persuni bi problemi ta' saħħa mentali u b'diffikultajiet ta' tagħlim, għall-promozzjoni tas-saħħa u tal-benesseri mentali, għall-prevenzjoni tal-problemi mentali kif ukoll għal aktar riżorsi għat-trattament u l-kura;

20.

Iqis illi, minħabba li l-problemi assoċjati mal-esklużjoni f'ħafna każi jkunu preżenti mill-iktar stadji bikrin tal-ħajja, l-azzjoni preventiva hija essenzjali sabiex sa minn kmieni jiġu identifikati dawk it-tfal u żgħażagħ li jinsabu fl-ikbar riskju, ħafna qabel ma jwaqqfu l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom; jinnota li huwa iktar probabbli li ż-żgħażagħ li jiġu esklużi mill-iskejjel jiġu involuti f'imġiba antisoċjali u kriminali, u dan ikompli jżid mal-isfidi sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol, iktar “il quddiem; iqis li, sabiex il-politiki għall-inklużjoni jkollhom suċċess, huwa ferm importanti li jkun hemm djalogu wiesa” bejn il-persuni kkonċernati, appoġġ għall-azzjoni preventiva u s-servizzi soċjali sabiex jittejbu l-opportunitajiet għal tfal u żgħażagħ vulnerabbli; jisħaq ukoll fuq l-importanza tal-problemi ta' esklużjoni li jaffettwaw persuni l-aktar imdaħħlin fiż-żmien li jitilfu xogħolhom u li ma jkunux jistgħu jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol;

21.

Iqis li l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ li qed ifittxu xogħol għall-ewwel darba għandhom jitqiesu bir-reqqa u li għandhom jiġu implimentati politiki u miżuri li jistgħu jrawmu t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol fuq livell nazzjonali; barra minn dan iqis li d-djalogu strutturat ma' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom ikunu assoċjati b'mod kontinwu mal-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-Istati Membri;

22.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħmlu aktar biex jindirizzaw il-kwistjonijiet li jiffaċċjaw il-persuni li joffru kura (carers), inkluż id-dritt li jagħżlu, bil-libertà, jekk iridux joffru din il-kura u sa liema livell jixtiequ joffruha, il-possibilità li jikkumbinaw l-għoti tal-kura max-xogħol u l-impjieg bi ħlas kif ukoll aċċess għall-iskemi ta' sigurtà soċjali u pensjonijiet, sabiex jiġi evitat il-faqar b'konsegwenza tal-għoti tal-kura;

23.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-bżonn għal aċċess għal servizzi ta' kwalità għolja u bi prezz deċenti sabiex servizzi soċjali bħala dritt fundamentali u bħala element essenzjali tal-Mudell Soċjali Ewropew kif ukoll in-nies ikunu jistgħu jinżammu fix-xogħol, kif ukoll il-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 2008/867/KE; iqis li servizzi soċjali bħal dawn għandhom jinkludu housing stabbli u finanzjarjment aċċessibbli, trasport pubbliku aċċessibbli, edukazzjoni vokazzjonali bażika, u l-forniment ta' kura tas-saħħa kif ukoll aċċess għal servizzi ta' enerġija u servizzi oħra ta' netwerk finanzjarjament aċċessibbli; jinnota li għandu jsir progress biex jiggarantixxi l-obbligi ta' servizz universali fis-servizzi ta' interess ġenerali; iqis li huwa meħtieġ l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni biex jistabbilixxi direttiva ta' qafas tal-UE dwar servizzi ta' interess ġenerali li jiggarantixxi dawn l-obbligi; jinnota li l-progress li qed isir sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' Barċellona rigward il-forniment ta' kura tat-tfal finanzjarjament aċċessibbli u ta' kwalità għolja għadu mhuwiex biżżejjed, u dan il-progress għandu jissaħħaħ sabiex ikopri lit-tfal kollha fl-edukazzjoni primarja; jinnota wkoll li l-bżonnijiet ta' kura għal persuni oħra dipendenti wkoll mhux qed jiġu ssodisfati u għandhom ikunu soġġetti għal proċess simili;

24.

Jemmen li t-trattament tad-diskriminazzjoni li jaffaċċjaw in-nies fil-kuntest ta' aċċess għal oġġetti, servizzi u faċilitajiet huwa ċentrali għall-kisba tal-inklużjoni u għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal direttiva komprensiva biex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni barra mill-impjieg fuq bażi ta' età, diżabilità, orjentazzjoni sesswali u reliġjon jew twemmin;

25.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw tariffi soċjali awtomatiċi għal gruppi vulnerabbli, pereżempju fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport pubbliku kif ukoll faċilitajiet għall-kisba ta' mikrokrediti, sabiex tiġi promossa l-inklużjoni, kif ukoll kura tas-saħħa u edukazzjoni b'xejn għal persuni b'diffikultajiet ta' natura materjali;

26.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jgħollu l-profil ta' għaqdiet ta' kreditu biex jgħinu fil-provvediment ta' ambjent sikur u regolat għal persuni biex ifaddlu u jissellfu flus u biex jegħlbu d-dejn personali li dejjem qed isir problematiku; jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-individwi jkollhom id-dritt li jiftħu kont il-bank li jkun finanzjarjament aċċessibbli, li huwa mezz essenzjali biex wieħed jipparteċipa kemm fl-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll fis-soċjetà;

27.

Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu persuni b'diżabilità bl-appoġġ addizzjonali neċessarju kemm biex ikunu jistgħu jaċċessaw is-suq tax-xogħol kif ukoll waqt li jkunu qed jaħdmu; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għad m'għamlux dan biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità kif ukoll il-Protokoll Fakultattiv tagħha; jinnota li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri u strutturi xierqa għall-implimentazzjoni effikaċi ta' dik il-Konvenzjoni fit-territorju tagħhom;

28.

Hu tal-fehma li ż-żgħażagħ qed jaffaċċjaw ostakoli speċifiċi għall-inklużjoni attiva, inkluża diskriminazzjoni li mhix ġustifikata relatata mal-età u diffikultajiet fir-rigward tal-aċċess għal skemi ta' taħriġ vokazzjonali li jkunu finanzjarjament aċċessibbli;

29.

Jilqa' b'sodifazzjon li persuni b'diżabilità ma jkunux istituzzjonalizzati iżda jinnota li dan jitlob livell suffiċjenti ta' servizzi bbażati fil-komunità li jiffavorixxu ħajja indipendenti, id-dritt għall-għajnuna personali, id-dritt għall-indipendenza ekonomika u l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà fi ħdan l-Istati Membri;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu riżorsi xierqa biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-programmi ta' tagħlim ta' matul il-ħajja bħala mezz ta' kif tiġi limitata l-esklużjoni ta' persuni anzjani, fost oħrajn, mill-impjieg u sabiex irawmu l-parteċipazzjoni kontinwa tagħhom fil-ħajja kulturali u ċivika;

31.

Jemmen li għandha tittieħed aktar azzjoni sabiex jiġu ttrattati l-vjolenza domestika u l-abbuż fuq it-tfal u l-anzjani;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġilazzjoni Komunitarja eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-ugwaljanza b'mod ġenerali u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni, tiġi implimentata b'mod sħiħ, b'mod xieraq u b'mod effettiv; jitlob għall-estensjoni u l-infurzar tagħha biex jiġu eliminati l-ostakoli strutturali għall-impjieg u għall-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali;

33.

Jemmen li edukazzjoni ta' kwalità għolja hija prerekwiżit vitali għas-suċċess futur fl-impjieg u fl-integrazzjoni; jistieden lill-Istati Membri biex jestendu l-leġiżlazzjoni dwar l-edukazzjoni pubblika bil-għan li jeliminaw l-ostakoli kollha għall-edukazzjoni, jiżguraw edukazzjoni integrata u aċċess għal kulħadd; jemmen li dawk li ġew esklużi mis-suq tax-xogħol għal żmien twil għandu jkollhom allokazzjonijiet akbar għall-finanzjament għat-tagħlim ta' matul il-ħajja, speċjalment f'dak li jirrigwarda “l-kompetenzi ewlenin”;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex japplikaw il-prinċipju tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru fl-istrateġija kollha tal-Inklużjoni Attiva;

35.

Iqis li t-taħriġ offrut għandu jqis il-bżonnijiet tal-individwi kkonċernati u jkun adegwat għalihom; jitlob li jkun hemm taħriġ u miżuri ta' integrazzjoni immirati, u mhux standardizzati, għaliex dawn spiss jinjoraw il-bżonnijiet ta' persuni b'diżabilità, ta' dawk b'responsabilitajiet ta' kura u ta' persuni bi problemi ta' saħħa; jindika l-aħjar prattiki mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF) u minn EQUAL f'dak li jikkonċerna approċċi ta' taħriġ iffokat ibbażat fuq il-bżonnijiet, għall-persuni li jinsabu l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, bir-rikonoxximent ta' kapaċitajiet mhux dokumentati u ħiliet miksuba permezz ta' edukazzjoni mhux formali;

36.

Jirrakkomanda titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni u l-integrazzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni fis-suq tax-xogħol u fil-kriterji tal-parteċipazzjoni soċjali, kif ukoll it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fl-aċċess għall-forom kollha ta' edukazzjoni u fil-kwalità ta' edukazzjoni offruta;

37.

Iqis li t-taħriġ għandu wkoll jiżgura li l-individwi jkunu konxji tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom fir-rigward tax-xogħol, inkluż li jingħataw preparazzjoni tajba f'termini ta' saħħa u sigurtà, u d-dritt tagħhom għal sħubija fit-trejdjunjins kif ukoll id-drittijiet tagħhom għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni u għal tagħlim u taħriġ ta' matul il-ħajja;

38.

Jinnota li hemm riskju li approċċi iktar oriġinali fir-rigward tal-preparazzjoni tal-persuni li jinsabu l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol għal aċċess eventwali għal dan is-suq tax-xogħol jistgħu jirriżultaw f'nuqqas ta' fondi, sabiex ikun hemm approċċ iktar limitat ibbażat fuq riżultati li wieħed ikun jista' jarahom aħjar; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex ittejjeb il-finanzjament ta' approċċi minn isfel għal fuq taħt il-Fondi Strutturali, u partikolarment taħt l-ESF, u l-iżvilupp ta' indikaturi li jkejlu l-progress li jsir fl-inklużjoni soċjali u attiva, bħala stimolu għal inizjattivi b'bażi innovattiva għall-promozzjoni tal-inklużjoni attiva, bħala parti mill-objettivi ta' inklużjoni soċjali enfasizzati fil-kuntest tal-Fondi Strutturali maħsuba għall-Istrateġija ta' Liżbona, il-finanzjament propost għall-innovazzjoni soċjali u permezz ta' mezzi oħra ta' finanzjament;

39.

Jinnota li bħala riżultat tal-bidliet demografiċi, huwa stmat li sal-2030 il-proporzjon ta' persuni mhux attivi ser ikun ta' 2:1; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw politiki ta' inklużjoni attiva sabiex jiżguraw li l-persuni li joffru kura (carers), li ħafna minnhom ser ikunu obbligati jirtiraw mix-xogħol minħabba r-responsabilitajiet ta' kura, ma jiġux affettwati ħażin aktar tard fis-snin;

40.

Jinnota l-bżonn li jinħoloq suq tax-xogħol inklużiv bħala ċ-ċentru ta' kwalunkwe strateġija ta' inklużjoni attiva, suq tax-xogħol b'kundizzjonijiet ta' impjieg u b'diversità fl-impjieg għall-ħaddiema kollha, billi jitqiesu l-bżonnijiet differenti skont il-post tax-xogħol, il-ħtiġijiet individwali tal-ħaddiema, il-mudelli tax-xogħol u tal-ħinijiet tax-xogħol u l-livelli differenti tal-kapaċitajiet, u ħtiġijiet differenti f'termini ta' rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja, dik privata u dik professjonali; jinnota li l-kwalità għolja tal-impjiegi hija essenzjali biex tkun promossa ż-żamma tal-impjieg;

41.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jippromwovu suq tax-xogħol kompetittiv li jiffavorixxi l-iżvilupp ta' sistemi ta' ħarsien soċjali pubbliċi u privati bi prezz raġonevoli, li jippermetti lil dawk ikkonċernati, inklużi membri ta' minoranżi etniċi, sabiex ikollhom l-għażla li jnaqqsu r-riskji ta' esklużjoni mis-suq tax-xogħol;

42.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu mill-għodda u mill-istrumenti eżistenti bħala inċentiv għall-protagonisti kollha biex joħolqu swieq tax-xogħol inklużivi u jtejbu l-parteċipazzjoni ta' dawk li jinsabu l-iktar imbiegħda mis-swieq tax-xogħol; jindika strumenti eżistenti fil-kuntest ta' djalogu soċjali lokalizzat, inċentivi finanzjarji, benefiċċji fiskali u l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tipprovdi appoġġ lill-ekonomija soċjali bħala sors vitali fejn persuni żvantaġġati jidħlu fis-suq tax-xogħol;

43.

Jirrimarka li l-irwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni tal-inklużjoni attiva jinqasam fi tlieta: bħala entitajiet li jħaddmu, bħala promoturi ta' żvilupp ekonomiku u impjiegi, u bħala fornituri ta' servizzi pubbliċi, inklużi servizzi għall-gruppi l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu netwerks f'livelli reġjonali u lokali sabiex jagħtu parir, u jirreferu, lil persuni dwar fejn jistgħu jirċievu għajnuna biex jaċċessaw is-suq tax-xogħol, kif ukoll kif jaċċessaw servizzi soċjali speċifiċi (jiġifieri skemi ta' benefiċċji soċjali, servizzi ta' kura tas-saħħa, tas-saħħa mentali u servizzi ta' kura soċjali u taħriġ vokazzjonali) skont is-sitwazzjon partikolari tagħhom;

44.

Jemmen bis-sħiħ li għandu jsir aktar biex jiġu ttrattati l-ostakoli għall-inklużjoni li jiffaċċjaw dawk li jfittxu l-kenn politiku; jistieden lill-Istati Membri sabiex jaħdmu biex itemmu d-dipendenza ta' dawk li jfittxu l-kenn politiku fuq il-benefiċċji billi jippermettulhom li jaħdmu u biex jikkunsidraw l-iżvilupp ta' aktar rotot ta' immigrazzjoni legali;

45.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha sabiex jissalvagwardaw politiki ta' kenn politiku bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Refuġjati u liġijiet oħrajn rilevanti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

46.

Jirrikonoxxi li t-traffikar tal-bnedmin jirriżulta fi tbatija immensa u f'esklużjoni soċjali u jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħmlu aktar biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni għal kontra t-traffikar u għal kontra d-diskriminazzjoni, biex jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà lill-vittmi ta' traffikar u, b'mod partikolari, biex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni dwar Azzjoni kontra t-Traffikar ta' Bnedmin;

47.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrifjutaw li ma toħroġx ċara d-differenza bejn il-migrazzjoni ekonomika u t-tiftix għall-kenn politiku, u bejn il-migrazzjoni ekonomika u t-tiftix għall-kenn politiku mal-immigrazzjoni illegali;

48.

Jemmen li l-priġunerija ta' persuni mingħajr ma dawn jingħataw riabilitazzjoni u edukazzjoni xierqa toħloq ostakoli għall-inklużjoni u spiss twassal biss għal aktar esklużjoni soċjali, qgħad u kriminalità;

49.

Jemmen bis-sħiħ li l-fatt li tibqa' teżisti età obbligatorja ta' meta wieħed jirtira huwa ostakolu għall-inklużjoni attiva u jisforza għalxejn ħafna persuni, li jistgħu jagħżlu li jibqgħu jaħdmu, 'il barra mis-suq tax-xogħol;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina mill-qrib il-proċess tal-politika fir-rigward tal-inklużjoni attiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' servizzi soċjali ta' kwalità għolja, mal-iżvilupp li qed iseħħ bħalissa ta' qafas volontarju dwar servizzi soċjali ta' kwalità għolja ta' interess ġenerali u biex teżamina mingħajr dewmien kull mezz possibbli biex jiġi ċċarat il-kuntest legali li fih jopera l-interess ġenerali tas-servizzi soċjali u biex tipprovdihom b'qafas legali biex iservi bħala punt ta' referenza, b'mod partikolari billi jiġu adottati strumenti leġiżlattivi fosthom direttiva ta' qafas;

51.

Jenfasizza t-talba riċenti li għamel lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jistipulaw miri għat-tnaqqis tal-faqar (faqar b'mod ġenerali, fost it-tfal, fost min jaħdem u faqar persistenti fit-tul), għal-livell minimu ta' dħul ipprovdut permezz ta' pensjonijiet u għal aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-kwalità tagħha (it-tnaqqis fl-imwiet tat-tfal, it-titjib tas-saħħa u ż-żieda fl-għomor, eċċ.); itenni t-talbiet tiegħu biex tiġi stipulata mira tal-UE biex jitnaqqas il-faqar tat-tfal b'50 % sal-2010 u biex jintemm sal-2015 il-bżonn li t-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti jgħixu fit-toroq għax ma jkollhomx dar;

52.

Jitlob li jkun hemm pjan direzzjonali konkret għall-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' inklużjoni attiva bbażata fuq il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u ta' persuni oħra kkonċernati, inklużi persuni foqra; iqis ukoll li l-pjan direzzjonali għandu jispeċifika skadenzi taż-żmien u objettivi kwalitattivi u kwantitattivi realistiċi, ibbażati fuq indikaturi speċifiċi u wara djalogu fid-dettall bejn il-partijiet interessati; iqis ukoll li l-pjan direzzjonali għandu jistabbilixxi kif għandha tiġi implimentata u ssorveljata l-inklużjoni attiva permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għall-protezzjoni soċjali u għall-inklużjoni soċjali, partikolarment fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali; għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tinvolvi lill-awtoritajiet lokali fil-monitoraġġ u fl-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' inklużjoni attiva permezz tal-iffinanzjar, mill-programm Progress, ta' netwerk ta' osservatorji, immaniġġjati mill-awtoritajiet lokali, li josservaw l-inklużjoni attiva; jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jagħtu dawn l-osservatorji rwol qawwi fil-proċess ta' politika futura u jintegraw programmi ta' inklużjoni attiva permezz tal-programmi nazzjonali ta' riforma tal-Istrateġija riveduta ta' Liżbona u b'mod partikolari l-Istrateġija Ewropea tax-Xogħol;

53.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.

(2)  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46.

(3)  ĠU C 316 E, 22.12.2006, p. 370.

(4)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 148.

(5)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(6)  Testi adottati, P6_TA(2008)0467.

(7)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 463.

(8)  Testi adottati, P6_TA(2009)0370.

(9)  Testi adottati, P6_TA(2008)0556.

(10)  Testi adottati, P6_TA(2008)0163.

(11)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.

(12)  ĠU L 298, 7.11.2008, p. 20.

(13)  Testi adottati, P6_TA(2009)0062.

(14)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(15)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.

(16)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 46.

(17)  ĠU C 306, 17.12.2007, p. 158.


Top