Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0061(01)

    Is-Sri Lanka Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' Ottubru 2009 dwar is-Sri Lanka

    ĠU C 265E, 30.9.2010, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 265/29


    Il-Ħamis, 22 ta’ Ottubru 2009
    Is-Sri Lanka

    P7_TA(2009)0061

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar is-Sri Lanka

    2010/C 265 E/07

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2000 (1), l-14 ta’ Marzu 2002 (2), u l-20 ta’ Novembru 2003 (3), dwar is-Sri Lanka, u tat-13 ta’ Jannar 2005 (4) d-diżastru tat-tsunami fl-Oċean Indian, u tat-18 ta’ Mejju 2006 (5) dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka u tal-5 ta’ Frar 2009 (6) dwar is-Sri Lanka,

    wara li kkunsidra l-ittri miftuħa tal-Kummissarju Ewropew għar-Relazzjonijiet Esterni tas-16 ta' Ġunju 2009 u tal-21 ta' Settembru 2009 dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Mejju 2009 dwar is-Sri Lanka,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 122 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi t-territorji kollha fit-Tramuntana tas-Sri Lanka, li kienu f'idejn it-Tigri għal-Liberazzjoni ta' Tamil Eelam (l-LTTE), ittieħdu lura,

    B.

    billi l-konflitt li dam 25 sena, u li ntemm meta ngħelbu l-LTTE fl-2009, wassal għall-mewt ta' 'l fuq minn 90 000 persuna,

    C.

    billi, wara li ntemm il-konflitt, 'il fuq minn 250 000 persuna ċivili mit-Tamil qed jinżammu f'kampijiet biex jiġu eżamita u ristabbiliti x'imkien ieħor, fejn hemm tħassib serju dwar iffullar, aċċess mhux adegwat għal ilma nadif, sanità u faċilitajiet mediċi u fejn ma għandhom l-ebda moviment ħieles,

    D.

    billi l-Gvern tas-Sri Lanka ma jagħtix aċċess adegwat għall-kampijiet lill-organizzazzjonijiet umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem,

    E.

    billi l-komunità internazzjonali għandha tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja, inkluż persunal imħarreġ,

    F.

    billi jeħtieġ li l-Gvern tas-Sri Lanka jkun ġeneruż u proattiv biex jidirizza t-tħassib u l-interessi taċ-ċittadini tat-Tamil u jimplimenta malajr u bis-sħiħ kemm it-13-il Emenda tal-Kostituzzjoni tas-Sri Lanka kif ukoll miżuri ta' devoluzzjoni ulterjuri u sinifikanti sabiex in-nies tat-Tamil iħarsu lejn il-waqgħa tal-LTTE bħala sinjal ta' ħelsien,

    G.

    billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem x'aktarx li mhux se titjieb mingħajr l-involviment ta' osservaturi internazzjonali permanenti, b'mod partikulari minn organizzazzjonijiet bħall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC),

    H.

    billi għadd kbir ta' ġurnalisti li kienu qed jirrappurtaw dwar il-kunflitt u li qed jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni ta' wara l-konflitt sofrew vjolenza u intimidazzjoni,

    I.

    billi l-irkupru ekopnomiku tas-Sri Lanka se jiddependi ħafna fuq l-investiment dirett barrani kif ukoll fuq it-tkomplija tal-appoġġ tal-UE,

    J.

    bili żoni kbar fejn kien seħħ il-konflitt huma kkontaminati b'mini kontra l-persunal u bi fdalijiet esplożivi oħrajn tal-gwerra,

    1.

    Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li 'l fuq minn 25 000 persuna għadhom qed jinżammu fil-kampijiet u jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka biex jieħu l-passi neċessarji kollha biex dawk miżmuma jinbagħtu malajr lura d-dar, kif ukoll biex tiġi fornuta b'urġenza l-assistenza umanitarja li għandhom bżonn, f'konformità mal-obbligu tiegħu li jħares lil dawk kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu; jenfasizza l-ħtieġa li l-ICRC u l-aġenziji speċjali tan-NU jingħataw irwol prinċipali f'dan il-proċess;

    2.

    Jistieden lill-awtoritajiet tas-Sri Lanka sabiex jagħtu aċċess ħieles lill-organizzazzjonijiet umanitarji għall-kampijiet sabiex jipprovdu l-assistenza umanitarja neċessarja lill-dawk miżmuma, speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-wasla imminenti tal-monsun fit-Tramuntana tal-pajjiż;

    3.

    Jappella lis-soċjetà madwar id-dinja biex tkompli tiprrovdi appoġġ umanitarju, b'kontribuzzjoni lejn paċi dejjiema u jistieden lid-donaturi internazzjonali biex jorbtu l-finanzjament għall-kampijiet mal-impenji ta' ristabbilizzazzjoni u biex jimplimentaw programm ta' assistenza għall-kampijiet li jkollu tul ta' żmien limitat;

    4.

    Jistieden lill-mexxejja tat-Tamil biex jimpenjaw ruħhom favur ftehim politiku u jikkundannaw it-terroriżmu u l-vjolenza darba għal dejjem;

    5.

    Jinsisti li l-Gvern tas-Sri Lanka għandu l-obbligu li japplika l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem għall-proċedimenti ġudizzjarji tal-membri tal-LTTE;

    6.

    Jirrikonoxxi l-iżvilupp tas-Sri Lanka ta' Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali Favur il-promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem;

    7.

    Jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka biex iħaffef il-pjanijiet ta' rikonċiljazzjoni u devoluzzjoni reġjonlai kif hemm fil-kostituzzjoni tal-pajjiż;

    8.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka biex iwaqqaf ir-repressjoni tal-midja permezz tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu u jħalli li jkun hemm il-libertà tal-istampa u jistiednu, issa li ntemm il-konflitt, biex jirrevedi l-leġiżlazzjoni tiegħu kontra t-terroriżmu, u jiżgura li l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tal-libertà tal-midja jkunu soġġetti għal investigazzjonijiet sħaħ, miftuħa u trasparenti;

    9.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka sabiex ikompli jagħti iktar attenzjoni rigward it-tneħħija tal-mini tal-art, li l-preżenza tagħhom hija ta' ostaklu serju għar-riabilitazzjoni u r-riġenerazzjoni ekonomika; jistiednu, f'dan ir-rigward biex jieħu l-pass pożittiv ħafna li jaderixxi mat-Trattat ta' Ottawa (il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Ħżin, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini ta' Kontra l-Persunal u l-Qerda tagħhom), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, b'mod partikulari, biex tisponsorja appoġġ ulterjuri għal ħidma urġenti biex jitneħħew il-mini tal-art fis-Sri Lanka;

    10.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni tal-Abbozz ta' Liġi dwar il-Protezzjoni u l-Assistenza għall-Vittmi u x-Xhieda, li attwalment jinsab fit-tieni qari fil-Parlament tas-Sri Lanka;

    11.

    Jieħu nota li saru elezzjonijiet lokali fit-Tramuntana tas-Sri Lanka;

    12.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth tal-Gran Brittanja, lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-Human Rights Watch, lill-Kampanja Internazzjonali għall-Projbizzjoni tal-Mini tal-Art, lill-Gvern tas-Sri Lanka u lill-pajjiżi membri l-oħrajn kollha tal-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali.


    (1)  ĠU C 59, 23.2.2001, p.278.

    (2)  ĠU C 47 E, 27.2.2003, p.613.

    (3)  ĠU C 87 E, 7.4.2004, p.527.

    (4)  ĠU C 247 E, 6.10.2005, p.147.

    (5)  ĠU C 297 E, 7.12.2006, p.384.

    (6)  Testi Adottati, P6_TA(2009)0054.


    Top