EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE1923

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Bidliet industrijali, żvilupp tat-territorju u responsabbiltà tal-intrapriżi

ĠU C 175, 28.7.2009, p. 63–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.7.2009   

MT EN EN

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/63


Opinjoni “tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew” dwar “Bidliet industrijali, żvilupp tat-territorju u responsabbiltà tal-intrapriżi”

(2009/C 175/11)

Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Bidliet industrijali, żvilupp tat-territorju u responsabbiltà tal-intrapriżi

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, li hija inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Novembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Pezzini u l-korapporteur kien is-Sur Gay.

Matul l-449 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-3 u l-4 ta’ Diċembru 2008 (seduta tat-3 ta’ Diċembru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’168 vot favur, vot 1 kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jemmen li, fil-qafas tal-Istrateġiji ta’ Liżbona u ta’ Göteborg, huwa essenzjali li jseħħ tiġdid tas-sistemi territorjali lokali, mifhuma bħala l-ġbir flimkien ta’ strutturi, infrastrutturi u persuni pubbliċi u privati, sabiex flimkien joħolqu viżjoni ta’ żvilupp komuni, marbuta mar-reġjun, livelli avvanzati ta’ kumdità u kompetittività, b’firxa ta’ responsabbiltajiet soċjali u ambjentali. Essenzjalment dan hu proċess li jidentifika r-riżultat ta’ ġabra ta’ azzjonijiet reċiproċi f’kull aspett tas-suġġett.

1.2   Il-KESE jappella bil-qawwi għal inizjattiva Komunitarja dwar l-iżvilupp tar-“Reġjun Soċjalment Responsabbli” (SRR). L-SRR jista’ jissejjaħ unjoni li tgħaqqad l-objettivi tad-demokrazija fil-livell taċ-ċittadini flimkien mar-responsabilizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet u tal-entitajiet kollha pubbliċi u privati, lejn approċċ strateġiku integrat ta’ valorizzar kompetittiv tad-dimensjoni reġjonali.

1.3   Il-Kumitat jitlob li flimkien mal-inizjattiva tal-SRR jitneda pjan ta’ azzjoni Ewropew bil-għam li:

tiġi mħeġġa l-introduzzjoni tad-dimensjoni territorjali fil-politiki tal-UE, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Istrateġiji ta’ Liżbona u ta’ Göteborg;

jingħata appoġġ lill-inklużjoni fil-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali, tal-prijoritajiet stipulati fl-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig;

jiġu mħeġġa u kkofinanzjati eżerċizzji parteċipatorji ta’ tbassir reġjonali, sabiex tinħoloq viżjoni komuni ta’ żvilupp reġjonali soċjalment responsabbli; u

issir tnedija ta’ netwerks reġjonali ta’ eċċellenza u ta’ Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali dwar dan is-suġġett.

1.4   Il-Kumitat jemmen li fis-segwitu tal-inizjattiva Komunitarja tar-Reġjun Soċjalment Responsabbli (1) u l-pjan ta’ azzjoni marbut magħha:

il-Komunità Ewropea għandha tnaqqas b’mod sostanzjali l-piżjiet amministrattivi u burokratiċi minn fuq l-operaturi ekonomiċi u soċjali reġjonali, billi tissemplifika l-kontenut u l-proċeduri tal-UE u billi tapplika l-“metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni”;

l-Istati Membri għandhom japplikaw bl-istess mod id-dispożizzjonijiet Komunitarji sabiex tinżamm l-għaqda tal-suq intern tal-UE;

l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jinkludu bis-sħiħ lill-operaturi ekonomiċi u soċjali u jiżviluppaw strateġiji ta’ kumpatibbiltà dwar il-kooperazzjoni, l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni; u

is-settur privat għandu jiżviluppa djalogu soċjali kostruttiv mifrux għas-soċjetà ċivili dwar viżjoni komuni li tantiċipa l-bidliet industrijali.

1.5   Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwi l-iżvilupp ta’ demokrazija fil-livell taċ-ċittadini li kapaċi tinkludi l-operaturi politiċi, ekonomiċi u soċjali tar-reġjuni f’miżuri immirati lejn it-titjib tal-kwalità tal-ħajja u maħsuba biex jistimulaw l-iżvilupp kompettitiv, ekonomiku u soċjali sostenibbli tar-reġjuni tal-UE.

1.6   Il-Kumitat jemmen li jenħtieġ investiment qawwi fl-iżvilupp ta’ kultura konġunta, innovattiva u parteċipatorja: is-sejħa għall-valuri demokratiċi għandha tiġi mill-komunità reġjonali kkonċernata kollha kemm hi u min-numru kbir ta’ operaturi u istituzzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta’ setturi differenti ta’ attività. F’dan ir-rigward l-intrapriża tieħu s-sura ta’ komunità li toħloq il-ġid għall-iżvilupp ta’ soċjetà aħjar fir-reġjun.

1.7   F’dan ir-rigward, il-Kumitat jawgura d-dħul malajr fis-seħħ tad-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta’ Marzu 2008, dwar (i) l-importanza ewlenija tar-rwol tal-livell lokali u reġjonali fil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi u (ii) l-importanza tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ gvernanza fost l-operaturi politiċi, ekonomiċi u soċjali lokali/reġjonali kollha fil-livell lokali u reġjonali.

1.8   Il-Kumitat jemmen ukoll li l-Ewropa trid issir ċentru ta’ eċċellenza fl-iżvilupp tal-SRR  (2), billi tibni fuq is-suċċessi tal-EMAS u tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) u billi tkabbar il-qafas ta’ referenza tad-dimensjoni reġjonali bil-għan li jiġi żgurat li l-wirt komuni ta’ responsabbiltà jkun fattur kostanti għal min iħaddem, li għandu jkollu l-possibbiltà li jgawdi min-netwerks u l-clusters u li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess makroekonomiku ta’ żvilupp strateġiku reġjonali.

1.9   B’mod partikolari, il-Kumitat jemmen li l-intrapriżi żgħar u mikro u l-ekonomija soċjali, bl-esperjenza vasta u sinifikanti tagħha, għandhom ikunu jistgħu jgawdu minn assistenza, kompetenza u aċċess imtejjeb għall-kreditu u l-mikrokreditu bil-għan li tiġi żviluppata ġestjoni tal-intrapriża li tirrispetta l-ambjent, ir-reġjun u ċ-ċittadini tiegħu.

1.10   Il-Kumitat jemmen li l-inizjattiva Komunitarja tal-SRR u l-pjan ta’ azzjoni tagħha għandhom fl-istess ħin iħeġġu djalogu soċjali mibni fuq ir-reġjun u barra minn hekk iħeġġu l-ġemellaġi bejn l-istituzzjonijiet lokali, speċjalment fil-livell transkonfinali. Sħubijiet aktar b’saħħithom għandhom jixprunaw il-bini tal-kapaċità, l-għarfien u r-riżultati li jħallu l-awtoritajiet reġjonali b’livelli ta’ prestazzjoni differenti li spiss isibu lilhom infushom jikkompetu kontra xulxin.

1.11   Fl-aħħar nett, il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’ sistemi ta’ gvernanza f’diversi livelli li jiżguraw livelli ta’ koordinazzjoni għoljin sabiex dak kollu li għaqqad is-suq uniku ma jintilifx fil-livell lokali, biex b’hekk tiġi evitata il-firda u d-diskriminazzjoni reġjonali, li twassal għal ekonomija Ewropea aktar fraġli fuq is-swieq dinjija.

2.   Daħla

2.1   Matul il-konferenza tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE dwar id-djalogu reġjonali, li saret fl-4 ta’ Marzu 2008, ir-rwol tal-komunitajiet lokali u reġjonali fit-twettiq tal-għanijiet tal-Istrateġija riveduta ta’ Liżbona ġie enfasizzat bħala prijorità tal-politika ta’ koeżjoni.

2.2   B’din l-opinjoni, il-Kumitat qed ifittex li jiddefinixxi r-relazzjoni bejn ir-reġjuni u l-operaturi politiċi, ekonomiċi u soċjali bil-għan li tiġi implimentata l-Istrateġija ta’ Liżbona u tinbena ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għarfien fuq is-swieq interni u internazzjonali.

2.3   Il-punt tat-tluq huwa t-titjib tat-tbassir tal-bidliet ekonomiċi, soċjali u ambjentali u tal-organizzazzjoni ta’ dawk li jgħinu fil-bini ta’ “reġjun soċjalment responsabbli” (SRR) (3) u fuq id-definizzjoni tar-responsabbilitajiet tal-intrapriżi, l-amministrazzjonijiet, l-imsieħba soċjali u minn dawk kollha li jgħinu fil-valorizzazzjoni tal-kompetittività tat-territorju, li hu mmirat lejn mudell soċjali Ewropew (4) dinamiku, inklużiv u koeżiv.

L-ekonomiji territorjali, skont l-istruttura tagħhom, jistgħu jkunu esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali fi gradi differenti. Barra minn hekk, l-indikatur tal-PGD (jew ta’ valur miżjud) ma għadux jirrifletti l-prosperità ta’ reġjun, u dan minħabba żewġ raġunijiet. F’dan il-kuntest il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-pubblikazzjoni li ħarġet dan l-aħħar il-Kummissjoni Ewropea, Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali — Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi  (5), li ser tkun is-suġġett ta’ opinjoni oħra.

2.4.1   L-ewwel nett, mhux id-dħul imqassam kollu li ġej mix-xogħol u l-kapital jew mit-taxxi mħallsa mill-forzi produttivi huwa ta’ benefiċċju għar-reġjun tal-oriġni — xi riżorsi huma “esportati”;

2.4.2   It-tieni nett u iktar importanti minn hekk, ir-reġjuni jirċievu wkoll fondi minn riżorsi lil hinn mill-forzi produttivi (salarji tal-impjegati pubbliċi, pensjonijiet, dħul mhux maqlugħ, infiq mit-turisti, dħul ta’ persuni li jaħdmu x’imkien ieħor, benefiċċji soċjali lil hinn mill-pensjonijiet, eċċ.).

Teżisti firxa dejjem akbar u aktar dettaljata ta’ strumenti ta’ mmaniġġjar li l-korpi governattivi u l-intrapriżi jistgħu jużaw sabiex jappoġġjaw programmi u politiki ta’ żvilupp sostenibbli, prinċipalment:

2.5.1   Regoli/standards

direttivi u regolamenti dwar kwistjonijiet ambjentali;

sistemi ta’ ġestjoni ambjentali;

ċertifikazzjoni ISO 14000 u l-linji gwida ISO 26000;

BS OHSAS 18001/2007 — standards ta’ sigurtà fil-post tax-xoghol;

ir-regolament tal-EMAS;

il-verifiki soċjali (SA8000);

xiri u akkwist pubbliku ekoloġiku;

analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti;

Politika Integrata tal-Prodotti;

2.5.2   Strutturi

clusters, distretti industrijali, ċentri ta’ eċċellenza/kompetittività, parks teknoloġiċi;

pjanijiet ta’ azzjoni lokali tal-Aġenda 21;

osservatorji lokali/reġjonali fuq l-impatt territorjali tal-iżvilupp;

clubs intraprenditorjali lokali;

appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew għall-gvernanza reġjonali;

Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali — REKT — strumenti ġodda stipulati mir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-5 ta’ Lulju 2006 (6);

pjattaformi ta’ analiżi u tbassir;

sħubijiet pubbliċi-privati (PPP)

2.5.3   Ftehimiet

inizjattivi ta’ “flessigurtà” (7);

responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji — CSR;

djalogu reġjonali strutturat;

kontabbiltà u bilanċ ambjentali;

rappurtaġġ dwar is-sostenibbiltà;

strumenti għall-ippjanar spazjali;

kontabbiltà ambjentali reġjonali;

ftehimiet soċjo-ekonomiċi lokali u reġjonali (patti territorjali, ftehimiet ta’ programm, eċċ.);

żoni ekonomiċi speċjali, fil-limiti stabbiliti mill-politika tal-kompetizzjoni (8).

2.6   Il-Kumitat jemmen li huwa tassew meħtieġ li nikkonsolidaw, nintegraw u nikkoordinaw aktar l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti leġiżlattivi, regolatorji u volontarji, sabiex l-objettivi differenti u l-livelli varji ta’ parteċipazzjoni għall-kisba ta’ riżultati effettivi u effikaċi u bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd jiġu kkordinati aħjar.

2.7   Fid-dawl tal-Karta ta’ Leipzig (9) tal-2007 u tal-Aġenda territorjali tal-Unjoni Ewropea, li dwarhom l-Kumitat diġà esprima (10) l-opinjoni tiegħu, il-koeżjoni territorjali żiedet dejjem aktar l-importanza tagħha, bil-għan li:

ikun hemm aktar involviment tar-atturi li jirrappreżentaw ir-realtajiet soċjali;

issir rikonċiljazzjoni ta’ żvilupp bilanċjat u sostenibbli flimkien mal-ħtieġa li tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea, permezz ta’ investimenti fl-oqsma bl-akbar potenzjal għat-tkabbir;

tinkiseb sinerġija u kompatibbiltà bejn il-politiki Komunitarji;

jiġu żviluppati mekkaniżmi (11) ta’ gvernanza aħjar.

2.8   L-Aġenda Territorjali hija qafas strateġiku ta’ direzzjoni għall-politiki ta’ żvilupp reġjonali konformi mal-Istrateġiji ta’ Liżbona u ta’ Göteborg.

2.9   Fl-opinjoni tiegħu dwar il-gvernanza territorjali tal-bidliet industrijali (12), il-Kumitat enfasizza li t-tisħiħ tal-identità territorjali bħala valur tissejjes fuq ġabra flimkien ta’ appartenenza, għarfien u empatija lejn sett ta’ valuri komuni u f’kuntest ta’ viżjoni komuni għall-ġejjieni. Il-Kumitat talab ukoll għal approċċ territorjali integrat (ITA) u għal strateġija ta’ gvernanza għall-iżvilupp ta’ reġjun soċjalment responsabbli. Hu maħsub li din l-istrateġija għandha tinkludi b’mod partikolari dan li ġej:

titjib kontinwu tal-kwalità, l-għarfien, il-ħiliet u l-kapaċità innovattiva tas-sistema produttiva lokali u reġjonali;

l-iżvilupp ta’ netwerks reġjonali għas-setturi pubbliċi u privati;

livelli għoljin ta’ sostenibbiltà ambjentali u soċjali;

proċessi effiċjenti u konsolidati għat-taħriġ u t-tixrid tal-għarfien, l-informazzjoni u t-taħriġ kontinwu;

it-tħejjija ta’ “kontabbiltà soċjali lokali u reġjonali”;

valutazzjonijiet kumparattivi ta’ sistemi sostenibbli lokali u reġjonali magħmula mill-operaturi soċjali nfushom.

B’żieda mal-kooperazzjoni mill-qrib għall-iżgurar ta’ sinerġiji u l-prevenzjoni ta’ rduppjar jew inkosistenzi, l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej għandhom isostnu dawn l-inizjattivi permezz ta’:

strutturi ta’ edukazzjoni u taħriġ avvanzati, imfassla biex joffru tweġiba xierqa għall-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku, imsejjes fuq l-għarfien u l-kompetittività;

inizjattivi ta’ tisħiħ tal-kapaċità tal-istituzzjoniet, l-assoċjazzjonijiet u tad-djalogu soċjali;

politika reġjonali integrata li kapaċi tuża mill-aħjar li tista’ l-potenzjal ta’ żvilupp, u b’hekk tkattar il-kapaċità li ssir bidla innovattiva u antiċipazzjoni;

djalogu soċjali konsolidat fil-livell reġjonali/lokali (13), bħala l-istrument ewlieni għall-immassimizzar tal-benefiċċji li jistgħu joħorġu minn antiċipazzjoni tal-bidliet industrijali u tas-suq, u tal-flussi tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji bl-adozzjoni volontarja tas-CSR bħala l-kontribut tal-intrapriżi għall-iżvilupp sostenibbli;

it-tisħiħ tas-sistema ta’ gvernanza integrata f’diversi livelli tar-“Reġjuni Soċjalment Responsabbli (14)”, imfissra bħala reġjuni li rnexxielhom jgħaqqdu livelli xierqa ta’ benesseri mal-obbligi li huma parti mir-responsabilità soċjali.

2.10.1   Dan il-proċess għandu wkoll jagħti spinta lill-ħiliet u l-kompetenzi ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u amministrattivi, bil-għan li jiżguraw il-kundizzjonijiet stabbli meħtieġa biex jattiraw investiment fit-tul lejn ir-reġjuni tagħhom u sabiex inisslu negoziji żgħar u mikro f’kuntest ta’ żvilupp dejjiemi.

Il-Kumitat jagħti importanza kbira lill-proċess segwit minn reġjun qabel ma jitqies “reġjun soċjalment responsabbli” (SRR) (15).

2.11.1   Dan iseħħ meta reġjun, permezz ta’ demokrazija parteċipatorja, jirnexxielu jintegra t-tħassib soċjali u ambjentali f’deċiżjonijiet ekonomiċi, mudelli u prinċipji għat-tisħiħ tal-kompetittività, prattiki tajbin u djalogu kontinwu bejn il-parteċipanti interessati, sabiex iħeġġeġ l-innovazzjoni u l-kompetittività.

3.   “Demokrazija fil-livell taċ-ċittadini” lejn żvilupp kompetittiv u sostenibbli

3.1   Il-Kumitat jemmen li biex titjieb il-kwalità tal-ħajja u l-iżvilupp soċjo-eknomiku kompetittiv u sostenibbli tar-reġjuni tal-UE, jeħtieġ l-iżvilupp ta’ demokrazija fil-livell taċ-ċittadini li tista’ tinkludi l-operaturi reġjonali politiċi, ekonomiċi u soċjali. L-atturi pubbliċi u privati differenti, għandhom jaħdmu flimkien sabiex jindirizzaw il-qawwa u n-nuqqasijiet ta’ dawn ir-reġjuni u l-potenzjali tagħhom ta’ tkabbir għall-intrapriżi u l-impjiegi.

3.2   Is-suriet u l-proċeduri tad-demokrazija fil-livell taċ-ċittadini bħala pilastru ewlieni tal-gvernanza Ewropea jvarjaw ħafna skont il-kuntesti nazzjonali differenti, iżda l-elementi ewlenin għandhom ikunu:

il-koordinazzjoni tal-operaturi, gruppi soċjali u istituzzjonijiet għall-kisba tal-miri diskussi u kkoordinati fil-qafas ta’ djalogu strutturat u tar-responsabilitajiet individwali u konġunti fost l-imsieħba soċjali u b’mod partikolari, mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-clubs tal-intrapriżi;

l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà, ta’ koeżjoni territorjali u ta’ demokrazija parteċipatorja kif stipulati fit-Trattat ta’ Liżbona;

struttura ta’ gvernanza f’diversi livelli kkoordinata tajjeb, li tiżgura t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell taċ-ċittadin b’konformità ma’ dawk is-saffi ta’ responsabbilitajiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali li l-aktar li jirrappreżentaw l-identità u l-kompetenzi reġjonali, b’attenzjoni partikolari għal-oqfsa nazzjonali u Ewropej u b’approċċ miftuħ u koordinat ta’ kooperazzjoni immirat lejn il-kisba ta’ sinerġija bejn il-livelli differenti;

l-iżvilupp ta’ komunità ta’ tagħlim reġjonali msejsa fuq kapaċità ta’ awtoevalwazzjoni u titjib kontinwu tal-istrateġiji u l-miri ta’ żvilupp lokali u fuq it-tisħiħ ta’ kultura ta’ innovazzjoni mifruxa u globali;

l-iżvilupp ta’ viżjoni konġunta u komuni u li tħares ’il quddiem tar-rabta bejn l-ekonomija u l-komunità lokali:

għall-identifikazzjoni ta’ “riżorsi speċifiċi” ta’ reġjun;

għall-evalwazzjoni tal-isfidi u t-theddid għall-kompetizzjoni minn reġjuni oħrajn;

għall-istudju tal-opportunitajiet ta’ dħul fis-swieq nazzjonali u internazzjonali,

għat-tfittix ta’ mezzi u miżuri għall-użu ta’ riżorsi b’ħiliet professjonali lokali għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet speċifiċi lokali;

għat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’viżjoni għall-ġejjieni li jippromovu inizjattivi ta’ ekonomija kompetittiva;

il-promozzjoni tal-ħolqien u t-tisħiħ tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali reġjonali jew ta’ strumenti oħrajn (16) — li diġà qed joperaw f’xi Stati Membri — bħala sieħba istituzzjonali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet reġjonali u li jkollhom id-dritt li jagħtu bidu għal inizjattivi u jsegwuhom;

l-introduzzjoni ta’ strumenti ta’ ġestjoni parteċipatorja reġjonali avvanzati bħall-e-gvern, il-valutazzjonijiet SWOT (17), l-eżerċizzji (18) ta’ prospettiva parteċipatorja, l-iskemi EMAS (19) applikabbli b’mod ġenerali għas-setturi pubbliċi u privati, standards ta’ responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, tekniki ta’ benchmarking, tabelli tar-riżultati tal-koordinazzjoni miftuħa, netwerks distrettwali u interdistrettwali (20) u ta’ sistemi ta’ tagħlim distribwit permezz tal-Internet;

rwol attiv mill-kmamar tal-kummerċ, l-industrija, snajja’ u agrikoltura kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet professjonali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi;

adozzjoni ta’ kultura ta’ eċċellenza fir-rigward tal-istudji universitarji u l-ottimizzar tar-rabtiet bejn l-industrija u l-akkademiċi.

3.3   L-iżvilupp reġjonali tajjeb jeħtieġ mhux biss l-implimentazzjoni sħiħa tad-demokrazija fil-livell taċ-ċittadin iżda wkoll gvern lokali strutturat sabiex imexxi (21) l-iżvilupp.

3.4   Gvernanza reġjonali tajba għandha tfittex li l-ewwel u qabel kollox tħeġġeġ u tiżviluppa kull għamla ta’ kooperazzjoni u l-proċessi kollha ta’ sħubija bejn n-negozji nfushom u bejn in-negozji u l-interessi kollettivi, fuq bażi ta’ vantaġġ għal kulħadd.

3.5   Il-gvernanza demokratika reġjonali hija proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet deċentralizzat u inklużiv li l-Kumitat jemmen li għandu jissejjes fuq il-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabbiltà u fuq approċċ parteċipatorju li jinkludi l-analiżi, d-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ viżjoni strateġika komuni għall-iżvilupp fuq perjodu medju u fit-tul.

3.6   Il-Kumitat jemmen li f’sistema ta’ sħubija fuq diversi livelli, huwa importanti ħafna li jkun hemm ġabra ideali ta’ proċessi minn isfel għall fuq (“bottom-up”) u minn fuq għal isfel (“top-down”): fil-fatt il-kompromess bejn iż-żewġ proċessi hu prerekwiżit għas-suċċess.

3.7   Il-Kumitat jemmen li jinħtieġ investiment qawwi fl-iżvilupp ta’ kultura innovattiva u parteċipatorja, peress li s-sejħa għal valuri demokratiċi għandha tiġi mingħand is-soċjetà reġjonali partikolari kollha kemm hi u min-numru kbir ta’ operaturi u istituzzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tas-setturi differenti.

Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li l-iżvilupp tar-reġjuni tal-UE għandu jinkludi strateġiji ta’ żvilupp effettivi u sostenibbli msejsa fuq il-kunċett ta’ “reġjuni soċjalment responsabbli” sabiex dawn jottimizzaw il-potenzjal speċifiku tagħhom.

3.8.1   Il-Kumitat jtenni l-kummenti li għamel f’waħda mill-opinjonijiet riċenti tiegħu dwar dan is-suġġett (22).

4.   Sforz fil-livell komunitarju għall-iżvilupp ta’ “reġjuni soċjalment responsabbli”

Il-KESE jappella bil-qawwi għal inizjattiva Komunitarja dwar l-iżvilupp ta’ “reġjuni soċjalment responsabbli” (SRRs) li jiġbru flimkien l-objettivi tad-demokrazija fil-livell taċ-ċittadin; it-tisħiħ ta’ kultura parteċipatorja u innovattiva mifruxa; gvernanza reġjonali effettiva li hija consistenti mal-oqfsa nazzjonali u tal-Aġenda Komunitarja ta’ Liżbona; u għal sħubija b’diversi sieħba u multisettorjali li tista’ ssaħħaħ l-attrattività u l-kompetittività tar-reġjun fis-suq internazzjonali, bl-antiċipazzjoni tal-bidliet industriali u t-tisħiħ tal-kapital socjali lokali.

4.1.1   Rwol primarju tal-inizjattiva SRR huwa li tiżgura li l-azzjoni meħuda fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali tkun koordinata u konsistenti.

4.2   Il-Kumitat jemmen li l-inizjattiva tal-SRR għandu jkollha wkoll pjan ta’ azzjoni Ewropew immirat lejn:

il-promozzjoni tal-introduzzjoni tad-dimensjoni territorjali fil-politiki tal-UE;

l-adozzjoni tal-inklużjoni tal-prijoritajiet imfassla fl-Aġenda Territorjali u fil-Karta ta’ Leipzig;

it-tħeġġiġ u l-kofinanzjament ta’ eżerċizzji ta’ tbassir parteċipatorju reġjonali;

l-introduzzjoni gradwali tal-metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tad-demokrazija fil-livell taċ-ċittadini;

monitoraġġ u implimentazzjoni koordinata ugwali tal-istrumenti differenti Ewropej għall-kooperazzjoni territorjali, b’mod partikolari tar-REKT (23);

il-ħolqien ta’ unità għall-iżvilupp reġjonali ta’ koordinazzjoni bejn is-servizzi fil-Kummissjoni, bil-għan li tidentifika u timplimenta strateġija ta’ informazzjoni u komunikazzjoni dwar l-SRR;

l-iżvilupp tal-użu ta’ strumenti ta’ valutazzjoni ta’ impatt reġjonali qabel u wara l-adozzjoni ta’ miżuri applikabbli fir-reġjuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-SMEs;

miżuri ta’ kofinanzjament immirati lejn it-taħriġ u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-operaturi pubbliċi u privati fl-iżvilupp tal-inizjattivi tal-SRR;

il-promozzjoni ta’ djalogu soċjali strutturat fir-reġjuni — “Sinjal ta’ Kwalità tal-SRR 21”.

il-promozzjoni u l-appoġġ tal-ħolqien u l-iżvilupp tal-Euroreġjuni (24);

l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ distretti (u metadistretti (25)) u netwerks ta’ distretti għall-promozzjoni ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-swieq Ewropej u globali.

4.3   Il-Kumitat jemmen li l-inizjattiva Ewropea tal-SRR — u l-pjan ta’ azzjoni ta’ magħha –għandhom jiġbru flimkien u jikkoordinaw l-istrumenti regolatorji u ta’ volontarjat imniżżla f’punt 2.7 fi ħdan sistema koerenti, fejn ir-responsabbiltà tal-intrapriżi mis-setturi kollha — inkluż is-settur finanzjarju u s-settur pubbliku lokali — hija meħtieġa għall-kisba tal-miri tal-istrateġiji lokali għat-tkabbir u l-impjiegi fil-kuntest tal-istrateġiji nazzjonali u Ewropej.

Il-Kumitat jemmen li s-CSR (26) għandha tkun parti volontarja tal-qafas tal-koordinazzjoni miftuħa, li tiġi ffaċilitata u mħeġġa — partikolarment fir-rigward ta’ negozji mikro u żgħar li huma s-sinsla tal-iżvilupp lokali — permezz ta’ klima ta’ parteċipazzjoni u ta’ viżjoni konġunta u komuni.

4.4.1   L-inizjattiva tal-SRR għandha tiżviluppa valuri etiċi u personali mifruxa ta’ kultura parteċipatorja li tippromovi l-innovazzjoni madwar identità komuni, li m’għandhiex tkun esklussivament ta’ min jimpjega, iżda għandha tkun preżenti u attiva fis-setturi pubbliċi u privati kollha tar-reġjun u n-netwerks ta’ referenza reġjonali u interreġjonali u clusters/distretti.

4.5   Il-“komunitajiet ta’ tagħlimreġjonali għandhom ikunu jistgħu jużaw strutturi u infrastrutturi telematiċi interattivi u interoperattivi, ibda mill-e-gvern u l-pjattaforma IDABC (27) li tipprovdi servizzi amministrattivi pan-Ewropej fuq l-internet lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, lill-intrapriżi u liċ-ċittadini, bil-għan li titjieb l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u l-kooperazzjoni bejniethom u mas-soċjetà ċivili organizzata.

Il-Kumitat hu konvint li l-Ewropa teħtieġ issir ċentru ta’ eċċellenza fl-iżvilupp tal-SRR, billi tibni fuq is-suċċessi tal-EMAS u s-CSR filwaqt li tkabbar il-qafas ta’ referenza għad-dimensjoni reġjonali.

4.6.1   Sabiex ikun effettiv, l-iżvilupp strateġiku reġjonali m’għandux jittratta fatturi politiċi bħat-tiġdid elettorali tal-amministrazzjonijiet lokali, iżda għandu jikkomunika mal-gruppi politiċi kollha, kemm dawk fil-gvern kif ukoll fl-oppożizzjoni, u għandu jibni wirt ta’ responsabbiltà konġunta kontinwa ta’ votanti u/jew rappreżentanti eletti.

Intrapriżi żgħar u mikro għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn assistenza f’għarfien espert sabiex jintroduċu lingwaġġ u proċeduri sempliċi u jtejbu l-aċċess għall-kreditu u l-mikrokreditu, sabiex iħeġġu ġestjoni intraprenditorjali li tirrispetta l-ambjent, ir-reġjun u l-kapital soċjali.

4.7.1   Barra minn hekk, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom sehem mill-iżvilupp ta’ reġjuni soċjalment responsabbli peress li jħeġġu l-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà, iqassmu l-profitti fost il-membri tagħhom u japplikaw ġestjoni parteċipatorja u demokratika.

4.8   L-iskejjel lokali, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka għandhom jingħaqdu flimkien f’netwerks Ewropej ta’ eċċellenza reġjonali u inter-reġjonali — kif stipulat fil-Programm ta’ Ħiliet tas-Seba’ Programm Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u l-programm Edukazzjoni u Taħriġ 2010 — sabiex l-istabbilimenti lokali jkollhom provvista ta’ talenti u kwalifiki li spiss huma nieqsin fl-intrapriżi ż-żgħar u li iżda huma meħtieġa biex l-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali tkun ta’ suċċess.

4.9   Il-Kumitat jemmen li l-inizjattiva Komunitarja tal-SRR għandha wkoll tippromovi djalogu soċjali strutturat lokali flimkien ma’ ġemellaġġi bejn l-istituzzjonijiet lokali, sabiex tħeġġeġ sħubijiet ta’ tisħiħ tal-kapaċità aktar b’saħħithom bejn l-awtoritajiet reġjonali b’livelli differenti ta’ prestazzjoni. It-tnedija ta’ karta SRR 21 tista’ wkoll tkabbar il-konsistenza u l-effikaċja tal-SRR.

4.10   Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob l-inklużjoni ta’ azzjoni ta’ valutazzjoni, benchmarking u monitoraġġ fl-inizjattiva Komunitarja tal-SRR għall-ħolqien ta’ bażi tad-data tad-dħul reġjonali per capita u għat-tfassil u l-preżentazzjoni ta’ rapport darba kull sentejn lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u l-Kumitat.

5.   Il-kontribut tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali

5.1   L-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet b’mod ugwali, sabiex tinżamm l-unità tas-suq intern tal-UE u għandhom jużaw mekkaniżmi ta’ appoġġ u disinċentivi. Inter alia l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għandhom:

jaħdmu għat-tnaqqis tal-burokrazija u l-allinjament ta’ strutturi u proċessi ħalli jkunu jistgħu jintużaw riżorsi għall-impjiegi u għal żvilupp sostenibbli u kompetittiv;

jaqblu fuq qafas strateġiku ta’ referenza ġenerali — b’mod parteċipatorju u kunsenswali u b’sehem dirett mis-sieħba u r-rappreżentanti soċjali tas-soċjetà ċivili organizzata — għall-iżvilupp ta’ politika nazzjonali dwar ir-reġjuni soċjalment responsabbli;

isaħħu n-netwerks ta’ koordinazzjoni u deċentralizzazzjoni tas-settur pubbliku, sabiex jindikaw b’mod ċar ir-rwoli u r-responsabbilitajiet ta’ gvernanza fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali;

ifasslu linji gwida għall-politika fiskali deċentralizzata li tinkludi l-mezzi ta’ trasferiment bejn il-livelli differenti ta’ gvernanza, kif diġà ġie suġġerit mill-Kumitat (28);

isaħħu u jkabbru l-isforzi tal-korpi fil-ġestjoni u l-koordinazzjoni tal-proċess ta’ deċentralizzazzjoni u gvernanza fil-livell lokali;

joħolqu titli baġitarji għall-iżvilupp immirat ta’ riżorsi umani u għall-kofinanzjament ta’ programmi ta’ taħriġ, il-ħolqien ta’ netwerks u faċilitajiet ta’ telekomunikazzjoni interoperabbli fil-livelli nazzjonali u Ewropew;

jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti fil-livell nazzjonali tal-istrumenti tal-Interreg IV u tar-Regolament dwar ir-REKT — korpi transkonfinali li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-entitajiet ta’ kooperazzjoni territorjali mal-personalità legali tagħhom skont il-Liġi Komunitarja;

jiżviluppaw sħubija urbana-rurali ġdida li tiffavorixxi approċċ reġjonali integrat u l-promozzjoni tal-ugwaljanza ta’ aċċess għall-infrastruttura u l-għarfien;

iħeġġu l-clusters transkonfinali reġjonali ta’ kompetittività u innovazzjoni; u jsaħħu n-netwerks teknoloġiċi trans-Ewropej, il-ġestjoni tar-risku trans-Ewropea, it-tisħiħ tal-iżvilupp poliċentriku urban, l-iżvilupp tal-istrutturi ekoloġiċi u tar-riżorsi kulturali;

jiżguraw il-konsistenza u l-koordinazzjoni fid-dimensjoni reġjonali tal-politiki settorjali, billi jevitaw miżuri settorjali kunflittwali li jistgħu joħolqu ineffiċjenzi u jkunu kompletament ineffettivi u kontra-produttivi fil-livell lokali; l-iżvilupp ta’ strumenti għall-Valutazzjoni ta’ Impatt Territorjali (TIA) b’referenza għall-Valutazzjoni ta’ Impatt Ambjentali (EIA) (29). u l-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (SEA) (30).

5.2   L-awtoritajiet pubbliċi reġjonali u lokali għandhom:

jinkludu l-gruppi ekonomiċi u ta’ interess soċjali lil hinn mill-abbozzar tal-proġetti strateġiċi tal-iżvilupp reġjonali;

jiżviluppaw sistemi edukattivi, universitajiet u skejjel ta’ eċċellenza li huma strumentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-SRR;

jintroduċu dejjem aktar kriterji ta’ kost-effettività, kwalità u kriterji ta’ żvilupp sostenibbli fl-għażliet ta’ investiment pubbliku u l-ġestjoni tas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali (SGI);

iwettqu valutazzjonijiet perjodiċi ta’ pjanijiet ta’ investiment pubbliku;

jiżguraw li l-ammonti u l-iskadenzi speċifikati fil-pjanijiet finanzjarji jkunu garantiti qabel it-tnedija ta’ proġetti ta’ investiment pubbliku;

jiżguraw li l-finanzjament estern għall-proġetti ta’ investiment pubbliku jintuża tassew fil-limiti tal-iskadenzi previsti;

jiżguraw bażi attiva ta’ SMEs fir-reġjuni; l-SMEs jipprovdu koordinazzjoni bejn żoni urbani, peri-urbani u rurali u ż-żamma tal-impjiegi, dħul, riżorsi tal-komunità u fiskali fir-reġjuni;

iħeġġu l-investiment mill-ġdid ta’ kapital u profitti bil-għan li jinħolqu għotjiet għal proġetti u x-xiri ta’ intrapriżi lokali u strumenti finanzjarji reġjonali għall-iżvilupp u l-kapital ta’ riskju, mingħajr l-ebda preġudizzju għas-suq intern;

ma jbiegħdux it-taxxa fuq id-dħul tal-intrapriżi mill-oriġni ġeografiċi tagħhom (bit-trasferiment għall-livelli sovrareġjonali), mingħajr ħsara għar-rekwiżiti ta’ distribuzzjoni mill-ġdid tas-sistema ta’ solidarjetà fiskali;

iħarrġu lill-politiċi eletti lokalment dwar il-mekkaniżmi attwali ta’ ppjanar spazjali, immirati lejn servizzi ta’ interess ġenerali u infrastruttura ta’ appoġġ għall-ekonomija, bl-iskop li jkun hemm ġestjoni moderna tal-iżvilupp kummerċjali sostenibbli.

5.3   L-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jimplimentaw azzjonijiet ta’ prijorità dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki u netwerks interreġjonali, flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ tbassir adegwati għad-definizzjoni ta’ viżjoni konġunta u komuni.

6.   Il-kontribut tal-intrapriżi: l-intrapriżi għandhom jaġixxu b’responsabbiltà lejn ir-reġjuni tagħhom

6.1   Il-Kumitat jemmen li, mingħajr ma tinħoloq burokrazija żejda, l-intrapriżi għandhom jgħinu biex tingħata ħajja ġdida lin-netwerks lokali, li tagħhom huma l-forza mexxejja u parti integrali:

jirrappurtaw fuq l-aħjar prattiċi soċjali, ambjentali u reġjonali (jew soċjetali) tagħhom u jintroduċu strumenti li jistgħu jidentifikaw il-livelli ta’ responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji;

iħeġġu t-tqegħid ta’ riżorsi umani b’ħiliet ġewwa jew madwar l-intrapriża bil-ħolqien ta’ impjiegi u t-taħriġ tal-ħaddiema attwali u prospettivi;

iżommu lill-impjegati infurmati tajjeb dwar l-istrateġija tal-intrapriża u l-proġetti tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-impjiegi u t-taħriġ;

jikkooperaw mal-operaturi ekonomiċi lokali sabiex joħolqu potenzjal għat-tkabbir sostenibbli fiż-żona, permezz ta’ relazzjonijiet kummerċjali b’saħħithom u bbażati fuq il-fiduċja bejn in-negozji;

fejn huwa possibbli jiżguraw it-trasferiment ta’ teknoloġija lejn in-negozji lokali, partikolarment l-SMEs, sabiex ir-reġjun jiġi rinovat permezz tal-progress fit-teknoloġija u ta’ persunal b’ħiliet għoljin;

jipparteċipaw b’mod proattiv f’attivitajiet ta’ żvilupp ta’ xjenza u teknoloġija fir-reġjun sabiex jgħaddulu għarfien u kompetenzi, kooperazzjoni ma’ istituti u universitajiet ta’ riċerka, intrapriżi oħrajn u korpi professjonali lokali;

iħeġġu lill-fornituri u lis-sotto-kuntratturi tagħhom jadottaw l-istess prinċipji ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u josservaw l-istess regoli maniġerjali soċjali, ambjentali u reġjonali fil-kumpaniji tagħhom;

joħolqu kuntatti man-negozji, b’mod partikulari l-akbar fosthom, mal-parteċipanti interessati (awtoritajiet lokali u pubbliċi) sabiex jiddiskutu u jmexxu l-progress fuq il-kwistjonijiet tekonoloġiċi, kummerċjali u soċjali u l-isfidi li qed jiffaċċjaw in-negozji fil-livell lokali.

7.   Kisbiet reali: stejjer ta’ suċċess

7.1   Tnedew ħafna inizjattivi u politiki Ewropej sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-iżvilupp reġjonali soċjalment responsabbli fl-UE u sabiex tingħata viżibbiltà mtejba u pożittiva lid-dimensjoni territorjali tal-politiki tal-UE: Eżempji ta’ dawn l-inizjattivi jistgħu jinstabu fuq is-sit elettroniku tas-CCMI (http://www.eesc.europa.eu/sections/ccmi/index_en.asp), li jinkludi wkoll informazzjoni dwar seduta li nżammet f’Lille fil-25 ta’ Settembru 2008 bħala parti mill-ħidma ta’ tħejjija għal din l-Opinjoni (ara t-titlu marbut ma’ din l-Opinjoni).

Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2008

Il President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ewropew

Martin WESTLAKE


(1)  Ara punt 1.2

(2)  Ara n-nota ta’ referenza preċedenti.

(3)  Ara punt 1.2

(4)  Il-Mudell Soċjali Ewropew għandu jagħti idea ta’ żona demokratika, ambjentali, kompetittiva, imsejsa fuq is-solidarjetà u soċjalment inklużiva għaċ-ċittadini kollha tal-Ewropa (Opinjoni tal-KESE “Social cohesion: fleshing out a European social model” (Il-koeżjoni soċjali: noħolqu mudell soċjali Ewropew), ĠU C 309, 16.12.2006, p. 119 — Mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  COM(2008) 616 finali

(6)  Il-lista tal-Istati Membri li adattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom għall-implimentazzjoni tar-REKT tinsab fis-sit elettroniku tal-Kumitat tar-Reġjuni (taħt “Attivitajiet/Avvenimenti”).

(7)  Sabiex, bl-appoġġ tal-imsieħba soċjali jiġu identifikati u jinġiebu riżorsi ġodda ta’ impjiegi.

(8)  Ara l-Ġurnal Uffiċjali tal-UE No. 145, serje L tal-4 ta’ Ġunju 2008, Regolament (KE) No. 450/2008 tat-23 ta’ April 2008.

(9)  Ara l-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli tal-25 ta’ Mejju 2007.

(10)  Ara l-Opinjoni dwar L-Aġenda Territorjali, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 16-21.

(11)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-gvernanza territorjali tal-bidliet industrijali: ir-rwol tal-imsieħba soċjali u l-kontribut tal-Programm ta’ Kompetittività u l-InnovazzjoniĠU C 318, 23.12.2006, p. 12-19;

(12)  Ara n-nota ta’ referenza preċedenti.

(13)  Ara l-Opinjoni dwar Strutturar mill-ġdid u impjieg– li tantiċipa u takkumpanja l-istrutturar mill-ġdid biex jiżviluppa l-impjieg: ir-rwol ta’ l-Unjoni Ewropea, COM(2005) 120 finali, ĠU C 65, 17.3.2006, p. 58-62.

(14)  Ara l-Opinjoni dwar Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban, COM(2005) 718 finali — SEC(2006) 16, ĠU C 318, 23.12.2006, p. 86-92.

(15)  Ara l-istrateġija mġedda tal-Kunsill (dokument 10117/06 tad-9.6.2006, punti 29 u 30). Ara wkoll punt 1.2. ta’ din l-opinjoni..

(16)  Ara pereżempju l-kummissjonijiet għad-djalogu soċjali reġjonali fil-Polonja.

(17)  SWOT: Strengths and Weaknesses, Opportunities and Threats Analysis (Analiżi tal-aspetti pożittivi u n-nuqqasijiet, l-opportunitajiet u t-theddid)

(18)  “Il-prospettiva ta’ proċess sistematiku, parteċipatorju, li jiġbor informazzjoni fil-ġejjieni, ta’ tisħiħ ta’ viżjoni fiż-żmien medju u fit-tul”

(19)  EMAS = Skema tal-Eko-Ġestjoni u Verifika

(20)  Ara l-Opinjoni dwar Ir-reazzjoni tad-distretti industrijali Ewropej għan-netwerks ġodda tal-għarfien, ĠU C 255, 14.10.2005, p. 1-13.

(21)  Ara l-OECD Territorial Outlook — Edizzjoni tal-2001.

(22)  Ara l-Opinjoni dwar Il-Gvernanza Territorjali tal-Bidliet Industrijali (…) (ara nota ta’ referenza 11).

(23)  REKT: strument ta’ kooperazzjoni fil-livell Komunitarju li jippermetti raggruppamenti ta’ kooperazzjoni għall-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni territorjali kofinanzjati mill-Komunità jew li jwettaq azzjonijiet ta’ kooperazzjoni territorjali li jaqgħu taħt l-Istati Membri — Regolament (KE) No 1082/2006 (ĠU L 210, 31.7.2006).

(24)  L-EUROREĠJUNI: strutturi għal kooperazzjoni transkonfinali bejn aktar minn reġjun wieħed f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea u/jew ġirien għall-promozzjoni ta’ interessi komuni bejn il-fruntieri u għal kooperazzjoni għall-ġid komuni tal-komunitajiet tal-fruntiera.

(25)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tas-7 ta’ April 2005 dwar id-distretti industrijali Ewropej u n-netwerks tal-għarfien ġdid, ĠU C tal-14.10.2005.

(26)  Ara l-Opinjonijiet dwar l-Implimentazzjoni tas-sħubija għat-tkabbir u l-impjiegi: nagħmlu l-ewropa pilastru ta' eċċellenza dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-impriżi (COM) 2006 136 finali, ĠU C 325, 30.12.2006, p. 53-60, u dwar il-Green Paper — Il-Promozzjoni ta’ Qafas Ewropew għar-Responsabbiltà soċjali tal-Impriżi (COM(2001) 366 finali), OJ C 125, 27.5.2002, p. 44-55.

(27)  IDABC = Għoti Interoperabbli ta’ Servizzi Ewropej ta’ e-Gvern lil Amministrazzjonijiet pubbliċi, Negozji u Ċittadini; ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE 1610/2003.

(28)  Opinjoni dwar L-impatt tat-territorjalità tal-liġi fiskali fuq il-bidliet industrijali, ĠU C 120, 16.5.2008, p. 51-57

(29)  Direttiva 85/337/KEE, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3.3.1997 u mid-Direttiva 2003/35/KE tas-26.05.2003.

(30)  Id-Direttiva SEA 2001/42/KE. L-għan tad-Direttiva SEA huwa li tiżgura li jiġu identifikati u valutati l-konsegwenzi ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi — b’mod partikolari fid-dimensjoni territorjali tagħhom — matul it-tħejjija u qabel l-adozzjoni tagħhom.


APPENDIX I

to the opinion on “Industrial change, territorial development and responsibility of companies”

(CCMI/055)

Report on the hearing held in Lille on 25 September 2008, at the headquarters of the Nord-Pas de Calais Regional Council

Under the French presidency of the European Union, the European Economic and Social Committee's Consultative Commission on Industrial Change (CCMI) and the Nord-Pas de Calais (NPdC) Regional Council organised a hearing on Industrial change, territorial development and responsibility of companies (subject of the opinion for which this is the appendix), which took place in the regional council's hemicycle. The hearing was attended by over 90 key guests from 12 European countries and high-level local and regional bodies, both public and private, together with representatives from three of the European Commission's directorates-general.

With the participation of the regional council president, Daniel Percheron, the CCMI president, Joost van Iersel, the study group president, Martin Siecker, the rapporteur, Antonello Pezzini, and the co-rapporteur, Bernard Gay, promoter of this important initiative, a wide-ranging and animated debate was held on regional and local development, governance, the revitalisation of production, the need for shared views of future trends, sectoral and inter-sectoral prospects for the growth of competitive employment, and mechanisms for active democracy through the development of a participatory culture in an area successfully combining an adequate level of wellbeing with the duties which are an integral part of social responsibility.

In our globalised economy, territorial development and industrial change are closely connected and interdependent. The opinion aims to take a territorial approach to assessing the prospects for socio-economic change, focusing primarily on the development strategies designed by local and regional bodies and on the centres of competence set up by private and public stakeholders. The analysis thus focuses on the regions' capacity to cope with and adapt to irreversible changes through collective responsibility-sharing systems, taking into account the concept of corporate societal responsibility.

NPdC is considered a region with a rich fund of experience in these fields and the CCMI therefore asked it to cooperate in organising a hearing in Lille. The two organisations pooled their resources with a view to taking stock of the experiences of regional development stakeholders and noting their proposals for harmonious regional development.

Listening to the problems, solutions and experiences outlined by the most qualified representatives of the “real world” in the NPdC region (businessmen, presidents of business clubs and hubs of competitiveness, trade unions and representatives of the social economy, universities, the professions and public administration at various levels) and the wide-ranging exchange of ideas which ensued led to the identification of innovative strategies and key priorities which, alongside the generous hospitality of the NPdC regional council and the friendly relations established during the hearing, forged strong contacts with a profound impact on the CCMI's work.


APPENDIX II

to the opinion on “Industrial change, territorial development and responsibility of companies”

(CCMI/055)

Various European initiatives and policies have been launched to address the challenge of socially responsible regional development in the EU and to give increased, positive visibility to the territorial dimension of EU policies:

Lille-Kortrijk-Tournai — Eurometropolis (France-Belgium): Eurometropolis is the first significant example of a European Grouping of Territorial Cooperation (EGTC). It was launched on 28 January 2008 and comprises 14 partners — four in France (central government, Nord-Pas de Calais region, Département du Nord and the Urban Community of Lille Métropole) and 10 in Belgium (the federal government, region of Flanders, the French-speaking Community, provinces and joint municipal authorities). Equally important was the establishment in the 1990s of the Transmanche Euroregion, comprising the English county of Kent, the French Nord-Pas de Calais region and Belgium, in a network useful for identifying cooperation projects, thus maximising the capacity to take action in the EU's 2007-2013 programming period.

Bilbao Metropoli 30: The process of revitalising the Bilbao metropolitan area was launched in the early 1990s with a public-private partnership involving over 80 public and private bodies, over 30 associated bodies and 17 international networks. It was based on a joint strategic plan and a shared vision of the territorial, economic, social, environmental and cultural development needed to transform the metropolitan area — and by extension the entire Basque Country — into one of the most advanced and competitive areas in Europe.

ALSO — Marche region: The ALSO project (Achievement of Lisbon and Gothenburg Strategy Objectives) has been developed by Italy's Marche region, together with numerous partners, including local and regional authorities, development agencies and universities from various EU countries, in the context of the INTERACT programme. Its ultimate aim is to orient territorial cooperation towards achieving the objectives of the Lisbon and Gothenburg Strategies.

Metropolis Hamburg — interregional cooperation: Partnership between the city of Hamburg and the regions of Lower Saxony and Schleswig-Holstein, based on voluntary cooperation between three federal states on both sides of the river Elbe.

Alps-Mediterranean Euroregion (France — Italy): This Euroregion comprises three Italian regions (Liguria, Piedmont and Valle d'Aosta) and two French regions (Provence-Alpes-Côte d’Azur and Rhône-Alpes). It is aimed at close cooperation on increasing exchanges in common areas of competence, so as to strengthen ties between the respective communities in the political, economic, social and cultural spheres.

Ister-Granum: This Euroregion is the first EGTC in central Europe. Recently formed, though based on previous cooperation schemes, the Ister-Granum Euroregion incorporates 47 local authority areas in Hungary and 39 in Slovakia. This new EGTC has about 20 joint projects in the pipeline, specifically in the fields of health systems and medical care, IT and media, tourism, and integrated transport infrastructure, particularly regarding the Danube. It is based in Esztergom, Hungary and provides for the participation of local and regional authorities solely and not of central government.

Baltic Euroregion: This partnership between the regions grouped around the Baltic Sea has existed since 1998. For the 2007-2013 programming period, the European Commission has approved EUR 75 million in financing for this Euroregion which henceforth includes parts of Poland, Sweden, Germany, Denmark and Lithuania. The Euroregion's objective is to boost sustainable development and the economic competitiveness of its constituent regions.


Top