Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1927

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali

ĠU C 175, 28.7.2009, p. 116–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali”

COM(2008) 414 finali — 2008/0142 (COD)

(2009/C 175/22)

Nhar il-23 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali

COM(2008) 414 finali — 2008/0142 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Novembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur BOUIS.

Matul l-449 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-3 u l-4 ta’ Diċembru 2008 (seduta tal-4 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 80 vot favur u 3 voti kontra.

1.   Osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE diġà indirizza għadd ta’ kwistjonijiet marbuta mas-saħħa u d-drittijiet tal-pazjenti f’għadd ta’ opinjonijiet, u issa qed jindirizza din il-proposta għal Direttiva, b’mod partikolari peress li minbarra li t-test jippreżenta tweġiba għad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, huwa bbażat fuq id-drittijiet tal-pazjenti u fuq il-ħolqien ta’ koordinazzjoni tal-politiki tas-saħħa tal-Istati Membri.

1.2   It-test jafferma mill-ġdid li s-sistemi tas-saħħa huma fil-kompetenza tal-Istati Membri u ma jbiddilx il-prattiki għar-rimborż tal-kura pprovduta. Madankollu, id-dispożizzjonijiet proposti ser ikollhom impatt fil-ġejjieni fuq is-sistemi tas-saħħa bbażati fuq is-solidarjetà u s-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom. Il-KESE għalhekk huwa mħasseb dwar id-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni konkreti marbuta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-qasam tal-politika tas-saħħa, u għaldaqstant għandu għadd ta’ osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

1.3   Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar il-periklu li jiżdiedu d-differenzi tal-aċċess għall-kura bejn il-gruppi varji tas-soċjetà. Għaldaqstant, il-Kumitat jixtieq li d-Direttiva tistipula li l-kura għandha tingħata fuq il-bażi tal-valur indaqs tal-bnedmin kollha, u li l-iktar persuni li għandhom bżonn il-kura tas-saħħa u/jew dawk li l-inqas li huma koperti mis-sigurtà soċjali għandhom jingħataw il-prijorità.

1.4   Id-dritt fundamentali ta’ kull utent li jkollu l-garanziji meħtieġa għall-kwalità u s-sigurtà joħloq ċerti obbligi fir-rigward tal-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-kapaċità materjali u umana, u l-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa.

1.5   L-aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali jesiġi li l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-saħħa tad-diversi pajjiżi jkunu komplementari u bbilanċjati, fir-rigward ta’ prestazzjoni teknika u umana, tagħmir mediku u r-responsabbiltajiet tal-provvedituri tas-servizzi. Dan kollu jeħtieġ politika Ewropea dwar l-għajnuna fil-qasam tat-taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa u l-faċilitajiet tas-saħħa. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil ċerti riskji mediċi marbuta maż-żieda tal-mobilità tal-pazjenti.

1.6   Fil-fehma tal-KESE, dan it-test m’għandux jixħet dawl fuq ir-rieda li l-mobilità tal-pazjenti tiġi ġġeneralizzata iżda fuq il-proposta ta’ qafas li jippermetti li dan id-dritt ikun eżerċitat, mingħajr ma ninsew inqisu l-ħtieġa ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità li tingħata kemm jista’ jkun f’post li jkun qrib tar-residenza tal-pazjent. Il-mekkaniżmi disponibbli m’għandhomx ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-firxa tal-kura transkonfinali.

1.7   Filwaqt li juri t-tħassib tiegħu dwar id-distinzjoni li tagħmel id-Direttiva bejn kura mogħtija fi sptar u kura li ma tingħatax fi sptar — distinzjoni dovuta aktar għall-aspetti finanzjarji milli s-sitwazzjoni attwali f’kull organizzazzjoni tas-saħħa fil-pajjiżi individwali — il-KESE jirrakkomanda, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat, li kull Stat Membru għandu jagħti definizzjoni ta’ xi tfisser għalihom kura fl-isptar u kura barra mill-isptar.

1.8   L-aċċess għall-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor li tkun ipprovduta għaċ-ċittadini kollha għandu jkun mingħajr diskriminazzjoni kif definit fl-Artikolu 13 tat-Trattat u billi jiġu rrispettati d-drittijiet tal-pazjenti kif semma l-KESE (1), b’mod partikolari permezz ta’ fajl mediku u ktejjeb tas-saħħa Ewropew aġġornati kif xieraq u li jista’ jkollhom aċċess għalih il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u l-pazjenti nnifishom.

1.9   Politika effettiva tal-informazzjoni hija aktar essenzjali fir-rigward tal-kura tas-saħħa transkonfinali għaliex hija l-uniku mod li l-prinċipju tal-ugwaljanza rigward l-aċċess għall-kura jiġi rispettat, u li bis-saħħa tagħha l-utent ikun jista’ jagħmel għażliet ħielsa u mingħajr preġudizzji. Din il-politika għandha titfassal taħt ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed mill-Istati Membri.

1.10   L-informazzjoni tolqot ukoll lis-sistemi ta’ rikors f’każ ta’ danni u l-proċeduri biex jindirizzaw it-tilwim legali; għalhekk ikun tajjeb li jkun hemm punt ta’ informazzjoni wieħed u li f’każ ta’ rikors quddiem il-qorti dan isir fil-post ta’ residenza tal-pazjent. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li s-sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja tiġi estiza għall-professjonisti kollha.

1.11   Bil-għan li jittaffew l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura, il-mekkaniżmi dwar il-metodi ta’ rimborż b’lura għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-iskadenzi stipulati għar-rimborż u d-differenzi tal-prattiki terapewtiċi, il-metodi għall-ħruġ tal-mediċini u t-tagħmir mediku bejn il-pajjiż li jipprovdi l-kura u l-pajjiż tal-affiljazzjoni.

1.12   Is-sistema ta’ rimborż għandha wkoll tagħti attenzjoni partikolari lir-riskju tal-inugwaljanza meta jinqala’ tilwim legali minħabba l-fatt li s-sistemi tal-assigurazzjoni kontra l-mard mhumiex l-istess f’kull pajjiż iżda għandhom karatteristiċi nazzjonali partikolari: il-parteċipazzjoni finanzjarja ta’ partijiet terzi, pagament konġunt, id-diversi spejjeż, it-tabib inkarigat mill-kura, il-kodifikazzjoni tal-kura mogħtija, eċċ.

1.13   Is-sistemi għall-provvista tal-informazzjoni għandhom mhux biss jissodisfaw il-ħtiġijiet b’rabta mas-sigurtà u l-kwalità tal-messaġġi li jintbagħtu, iżda aktar importanti minn hekk għandhom jiżguraw li kull individwu jkun jista’ jagħmel għażla ħielsa u jagħmluha aktar faċli li jinħoloq bilanċ bejn il-kompetittività ekonomika, il-koeżjoni, il-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà kollettiva.

1.14   Jinħtieġ li l-punti ta’ kuntatt nazzjonali jkollhom rabtiet mad-diversi organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, tal-familji u tal-utenti, u jikkooperaw mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati tal-assigurazzjoni kontra l-mard, biex jiġi assigurat li jitrasmettu din l-informazzjoni. Għandhom jiżviluppaw ukoll attivitajiet marbuta mal-informazzjoni u t-taħriġ għat-tobba, il-persunal paramediku u l-ħaddiema fil-qasam tas-servizzi soċjali fir-rigward tal-possibbiltajiet disponibbli għall-kura transkonfinali.

1.15   Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-kontinwità tal-kura, il-follow-up tal-pazjenti, l-adattament tat-tagħmir mediku u t-teħid tal-mediċini. Għaldaqstant, il-professjonisti u s-sistemi fil-qasam tas-saħħa għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom fir-rigward ta’ studji mediċi speċjalizzati u l-protokolli ta’ kura fit-tul għall-pazjenti.

1.16   Il-ħolqien ta’ netwerks ta’ referenza Ewropej għandu jimxi id f’id mal-iżvilupp ta’ tekonoloġiji tal-informazzjoni li jistgħu jaħdmu flimkien perfettament u li minnhom jistgħu jibbenefikaw il-pazjenti kollha, jgħixu fejn jgħixu. L-iskambju tal-kompetenzi għandu jwassal għat-titjib tal-kwalità tas-sistemi fl-Istati Membri għall-benefiċċju tal-atturi kollha, jiġifieri l-istituzzjonijiet, il-professjonisti u l-pazjenti.

1.17   Id-data statistika kollha miġbura mill-Istati Membri għandha tippermetti evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva. Għandha tippermetti wkoll il-produzzjoni ta’ indikaturi li jagħmluha possibbli li nkejlu l-punti tajbin u l-punti dgħajfin tas-sistemi tas-saħħa, kif ukoll il-ħtiġijiet u l-preferenzi tal-poplu. Jeħtieġ li dan ir-rapport jitressaq quddiem il-KESE wkoll, li min-naħa tiegħu, għandu jsegwih mill-qrib u eventwalment iħejji opinjonijiet ġodda fuq inizjattiva proprja.

1.18   L-applikazzjoni ta’ dritt ġenwin tal-pazjenti fil-qasam tal-kura transkonfinali teħtieġ ċertu ammont ta’ żmien ta’ adattament bil-għan li ssir bidla radikali tal-prattiki u jkun hemm ukoll żvilupp tal-mentalità u t-taħriġ tal-professjonisti. Din timplika li l-prinċipji ta’ Karta Ewropea tad-drittijiet u d-dmirijiet reċiproċi tad-diversi atturi fil-qasam tas-saħħa jiġu integrati fir-regolamentazzjoni nazzjonali.

1.19   Fil-fehma tal-KESE, huwa ovvju li l-approċċ magħżul mhux qed jirnexxilu jirrrikonċilja bis-sħiħ il-kwistjoni tas-sussidjarjetà fil-kura tas-saħħa mal-bżonn ta’ modus operandi konsistenti għall-kura transkonfinali. Għalhekk hemm lok għall-possibbiltà ta’ interpretazzjonijiet differenti ħafna li jikkawżaw diffikultajiet legali kemm għall-pazjenti kif ukoll għal dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa.

2.   Sommarju tal-komunikazzjoni

2.1   Il-kuntest legali u politiku tat-talba

2.1.1   Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-2003, il-Kummissjoni intalbet tanalizza l-mezzi għat-titjib tas-sigurtà legali fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali.

2.1.2   Id-Direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern ippreżentata fl-2004 fiha għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar is-suġġett. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill irrifjutawhom għaliex fil-fehma tagħhom ma ngħatax qies biżżejjed tal-aspetti partikolari tal-politiki tas-saħħa, li jvarjaw konsiderevolment minn pajjiż għal ieħor, tal-komplessitajiet tekniċi u tal-kwistjonijiet marbuta mal-finanzjament. L-opinjoni pubblika hija wkoll sensittiva ħafna fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

Ghalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta komunikazzjoni u Direttiva fl-2008 bil-għan li jinħoloq qafas ċar u trasparenti għall-provvista ta’ kura tas-saħħa transkonfinali fl-Unjoni, jiġifieri kura mogħtija barra mill-pajjiż f’każ li pazjent imur għand provveditur tal-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor għall-kura. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi definizzjoni tal-kura mogħtija fi sptar u kura li ma tingħatax fi sptar.

2.2   Il-qafas propost

2.2.1   Il-proposta mressqa hija bbażata fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat, li huwa dwar it-twaqqif u t-tħaddim tas-suq intern; l-Artikolu 152 dwar is-saħħa pubblika, u l-prinċipji ġenerali tal-Karta għad-Drittijiet Fundamentali kif stipulati fit-trattat tar-riforma.

2.2.2   Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, id-definizzjonijiet legali u d-dispożizzjonijiet ġenerali huma msejsa fuq tliet oqsma prinċipali: il-prinċipji komuni fis-sistemi tas-saħħa kollha tal-UE, qafas speċifiku għall-kura tas-saħħa transkonfinali u kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Id-Direttiva tistipula l-prinċipji li japplikaw għar-rimborż tal-ispejjeż tal-kura fi Stat Membru ieħor, kif ukoll il-kondizzjonijiet li taħthom għandhom jitħaddmu d-drittijiet tal-pazjenti fil-prattika; għandha ssir distinzjoni bejn kura mogħtija fi sptar u kura li ma tingħatax fi sptar.

2.2.3   Din il-proposta ma timmodifikax il-qafas attwali għall-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali.

2.2.4   Id-Direttiva tistipula l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u tistipula wkoll il-ħolqien ta’ mekkaniżmi adatti biex jinformaw u jgħinu l-pazjenti permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali. Kwalunkwe pazjent li ma jkollux aċċess għall-kura fi żmien xieraq f’pajjiżu stess, jiġi awtorizzat jirċeviha fi Stat Membru ieħor.

2.2.5   Id-Direttiva tippromovi aktar kooperazzjoni Ewropea permezz tal-ħolqien ta’ netwerks ta’ referenza Ewropej, tal-evalwazzjoni tat-teknoloġiji għall-kura tas-saħħa u l-iżvilupp ta’ informazzjoni online u teknoloġiji tal-komunikazzjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE, f’bosta opinjonijiet, indirizza għadd ta’ kwistjonijiet marbuta mas-saħħa u d-drittijiet tal-pazjenti f’diversi opinjonijiet tiegħu u jinnota x-xewqa tal-Kummissjoni Ewropea li tindirizza l-kwistjoni tal-kura tas-saħħa transkonfinali.

3.2   Fil-fehma tal-KESE, dan m’għandux isarraf f’xewqa li l-mobilità tal-pazjenti tiġi ġeneralizzata, iżda fi proposta li permezz tagħha dan id-dritt ikun jista’ jitħaddem. Il-mekkaniżmi maħluqa m’għandhomx ikunu sproporzjonati fl-iskala jew l-ispiża tagħhom — fir-rigward tal-firxa tal-attività tal-kura tas-saħħa transkonfinali.

3.3   Dan it-test jirrifletti l-valuri tal-Unjoni Ewropea u l-Karta ta’ Tallinn (2), li għandhom l-għan li jassiguraw li l-kura tas-saħħa fl-Ewropa tkun ta’ kwalità għolja u aċċessibbli għal kulħadd.

Attwalment, il-proposta għal Direttiva għandha t-tendenza li tinjora l-komplessità, il-varjetà u d-diverġenzi tas-sistemi tas-saħħa fis-27 Stat Membru. Huwa kważi ċert li d-Direttiva mhux ser tiġi interpretata bl-istess mod mis-sistemi differenti tas-saħħa fl-Istati Membri. Għaldaqstant, il-KESE għandu għadd ta’ mistoqsijiet dwar il-metodi ta’ applikazzjoni konkreti u jixtieq li tingħata definizzjoni ċara ta’ kura mogħtija fi sptar u kura li ma tingħatax fi sptar bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà legali tal-pazjenti u tas-servizzi tas-saħħa.

3.4.1   It-test jafferma mill-ġdid li s-sistemi tas-saħħa huma fil-kompetenza tal-Istati Membri u jidher li jirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħhom b’rabta mal-organizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, l-għoti ta’ kura medika u r-rimborż tas-servizzi pprovduti. Madankollu, id-dispożizzjonijiet proposti ser ikollhom impatt fuq is-sistemi tas-saħħa, fuq l-istabbiltà finanzjarja tagħhom u l-firxa tad-drittijiet assoċjati magħhom fuq il-perijodu fit-tul.

3.4.2   Meta nqisu d-differenzi konsiderevoli fis-servizzi tal-kura pprovduti u l-ispejjeż abbinati magħhom, is-sistema tar-rimborż — wara li l-pazjent ikun ħallas għall-kura — toħloq riskju ta’ inugwaljanza u saħansitra tilwim legali peress li s-sistemi tal-assigurazzjoni kontra l-mard mhumiex omoġenji iżda għandhom speċifiċitajiet nazzjonali. Il-KESE jibża’ li d-Direttiva tista’ tipprovdi opportunità biex is-suq tas-saħħa jinfetaħ għall-kompetizzjoni u li bid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar is-Servizzi jiddgħajjef il-ħarsien tas-saħħa fl-Ewropa b’mod ġenerali.

3.4.3   L-effiċjenża u l-użu xieraq tal-kura tas-saħħa f’kuntest transkonfinali jeħtieġu li l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-saħħa tad-diversi pajjiżi jkunu komplementari u bbilanċjati, fir-rigward ta’ prestazzjoni teknika u umana, tagħmir mediku u r-responsabbiltajiet tal-provvedituri tas-servizzi.

3.4.4   Fil-każijiet kollha, kull darba li tiġi pprovduta kura transkonfinali, il-pazjenti għandhom id-dritt jistennew garanzija ta’ kwalità u sikurezza. Dan id-dritt fundamentali iqajjem il-kwistjoni tal-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni, l-evalwazzjoni tal-prattiki professjonali, il-kapaċità tat-tagħmir mediku u s-sistema ta’ kumpens f’każ ta’ danni.

3.4.5   Fil-kuntest tal-kura transkonfinali, l-għoti ta’ kura ta’ kwalità għolja u l-fiduċja fil-kura mogħtija f’pajjiż ospitanti jfissru li jiġu ssodisfati għadd ta’ kondizzjonijiet, bil-għan li jiġi assigurat li l-kura tkompli tingħata, fost oħrajn:

l-użu mifrux ta’ ktejjeb tas-saħħa għal kull individwu sa mit-twelid;

l-eżistenza ta’ fajl mediku Ewropew, li jiġi aġġornata kif xieraq u li jkollhom aċċess għalih il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u l-pazjenti nnifishom;

formulazzjoni komuni tal-protokolli għar-rimborż;

prattiki koordinati għall-preskrizzjonijiet tat-tobba, inkluż l-użu mifrux tal-ismijiet ġeneriċi minflok l-isem tad-ditta u dan minkejja l-fatt li l-mediċini huma suġġetti għar-regoli tal-kummerċ internazzjonali;

standards u ċertifikazzjoni għall-implants mediċi, l-istrumenti u t-tagħmir mediku;

il-ħolqien ta’ proċedura Ewropea għall-validazzjoni jew saħansitra ċ-ċertifikazzjoni għat-tagħmir mediku u paramediku fl-isptarijiet;

proċedura Komunitarja għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-mediċini.

Dawn il-kondizzjonijiet kollha jitolbu li jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda b’sistemi informatiċi interoperabbli.

3.4.6   Dan it-tibdil fil-mod li s-sistema hija organizzata u fil-prattiki professjonali jeħtieġ ukoll bidla fl-attitudnijiet u t-taħriġ tal-professjonisti fil-qasam tal-kura, kif ukoll bidla legali tad-definizzjoni tal-kompetenzi, ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tal-kura tas-saħħa f’kull pajjiż, li jimplika ċertu ammont ta’ żmien ta’ adattament.

Il-possibbiltà li kull pazjent ikollu aċċess għal kura transkonfinali hija aspett ieħor tal-aċċess ugwali għas-servizzi kollha tal-kura tas-saħħa u l-professjonisti fil-qasam, mingħajr ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, razza, etniċità, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali. Fost affarijiet oħra, dan jeħtieġ politika effettiva tal-informazzjoni msejsa fuq żewġ dimensjonijiet.

3.4.7.1   L-ewwel nett, informazzjoni dwar il-provvista tal-kura tas-saħħa, li kull ċittadin għandu jkollu biex ikun jista’ jiddeċiedi għandux juża l-kura tas-saħħa transkonfinali, u li tiġi ppubblikata fuq ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Dawn għandhom jassiguraw ukoll aċċess għal din l-informazzjoni għal ċerti gruppi vulnerabbli, eż. nies f’sitwazzjonijiet ta’ iżolament soċjali u prekarjetà.

3.4.7.2   It-tieni nett, informazzjoni dwar il-marda, il-kura possibbli — inklużi l-benefiċċji u r-riskji — u t-tip tal-istrutturi jew il-professjonisiti li jipprovdu l-kura.

3.4.7.3   Peress li din l-informazzjoni tingħata permezz ta’ kuntatt li jsir ma’ professjonist fil-qasam, dan għandu jżomm ruħu aġġornat fir-rigward tal-possibbiltajiet attwali fl-Ewropa. Għalhekk huwa essenzjali li dan il-kuntatt bejn min jipprovdi l-kura u l-punti ta’ kuntatt nazzjonali isir, u biex dan iseħħ hemm bżonn ta’ riżorsi finanzjarji. Barra minn hekk, l-ostakli tal-lingwa għandhom jingħelbu.

3.4.8   L-informazzjoni għandha tkun sħiħa u rilevanti biex il-pazjent ikun jista’ jagħmel għażliet ħielsa u mingħajr preġudizzji u mhux jispiċċa vittma ta’ reklamar maħsub biex jaħtaf aktar klijenti u prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa.

3.4.9   Dan l-obbligu li tingħata informazzjoni huwa l-uniku mod kif jista’ jitwettaq il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-aċċess għall-kura stipulat fid-Direttiva, hu x’inhu l-bżonn għall-kura transkonfinali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-Artikolu 3

4.1.1   Il-KESE jinnota li l-proposta għal Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet Komunitarji li ġew definiti f’okkażjoni preċedenti, b’mod partikolari r-Regolamenti Nru 1408/71 u 883/2004.

4.2   L-Artikolu 4(d)

4.2.1   Il-KESE huwa tal-fehma li l-lista tal-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa mhijiex kompluta u jixtieq li l-professjonisti paramediċi, bħall-ispeech therapists u l-ispeċjalisti tal-għajnejn, jiżdiedu wkoll.

4.3   L-Artikolu 5

4.3.1   Il-KESE jiġbed attenzjoni partikolari għal dan l-Artikolu u jinnota li l-isfida ser tkun li jiġi garantit li l-kura pprovduta tissodisfa l-ħtiġijiet u l-istennijiet taċ-ċittadini billi jingħatawlhom għadd ta’ drittijiet, iżda wkoll responsabbiltajiet, bil-għan li jiġi promoss il-benesseri tagħhom billi jiġu abbinati l-kompetittività ekonomika, il-koeżjoni, il-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà kollettiva. Il-KESE ser joqgħod attent ħafna sabiex id-definizzjonijiet tal-istandards tal-kwalità u tas-sigurtà ma jheddux id-diversità tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri (Artikolu 152(5)).

4.3.2   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini, b’mod partikolari dawk l-aktar żvantaġġjati, kif ukoll l-impatt ta’ aċċess imtejjeb għall-kura tas-saħħa fuq it-tkabbir ekonomiku, u jenfasizza li kull investiment li jippermetti l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa jkun ħafna aktar effettiv jekk ikun koordinat.

4.4   L-Artikolu 6

4.4.1   Il-KESE jemmen li, fir-rigward tal-mekkaniżmi għar-rimborż retrospettiv, għandna noqogħdu attenti li l-prattiki terapewtiċi u l-metodi għall-għoti tal-mediċini jew strumenti mediċi, jiġu ddeterminati mill-pajjiż li jagħti l-kura u mhux dak tal-affiljazzjoni, li huwa responsabbli mill-iffissar tal-kriterji għar-rimborż. Dan ifisser li għandhom jitfasslu listi ta’ ekwivalenza kemm għar-rati tar-rimborż kif ukoll għall-obbligi marbuta mal-kontinwità tal-kura.

4.4.2   Il-KESE huwa mħasseb dwar l-ispejjeż żejda li jkollu jġarrab il-pazjent f’każ li, għall-kuntrarju tal-istennijiet tal-pazjent, ir-rimborż ma jingħatax. Biex tiġi assigurata l-kontinwità għall-perijodu fit-tul, hemm bżonn nikkunsidraw il-possibbiltà li l-ispejjeż tal-kura jitħallsu mill-pajjiż tal-affiljazzjoni. Dan jista’ jkollu impatt sinifikanti f’kull pajjiż.

4.4.3   Il-KESE, sabiex jevita li tiġi mħeġġa kura tas-saħħa fuq żewġ livelli mill-perspettiva tal-pazjenti u l-Istati Membri, jemmen li hemm bżonn li l-kwistjoni dwar kif għandhom jitħallsu l-ispejjeż fl-Istat fejn tingħata l-kura u l-kondizzjonijiet tal-ħlas jiġu ċċarati. Il-KESE jenfasizza li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kalkolu tal-ispejjeż isir fuq il-bażi tal-istruttura tal-korpi kkonċernati.

4.5   L-Artikoli 7 u 8

4.5.1   Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar id-distinzjoni li saret fid-Direttiva bejn kura mogħtija fi sptar u kura li ma tingħatax fi sptar. Din id-distinzjoni hija aktar imsejsa fuq l-aspetti finanzjarji milli s-sitwazzjoni reali tas-sistema tas-saħħa ta’ kull pajjiż.

4.5.2   Filwaqt li l-Kummissjoni qed tipproponi li titħejja lista komplementari, il-KESE jirrakkomanda — b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-Artikolu 86(2) tat-Trattat — li huwa f’idejn l-Istati Membri, ħlief f’każ ta’ abbuż ovvju, li jiddefinixxu x’jifhmu b’kura mogħtija fi sptar. Għalhekk l-Artikolu 8(1) u (2) għandhom jiġu mmodifikati.

4.6   L-Artikolu 9

4.6.1   Fil-fehma tal-KESE, is-sistemi ta’ awtorizzazzjoni preċedenti jistgħu jkunu utli biss jekk jinvolvu proċess ta’ riflessjoni u ta’ provvista ta’ informazzjoni lill-pazjent permezz ta’ djalogu li jista’ jinħoloq bejn il-pazjent u l-organiżmu li ser jipprovdi l-fondi. Barra minn hekk, dawn is-sistemi jistgħu jiggarantixxu l-finanzjament ta’ servizzi speċifiċi bħar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar.

4.6.2   Il-KESE huwa tal-fehma li kwalunkwe rifjut li tingħata awtorizzazzjoni għandu jkun iġġustifikat u spjegat lill-pazjent, anke jekk il-kriterji għall-awtorizzazzjoni preċedenti ġew ippubblikati minn qabel.

4.7   L-Artikolu 10

4.7.1   Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li jiġu introdotti sistemi biex il-pazjenti jiġu informati ħalli b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu għażla fir-rigward tal-kura tas-saħħa transkonfinali. Jinħtieġ li din l-informazzjoni tinkludi l-ħtiġijiet u l-limiti tas-servizz ipprovdut, kif ukoll il-proċedura għar-rimborż u l-bilanċ li għandu jitħallas mill-pazjent.

4.7.2   Il-KESE jirrakkomanda li s-sistema tal-assigurazzjoni obbligatorja (3) tiġi estiża għall-professjonisti mediċi kollha u li tingħata informazzjoni dwar is-sistemi ta’ rikors f’każ ta’ tilwim legali, f’każ li jkun hemm danni kkaġunati minn inċident mediku, kemm jekk b’negliġenza jew le (riskju terapewtiku).

4.7.3   Il-KESE jemmen li huwa xieraq li jitħaddem il-prinċipju ta’ punt ta’ kuntatt uniku għall-proċeduri u l-preżentazzjoni ta’ lmenti u li kull tilwima legali għandha tkun fil-kompetenza tal-qrati fil-post ta’ residenza tal-pazjent.

4.7.4   Il-KESE jemmen li jkun utli li jiġu żviluppati s-servizzi u s-siti li jipprovdu informazzjoni online, peress li huma sors ta’ informazzjoni għall-pazjenti. Madankollu, is-sorsi u s-sistemi tal-informazzjoni m’għandhomx ikunu ristretti għal din l-għodda biss, peress li bosta ċittadini ftit li xejn għandhom aċċess għall-internet, jew xejn għalkollox. Hemm il-periklu li tiġi promossa sistema tas-saħħa msejsa fuq żewġ livelli, li permezz tagħha huma biss il-klassijiet l-aktar vantaġġjati jew dawk li huma aktar infurmati li għandhom aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali.

4.8   L-Artikolu 12

4.8.1   Jeħtieġ li l-punti ta’ kuntatt nazzjonali jkollhom rabtiet mad-diversi organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, tal-familji u tal-utenti tal-kura, u jikkooperaw mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati tal-assigurazzjoni kontra l-mard u l-korpi indipendenti li jipprovdu l-kura sabiex jiġi assigurat li jittrasmettu din l-informazzjoni. Barra minn hekk, dawn il-punti ta’ kuntatt għandhom jiżviluppaw attivitajiet marbuta mal-informazzjoni u t-taħriġ għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, il-persunal paramediku u l-ħaddiema fil-qasam soċjali biex ikunu konxji tal-possibbiltajiet li għandhom fir-rigward tal-kura tas-saħħa transkonfinali, u kull Stat Membru għandu jkun inkarigat mit-twaqqif tal-punt ta’ kuntatt nazzjonali tiegħu.

4.9   L-Artikolu 14

4.9.1   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal dan l-Artikolu, li jiggarantixxi l-kontinwità tal-kura fir-rigward tal-mediċini li jieħu l-pazjent, iżda jixtieq li dan jiġi applikat aktar strettament fid-dawl tar-riskji potenzjali ta’ konsum eċċessiv jew anke traffikar. Huwa jinnota li d-Direttiva ma tqisx il-mediċini li jingħataw preskrizzjoni tat-tabib ristretta.

4.10   L-Artikolu 15

4.10.1   Dan l-Artikolu itaffi biss ftit mit-tħassib tal-KESE dwar id-disparitajiet fil-kwalità tas-servizzi tal-kura tas-saħħa pprovduti fl-Istati Membri. Il-ħolqien ta’ netwerks ta’ referenza Ewropej għandu xorta waħda jimxi id f’id mal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni li minnhom jibbenefikaw il-pazjenti kollha, jgħixu fejn jgħixu.

4.10.2   Dawn li ġejjin għandom jiżdiedu mal-objettivi tan-netwerks Ewropej:

Fl-Artikolu 15(2)(a): “il-valutazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-prattiki terapewtiċi”;

Fl-Artikolu 15(2)(d): “ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-monitoraġġ tal-kodiċi tal-etika”.

4.10.3   Barra minn hekk, għalkemm hemm pjanijiet biex dawn in-netwerks jingħaqdu, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-evalwazzjoni, jew saħansitra l-ħolqien ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

4.10.4   Il-KESE jixtieq li dan li ġej jiddaħħal fil-lista tal-kriterji u l-kondizzjonijiet speċifiċi li għandhom jirrispettaw in-netwerks:

Fl-Artikolu 15(3)(a)(ix): “Kollaborazzjoni bħal din hija partikolarment essenzjali fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-utenti fid-definizzjoni ta’ ħin ta’ stennija raġonevoli sakemm tingħata l-kura”.

Fl-Artikolu 15(3)(a)(x): “il-promozzjoni tar-rikonoxximent u l-applikazzjoni ta’ karta komuni tad-drittijiet tal-pazjenti li tiggarantixxi l-applikazzjoni effetiva ta’ dawn id-drittijiet kemm fil-pajjiż ta’ oriġini kif ukoll fir-rigward tal-kura tas-saħħa transkonfinali”.

4.11   L-Artikolu 18

4.11.1   Id-data statistika kollha miġbura mill-Istati Membri għandha tippermetti evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva. Ikun tajjeb ukoll kieku dan iwassal ukoll għall-ħolqien ta’ indikaturi li jistgħu jintużaw biex nifhmu aħjar il-punti tajbin u l-punti dgħajfin tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u l-preferenzi tal-poplu.

4.12   L-Artikolu 20

4.12.1   Il-proċedura għall-awtorizzazzjoni preċedenti għandha tkun espliċita u titressaq quddiem il-Kummissjoni bħala data biex tiġi analizzata.

4.12.2   Jinħtieġ li dan ir-rapport jitressaq quddiem il-KESE wkoll.

Brussell l-4 ta’ Diċembru 2008.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Martin WESTLAKE


(1)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “Id-drittijiet tal-pazjent”, rapporteur: is-Sur Bouis (ĠU C 10, 15.1.2008).

(2)  Din il-Karta ġiet iffirmata f’Tallinn fis-27 ta’ Ġunju 2008 mill-Ministri għas-Saħħa tar-Reġjun Ewropew tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

(3)  Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili.


Top