This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008AE1924
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Communication from the Commission to the Council and the European Parliament on the competitiveness of the metals industries — A contribution to the EU's growth and jobs strategy
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-kompetittività tal-industriji tal-metalli — kontribut għall-Iżvilupp u l-Istrateġija tal-Impjiegi tal-UE
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-kompetittività tal-industriji tal-metalli — kontribut għall-Iżvilupp u l-Istrateġija tal-Impjiegi tal-UE
ĠU C 175, 28.7.2009, p. 100–104
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.7.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 175/100 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-kompetittività tal-industriji tal-metalli — kontribut għall-Iżvilupp u l-Istrateġija tal-Impjiegi tal-UE”
COM(2008) 108 finali — SEC(2008) 246
(2009/C 175/19)
Nhar it-22 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-kompetittività tal-industriji tal-metalli — kontribut għall-Iżvilupp u l-Istrateġija tal-Impjiegi tal-UE
COM(2008) 108 finali.
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Novembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur ZÖHRER u l-korapporteur kien is-Sur CHRUSZCZOW.
Matul l-449 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar it-3 u l-4 ta’ Diċembru 2008 (seduta tat-3 ta’ Diċembru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’160 vot favur, 6 voti kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-valur miżjud kbir li ġej mill-industrija tal-metall u s-setturi relatati magħha huwa kontribut essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea. L-industrija tal-metall hija esposta għall-kompetizzjoni globali u f’dawn l-aħħar snin għaddiet minn bidliet u ristrutturazzjonijiet radikali.
1.2 Ir-ristrutturazzjonijiet tal-ġejjieni ser ikunu marbuta mal-globalizzazzjoni tal-ktajjen tal-valur miżjud fl-industrija tal-metall (mill-materja prima sal-ipproċessar). Dan jitlob approċċ ġdid fil-politika tal-industrija, approċċ li jimmira lejn l-innovazzjoni, il-kwalifikazzjoni u kundizzjonijiet globali tal-kompetizzjoni ġusti.
B’mod ġenerali, il-Kumitat jaqbel mal-analiżi tal-karatteristiċi tas-settur li ppreżentat il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha. Madanakollu jeħtieġ li jitqies il-fatt li l-industrija tal-metall mhix settur omoġenu u li mhux faċli jsiru stqarrijiet ġenerali dwarha. Ħafna mill-miżuri li tipproponi l-Komunikazzjoni huma ta’ natura kemxejn ġenerali. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex b’segwitu għal din il-komunikazzjoni, tħejji skeda b’lista ta’ miżuri konkreti li jolqtu lis-sottosetturi individwali wkoll.
1.3.1 Il-Kumitat iħeġġeġ li jitwettqu studji dwar is-setturi individwali bbażati fuq l-esperjenzi tal-KEFA u akkumpanjati minn proċess ta’ monitoraġġ u minn djalogu soċjali.
1.4 Fil-qasam tal-politika tal-enerġija, il-Kumitat iħeġġeġ miżuri ta’ trasparenza fis-suq u fil-prezzijiet li jippermettu provvista tal-enerġija żgura u bbażata fuq kuntratti fuq perijodu fit-tul. Il-lakuni li jeżistu fil-ktajjen tal-provvista jeħtieġ li jimtlew. Barra minn hekk, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li għandhom l-enerġiji rinnovabbli u l-kontribut li tagħti l-industrija stess fil-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana.
L-aktar aspett importanti tal-politika tal-ambjent huwa s-sejba ta’ soluzzjonijiet li jqarrbu l-għan tal-ħarsien tal-klima lejn l-għanijiet tal-impjieg, it-tkabbir u l-kompetittività globali. Il-Kumitat jemmen li sabiex jiġu evitati l-iżvantaġġi kompetittivi għall-industrija tal-metall jeħtieġ li:
— |
il-ftehimiet internazzjonali jingħataw prijorità; |
— |
jiġi appoġġjat it-tixrid tal-aqwa teknoloġiji u t-teknoloġiji l-aktar effiċjenti; |
— |
jitqiesu l-investimenti li diġà saru f’dan ir-rigward; |
— |
il-kapaċità tas-setturi individwali li jnaqqsu l-emmissjonijiet titqies fil-kuntest tal-livelli tekniċi tagħhom; |
— |
li ma ddumx ma tittieħed deċiżjoni li tagħraf kemm huwa perikoluż il-carbon leakage. |
1.5.1 Il-Kumitat jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tad-direttiva dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis (PKIT), il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, ir-regolament REACH u l-istandardizzazzjoni, iżda jistenna li dawn il-proposti individwali jiġu elaborati.
1.6 Fil-futur, l-importanza tar-riċiklaġġ tal-materja prima u tat-tnaqqis tal-intensità tal-materjal jiġifieri r-riċerka dwar “materjal ta’ sostituzzjoni” ser tiżdied (kemm minħabba kunsiderazzjonijiet ambjentali kif ukoll kunsiderazzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali).
1.7 Il-Kumitat jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li żżid l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u ttejjeb il-ħiliet. Bħala eżempju nistgħu nieħdu l-proġett ULCOS (Ultra Low CO2 Steelmaking) fil-qafas tal-Pjattaforma Teknoloġika tal-Azzar (ESTEP). Il-Kumitat iħeġġeġ li fit-tieni parti tas-7 programm qafas issir reviżjoni tal-effiċjenza tal-programmi attwali u jistenna aktar koordinazzjoni u appoġġ f’dan il-qasam. Jeħtieġ li jsiru investimenti konsiderevoli fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tkompli tinbena l-bażi tal-ħiliet.
1.8 Il-kwistjonijiet relatati mal-politika kummerċjali huma l-aktar kwistjonijiet importanti għall-industrija tal-metall li qed taffaċċja kompetizzjoni globali. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li għandu jkun hemm djalogu sod mal-pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet tal-politika kummerċjali. Madanakollu dawk l-istrumenti fil-qasam tal-politika kummerċjali, li jikkonformaw mar-regoli tad-WTO u li jaħdmu kontra l-prattiki li jiżvantaġġaw jew jiddiskriminaw lill-industrija tal-metall tal-UE għandhom jibqgħu disponibbli.
1.9 L-industrija tal-metall qed taffaċċja sfidi soċjali kbar bħal pereżempju:
— |
aktar ristrutturar |
— |
ħaddiema li qed jikbru fl-età |
— |
kwalifiki ogħla |
— |
il-ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà |
Il-Kumitat jinsab kemxejn sorpriż li fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tipproponi l-ebda miżuri jew rakkomandazzjonijiet relatati mal-aspett soċjali. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni (tkompli) tħeġġeġ id-djalogu soċjali fis-setturi kkonċernati għaliex huwa l-aħjar mezz li bih jistgħu jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.
2. Ġustifikazzjoni u kontenut tal-komunikazzjoni
2.1 Il-Komunikazzjoni tiżen il-kompetittività tal-industrija tal-metall u tipproponi mezzi ta’ kif jista’ jsir progress f’dan il-qasam. Hija tkompli tibni fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2005 dwar il-politika industrijali tal-UE li ħabbret bosta inizjattivi fis-settur, inkluża Komunikazzjoni li tevalwa l-impatt tal-materja prima u l-provvista tal-enerġija fuq il-kompetittività tal-industrija tal-metall Ewropea (1). Hija tqis ukoll ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-politika industrijali li saret fl-2007 (2).
2.2 Bħala settur li juża ħafna enerġija, l-industrija tal-metall tintlaqat direttament mill-politiki tal-enerġija u l-bidla fil-klima tal-Komunità. F’Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew enfasizza “l-importanza kbira tas-settur tal-enerġija intensiva” u li “jinħtieġu miżuri ta’ nfiq effettivi biex titjieb kemm il-kompetittività kif ukoll l-impatt ambjentali ta’ industriji Ewropej bħal dawn”. F’dan il-kuntest, il-pakkett ta’ azzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-klima u l-enerġija rinnovabbli tat-23 ta’ Jannar 2008 jagħraf il-qagħda speċifika tal-industriji li jużaw ħafna enerġija, li huma esposti direttament għall-kompetizzjoni globali.
2.3 Il-Kummissjoni tipproponi pakkett ta’ 16-il miżura fl-oqsma tal-enerġija, l-ambjent, l-istandardizzazzjoni, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-ħiliet, ir-relazzjonijiet esterni u l-politika kummerċjali.
3. Kummenti ġenerali
3.1 Kif kien għamel fl-opinjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2006 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona: Qafas ta’ Politika għat-Tisħiħ tal-industrija tal-manifattura tal-UE — lejn strateġija aktar integrata għall-politika industrijali (COM(2005) 474 finali), il-Kumitat jilqa’ b’mod ġenerali l-miżuri speċifiċi tal-Kummissjoni għas-setturi individwali bil-għan li tkabbar il-kompetittività u ttejjeb is-sigurtà tal-impjieg.
L-industrija tal-metall hija wieħed mill-aktar setturi importanti fil-katina tal-valur miżjud ta’ ħafna industriji. L-istimi industrijali juru li l-qligħ tas-setturi relatati mal-industrija tal-azzar huwa ta’ EUR 3 157 biljun u li huma jħaddmu 23 miljun ħaddiem (ara Appendiċi 1). Sfortunatament ma jeżistu l-ebda stimi għal setturi oħra tal-industrija tal-metall. Il-prodotti tal-azzar huma materjal importanti ħafna fis-settur tal-kostruzzjoni b’mod partikolari biex tinbena infrastruttura li tiffranka l-enerġija. Għalhekk il-kapaċità tal-UE li tkompli tiżviluppa u tadatta għall-bidla fil-klima tiddependi ħafna mill-istabbiltà tal-provvista tal-azzar fis-suq tal-UE.
3.2.1 Il-Kumitat jemmen li fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali huwa importanti ħafna li nenfasizzaw li l-valur miżjud tal-industrija tal-metall u s-setturi relatati magħha huwa kontribut essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea. Ir-rwol mexxej tal-industrija tal-metall Ewropea f’setturi differenti huwa l-bażi li fuqha tiddependi l-kompetittività ta’ oqsma industrijali oħra. Dan l-għarfien jeħtieġ li jinżamm fl-Ewropa u jkompli jiġi żviluppat.
L-industrija tal-metall hija esposta għall-kompetizzjoni globali u f’dawn l-aħħar snin għaddiet minn bidliet u ristrutturazzjonijiet radikali li ġabu magħhom żieda fil-kompetittività iżda wkoll postijiet tax-xogħol mitlufa. Madankollu, din ir-ristrutturazzjoni ma tistax tiġi spjegata biss permezz ta’ raġunijiet teknoloġiċi jew permezz tax-xewqa li tittejjeb il-produttività. Parti minnha hija kawża tal-fatt li ċerti proċeduri ta’ manifattura ġew ikkummissjonati barra mill-Ewropa (pereżempju l-produzzjoni tal-aluminju mhux maħdum) fejn l-ispejjeż tal-enerġija, l-obbligazzjonijiet ambjentali u l-qrubija lejn sors tal-materja prima kellhom rwol importanti. Il-proċess għadu ma spiċċax, ir-ristrutturazzjoni ser tkompli. Ir-ristrutturazzjonijiet li minnhom ser tgħaddi l-industrija fil-ġejjieni ser ikunu marbuta mal-globalizzazzjoni tal-ktajjen tal-valur miżjud (mill-materja prima sal-ipproċessar).
3.3 Minħabba fl-intensità enerġetika għolja tagħhom, dawn l-industriji huma affettwati b’mod partikolari mid-dibattitu attwali dwar il-ħarsien tal-klima. Il-kwistjoni kkonċernata f’dan ir-rigward mhijiex biss iż-żamma tal-kompetittività iżda wkoll is-salvagwardja tal-impjiegi fl-industriji kkonċernati. Għalhekk, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-3 ta’ Ġunju 2008, il-kunsill dwar il-kompetittività stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri “sabiex b’mod attiv ikomplu għaddejjin bid-diskussjonijiet mal-industrija u mal-pajjiżi terzi dwar l-approċċi settorjali, sabiex iħeġġu t-teħid ta’ miżuri effettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, u biex b’hekk tiġi indirizzata wkoll il-problema tal-carbon leakage”.
Il-Kumitat jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-karatteristiċi tas-settur. Madanakollu jeħtieġ li jitqies il-fatt li din il-Komunikazzjoni tibni fuq ħidma li nbdiet fl-2004 u li l-industrija tal-metall mhix settur omoġenju.
3.4.1 Għad hemm nuqqas ta’ ċarezza rigward id-definizzjoni tas-setturi msemmija. Il-Kummissjoni tirreferi għall-kodiċi NACE 27 għad-definizzjoni tagħha, filwaqt li d-data fid-dokumenti (il-Komunikazzjoni u l-Anness) tirrappreżenta biss parti mis-sottosetturi (l-industrija primarja u l-ipproċessar parzjali tal-oġetti (semi-manufactured goods)). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta deskrizzjoni iżjed preċiża f’dan ir-rigward, b’mod partikolari peress li fil-kuntest tad-diversità tas-sottosetturi (26 settur industrijali f’ħames gruppi skont il-kodiċi NACE 27) u tal-istrutturi differenti (fl-industrija tal-materja prima il-maġġoranza tan-negozji huma negozji kbar filwaqt li fil-qasam tal-ipproċessar jeżistu ħafna SMEs) li jeżistu, huwa diffiċli li jsiru stqarrijiet ġenerali.
Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tipproponi għadd ta’ miżuri mmirati lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-industriji kkonċernati. Dawn jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ għanijiet politiċi, donnhom kontradittorji, oħra li qed tittratta l-Komunità fl-istess waqt. Il-Kumitat jiddispjaċih li ħafna mill-proposti huma wisq ġenerali u jitlob lill-Kummissjoni sabiex b’segwitu għal din il-komunikazzjoni, tħejji skeda b’lista ta’ miżuri konkreti li jolqtu lis-sottosetturi individwali wkoll. Dan huwa fattur importanti ħafna b’mod partikolari għax id-deċiżjonijiet li jolqtu l-investiment fl-industrija tal-metall huma deċiżjonijiet fuq perijodu medju jew fit-tul u ser jiġu influwenzati minn dawn il-miżuri.
3.5.1 Il-Kumitat iħeġġeġ biex flimkien mas-setturi kkonċernati, isiru studji dwar l-evoluzzjoni tad-domanda, tal-produzzjoni u tat-teknoloġiji fis-setturi individwali, li jibnu fuq l-esperjenzi tal-KEFA u li jiġu akkumpanjati minn proċess ta’ monitoraġġ u minn djalogu soċjali. L-industrija tal-azzar tista’ tittieħed bħala eżempju f’dan ir-rigward. It-Trattat tal-KEFA pprovda għal sistema tal-ġbir tad-data fl-oqsma tal-ħadid u l-azzar li marret lil hinn mill-qafas tal-istatistika ġenerali tal-industrija. It-Trattat tal-KEFA skada fl-2002 u wara, l-industrija Ewropea tal-azzar impenjat ruħha b’suċċess sabiex, għall-anqas fuq bażi temporanja, tkun tista’ tkompli tiġbor statistika fundamentali li mhix koperta mill-istatistika ġenerali tal-industrija. Din il-prattika ġiet applikata fil-livell Ewropew permezz tar-Regolament (KE) Nr. 48/2004. Il-Kumitat isejjaħ għall-estensjoni ta’ dan ir-regolament temporanju u jissuġġerixxi l-ġbir estensiv ta’ data simili f’oqsma oħra tal-industrija tal-metall għaliex kull ma jmur dejjem qed isir aktar evidenti l-fatt li l-istatistiki ġenerali tal-industrija mhumiex tajbin biżżejjed biex iservu ta’ bażi għal azzjoni politika konkreta.
4. Kummenti speċifiċi dwar il-proposti tal-Kummissjoni
4.1 Il-politika tal-enerġija
4.1.1 Il-Kummissjoni tiddikjara sew li bidliet bħaż-żieda rapida fil-prezzijiet tal-gass u l-elettriku u r-restrizzjonijiet marbuta mal-assigurazzjoni tal-provvista permezz ta’ kuntratti fuq perijodu twil qegħdin jolqtu l-kompetittività tal-industrija tal-metall tal-UE.
4.1.2 Hemm bżonn li jittieħdu miżuri li jippermettu previżjoni aħjar tat-tendenzi tal-prezzijiet, li jiggarantixxu trasparenza ikbar fis-suq u li jiffaċilitaw l-għażla ħielsa tal-fornituri tal-enerġija. Azzjoni bħal din teħtieġ appoġġ leġiżlattiv u r-rikonoxximent tal-kompatibbiltà tal-prattiki mal-liġi Komunitarja.
4.1.3 Ir-reviżjoni tal-possibbiltajiet tal-kuntratti tal-provvista fuq perijodu twil hija wieħed mill-iktar mezzi importanti ta’ kif wieħed jista’ jipprevedi aħjar il-kundizzjonijiet tal-provvista. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll il-limitu safejn il-fornituri tal-enerġija jistgħu jew ma jistgħux jieħdu sehem fl-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE.
4.1.4 Hemm bżonn li jinstabu soluzzjonijiet għan-nuqqasijiet fl-infrastruttura tat-trasport tal-enerġija (netwerks trans-Ewropej) sabiex jiġi assigurat aċċess bla limitu għas-suq tal-enerġija għan-negozji kkonċernati kollha.
4.1.5 Iktar ma jgħaddi ż-żmien, l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli aktar ser isir fattur prinċipali għall-assigurazzjoni ta’ provvista indipendenti għall-industriji tal-UE. L-industrija tal-metall tikkontribwixxi għas-suċċess tal-politika tal-UE fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-enerġija (elettriku u sħana) minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Il-proċess tal-produzzjoni tal-azzar u l-ifran tal-kokk huma sors ta’ gassijiet prezzjużi — il-gass tal-kalkari tal-funderiji, il-gass tal-konvertituri (BOS — Basic Oxygen Steelmaking) u l-gass tal-ifran tal-kokk. Dawn il-gassijiet fihom proporzjonijiet differenti ta’ ossidu karboniku (sa 65 % fil-gass tal-konvertituri), dijossidu karboniku, nitroġenu u idroġenu (sa 60 % fil-gass tal-ifran tal-kokk). Minflok ma jinħlew u jinħarqu dawn imisshom jintużaw b’mod effettiv sabiex jiġġeneraw l-elettriku u/jew is-sħana. Sa ċertu punt, proċessi bħal dawn diġà jeżistu madanakollu jeħtieġ li jsiru sforzi akbar għall-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji.
4.1.6 Barra minn hekk, il-Kumitat jenfasizza l-fatt li huwa esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-politika tal-enerġija f’bosta opinjonijiet tiegħu (l-iktar waħda riċenti CCMI/052 u f’diversi opinjonijiet tat-TEN).
4.2 Il-politika ambjentali
4.2.1 Jeżisti numru kbir ta’ regoli ambjentali tal-UE li jolqtu lill-industrija tal-metall. Għall-industrija, l-implimentazzjoni u l-osservanza ta’ dawn ir-regoli tfisser l-isfida permanenti li jinstab bilanċ bejn id-diversi għanijiet tagħha (pereżempju l-prevenzjoni tal-emissjonijiet perikolużi tista’ twassal għal żieda fil-konsum tal-enerġija u dan jolqot ħażin lill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija). M’hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li diversi oqsma tal-industrija tal-metall jaqgħu taħt is-setturi li jużaw ħafna enerġija u li huma esposti għal kompetizzjoni globali kbira fil-livell tal-prezzijiet. Is-setturi kkonċernati jipproduċu livelli għolja ta’ CO2. Jekk il-miżuri proposti mill-Kummissjoni dwar il-bidla fil-klima — u l-iktar it-tkabbir tal-ETS — jiġu applikati għall-industrija tal-metall mingħajr aktar restrizzjonijiet, dan jista’ jwassal għar-rilokazzjoni tal-investimenti (fattur li diġà qiegħed iseħħ illum il-ġurnata) u t-telf tal-impjiegi (riskju ta’ carbon leakage). Madankollu, l-impatt mixtieq fuq il-bidla fil-klima ma jistax jintlaħaq jekk il-pajjiżi kollha ma jaqblux ma’ dawn il-miri.
4.2.2 Għalhekk, l-ikbar prijorità għandha tingħata lill-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali u vinkolanti bi kriterji ċari li jiffaċċilitaw l-effikaċja u l-monitoraġġ bil-għan li jiġu evitati l-iżvantaġġi kompetittivi tal-industriji Ewropej u li tiġi miġġielda l-bidla fil-klima fuq livell globali.
Diversi setturi li jagħmlu parti mill-industrija tal-metall diġà investew ħafna fit-teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija. L-industrija Ewropea tal-azzar għandha rwol mexxej fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u ħafna negozji f’dan is-settur diġà laħqu l-limitu ta’ dak li huwa teknoloġikament possibbli fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet waqt il-produzzjoni. L-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra b’21 % sal-2020, meta mqabbla mal-emissjonijiet tal-2005, għandu jiġi indirizzat lis-setturi tal-ETS kollha (is-setturi li jipproduċu l-elettriku u l-industriji li jużaw ħafna enerġija) u d-distribuzzjoni tal-isforzi bejn is-setturi għandha ssir b’kunsiderazzjoni tal-kapaċità tal-industrija li tnaqqas l-emissjonijiet fil-qafas tal-limiti teknoloġiċi tagħha u mingħajr ma tintlaqat il-kapaċità tal-manifattura tagħha.
4.2.3.1 Il-Kunsill stabbilixxa li l-ftehimiet internazzjonali ppjanati ser jirriżultaw fil-mira ħafna iżjed ambizzjuża tat-tnaqqis sa 30 % tal-emissjonijiet tas-CO2. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jenfasizza li għandhom jiġu speċifikati b’mod ċar is-setturi li huma mistennija jiksbu dan it-tnaqqis. M’hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li dan ma jistax jintlaħaq biss fis-setturi li bħalissa huma koperti mill-ETS. Il-Kumitat jemmen li miżuri f’oqsma bħalma huma l-iżolazzjoni tal-bini, l-organizzazzjoni tat-trasport u t-traffiku u l-effiċjenza ġenerali tal-enerġija għandhom jaqdu rwol prominenti wkoll.
4.2.4 Il-Kumitat jemmen li l-prijorità ta’ kwalunkwe miżura l-ewwel u qabel kollox għandha tkun li tħeġġeġ l-aħjar teknoloġiji u dawk li jiffrankaw l-aktar enerġija u mbagħad ir-riċerka u l-iżvilupp sabiex jittejbu dawn it-teknoloġiji u jiġi żviluppat materjal ġdid. L-istandards tekniċi għandhom jitqiesu kemm huma u jittieħdu l-miżuri fil-livell tal-UE kif ukoll fin-negozjati tal-ftehimiet internazzjonali dwar il-ħarsien tal-klima.
Il-Kummissjoni għandha tħejji, kemm jista’ jkun malajr, pjan rilevanti bil-miżuri ppjanati kollha u bil-passi meħtieġa sabiex tiġi evitata kwalunkwe inċertezza oħra fl-industrija. B’rabta ma’ dan, il-Kumitat jixtieq jiffereferi għal Artikolu 10b tal-Proposta tal-Kummissjoni dwar l-ETS (3).
4.2.5 Rigward id-Direttiva PKIT, il-Kumitat jappoġġja l-pjanijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kummissjoni, li, fost affarijiet oħra, se jgħinu sabiex titħejja leġiżlazzjoni aħjar u aktar sempliċi. Madankollu, bħala bażi għaċ-ċertifikazzjoni u t-tħaddim tas-siti industrijali, id-Direttiva kodifikata għandha tikkunsidra l-progress individwali tal-iżvilupp teknoloġiku. Il-kompetittività tal-industrija tal-metall tal-UE m’għandhiex titpoġġa f’riskju minnħabba obbligazzjonijiet li ma jikkorrispondux mal-possibbiltajiet teknoloġiċi.
4.2.6 Il-Kumitat jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, ir-regolament REACH u l-istandardizzazzjoni, iżda jistenna li dawn il-proposti individwali jiġu elaborati.
4.3 L-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-ħiliet
4.3.1 Il-Kumitat jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li żżid l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u ttejjeb il-ħiliet.
4.3.2 Il-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea tal-Azzar (ESTEP) taqdi rwol fit-tfassil tal-ġejjieni u dan permezz tal-proposti tagħha għal programmi ambizzjużi ta’ R&D favur il-kompetittività sostenibbli (fil-qafas tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka (SRA)). Il-prijoritajiet tal-aġenda huma li jnaqqsu l-piż ambjentali tal-proċessi u li jiżviluppaw prodotti moderni li għandhom valur miżjud u li għandhom ċiklu tal-ħajja iżjed effiċjenti. Il-proġett ULCOS pereżempju huwa l-ewwel proġett kbir tal-ESTEP. L-għan tiegħu huwa li jwassal għal tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tas-CO2. Attwalment, l-ULCOS huwa l-iktar proġett ambizzjuż madwar id-dinja kollha u diġà kiseb suċċess kbir wara li ntgħażlu erba’ teknoloġiji promettenti li għandhom jiġu vvalutati fuq skala industrijali u wara marbuta mat-teknoloġiji għall-Ġbir u l-Ħażna tal-Karbonju (CCS). L-ESTEP tagħti kontribut fil-ħarsien tal-klima u tinfluwenza wkoll il-qasam tal-enerġija permezz ta’ soluzzjonijiet rinnovvabbli għall-azzar ħafif li jolqtu pereżempju lis-setturi tal-vetturi u tal-kostruzzjoni, u permezz ta’ soluzzjonijiet effiċjenti ġodda għall-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija għall-ġejjieni (pereżempju l-enerġija mir-riħ).
4.3.3 L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema huma essenzjali għall-ħolqien ta’ industrija Ewropea sostenibbli. Jenħtieġ investiment sinifikanti fil-bażi tal-ħiliet pereżempju billi jitħaddmu l-gradwati u billi jiġi żviluppat it-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari l-e-learning. Il-ksib ta’ dan l-għan soċjali jeħtieġ kemm l-appoġġ tal-UE kif ukoll tal-universitajiet (4).
4.3.4 Madankollu il-Kumitat jipproponi valutazzjoni tal-effikaċja tal-programmi attwali. Pereżempju, l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka tal-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea tal-Azzar wasslet għal riżultati diżappuntanti wara l-ewwel sejħa għall-offerti tas-Seba “Programm Qafas (inqas minn 10 % f’termini ta’ rata ta’ suċċess) għax is-sejħiet ma jidhrux li jkopru l-prijoritajiet tal-Aġenda. Huwa mistenni appoġġ aħjar fit-tieni parti tas-Seba” Programm Qafas.
4.4 Ir-relazzjonijiet esterni u l-politika kummerċjali
4.4.1 Il-Kumitat jilqa’ l-istrateġija tal-Kummissjoni li tagħti prijorità kbira lill-bżonn li l-industrija tiġi pprovduta bil-materja prima li teħtieġ. Madankollu, tajjeb li wieħed jinnota li din mhijiex biss kwistjoni ta’ relazzjonijiet esterni u politika kummerċjali, hekk kif wera l-Kumitat fl-opinjoni tiegħu intitolata “L-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija fl-Ewropa” (CCMI/056). F’dan ir-rigward tajjeb li wieħed jenfasizza l-fatt li, fil-futur, l-importanza tar-riċiklaġġ tal-materja prima u t-tnaqqis tal-intensità tal-materjal jiġifieri r-riċerka dwar “materjal ta’ sostituzzjoni” ser tiżdied (kemm minħabba kunsiderazzjonijiet ambjentali kif ukoll kunsiderazzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali).
4.4.2 B’mod partikolari għandu jitqies il-fatt li f’ħafna setturi tal-materja prima huma biss grupp żgħir ta’ kumpaniji internazzjonali li għandhom il-kapaċità li jiddettaw il-prezzijiet.
4.4.3 Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li għandu jkun hemm djalogu sod mal-pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet tal-politika kummerċjali. Madanakollu dawk l-istrumenti fil-qasam tal-politika kummerċjali, li jikkonformaw mar-regoli tad-WTO u li jaħdmu kontra l-prattiki li jiżvantaġġaw jew jiddiskriminaw lill-industrija tal-metall tal-UE għandhom jibqgħu disponibbli u għandhom jintbagħtu sinjali ċari li jindikaw li fejn ma jaħdimx id-djalogu ser jintużaw dawn l-istrumenti.
4.5 L-aspetti soċjali
4.5.1 Fid-dawl ta’ sfidi kbar bħal ħaddiema li qed jikbru fl-età (b’mod partikolari fl-industrija tal-azzar), eżiġenzi ġodda fejn jidħlu kwalifiki u bidliet strutturali kontinwi, il-Kumitat jinsab kemxejn sorpriż li fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tipproponi l-ebda miżuri jew proposti għall-aspett soċjali tal-industrija.
4.5.2 Hemm bżonn li s-sigurtà u l-ħarsien tas-saħħa jingħataw attenzjoni partikolari għax l-industrija tal-metall hija waħda mill-industriji li huma esposti għal riskju kbir.
4.5.3 B’rabta ma’ dan, il-Kumitat jixtieq jenfasizza mill-ġdid l-importanza tad-djalogu soċjali.
Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2008.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Martin WESTLAKE
(1) COM(2005) 474 finali, Anness II.
(2) COM(2007) 374 finali, 4.7.2007.
(3) COM(2008) 16 finali tat-23 ta’ Jannar 2008.
(4) F’dan ir-rigward ta’ min isemmi li fl-industrija tal-metall diġà jeżistu inizjattivi għat-titjib/għaż-żieda tal-mobbiltà tal-ħaddiema fis-settur Ewropew tal-metall bħal pereżempju l-EMU Pass (www.emu-pass.com).