Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1913

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nindirizzaw l-isfida tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

    ĠU C 175, 28.7.2009, p. 87–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 175/87


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nindirizzaw l-isfida tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni”

    COM(2008) 241 finali

    (2009/C 175/16)

    Nhar it-13 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nindirizzaw l-isfida tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

    COM(2008) 241 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Bataller.

    Matul l-449 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-3 u l-4 ta’ Diċembru 2008 (seduta tal-4 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’123 vot favur, 3 voti kontra u 21 astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jemmen li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun fost il-prijoritajiet politiċi tal-UE. L-iżvilupp sostenibbli jinkiseb permezz tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ enerġija alternattiva (“rinnovabbli”, “nadifa” jew “li tirrispetta l-ambjent”) u fl-aħħar nett l-adozzjoni ta’ miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 bil-għan li tiġi miġġielda l-bidla fil-klima.

    1.2   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirrappreżenta pass ’il quddiem f’din id-direzzjoni, billi tissuġġerixxi l-promozzjoni ta’ programmi nazzjonali u reġjonali għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RTD) u billi tqis it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICTs) bħala xprunatur għall-użu effiċjenti tal-enerġija.

    1.3   Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-ICTs jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli f’żewġ manjieri. L-ewwel nett, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-komponenti, it-tagħmir u s-servizzi tagħhom jippermettu frankar tal-enerġija meta jintużaw. It-tieni nett, l-applikazzjoni tal-ICTs f’oqsma ekonomiċi differenti, kemm fl-istadji ta’ produzzjoni kif ukoll f’dawk ta’ konsum, tippermetti “dematerjalizzazzjoni” ta’ ħafna proċeduri u sostituzzjoni ta’ skambji fiżiċi u materjali permezz ta’ servizzi online, li wkoll jiffrankaw l-enerġija. Madankollu, il-Kumitat jemmen ukoll li huwa importanti li l-iffrankar tal-enerġija jiġi introdott fil-proċess kollu tal-manifattura u tal-użu tat-tagħmir teknoloġiku minflok ma tingħata attenzjoni biss lill-konsum effiċjenti tal-enerġija tul il-ħajja utli tat-tagħmir.

    1.4   L-għan tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, b’konformità ma’ dawn l-objettivi, huwa li tniedi fażi preliminari ta’ ġbir u analiżi ta’ informazzjoni qabel ma toħroġ it-tieni komunikazzjoni fejn ser jiġu identifikati l-oqsma ta’ azzjoni prinċipali (1). Madankollu, il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali li jiġu promossi miżuri li l-għan tagħhom huwa li jinkoraġġixxu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fuq il-perijodu medju u fit-tul.

    1.5   Fattur importanti sabiex tinkiseb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mill-lat ta’ provvista huwa l-bdil ta’ tagħmir li jaħli ħafna enerġija minħabba teknoloġiji li m’għadhomx jintużaw jew li waslu fi tmien il-ħajja utli tagħhom. Fil-livell Ewropew, iktar minn 50 % tal-apparat domestiku li jaħdem bl-elettriku għandu aktar minn għaxar snin u jista’ jitqies bħala apparat li jagħmel użu ineffiċjenti tal-enerġija. Bħala pass preliminari jew alternattiva għat-tħejjija tad-Direttivi f’dan il-qasam, il-Kummissjoni tista’ tippromovi kriterji għall-industrija li, bl-appoġġ tal-gvernijiet nazzjonali u l-għajnuna tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-utenti, jiffaċilitaw pjanijiet għas-sostituzzjoni ta’ dan l-apparat.

    1.6   Pereżempju, il-Kumitat jemmen li l-introduzzjoni ta’ televiżjoni diġitali terrestri fl-Istati Membri differenti għandha tkun opportunità sabiex jiġu aġġornati r-riċevituri, sabiex l-iskrijns tat-televiżjoni tal-cathode ray tubes (CRTs) il-qodma jiġu sostitwiti permezz tal-LCDs (liquid crystal display). Dan ifisser, pereżempju, il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ tagħmir integrat li jiżgura l-interattività iktar milli l-akkwist ta’ decoders periferali li jikkonnettjaw ma’ settijiet analogi tat-televiżjoni u dan fuq il-bażi ta’ ftehimiet mal-produtturi u mal-organizzazzjonijiet tal-utent. Studji tekniċi jindikaw li televiżjonijiet tas-CRTs jikkonsmaw tliet darbiet iżjed enerġija mill-LCDs, u l-konsum tal-enerġija meta dawn ikunu fuq “stand-by” jista’ jkun sa 60 % ogħla.

    1.7   Il-Kummissjoni tista’ tadotta approċċ simili f’oqsma oħra — bħal pereżempju n-netwerk tal-elettriku (il-produzzjoni u d-distribuzzjoni), bini li jagħmel użu intelliġenti tal-enerġija u sistema ta’ dawl intelliġenti. Dan iwassal għall-iżvilupp tal-iskambju elettroniku tal-elettriku u teknoloġiji ġodda ta’ produzzjoni u distribuzzjoni; il-ġestjoni tal-enerġija, sistemi ta’ kontabilità u viżwalizzazzjoni għall-iffrankar tal-enerġija fil-bini; u żviluppi ġodda fil-qasam tad-dawl intelliġenti — id-dawl fuq ġewwa, fuq barra u fit-toroq — li jagħmlu użu minn sorsi ta’ dawl li jistgħu jiġu affettwati mill-ambjent tal-madwar, billi jaġġustaw ruħhom elettronikament għall-ħtiġijiet tat-tidwil.

    Pereżempju, huwa magħruf li l-enerġija li tintuża fil-manifattura u l-iżvilupp tal-kompjuters hija tliet darbiet akbar mill-enerġija li l-kompjuters jużaw tul il-ħajja utli tagħhom. Il-konsum għoli tal-enerġija tas-servers tal-internet u tas-search engines għandu jitqis ukoll, u għandhom jiġu żviluppati soluzzjonijiet speċifiċi f’dan il-qasam li jikkunsidraw b’mod partikolari t-tkabbir esponenzjali fl-użu tal-internet kif ukoll iż-żjieda fil-konsum tal-enerġija relatata mal-konverġenza teknoloġika. Huwa wkoll importanti li jiġi stmat l-iffrankar tal-enerġija li jista’ jinkiseb mill-użu ta’ tagħmir interoperabbli li huwa teknikament standardizzat, b’riżultat li jkun hemm proliferazzjoni iżgħar tat-tagħmir u użu aħjar tiegħu, b’konformità mal-objettivi tad-Direttiva Nru 2005/32/KE (2).

    Il-konsumaturi jistgħu jagħtu kontribut importanti għal dan l-impenn għall-iffrankar tal-enerġija billi jużaw it-teknoloġiji l-ġodda kif xieraq; f’dan il-każ ukoll, l-iżvilupp ta’ programmi tal-kompjuters u ta’ teknoloġija jagħti lill-konsumaturi aċċess faċli u fi żmien qasir għall-informazzjoni li jeħtieġu biex jużaw it-tagħmir b’mod effiċjenti u biex jikkwantifikaw kemm ikunu frankaw enerġija permezz t'hekk. Pereżempju, billi l-kompjuters u t-tagħmir periferali jitħallew mixgħulin biss meta jkunu qed jintużaw; ma jintużawx screensavers u l-kompjuters ma jitħallewx mixgħula b’mod li ma jaħlux ħafna enerġija (“low-consumption mode”); u jittejjeb l-użu tal-printers, eċċ. Huwa ġeneralment stmat li l-użu ta’ “enerġija fantażma” ġġenerata minn tagħmir li jkun fuq “stand-by” (ara iktar ’il fuq) jammonta għal madwar 12 % tal-kont tad-dawl annwali ta’ dar partikolari. Dan jiżdied meta l-użu ħażin tat-teknoloġija jiġi abbinat ma’ tagħmir li m’għadux jintuża. Huwa evidenti li l-bżonn li jinbidel it-tagħmir ifisser spejjeż konsiderevoli għall-konsumaturi, li f’ċerti każijiet għandu jiġi kkumpensat permezz ta’ għajnuna soċjali.

    1.8   Dan l-impenn għandu jiġi kkomplementat permezz ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità u tikkettar ċar u preċiż tal-informazzjoni għall-utenti dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ tagħmir partikolari, l-“impatt ambjentali” jew il-“marka tal-karbonju” (carbon footprint) tiegħu, eċċ, biex b’hekk titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali, u id-domanda tingħata direzzjoni ambjentali u jiġi promoss l-użu effiċjenti u sostenibbli tal-enerġija. Esperjenza potenzjali bl-ICTs f’oqsma bħat-tagħmir awdjoviżiv, l-komunikazzjoni elettronika, is-settur tal-elettriku, u bini jew dawl li jagħmlu użu intelliġenti tal-enerġija tista’ tkun ta’ eżempju għall-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija f’oqsma prinċipali oħra fejn il-Kummissjoni nediet programmi, bħal pereżempju l-manifattura tal-karozzi, l-industrija tal-manifattura, it-trasport.

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri attivi biex tipprovdi informazzjoni lill-konsumaturi, lin-negozji, lill-amministrazzjonijiet, eċċ. ibbażati fuq kampanji li jqajmu kuxjenza billi jużaw medja u metodi differenti.

    1.9   Il-Kummissjoni għandha wkoll tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ indikaturi standardizzati u affidabbli għall-kwantifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija permezz tal-użu tal-ICTs. Dan jista’ jgħin sabiex titwaqqaf iż-żjieda fl-użu qarrieqi u li jiżgwida ta’ kunċetti bħall-enerġija “li tirrispetta l-ambjent” jew “nadifa”, bħala strateġija purament kummerċjali, bl-ebda ġustifikazzjoni ġenwina li tista’ tintwera u tiġi kwantifikata f’termini ta’ frankar u tnaqqis tal-emissjonijiet. L-introduzzjoni ta’ indikaturi bħal dawn tgħin sabiex jiġi ċċarat jekk prattika kummerċjali hijiex inġusta jew le, b’mod partikolari f’reklamar li juża argumenti ta’ “eco-marketing”.

    Fi żmien fejn is-suq tal-enerġija qed jiġi pprivatizzat u liberalizzat, huwa importanti li ninkoraġġixxu lin-negozji jinvestu fl-iffrankar tal-enerġija u fl-enerġija sostenibbli, billi ngħinuhom jikkunsidraw dan l-investiment bħala opportunità ekonomika u sors ta’ impjieg stabbli u ta’ kapaċità.

    1.10   Il-Kumitat jemmen li jeħtieġ li jissaħħaħ l-impetu politiku fl-UE sabiex jiġu garantiti r-riżorsi meħtieġa għall-kisba tal-objettivi proposti għall-iffrankar tal-enerġija, b’miżuri obbligatorji dwar it-tagħmir sabiex jiġu kkumplimentati n-nuqqasijiet tal-pjanijiet nazzjonali. Azzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, ibbażata fuq l-adozzjoni ta’ direttiva, tagħti valur miżjud lill-miżuri meħuda mill-Istati Membri mingħajr ma taffettwa l-appoġġ tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta’ kodiċi ta’ prattika tajba fil-livell nazzjonali u twettaq studji komparattivi dwar it-titjib tal-enerġija sabiex tipprovdi inċentiv fl-UE u tinkoraġġixxi lin-negozji jfasslu rapporti dwar l-iffrankar tal-enerġija.

    2.   Nota spjegattiva

    2.1   Sfond

    2.1.1   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija ppubblikata fi ħdan il-kuntest li ġej:

    il-prijoritajiet stabbiliti mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern fil-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa tal-2007, li enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-bidla fil-klima, li l-enerġija tkun suffiċjenti, sikura u kompetittiva, u li jiġi garantit mudell għall-iżvilupp sostenibbli fis-seklu 21. Matul is-summit imsemmi hawn fuq, intlaħaq ftehim dwar il-ħtieġa li l-politika integrata dwar il-klima u l-enerġija ssir il-bażi attwali tal-programm politiku tal-UE, billi tistabbilixxi objettivi preċiżi u vinkolanti sabiex juru d-determinazzjoni tagħha f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni temmen li fil-futur ser jeħtieġ li t-tkabbir kontinwu tal-ekonomija Ewropea, li huwa essenzjali biex jinkisbu x-xogħol u l-inklużjoni għal kulħadd, jiġi sseparat mill-konsum tal-enerġija. It-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICTs) (3) jaqdu rwol importanti għat-tnaqqis tal-intensità tal-enerġija, u ż-żjieda fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija tal-ekonomija;

    il-pakkett tal-miżuri adottat mill-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta’ Jannar 2008, maħsub biex juri li l-objettivi msemmija hawn fuq mhumiex biss teknoloġikament u ekonomikament vijabbli, iżda jipprovdu wkoll opportunità kummerċjali għal eluf ta’ kumpaniji Ewropej;

    il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija u bosta azzjonijiet oħra, imnedija mill-Kummissjoni Ewropea f’oqsma differenti, kollha bil-mira li jegħlbu l-isfidi tal-bidla fil-klima.

    2.2   Kummenti ġenerali

    2.2.1   F’dan fl-isfond, il-Komunikazzjoni li qed tiġi diskussa hija mmirata sabiex tħeġġeġ dibattitu miftuħ bejn il-partijiet interessati f’varji oqsma magħżula, bħal pereżempju s-settur tal-ICT innifsu, u s-setturi tal-elettriku, tal-bini u tad-dawl li jagħmlu użu intelliġenti tal-enerġija. Dan ifisser li għandu jitnieda proċess ta’ ġbir u analiżi ta’ informazzjoni, iżda wkoll ta’ konsultazzjoni u sħubija li jinvolvu numru massimu ta’ partijiet interessati: l-istituzzjonijiet Ewropej (il-Parlament, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew), l-Istati Membri, l-industrija, il-korpi ta’ riċerka u l-konsumaturi. Dawn għandhom rwol importanti sabiex jittestjaw tagħmir u komponenti ġodda.

    Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi aktar lill-konsumaturi u lill-utenti sabiex jipparteċipaw fil-kisba tal-objettivi għall-iffrankar tal-enerġija permezz tal-ICTs, sabiex is-sistemi jkunu intelliġenti mhux biss fir-rigward tal-iffrankar tal-enerġija iżda wkoll fil-mod kif il-pubbliku ġenerali jużahom. Hemm proċeduri differenti għall-implimentazzjoni ta’ din il-parteċiazzjoni fil-proċess ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, bħal pereżempju n-netwerk Ewropew “living labs” fejn l-opinjonijiet, l-attitudnijiet u l-prattiki tal-utenti huma disponibbli direttament permezz ta’ osservazzjoni mekkanika bl-użu tal-ICTs.

    2.2.2   Is-sinerġiji u l-ftehimiet dwar prattika tajba li jistgħu jiżviluppaw matul dan il-proċess jistgħu jintużaw sabiex jissaħħu l-proġetti pilota, billi jittejjbu r-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RŻT). Fil-qasam speċifiku tal-ICTs, ir-riċerka dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sseħħ fi ħdan programmi nazzjonali u reġjonali, il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni tal-UE u l-programmi operazzjonali ffinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni. B’dan il-mod il-kumpaniji jiġu mħeġġa jistmaw l-“impatt ambjentali” tagħhom, u permezz ta’ din l-analiżi, ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-assoċjazzjoni ta’ networks avvanzati ta’ komunikazzjoni u ta’ enerġiji rinnovabbli sabiex jiffrankaw l-enerġija (“Negawatt”).

    2.2.3   Il-KESE, f’bosta okkażjonijiet, esprima l-opinjoni tiegħu dwar l-importanza tal-ICTs għal-kisba ta’ tibdil strutturali u l-kontribut sinifikanti li jistgħu jagħmlu għall-innovazzjoni, pereżempju fl-opinjonijiet tiegħu dwar in-nanoteknoloġija (4), il-bijoteknoloġija (5), ir-riċerka fil-qasam tal-kura medika (6) u b’mod partikolari fl-opinjoni dwar it-teknoloġiji tal-informazzjoni. Is-Seba’ Programm ta’ Qafas jindirizza dawn il-kwistjonijiet essenzjalment fuq bażi orizzontali. Fir-rigward tal-miżuri ta’ Riċerka u Żvilupp, mill-lat ekonomiku u ambjentali, huwa importanti li jintużaw it-teknoloġiji l-aktar aġġornati u li jkun hemm finanzjar Komunitarju akbar sabiex jiġu mħeġġa r-riċerka u l-innovazzjoni (7).

    2.3   Kummenti speċifiċi

    Il-Kummissjoni tanalizza b’mod partikolari s-settur tal-elettriku, li bħalissa għaddej minn proċess ta’ tibdil kbir, ibbażat fuq il-liberalizzazzjoni tas-suq, it-tkattir tan-networks lokali tal-enerġija, l-integrazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-espansjoni tal-koġenerazzjoni u tal-mikroġenerazzjoni (il-mikrosistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, l-impjanti tal-enerġija virtwali), it-tqassir tal-katina bejn il-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija, it-tpattija tal-użu u d-domanda għall-enerġija bejn l-utenti, u d-domandi ġodda mill-pubbliku ġenerali.

    2.3.1.1   Il-kwistjoni tal-aġġornament tan-network tal-elettriku, mill-ġenerazzjoni għad-distribuzzjoni, li tinkludi t-titjib tal-effiċjenza tan-network sabiex ma jkunx hemm ħela ta’ enerġija, hija indirizzata fil-valutazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-KESE esprima l-fehma tiegħu f’opinjoni li nirreferu għaliha (8).

    2.3.1.2   Il-Kummissjoni tħares ukoll lejn possibbiltajiet li jistgħu jintużaw għall-iffrankar tal-enerġija provduti minn bini, kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali, li jagħmel użu intelliġenti tal-enerġija. Il-ġestjoni tal-enerġija, is-sistemi ta’ kontabilità u l-viżwalizzazzjoni għall-iffrankar tal-enerġija huma msemmija speċifikament b’rabta ma’ dan; dawn għandhom ukoll il-vantaġġ li jqajmu kuxjenza ikbar fost l-utenti dwar dan il-konsum. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li ’l fuq minn 40 % tal-konsum tal-enerġija fl-Ewropa huwa relatat mal-bini.

    2.3.1.3   Il-Kumitat jemmen (9) li għandhom jinsabu stimuli kulturali u inċentivi ġodda, min-naħa biex jibbilanċjaw spejjeż ogħla u mill-oħra biex iqajmu interess f’dan li ġej:

    il-proġett ta’ riċerka,

    ir-reviżjoni tal-metodi ta’ kostruzzjoni;

    l-użu ta’ materjali aħjar fil-proċess ta’ kostruzzjoni, u

    metodi strutturali ġodda.

    2.3.1.4   Il-KESE jtenni (10) li għandhom jiġu kkunsidrati l-ostakli li jfixklu l-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-effiċjenza enerġetika tal-bini fl-Ewropa mill-lat tal-konsumatur aħħari: diffikultajiet tekniċi, ekonomiċi, finanzjarji, legali, amministrattivi u burokratiċi, istituzzjonali, relatati mal-ġestjoni, dawk marbuta mal-imġiba soċjali u diffikultajiet minħabba inkonsistenza fl-aproċċ (żbilanċi fit-tisħin u l-arja kkondizzjonata, nuqqas ta’ konsiderazzjoni tal-klima lokali).

    Djar li jagħmlu użu intelliġenti tal-enerġija jikkontribwixxu kemm għall-kwalità tal-ħajja, il-kumdità u s-sigurtà tal-abitanti tagħhom, kif ukoll għall-iffrankar ekonomiku u tal-enerġija. Il-konnettività toffri aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni (ir-riċezzjoni, l-adattament u d-distribuzzjoni ta’ sinjali tax-xandir awdjoviżivi permezz ta’ frekwenzi terresti u satellitari, ADSL, kejbil, network elettriku), iżda wkoll għal servizzi oħra li huma effiċjenti ħafna fl-iffrankar tal-enerġija: l-iskoperti tan-nixxija tal-gass u tal-ilma, il-konsum eċċessiv tal-elettriku minħabba difetti, il-kontroll awtomatiku tat-tisqija u tal-arja kkondizzjonata.

    L-inkorporazzjoni tal-proċeduri attivi kif ukoll dawk passivi għat-titjib tal-kondizzjonijiet ambjentali tar-residenzi tista’ tnaqqas il-konsum residenzjali sa 50 % filwaqt li, skont ċerti studji, l-assoċjazzjoni ta’ enerġiji nodfa u sistemi mekkaniċi ta’ kontroll ambjentali tista’ tnaqqas il-konsum residenzjali sa 70 %.

    L-iżviluppi fil-qasam tad-dawl intelliġenti — fuq ġewwa, fuq barra u fit-toroq — li jagħmlu użu minn sorsi tad-dawl li jistgħu jiġu affettwati mill-ambjent tal-madwar, billi jaġġustaw ruħhom elettronikament għall-ħtiġijiet tat-tidwil. Teknoloġiji bħalma huma l-LEDs (light-emitting diodes) jew l-OLEDs (light-emitting diodes organiċi) diġà jinsabu fis-suq, u joffru potenzjal konsiderevoli ta’ frankar tal-enerġija. Madwar għoxrin fil-mija tal-konsum dinji tal-elettriku huwa dovut għat-tidwil.

    2.3.2.1   Il-KESE jappoġġa l-promozzjoni u l-inkoraġġiment tal-ftehimiet volontarji dwar l-adozzjoni progressiva ta’ tidwil li jagħmel użu aktar effiċjenti tal-enerġija għall-postijiet kollha pubbliċi kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa.

    2.3.2.2   Il-promozzjoni ta’ akkwist ekoloġiku fis-settur tal-ICT, bl-għan li jinkiseb status newtrali ta’ karbonju għall-industrija billi jiġu introdotti ftehimiet volontarji dwar proġetti pilota, tista’ tkun mezz ta’ kif wieħed imexxi u jittestja l-bidla strutturali.

    Il-Kummissjoni għandha tgħin sabiex tiżgura li kumpaniji li jaħdmu sabiex inaqqsu l-“impatt ambjentali” tagħhom huma ffavoriti iżjed fost il-konsumaturi, minbarra li jgawdu l-benefiċċji tat-tnaqqis fl-ispejjeż minħabba l-użu effiċjenti tal-enerġija. Ovvjament, il-kumpaniji għandhom ukoll jibdew jużaw sistema adegwata ta’ riċiklaġġ tal-komponenti elettroniċi, residwi u fdalijiet, bħala parti mill-ġestjoni ambjentali tagħhom. Il-proċess ta’ riċiklaġġ għandu jkun ippjanat fil-produzzjoni tat-tagħmir stess sabiex persentaġġ għoli ta’ materjali u komponenti jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw. Minħabba l-importanza ta’ dan is-suġġett, il-KESE qiegħed iħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett, fejn ser jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar il-ġestjoni tal-iskart elettroniku.

    2.3.2.3   Il-KESE diġà rrakkomanda l-promozzjoni tal-akkwist ekoloġiku  (11) billi: jiġu definiti l-karatteristiċi tekniċi ta’ prodotti “ekoloġiċi”, proċess li għandu jibda minn dawk li għandhom l-aħjar impatt ambjentali; u għandu jinkludi l-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott jew tas-servizz fl-ispeċifikazzjonijiet tiegħu; tinħoloq bażi tad-data dedikata online; jiġu aġġornati d-direttivi tal-KE dwar l-akkwist pubbliku billi jinkludu referenzi għal standards, sistemi ta’ EMS, ekotikketti, u ekodisinn; u fl-aħħar, billi jiġu ppubblikati pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-adozzjoni tal-akkwist ekolġiku. Dan l-appoġġ għandu jiffoka b’mod partikolari fuq is-settur tal-SMEs minħabba l-importanza tiegħu għall-produzzjoni u l-impjieg, b’konformità mat-tħassib tal-Kummissjoni dwar appoġġ għal dawn l-intrapriżi.

    L-ICTs qedgħin f’pożizzjoni tajba sabiex jgħinu fit-tnaqqis tal-effetti tal-bidla fil-klima (12) peress li prodotti u servizzi tal-ICT jistgħu jikkontribwixxu għas-sostituzzjoni ta’ prodotti u għat-tnaqqis tal-ivvjaġġar (pereżempju billi jkun hemm promozzjoni tal-użu tas-sistemi ta’ vidjokonferenzi). Il-konsum tal-enerġija primarja — u b’hekk l-emissjonijiet tas-CO2 — jistgħu jitnaqqsu wkoll b’mod sinifikanti billi pereżempju jiġu introdotti metodi ġodda ta’ kif isir ix-xogħol (pereżempju “teleworking”), ħlas ta’ kontijiet b’mezzi elettroniċi, tagħlim mill-bogħod (distance learning), jew l-użu ta’ formoli online.

    2.3.3.1   Il-kumpaniji jistgħu jsibu sorsi ġodda ta’ dħul billi jipprovdu soluzzjonijiet ICT għal servizzi li jgħinu lil setturi oħra jkunu iżjed effiċjenti, bħal pereżempju:

    jiġu mħeġġa l-identifikazzjoni u t-twettiq ta’ opportunitajiet sabiex jitnaqqsu l-gassijiet b’effett ta’ serra;

    jitħejjew listi ta’ opportunitajiet għat-tnaqqis ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għall-kumpaniji u s-setturi;

    jissaħħaħ l-iżvilupp ta’ proġetti li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija fi ħdan il-kumpaniji;

    jiġu identifikati opportunitajiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-servizzi;

    jiġu kkunsidrati l-implikazzjonijiet tal-benefiċċju tal-ispejjeż tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra bħala indikatur waqt l-evalwazzjoni ta’ proġetti ġodda.

    2.3.3.2   Jista’ jkun ta’ benefiċċju li dawk il-kumpaniji li joperaw fis-settur tal-ICT jistabbilixxu “Uffiċċji għall-Bidla fil-Klima”. Dawn l-uffiċċji jistgħu jgħinu sabiex:

    jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli jew l-enerġija żejda;

    jiġi żgurat li l-proċessi huma konformi mal-politika tal-enerġija tal-kumpanija, sabiex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-proċessi kkonċernati;

    jiġu identifikati l-aħjar miżuri li diġà ġew implimentati f’diversi proġetti li twettqu u jiġu promossi fil-ġejjieni;

    jiġu stabbiliti objettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2;

    jitfittex akkreditament tas-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija minn organizzazzjoni esterna;

    titwettaq valutazzjoni tal-enerġija, li tidentifika dawk l-oqsma fejn il-konsum huwa l-ogħla.

    Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2008

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI

    Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Martin WESTLAKE


    (1)  Eżempju ta’ din il-fażi preliminari ta’ ġbir ta’ informazzjoni u analiżi huwa l-istudju reċenti tal-Kummissjoni intitolat The implications of ICT for Energy Consumption (e-Business Watch, Study report 09/2008, http://www.ebusiness-watch.org/studies/special_topics/2007/documents/Study_09-2008_Energy.pdf).

    (2)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

    (3)  It-terminu ICT jirreferi għall-komponenti u s-sistemi mikroelettroniċi u nanoelettroniċi, iżda wkoll għat-teknoloġiji tal-futur bħal pereżempju t-teknoloġija fototonika, li jippromettu saħħa informatika ħafna akbar għal ftit mill-konsum attwali tal-enerġija u luminożità qawwija, kontroll iżjed faċli, applikazzjonijiet ta’ tidwil effiċjenti fl-użu tal-elettriku.

    (4)  ĠU C 157, 28.6.2005, p. 22.

    (5)  ĠU C 234, 30.9.2003, p. 13, ĠU C 61, 14.3.2003, p. 22 u ĠU C 94, 18.4.2002, p. 23.

    (6)  ĠU C 74, 23.3.2005, p. 44.

    (7)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 9, rapporteur is-Sur Wolf, co-rapporteur is-Sur Pezzini: Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Seba’ Programm ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007 sa 2013).

    (8)  Opinjoni tal-KESE 1513/2008 rapporteur is-Sur Iozia: Effiċjenza fl-enerġija — Valutazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali.

    (9)  Ara Opinjoni tal-KESE rapporteur is-Sur Pezzini, adottata matul is-sessjoni plenarja tal-14 ta’ Frar 2008: L-effiċjenza enerġetika tal-bini — il-kontribut tal-utenti (opinjoni esploratorja).

    (10)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 62, punt 1.11.

    (11)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 1 Produzzjoni ekoloġika. Rapporteur: is-Sinjura Darmanin

    (12)  Skont l-informazzjoni tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), dan is-settur jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 b’iżjed minn 48.4 miljun tunnellata f’setturi anċillari, jekk jiġu introdotti soluzzjonijiet adegwati bbażati fuq it-telekomunikazzjonijiet (saħħa, mobilità urbana, awtoritajiet pubbliċi, eċċ.).


    Top