Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1908

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: Sħubija Ewropea għal riċerkaturi

    ĠU C 175, 28.7.2009, p. 81–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 175/81


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: Sħubija Ewropea għal riċerkaturi”

    COM(2008) 317 finali

    (2009/C 175/14)

    Nhar it-23 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: Sħubija Ewropea għal riċerkaturi

    COM(2008) 317 finali

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Novembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Salvatore.

    Matul l-449 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar it-3 u l-4 ta’ Diċembru 2008 (seduta tat-3 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’176 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jaqbel bis-sħiħ mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li l-prinċipji bażiċi tagħha jenfasizzaw ir-rwol strateġiku ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka rigward il-kompetittività ekonomika u l-iżvilupp tal-għarfien. L-istabbiliment ta’ sħubija Ewropea għal karrieri aħjar għal riċerkaturi u inċentivi akbar għall-mobilità tar-riċerkaturi jistgħu jwasslu biex dan l-objettiv ikun jista’ jintlaħaq. Dan jista’ jgħin biex jitwaqqaf il-brain drain u li wara l-aqwa riċerkaturi jiġu attratti fiż-żona tal-UE.

    Il-Kumitat jaqbel dwar l-importanza li l-Istati Membri jieħdu passi deċiżivi biex jadottaw proċeduri ta’ reklutaġġ miftuħa, trasparenti u msejsa fuq il-mertu professjonali u biex ineħħu l-ostakoli għall-moviment ħieles tar-riċerkaturi fl-UE. Minn din il-perspettiva, is-sistema ta’ informazzjoni EURAXESS, li tpoġġi fuq l-Internet postijiet tax-xogħol battala fir-riċerka fl-UE u informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament tar-riċerka, hija għodda ta’ valur. Sabiex din is-sistema tiġi implimentata kif xieraq, korpi li jistgħu jibbenefikaw minnha għandhom jiġu inkoraġġuti biex jużawha b’mod effettiv.

    1.2.1   Mir-reklutaġġ sa tmiem il-karrieri tar-riċerkaturi, il-mertu professjonali għandu jissejjes mhux biss fuq in-numru u l-kwalità tal-pubblikazzjonijiet, iżda wkoll fuq ir-riżultati xjentifiċi. Għandha titqies ukoll il-kapaċità innovattiva, b’mod partikulari fl-istadju bikri, u skont il-ħidmiet allokati, il-ħiliet organizzattivi u ġestjonali tul il-karriera. L-esperjenza fi sħubijiet internazzjonali għandha dejjem tiġi meqjusa ta’ valur għoli.

    1.3   Huwa essenzjali għall-maturità professjonali ta’ riċerkatur li tinħataf kull opportunità ta’ mobilità. Madankollu, bħalissa ostakoli legali u amministrattivi jagħmlu dan diffiċli. Il-mobilità, li titqies bħala perijodu ta’ żmien li wieħed iqatta’ f’pajjiż jew reġjun ieħor, jew f’istitut tar-riċerka pubbliku jew privat ieħor, jew bidla fid-dixxiplina jew il-qasam, għandha tiġi kkunsidrata bħala kontribut importanti għall-iżvilupp professjonali tar-riċerkaturi, u għalhekk għandha tkun imħeġġa permezz ta’ inċentivi finanzjarji, relatati mas-sigurtà soċjali, u ta’ bilanċ mal-ħtiġijiet familjari.

    1.4   In-natura ta’ spiss inċerta tax-xogħol fir-riċerka għandha ssir ħaġa tal-passat. Miżuri mmirati lejn l-iżgurar tal-kontinwità tal-kuntratti u l-promozzjoni tas-sigurtà soċjali u d-dritt għal tipi varji ta’ previdenza soċjali u t-trasferiment tagħhom, jekk jagħti l-każ li riċerkatur jiċċaqlaq, għandhom għalhekk jitħeġġu bil-qawwa. Dan l-element tal-aħħar huwa ta’ piż, partikularment għar-riċerkaturi nisa, peress li l-karrieri tagħhom diffiċli li jaslu sal-quċċata.

    1.5   Il-parteċipazzjoni attiva tal-korpi rilevanti miż-żewġ naħat tal-industrija hija meħtieġa sabiex tgħin fit-twettiq ta’ dawn l-objettivi b’mod komprensiv u fil-pront.

    2.   Daħla

    2.1   Din il-komunikazzjoni (COM(2008) 317) hija bbażata fuq il-prinċipji tal-Istrateġija ta’ Liżbona u tfittex biex tibni sħubija Ewropea għat-titjib tal-karrieri tar-riċerkaturi, li huma meqjusa l-qofol fundamentali u primarju fil-proċess tal-iżvilupp ta’ ekonomija u soċjetà msejsa fuq l-għarfien.

    2.2   Il-bidliet dejjem iktar kumplessi, għal arrieda u mingħajr preċedent li qed iseħħu daż-żmien fis-soċjetà jitolbu li tingħata iktar attenzjoni lill-iżvilupp, u għaldaqstant it-trażmissjoni, tal-għarfien.

    2.3   Dawn il-bidliet huma marbuta mat-tkabbir f’forom ta’ żvilupp ta’ għarfien li jittraxxendu l-fruntieri nazzjonali. L-iskambju tal-għarfien, u miegħu l-iskambji ekonomiċi, jirrikjedu forom ġodda ta’ regolamentazzjoni li huma kapaċi jmexxu din il-bidla f’kuntest kulturali komuni: il-ħammiela Ewropea.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   L-objettiv li l-Ewropa ssir post iktar attraenti għall-attivitajiet ta’ riċerka għandhom jitqiegħdu fil-kuntest ta’ qafas integrat ta’ politiki ta’ appoġġ lir-riċerkaturi. Dan il-proċess irid jipprovdi għal parteċipazzjoni intelliġenti u armonizzata tal-Istati Membri, li mhix ibbażata biss fuq l-involviment volontarju kif inhu l-każ fil-qafas legali attwali.

    3.2   Il-Kumitat jilqa’ dan l-approċċ il-ġdid li, li jfittex li jqis is-sitwazzjoni attwali, waqt li jevita miżuri li huma ambizzjużi wisq u fuq il-bażi ta’ fatti li diġà ġew indirizzati, jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu, malajr kemm jista’ jkun, inizjattivi li jistgħu jitkejlu sabiex:

    jiġu stabbiliti proċeduri ta’ reklutaġġ trasparenti;

    jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ sigurtà soċjali u ta’ pensjonijiet supplimentari għal riċerkaturi li huma mobbli;

    jiġu pprovduti kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol li huma attraenti; u

    jissaħħu t-taħriġ, il-ħiliet u l-esperjenza tar-riċerkaturi.

    Dawn l-attivitajiet għandhom jitwettqu bil-parteċipazzjoni taż-żewġ naħat tal-industrija.

    3.3   Tul is-snin, l-isforzi tal-istituzzjonijiet tal-UE kienu konsiderevoli. Biżżejjed inħarsu lura lejn l-oriġini taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, kif ġiet stabbilita fil-COM(2000) 6 finali tat-18 ta’ Jannar 2000, l-objettiv tal-Kunsill Ewropew sabiex sal-2010 l-Ewropa tkun l-iktar ekonomija kompetittiva u dinamika msejsa fuq l-għarfien fid-dinja, il-miżuri bikrija għar-riċerkaturi, u fl-aħħar net il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ ta’ Riċerkaturi. Dawn l-isforzi jenfasizzaw kemm hi ċentrali s-sistema tar-riċerka fil-promozzjoni tal-innovazzjoni u jagħtu lir-riċerkaturi rwol ta’ importanza vitali.

    3.4   Bil-fatti kif inhuma, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka trid tingħata l-aqwa possibilitajiet biex torganizza ambjent estremament kompettiv u dinamiku, fejn ir-riżorsi umani għandhom prospetti fit-tul aħjar, mill-bidu sal-aħħar tal-progress tal-karriera tagħhom.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1   Il-Kummissjoni torbot id-definizzjoni ta’ riċerkaturi li tinsab fil-Karta Ewropea (diġà spjegata fl-2004 mill-KESE), jiġifieri: “Professjonisti involuti fil-kunċett jew il-ħolqien ta’ għarfien, prodotti, proċessi, metodi u sistemi ġodda, u fil-ġestjoni tal-proġetti kkonċernati”, flimkien mal-funzjoni tat-trasferiment ta’ għarfien ġdid. Madankollu, f’dan il-kuntest, ir-riċerkaturi għandhom jiġu mħeġġa mill-istituzzjonijiet biex jippubblikaw ir-riżultati tar-riċerka tagħhom sabiex jipprovdu sorsi awtoritattivi għall-ispeċjalisti tal-komunikazzjoni, bil-għan li l-pubbliku mhux speċjalista jkun jista’ jifhem b’mod iktar ċar l-argumenti xjentifiċi, b’mod partikulari meta dawn jista’ jkollhom impatt kbir fuq l-opinjoni pubblika (saħħa, riskji tal-ikel, emerġenzi ambjentali, eċċ.).

    4.2   Għaldaqstant, il-KESE japprova l-identifikar ta’ prijoritajiet speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kuntest Ewropew attraenti u favorevoli għal nies impjegati fir-riċerka.

    4.3   L-ewwel nett, l-enfasi għandha tkun fuq l-importanza li jittieħdu passi deċiżivi sabiex l-Istati Membri jadottaw proċeduri ta’ reklutaġġ miftuħa, trasparenti u msejsa fuq il-mertu. Jekk ma tiġix garantita l-informazzjoni kollha dwar ir-reklutaġġ u s-selezzjoni tal-persunal, ir-riżultat ikun sistema li bl-ebda mod ma tista’ titqies waħda miftuħa. Dan it-tip ta’ informazzjoni għandu jkun disponibbli u aċċessibbli mingħajr xkiel. Għal dan il-għan, il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ u jittama li jara l-iżvilupp tas-sistema ta’ informazzjoni EURAXESS, li tista’ tgħaqqad flimkien u b’hekk tgħin biex tqabbel il-provvista mad-domanda għal riċerkaturi fl-istituti u l-proġetti Ewropej varji. It-tlestija ta’ din is-sistema ta’ informazzjoni ser tesiġi l-appoġġ sħiħ tal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka varji, u impenn minn dawn l-organizzazzjonijiet li jinkludu l-informazzjoni kollha dwar postijiet u proġetti ta’ riċerka fin-netwerk.

    4.4   Irridu nagħrfu wkoll kif għandu jiġi premjat il-mertu u kif għandhom jiġu promossi kundizzjonijiet tax-xogħol u tat-taħriġ aħjar matul il-parti bikrija tal-karrieri ta’ riċerka. Irridu nbiddlu t-tattika. Żmien twil ta’ nuqqas ta’ sikurezza wara kors ta’ studji fir-riċerka diffiċli u rigoruż iwassal biex ir-riċerkaturi jabbandunaw din il-karriera, u dan ma joħloqx kundizzjonijiet sabiex jinżamm u jitkattar l-aħjar talent. Il-mod kif jitkattar it-talent huwa permezz ta’ sistemi ta’ taħriġ innovattivi li għandhom l-għan li jiżguraw riċerka ta’ kwalità għolja u jippermettu lir-riċerkaturi jiżviluppaw il-ħiliet li jeħtieġu biex jaqdu rwoli ta’ tmexxija.

    4.5   Il-mertu għandu jiġi evalwat mhux biss fuq il-bażi tal-ammont u l-kwalità ta’ pubblikazzjonijiet, iżda għandhom jitqiesu wkoll il-ħiliet li ġejjin skont il-karigi li wieħed ikollu:

    il-ġestjoni tar-riċerka;

    il-kwalità u l-ammont ta’ innovazzjoni;

    attivitajiet ta’ tagħlim u superviżjoni;

    ħidma fi grupp;

    sħubijiet internazzjonali;

    it-trasferiment tal-għarfien;

    il-ġbir ta’ fondi għar-riċerka;

    il-pubblikazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ riżultati xjentifiċi;

    l-esperjenza fin-negozju u l-applikazzjoni potenzjali fl-industrija tar-riżultati tar-riċerka;

    brevetti, attivitajiet ta’ żvilupp jew invenzjonijiet;

    il-kreattività u l-indipendenza.

    Fl-aħħar nett, meta wieħed iqis in-natura mhux tipika tal-kuntratti ta’ impjieg tar-riċerkaturi, dawn m’għandhomx jiġu penalizzati għal interruzzjonijiet possibbli fil-karrieri tagħhom.

    4.6   In-natura mhux tipika tar-rwol tar-riċerkatur, flimkien man-nuqqas ta’ sikurezza fl-impjieg, m’għandhomx iħallu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja tar-riċerkaturi. Kull tip ta’ mobilità, speċjalment dik ġeografika, li hija mixtieqa għall-iżvilupp professjonali, għandu jiġi faċilitat. Il-mobilità hija fattur importanti ħafna fl-iżvilupp tal-moviment ħieles tal-għarfien, u barra minn hekk, tikkontribwixxi lejn it-taħriġ u l-iżvilupp kulturali tal-ħaddiema u s-sistema tar-riċerka.

    4.7   Għal din ir-raġuni, il-KESE jappoġġja miżuri li jiffaċilitaw in-netwerking bejn riċerkaturi minn ambjenti differenti. Dan huwa l-uniku mod kif jistgħu jiżdiedu l-benefiċċji u l-opportunitajiet ta’ diskussjoni, billi l-mobilità ssir fattur tal-għarfien. Hawnhekk ikun utli li nqabblu d-differenzi l-iktar ovvji bejn is-sistemi tar-riċerka fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, li hija kapaċi tiġbed u żżomm it-talent, bil-għan li nkunu nistgħu nadottaw l-aspetti l-iktar pożittivi ta’ dan il-mudell u nadattawhom għall-kuntest Ewropew, l-ewwel nett, pereżempju, il-proċeduri ta’ reklutaġġ u wara is-sistemi ta’ evalwazzjoni u ta’ inċentiv għall-karrieri tar-riċerkaturi.

    4.8   Għaldaqstant, l-iżvilupp ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka jfisser mhux biss l-appoġġ tat-trasferimenti minn pajjiż għal ieħor jew minn istitut għal ieħor tal-finanzjament ta’ riċerkatur individwali, iżda wkoll il-bidu ta’ ċiklu pożittiv fejn korpi jaraw il-vantaġġ li jirreklutaw nies bl-aħjar kwalifiki xjentifiċi. Bħal kategoriji oħrajn fejn hija meħtieġa l-mobilità, ir-riċerkaturi għandhom jiġu appoġġjati fil-livell Ewropew, permezz ta’ inċentivi prattiċi (ħlas u benefiċċji) sabiex jiċċaqalqu lejn postijiet ġodda, minflok ma jiġu mxekkla kif ta’ spiss ikun il-każ (bir-riżultat li jkun hemm brain drain). F’dan ir-rigward, mekkaniżmu li jintuża b’mod mifrux fl-universitajiet Anglo-Amerikani huwa l-allokazzjoni ta’ “finanzjament tal-ispejjeż” (overhead funding) addizzjonali, proporzjonali mal-finanzjament tar-riċerka, mill-korp ta’ finanzjament lill-istituzzjoni li qed tospita r-riċerkatur iffinanzjat.

    4.9   Min-naħa l-oħra, riċerkaturi interessati fil-mobilità fl-istess ħin ta’ sikwit jinsabu f’sitwazzjonijiet kuntrattwali prekarji: din il-kombinazzjoni ta’ fatturi (li permezz tagħhom il-mobilità tkun iktar inċerta) iwasslu wkoll għal aktar diffikultajiet fl-assigurazzjoni soċjali. Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li r-riċerkaturi u l-impjegaturi tagħhom għandu jkollhom aċċess faċli u sħiħ għal informazzjoni speċifika dwar is-sigurtà soċjali fl-Istati Membri varji. Il-ħarsien soċjali trid tiġi garantita, u l-akkwiżizzjoni u t-trasferiment tad-drittijiet ta’ kull tip ta’ assigurazzjoni soċjali, inklużi l-pensjonijiet supplimentari, għandhom jiġu assigurati. Miżuri li huma maħsuba biex jiżguraw il-kontinwità kuntrattwali għar-riċerkaturi għandhom jingħataw appoġġ qawwi wkoll, peress li waqt li t-tendenzi ta’ prekarjetà jistgħu jidhru naturali għal ftit snin fil-bidu tal-karriera, jistgħu jħallu effett ta’ umiljazzjoni fuq riċerkaturi li għandhom iktar minn 40 sena, għax ikollhom ftit indipendenza u ftit aċċess għal pożizzjonijiet ġestjonali.

    4.10   Id-differenzi fil-karrieri ta’ riċerka għandhom jiġu promossi wkoll: billi jiġu żviluppati kanali mhux tradizzjonali meta jitilqu mill-karriera ta’ riċerka, u b’hekk riċerkaturi individwali jkunu jistgħu jużaw il-ħiliet partikolari tagħhom b’mod li jippremjahom. Din ma tikkuntradixxix il-kunċett tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn setturi oħrajn tal-amministrazzjoni pubblika u s-settur tar-riċerka; pereżempju, l-istabbiliment ta’ rabtiet bejn id-dinja akkademika u r-riċerka jista’ jagħti lill-istituzzjonijiet akkademiċi aċċess għal riżorsi eċċellenti bħal persunal tar-riċerka involuti f’karrieri ta’ tagħlim ta’ kwalità u diversifikati. B’mod simili, għalliema tal-iskola sekondarja li huma iktar konxji tat-temi tar-riċerka, jistgħu jieħdu sehem f’dan is-settur strateġiku, billi joffru input kulturali waqt li jarrikixxu l-korp ta’ għarfien li jiġi trasferit lill-istudenti.

    4.11   Waqt li r-riċerka hija l-mutur tal-iżvilupp, ir-rabtiet tagħha mal-industrija qed jissaħħu dejjem iktar. Ir-riċerka fl-industrija u f’kumpaniji innovattivi tat-teknoloġija avvanzata għandha tagħti spinta ’l quddiem lill-iżvilupp ekonomiku. Għaldaqstant, għanda titwaqqaf u tinżamm sistema integrata li torbot ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-industrija. Għalhekk, skambji li taw il-frott bejn professjonisti mis-settur pubbliku u privat għandhom jiġu mħeġġa. Dan it-tip ta’ skambju ta’ sikwit jiġi mxekkel minn politiki diverġenti ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani. Nittamaw li l-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri individwali u ftehimiet nazzjonali tal-impjieg dalwaqt jirnexxielhom inaqqsu l-firda permezz ta’ miżuri speċifiċi (inċentivi fiskali, boroż ta’ taħriġ, mobilità, programmi Komunitarji, eċċ.).

    4.12   Għandhom jitħeġġu wkoll dawk it-tipi ta’ negozju (start-ups u spin-offs) fejn il-ħiliet akkwistati mir-riċerkaturi jistgħu jiġu applikati għal attivitajiet innovattivi tan-negozju. L-appoġġ jista’ jinkludi, pereżempju, kundizzjonijiet favorevoli mogħtija mill-banek (jew faċilitajiet ta’ finanzjament pubbliku), kif ukoll inċentivi tas-sigurtà soċjali u fiskali.

    4.13   Fl-aħħar nett, il-KESE jilqa’ l-programm qafas adottat mill-Kummissjoni f’COM(2008) 317. Il-pjan ta’ azzjoni nazzjonali tal-2009 li ser jiġi adottat mill-Istati Membri għandu jiffoka, b’mod immedjat malli l-partijiet interessati ġew ikkonsultati, fuq l-objettivi ddikjarati fid-dawl tal-qafas legali attwali tal-UE, prattiki tajbin attwali, kif ukoll dawk li huma komuni għall-Istati Membri kollha.

    4.14   Bil-parteċipazzjoni taż-żewġ naħat tal-industrija, il-konferenza tal-2009 għandha tkun deċiżiva fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni attwali u biex titfassal pożizzjoni komuni dwar bidliet possibbli jew it-titjib li jista’ jsir.

    Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2008.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI

    Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Martin WESTLAKE


    Top