EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE1702

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Green Paper mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa — alternattivi għall-azzjoni ta' l-UE COM(2007) 354 finali

ĠU C 120, 16.5.2008, p. 38–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 120/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Green Paper mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa — alternattivi għall-azzjoni ta' l-UE

COM(2007) 354 finali

(2008/C 120/09)

Nhar id-29 ta' Ġunju 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Green Paper mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa — alternattivi għall-azzjoni ta' l-UE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Novembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Osborn.

Matul l-440 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Diċembru 2007 (seduta tat-12 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'127 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-bidla fil-klima hija waħda mill-ikbar sfidi li qiegħda taffaċċja d-dinja fis-seklu 21. Għandna nagħtu prijorità għolja lil kull azzjoni li ttaffi dawn il-bidliet billi tillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Iżda huwa wkoll importanti li nippjanaw kollox fil-ħin sabiex nadattaw għal dawn il-bidliet li issa saru inevitabbli. Il-Green Paper hija inizjattiva pożittiva bħala l-ewwel pass lejn Ewropa li tindirizza l-isfidi li taffaċċja.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda li titwaqqaf strateġija Ewropea ta' adattament bħala qafas għall-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew u nazzjonali kif ukoll minn partijiet ikkonċernati oħra.

1.3

Fil-fehma tal-KESE, l-istrateġiji ta' adattament Ewropej u nazzjonali għandhom jindirizzaw il-punti ewlenin li ġejjin:

L-istrateġiji għandom jittrattaw l-ippjanar marbut mas-suġġetti kollha identifikati fil-Green Paper, inklużi l-ħarsien tal-kosta, l-għargħar u n-nixfa, ir-riżorsi ta' l-ilma, in-nirien, is-saħħa pubblika, l-agrikoltura u l-bijodiversità, l-użu ta' l-art u l-ippjanar ta' l-infrastruttura, il-bini u l-kostruzzjoni, eċċ.

Fi ħdan il-programmi futuri, il-bżonn ta' adattament għandu jirċievi parti ferm ikbar tal-baġits Ewropej, u għandu jiġi inkluż fil-kriterji ta' evalwazzjoni tal-programmi u tal-proġetti.

L-Ewropa u l-Istati Membri tagħha għandhom jallokaw ammont sostanzjali ta' riżorsi ġodda u addizzjonali biex jippromovu l-adattament fil-pajjiżi li jinsabu fil-proċess ta' żvilupp.

L-istrateġiji ta' mitigazzjoni u adattament għandhom jaqblu u jikkomplementaw lil xulxin. L-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju għandhom ikunu għodda kruċjali għat-twaqqif tal-prijoritajiet.

Ir-riċerka Ewropea dwar l-impatti tal-bidla fil-klima u l-adattament għandha tiżdied b'mod konsiderevoli.

Is-soċjetà ċivili Ewropea, inklużi l-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali, għandha tiġi inkluża b'mod iktar wiesa' sabiex jikber il-fehim pubbliku tal-problemi marbutin mal-bidla fil-klima kif ukoll tal-bidliet fl-imġiba li ser ikunu neċessarji sabiex intaffu l-bidla fil-klima u nadattaw għall-bidliet li issa huma inevitabbli.

Għandu jiġi stabbilit korp ta' konsultazzjoni indipendenti li jsegwi l-progress li jsir fl-ambitu ta' l-adattament għall-bidla fil-klima u l-miżuri ta' mitigazzjoni fl-Ewropea u li jżomm il-pressjoni għall-azzjoni neċessarja u l-implimentazzjoni ta' l-impenni meħudin.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Il-bidla fil-klima hija waħda mill-ikbar sfidi li qiegħda taffaċċja d-dinja fis-seklu 21.

2.2

S'issa d-dinja kkonċentrat fuq kollox fuq il-promozzjoni ta' miżuri li għandhom l-għan li jtaffu l-impatt tal-bidla fil-klima billi jillimitaw l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Madankollu, qed isir dejjem iktar ovvju li l-emissjonijiet tal-passat waħedhom ser ikomplu jikkaġunaw tisħin sinifikanti ta' l-atmosfera u ta' l-ibħra fis-seklu li ġej u iktar 'il quddiem. Dan ser ikollu impatt kbir ħafna fuq il-klima u avvenimenti oħra marbutin mat-temp, kif ukoll fuq l-ambjent fiżiku u naturali fid-dinja kollha. Għaldaqstant għandna bżonn niffokaw iktar bir-reqqa fuq dawn l-impatti inevitabbli tat-tisħin globali u l-bidla fil-klima u fuq x'inhu l-aħjar mod kif wieħed jista' jadatta għalihom.

2.3

Iżda dan ma għandux jirriżulta f'inqas sforzi għal-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet u l-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima. Bil-kontra, fehim tajjeb tad-diffikultà involuta fl-adattament għall-bidla fil-klima għandu jsaħħaħ id-determinazzjoni ta' kulħadd fir-rigward tat-tnaqqis konsiderevoli ta' l-emissjonijiet. Jekk l-emissjonijiet jitħallew ikomplu jiżdiedu mingħajr l-ebda kontroll, inkunu qegħdin nikkundannaw il-ġenerazzjonijiet futuri għal adattament ferm iktar diffiċli u għali.

2.4

L-istrateġiji ta' mitigazzjoni u adattament għandhom jaqblu u jikkomplementaw lil xulxin. Għandna bżonn nistabbilixxu strateġiji kredibbli u effiċjenti sabiex il-gassijiet b'effett ta' serra jonqsu għal livelli tollerabbli fi żmien realistiku. L-istrateġiji ta' adattament għandhom jispjegaw kif id-dinja tista' tadatta għal-livelli l-iktar probabbli ta' bidla inevitabbli fil-klima li jikkorrespondu għall-objettivi ta' mitigazzjoni. Il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ser jikkostitwixxu għodda kruċjali għall-istabbiliment tal-livell ta' azzjoni meħtieġ u l-ordni tal-prijoritajiet.

2.5

Il-Green Paper tal-Kummissjoni tiddeskrivi ħafna mis-setturi li ser jintlaqtu mill-bidla fil-klima u t-tip ta' problemi li ser jitfaċċjaw.

2.6

Fil-fehma tal-KESE hemm raġunijiet validi għall-istabbiliment ta' qafas Ewropew dwar il-kwistjonijiet ta' adattament, u għad-definizzjoni ta' l-azzjonijiet li ser ikollhom jittieħdu fil-livell Ewropew u nazzjonali u minn partijiet oħra.

2.7

Din l-Istrateġija Ewropea ta' l-Adattament għandha tappella għall-ħolqien ta' Strateġiji Nazzjonali ta' l-Adattament fi żmien adegwat, u wara dan għal rapporti nazzjonali regolari dwar l-implimentazzjoni tagħhom.

2.8

Strateġija Ewropea ta' l-Adattament ser ikollha bżonn dimensjoni esterna robusta li tispeċifika kif l-Ewropa għandha l-ħsieb li tgħin partijiet oħra tad-dinja jindirizzaw il-problemi marbutin ma' l-adattament.

2.9

L-Ewropa ser ikollha bżonn ta' arranġamenti b'saħħithom u independenti sabiex torganizza r-riċerka u l-monitoraġġ neċessarji u sabiex tkun tista' tiżgura li l-korpi politiċi jipprovdu l-azzjonijiet neċessarji fiż-żmien stabbilit. Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta bis-sħiħ fil-ħidma ta' dawn l-istituzzjonijiet.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1

Il-KESE jemmen li l-oqsma identifikati fil-Green Paper bħala oqsma li jirrikjedu azzjoni speċifika ġeneralment huma l-oqsma t-tajbin. Fid-dawl tal-Green Paper il-KESE jirrakkomanda li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jiżviluppaw programmi u azzjonijiet konkreti dwar kull wieħed minn dawn l-oqsma fil-qafas ta' l-istrateġiji globali tagħhom. Hemm bżonn li jiġu stabbiliti l-iskedi u l-pjanijiet u li r-riżorsi finanzjarji xierqa jiġu allokati.

3.2

F'ħafna minn dawn l-oqsma r-responsabbiltà primarja tkun f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali. Iżda l-Unjoni Ewropea għandha tingħata rwol importanti fit-twaqqif tal-qafas u fl-appoġġ u l-promozzjoni ta' sforzi nazzjonali fir-rigward ta' l-adattament. B'mod partikulari, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-UE:

twettaq riċerka u monitoraġġ dettaljati sabiex tipprovdi previżjonijiet u xenarji tal-postijiet li wisq probabbli ser jintlaqtu u ta' l-impatt tal-bidla fil-klima fuq id-diversi partijiet ta' l-Ewropa u tgħin fil-koordinazzjoni ta' riċerka separata mwettqa f'diversi livelli madwar l-Ewropa dwar dawn il-kwistjonijiet;

tiżviluppa metodoloġiji għall-valutazzjoni ta' l-impatti, l-iżvilupp ta' strateġiji ta' adattament adegwati u l-promozzjoni ta' l-iskambju ta' esperjenza u prattika tajba;

tistimola l-iżvilupp ta' strateġiji ta' adattament nazzjonali, reġjonali u lokali u pjanijiet ta' implimentazzjoni, u tħeġġeġ it-tixrid tal-prattika tajba u l-esperjenza mibnija fuq dak li diġà sar f'livelli differenti;

tidentifika kwistjonijiet transkonfinali fejn jista' jfeġġ il-bżonn ta' koordinazzjoni bejn pajjiżi ġirien jew fl-Ewropa (eż. ir-rilokazzjoni ta' komunitajiet jew ta' attivitajiet agrikoli jew ekonomiċi oħra; il-ħarsien ta' l-ambjenti naturali tal-bijodiversità; appoġġ prattiku fil-każ ta' għargħar, nirien jew pandemiji kbar, eċċ.);

tivvaluta l-impatti ekonomiċi differenzjati tal-bidla fil-klima għal diversi partijiet ta' l-Unjoni u l-bżonn ta' koeżjoni jew appoġġ mill-fondi strutturali għall-programmi ta' adattament;

tivvaluta x'ser ikunu l-impatti differenzjati tal-bidla fil-klima għall-familji u l-individwi kif ukoll għall-SMEs u jekk l-arranġamenti ta' l-assigurazzjoni u rimborż humiex adegwati kullimkien fl-Unjoni;

tidentifika oqsma fejn il-leġislazzjoni u l-inizjattivi Ewropej jistgħu jaqdu rwol siewi, eż. billi jistabbilixxu standards għall-valutazzjoni ta' l-impatti potenzjali tal-bidla fil-klima u jħejju risposti adegwati għal dawn.

4.   Kummenti dwar kwistjonijiet speċifiċi

4.1

Il-ħarsien tal-kosta — Il-livell tal-baħar ser jogħla hekk kif is-silġ idub u t-temperaturi tal-baħar jogħlew. F'ċerti postijiet jista' jkun hemm bżonn li wieħed jibni jew isaħħaħ il-barrieri fiżiċi għall-ħarsien ta' l-art u ż-żoni abitati. F'postijiet oħra, l-irtirar ippjanat u l-ħolqien mill-ġdid ta' bassasiet tal-baħar jistgħu ikunu strateġiji iktar adegwati, flimkien mar-rilokazzjoni ta' l-abitanti ta' proprjetà vulnerabbli.

4.2

L-għargħar — Ix-xenarji jindikaw li t-tendenza hija li l-bidla fil-klima ser twassal għal temp iktar varjabbli b'perijodi ta' nuqqas ta' xita u fl-istess ħin episodji ta' xita iktar intensa li malajr twassal għal telf ta' art u għargħar. Is-sistemi ta' ħarsien kontra l-għargħar għandhom jiġu aġġornati sabiex iqisu dawn il-kondizzjonijiet klimatiċi ġodda. F'ċerti każi ser ikun hemm bżonn ta' programmi ġodda ta' ħarsien kontra l-għargħar. F'każi oħra jista' jkun hemm bżonn li jinħolqu jew jiġu stabbiliti mill-ġdid pjanuri ta' l-għargħar jew żoni fejn jinġabar l-ilma (catchment areas). Jista' jkun li l-iżvilupp ta' żoni abitati jkollu bżonn jiġi limitat f'żoni bħal dawn, u li tiġi kkunsidrata r-rilokazzjoni.

4.3

Riżorsi u nuqqas ta' ilma — Ir-riżorsi ta' l-ilma diġà jinsabu taħt pressjoni kbira f'ħafna partijiet ta' l-Ewropa u huwa probabbli li din il-pressjoni ser taggrava hekk kif il-bidla fil-klima tibda ttawwal il-perijodi ta' nuqqas ta' xita u ta' nixfa. Jistgħu jinħtieġu miżuri li jġibu sorsi ta' ilma ġodda liż-żoni effettwati (eż. permezz ta' miżuri għad-desalinizzazzjoni jew trasferimenti fuq distanzi twal) u li jikkontribwixxu għal ġestjoni iktar effiċjenti ta' l-użu ta' l-ilma. L-inċentivi għall-promozzjoni ta' użu aktar effiċjenti ta' l-ilma (inkluż il-prezz ta' l-ilma) għandhom jissaħħu. Jista' jkun li attivitajiet bħall-agrikoltura intensiva jew it-turiżmu jkollhom jiġu limitati fl-iktar żoni milquta. (Attwalment il-KESE qiegħed iħejji opinjoni separata iktar dettaljata dwar l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa.)

4.4

Ir-riskju u l-frekwenza ta' nirien gravi diġà qegħdin jikbru f'żoni bħan-Nofsinhar ta' l-Ewropa. Dawn ta' l-aħħar qegħdin isiru dejjem iktar sħan u xotti u s-sitwazzjoni tista' ssir iktar gravi hekk kif it-temperaturi jkomplu jiżdiedu. Hemm bżonn li l-miżuri protettivi u dawk li jindirizzaw l-isfidi jissaħħu u jkunu kkordinati aħjar. (Attwalment il-KESE qiegħed iħejji opinjoni separata iktar dettaljata dwar id-diżastri naturali u l-protezzjoni ċivili.)

4.5

Is-saħħa pubblika — Il-bidla fil-klima jista' jkollha diversi konsegwenzi għas-saħħa pubblika. Tista' tikkaġuna t-tixrid ta' vetturi tal-mard, inkluż b'mod partikulari ċaqliq lejn it-Tramuntana ta' għadd ta' mard li qabel kien jinstab biss fit-Tropiċi. It-temperaturi estremi wkoll jista' jkollhom impatt iktar dirett. Jeħtieġ li jsiru pjanijiet sabiex inħejju ruħna għal dawn il-bidliet.

4.6

L-agrikoltura — L-agrikoltura ser tkun milquta b'mod qawwi ħafna mill-bidla fil-klima. Il-bidliet fit-temperatura u fl-ammont ta' xita ser jaffettwaw kemm l-art tkun adatta għad-diversi użi agrikoli, u ser iwasslu għal tibdil kbir fil-kwalità u l-kwantità tal-produzzjoni li jistgħu jintlaħqu u b'hekk għall-vijabilità tad-diversi sistemi agrikoli f'partijiet differenti ta' l-Ewropa.

4.6.1

L-evalwazzjoni ta' l-istat ta' saħħa tal-PAK li ser issir fl-2008 għandha tipprovdi l-opportunità li jsir it-tibdil meħtieġ sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jadattaw il-prattiki agrikoli tagħhom għall-bidliet fil-klima li ġejjin.

4.6.2

Ir-riċerka agrikola dwar uċuh tar-raba' ġodda u metodi ta' kultivazzjoni iktar adattati għall-kondizzjonijiet klimatiċi li qegħdin jitfaċċjaw, għandha tissaħħaħ. Bl-istess mod, l-impatt tal-bidla fil-klima fuq il-prospettivi ta' trobbija ta' l-annimali f'diversi partijiet ta' l-Ewropa għandu jiġi vvalutat flimkien ma' mezzi ta' kif wieħed jista' jindirizza t-tixrid ta' mard ikkaġunat mill-bidla fil-klima. (Il-KESE dalwaqt ser iħejji rapport separat iktar dettaljat dwar il-bidla fil-klima u l-agrikoltura.)

4.7

Il-bijodiversità — Il-bidla fil-klima ser iġġib magħha bidliet kbar fl-ambjent naturali tal-pjanti u ta' l-annimali fl-Ewropa kollha. F'ċerti każi, ċerti speċijiet mhux ser ikunu jistgħu ikomplu jgħixu fl-ambjenti naturali trasformati tagħhom jew inkella ser jitpoġġew f'riskju kritiku. Jista' jagħti l-każ li ċerti speċijiet jemigraw u jsibu ambjent naturali ġdid permezz ta' proċessi naturali. Iżda speċijiet oħra ser ikollhom bżonn l-għajnuna jekk irridu li t-transizzjoni ma teqridhomx. Sabiex din it-transizzjoni ssir mingħajr telf kbir ta' speċijiet, ser ikun hemm bżonn ta' aġġornament ta' l-istrateġiji u l-programmi eżistenti fil-qasam tal-bijodiversità u ta' allokazzjoni ta' riżorsi għall-implimentazzjoni tagħhom.

4.8

Is-siġar u l-foresti ukoll ser jiġu milquta sewwa mill-bidla fil-klima. Ċerti żoni jistgħu jsiru inqas ospitabbli għal għadd ta' speċijiet. Żoni oħra jistgħu jsiru iktar adattati għal xi speċijiet partikulari. Il-programmi ta' tħawwil, tħawwil mill-ġdid, kura tas-siġar u ġestjoni tal-foresti ser ikollhom jiġu adattati konsegwentement.

4.9

L-ippjanar ta' l-użu ta' l-art — Fl-ippjanar taż-żoni urbani fost oħrajn u tat-trasport u l-infrastruttura ser ikollhom jitqiesu dejjem iktar il-bidliet fit-temperatura u t-temp. Dawn il-konsiderazzjonijiet għandhom jiġu inklużi fl-istandards ta' l-ippjanar u fil-prattika u t-taħriġ professjonali. Bl-istess mod, il-programmi u l-proġetti ta' żvilupp individwali ser ikollhom iqisu dawn l-impatti tal-bidla fil-klima. Il-metodoloġiji tal-valutazzjoni ta' l-impatt ser ikollhom jiġu adattati b'mod xieraq.

4.10

Il-bini — In-negozju tal-bini u l-kostruzzjoni ser jiġi affettwat bil-qawwi mill-bidla fil-klima. Għandna bżonn regolamenti minimi iktar stretti fir-rigward ta' l-effiċjenza enerġetika fil-bini kif ukoll standards aħjar għall-kostruzzjoni, eċċ. Iċ-ċittadini għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-prattika tajba u l-metodi, materjali u sussidji disponibbli għar-renovazzjoni tal-bini l-antik kif ukoll għat-tnaqqis tal-konsum enerġetiku tal-bini l-ġdid sabiex dan ikun iktar adegwat għall-bidla fit-temperatura u t-temp.

4.11

Il-baġit ta' l-UE — Il-KESE jirrakkomanda li fil-baġit annwali, il-linja “adattament” tidher għall-oqsma ta' politika kollha li jeħtieġu investimenti immedjati (eż. enerġija, riċerka, agrikoltura, trasport, standards tal-bini, assistenza fil-każ ta' diżastri naturali, ħarsien tal-bijodiversità, politika tas-saħħa pubblika, eċċ.). Il-Qafas Finanzjarju li jmiss għandu jalloka parti ħafna ikbar tar-riżorsi disponibbli lill-programmi marbutin mal-mitigazzjoni u l-adattament għall-bidla fil-klima. L-Istati Membri għandhom jagħmlu tibdil simili fil-baġits nazzjonali tagħhom u fil-programmi ta' infiq.

4.12

Il-Fondi Strutturali — Fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, fil-Fond ta' Koeżjoni u fl-IPA (Strument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni) hemm xi kriterji li jappoġġjaw il-proġetti ambjentali iżda m'hemm l-ebda referenza espliċita għall-adattament għall-bidla fil-klima u ħafna drabi l-valutazzjoni ta' l-impatt m'hijiex adegwata (ħafna proġetti fl-oqsma tat-trasport u l-enerġija huma ta' ħsara għall-ambjent u l-klima). Ir-reviżjonijiet li ġejjin ta' dawn il-programmi għandhom jallokaw persentaġġi ferm iktar għoljin tal-fondi disponibbli lil miżuri ta' appoġġ għall-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-adattament għalih.

4.13

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) għandhom jinkludu l-bidla fil-klima fil-proċeduri baġitarji tagħhom kif ukoll fil-kriterji ta' l-evalwazzjoni tal-proġetti u l-programmi.

4.14

L-industrija ta' l-assigurazzjoni hija interessata ferm fil-bidla fil-klima u qiegħda tinkludi l-konsiderazzjonijiet marbutin mal-bidla fil-klima fid-deċiżjonijiet tagħha dwar l-avvenimenti li hija lesta li tassigura u b'liema kondizzjonijiet. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiftħu dibattitu kontinwu ma' l-industrija ta' l-assigurazzjoni bil-għan li jassiguraw li s-settur ta' l-assigurazzjoni jaqdi r-rwol tiegħu bis-sħiħ billi jgħin lin-negozji, fost oħrajn, jadattaw għall-bidla fil-klima.

4.15

Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw — Ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ser ikollhom problemi ta' adattament iktar gravi mill-pajjiżi Ewropej u inqas riżorsi biex jindirizzawhom. Uħud mill-pajjiżi l-inqas żviluppati ftit li xejn ikkontribwew għall-problema tal-bidla fil-klima iżda ser ikunu fost il-pajjiżi l-iktar milquta u għaldaqstant jappellaw bil-qawwi għall-ekwità u l-ġustizzja f'termini ta' kooperazzjoni u appoġġ. Ser ikollhom bżonn ta' l-appoġġ tad-dinja żviluppata, fost affarijiet oħra tar-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji li jistgħu jgħinuhom jadattaw b'mod adegwat. L-Ewropa għandha taqdi rwol mexxej kemm fil-provvista ta' riżorsi addizzjonali għall-miżuri ta' adattament fi ħdan il-programmi ta' għajnuna kollettiva u nazzjonali għall-iżvilupp kif ukoll fl-għajnuna mogħtija lill-komunità finanzjarja internazzjonali sabiex din tħejji ruħha għall-isfida ta' l-adattament.

4.16

Ċerti partijiet tad-dinja ser isiru inqas ospitabbli għan-nies (u f'ċerti każi estremi jistgħu saħansitra jsiru inabitabbli) minħabba livelli tal-baħar ogħla jew kondizzjonijiet klimatiċi estremi. Il-bidla fil-klima tista' twassal għal pressjoni ikbar għal żjieda fil-migrazzjoni lejn l-Ewropa minn partijiet oħra tad-dinja, kif ukoll ċaqliq tal-popolazzjoni fi ħdan l-Ewropa stess. L-aġenziji għall-iżvilupp u dipartimenti tal-gvern rilevanti oħra ser ikollhom ilestu ruħhom biex jgħinu lill-pajjiżi fil-proċess ta' żvilupp jidentifikaw sitwazzjonijiet bħal dawn fil-ħin u jippjanaw il-programmi ta' rilokazzjoni meħtieġa.

4.17

L-impatti potenzjali tal-bidla fil-klima fil-livell nazzjonali u lokali fl-Ewropa u r-rata tat-tibdil għadhom m'humiex mifhuma perfettament, u hemm bżonn ta' ħafna iktar xogħol ta' riċerka u analiżi sabiex il-previżjonijiet jittejbu u jiġu pperfezzjonati. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tista' taqdi rwol siewi bħala punt ta' koordinazzjoni għax-xogħol rilevanti kollu ta' riċerka, monitoraġġ, analiżi u previżjoni f'dan il-qasam, kif ukoll fit-trasmissjoni ta' l-aqwa informazzjoni disponibbli lil dawk inkarigati mit-teħid ta' deċiżjonijiet u mill-implimentazzjoni dettaljata ta' l-istrateġiji ta' adattament. Il-KESE huwa lest li jagħti s-sehem tiegħu għal promozzjoni sħiħa u fehim iktar wiesa' ta' l-impatti tal-bidla fil-klima f'diversi partijiet ta' l-Ewropa u tal-miżuri ta' adattament meħtieġa.

4.18

Is-soċjetà ċivili ser ikollha tiġi involuta mill-qrib fil-proċess ta' adattament għall-bidla fil-klima. Il-komunitajiet lokali, in-negozji u organizzazzjonijiet oħra ta' kull tip ser jintlaqtu dejjem iktar mill-bidla fil-klima u għalhekk għandhom jiġu involuti fir-risposta għal din il-problema. Jeħtieġ li n-nies u l-organizzazzjonijiet ta' kull qasam tas-soċjetà jifhmu aħjar il-bidliet li diġà qegħdin iseħħu u li probabbilment ser iseħħu fil-futur, matul ħajjithom jew dik tat-tfal tagħhom. Jeħtieġ ukoll li jifhmu aħjar x'ser tfisser għalihom il-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-adattament għaliha. It-tagħrif dwar dawn il-kwistjonijiet għandu jsir parti essenzjali tal-kurrikulum fl-edukazzjoni formali u informali.

4.19

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fil-livelli kollha u li jkun hemm komunikazzjoni mal-konsumaturi u mal-pubbliku ġenerali. Jappoġġja bis-sħiħ is-suġġeriment tal-Green Paper li jitwaqqfu gruppi ta' ħidma magħmula mill-partijiet interessati u li dawn il-gruppi jgħinu fit-tfittxija tas-soluzzjonijiet speċifiċi meħtieġa f'kull settur. Waħda mill-kompetenzi ta' dawn il-gruppi għandha tkun dik li jiżviluppaw tekniki għall-evalwazzjoni tal-livelli ta' riskju u li janalizzaw kemm l-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet huma lesti u ppreparati li jaffaċċjaw kondizzjonijiet klimatiċi estremi u diżastri oħra li jistgħu jsiru iktar gravi jew iktar frekwenti hekk kif il-bidla fil-klima timxi 'l quddiem.

4.20

L-awtoritajiet tal-gvern reġjonali u lokali għandhom rwol importanti x'jaqdu fil-koordinazzjoni u l-promozzjoni ta' attivitajiet fil-livelli tagħhom u fis-sensibilizzazzjoni u t-teħid ta' inizjattiva tal-pubbliku. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha jistgħu wkoll jagħtu l-eżempju t-tajjeb billi jużaw metodi xierqa għall-ippjanar tal-bini u l-proġetti ta' żvilupp urban tagħhom u fil-politika ta' akkwist tagħhom.

4.21

Il-Green Paper tissuġġerixxi l-ħolqien ta' Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-Adattament għall-Bidla fil-Klima, li jinkludi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tal-politiċi u tax-xjenzjati u li jkollu r-rwol ta' Grupp ta' Esperti fil-kuntest ta' l-iżvilupp ta' l-istrateġija. Il-Kumitat jappoġġja l-idea li jinħoloq grupp bħal dan.

4.22

Barra minn hekk, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-UE tikkunsidra t-twaqqif ta' korp ta' monitoraġġ indipendenti bi president indipendenti, u li dan il-korp ikun inkarigat mill-analiżi tal-progress ta' l-istrateġija globali dwar il-bidla fil-klima (kemm l-adattament kif ukoll il-mitigazzjoni). Il-korp għandu jħejji rapporti regolari u pubbliċi li jittrattaw il-progress milħuq u għandu javża b'mod antiċipat f'każ fejn l-azzjoni tkun għadha lura fir-rigward ta' l-impenni meħudin, skond l-eżiġenzi tas-sitwazzjoni speċifika. Il-KESE għandu l-ħsieb li jsegwi mill-qrib u b'mod regolari l-progress li jsir f'dan il-qasam.

Brussell, it-12 ta' Diċembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


Top