This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007AE0759
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — An Integrated Maritime Policy for the European Union COM(2007) 575 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea COM(2007) 575 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea COM(2007) 575 finali
ĠU C 211, 19.8.2008, pp. 31–36
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
19.8.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 211/31 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea
COM(2007) 575 finali
(2008/C 211/07)
Nhar l-10 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsilll, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttra u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' April 2008. Ir-rapporteur kienet Dr. Bredima u l-ko-rapporteur kien is-Sur Chagas.
Matul l-444 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta' April 2008 (seduta tat-22 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'152 vot favur u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE japprezza l-proċess ta' konsultazzjoni uniku li twettaq dwar il-Green Paper Lejn politika marittima tal-ġejjieni għall-Unjoni: viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra u kkontribwixxa b'mod attiv bl-opinjoni rilevanti tiegħu u l-parteċipazzjoni f'żewġ konferenzi (1). |
|
1.2 |
Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-importanza tal-fattur uman fil-cluster marittimu. Il-KESE bi pjaċir jilqa' l-ftehim milħuq bejn l-imsieħba soċjali (l-ETF u l-ECSA (2)) sabiex jiġu inkorporati d-dispożizzjonijeit tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ta' l-ILO (3) (2006) fil-liġi Komunitarja. Huwa jixtieq jara l-implimentazzjoni dinjija ta' l-istandards tax-xogħol marittimu li jassiguraw sitwazzjoni bl-istess kondizzjonijiet għall-baħħara kollha b'konformità mal-Konvenzjoni mill-iktar fis possibbli. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali fir-rigward tas-settur tas-sajd inkluż il-Konvenzjoni għax-Xogħol tas-Sajd 2007 ta' l-ILO. |
|
1.3 |
Il-KESE japprova r-reviżjoni ta' l-esklużjonijiet, li jolqtu lill-baħħara u lis-sajjieda, mil-leġislazzjoni tax-xogħol ta' l-UE b'kooperazzjoni stretta ma' l-imsieħba soċjali, u jeħtieġ kjarifika dwar iċ-ċertifikat ta' l-Eċċellenza Marittima. Għandha tiġi kkunsidrata l-fattibbiltà li ċertifikat ta' eċċellenza marittima jsir obbligatorju għas-servizzi tal-laneċ fl-UE u jkun volontarju għal servizzi oħrajn. |
|
1.4 |
L-Università fuq l-ilma (floating University) tipprovdi esperjenza tal-baħar għall-istudenti li jieħdu sehem fil-vjaġġ tagħha. L-idea ta' campus fuq l-ilma li jbaħħar fl-oċeani tikkonforma mat-tendenzi iktar ġenerali u għandha tiġi esplorata iktar mill-Kummissjoni fil-kuntest li tiġbed studenti ta' kwalità sabiex isegwu karriera marittima (4). L-istil ta' ħajja tal-baħħara għandu jiġi indirizzat u investigat minnufih mill-imsieħba soċjali ta' l-UE. |
|
1.5 |
Meta tittratta l-inċidenti marittimi, il-politika futura ta' l-UE għandha titmexxa mill-konsiderazzjonijiet li ġejjin:
|
|
1.6 |
Il-KESE jtenni li l-industrija tat-tbaħħir tuża żejt tal-bunkers ta' livell baxx minħabba li m'hemmx kwalità aħjar disponibbli mir-raffineriji. Huwa jappoġġja l-inizjattivi fuq bażi globali li jindirizzaw il-kwalità tal-bunkers sabiex isir avvanz fil-kwistjoni ta' l-emissjonijiet ta' l-arja mill-bastimenti. |
|
1.7 |
Il-Komunikazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni jinjoraw is-sehem importanti tat-tniġġis ta' l-ibħra miż-żejt minħabba l-attivitajiet ta' dgħajjes tad-divertiment, speċjalment fil-kuntest tas-sensitittività ta' l-istati tal-kosta fejn dawn id-dgħajjes jitħaddmu l-iktar (5). Barraminhekk, il-problemi msemmija hawn fuq huma aggravati mill-attivitajiet tal-bastimenti militari — li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli ta' l-UE. |
|
1.8 |
Il-kontaminazzjoni tax-xmajjar u l-ibħra (il-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed) minn sorsi bbażati fuq l-art hija kwistjoni fejn l-isforzi ta' l-UE għandhom jissaħħu. Għal raġunijiet ta' espedjenza politika, dawn il-problemi għandhom jiġu indirizzati f'livell multilaterali iktar milli bilaterali. |
|
1.9 |
L-UE għandha taqdi rwol ewlieni fil-livell internazzjonali fir-rigward ta' l-indirizzar tal-kwistjonijiet ambjentali. Hemm skop għal kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa tal-pożizzjonijiet ta' l-Istati Membri fil-kuntest ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mingħajr ma tkun mhedda l-parteċipazzjoni individwali tagħhom. Il-kontribut espert ta' l-Istati Membri ta' l-UE fl-organizzazzjonijiet internazzjonali għandu reputazzjoni tajba u dan m'għandux jiġi mfixkel iżda jittejjeb. |
|
1.10 |
Fir-rigward tat-“Territorju ta' Trasport Marittimu Ewropew” mingħajr ostakoli, il-KESE jagħraf il-vantaġġ li ġie kkonfermat bħala żona marittima virtwali. B'konformità mal-fehmiet tal-KESE, il-Komunikazzjoni tenfasizza li l-kunċett għandu jirrigwarda biss is-semplifikazzjoni ta' formalitajiet amministrattivi u tad-dwana u l-iffaċilitar tal-kummerċ fil-kuntest tas-suq uniku ta' l-UE. |
|
1.11 |
Il-KESE japprova l-messaġġ simboliku tal-Komunikazzjoni li l-Ewropa kienet u għadha nazzjon marittimu. Madankollu, għadu qed jistenna li miżuri konkreti jwettquh. |
|
1.12 |
Il-KESE jtenni r-rwol li jista' jaqdi fl-implimentazzjoni tat-tfassil tal-politika marittima inkluż l-ippjanar spazjali, il-promozzjoni ta' l-identità marittima ta' l-UE u l-wirt kulturali marittimu u fis-sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika Ewropea dwar it-tisħin globali. |
|
1.13 |
Il-KESE japprova l-proposti li jirrigwardaw in-netwerk Ewropew għas-sorveljanza marittima u l-kooperazzjoni mtejba bejn il-gwardji tal-kosta ta' l-Istati Membri. Miżuri bħal dawn jippromovu s-sigurtà u s-sikurezza marittima, il-kontroll tas-sajd u l-kontroll tal-fruntieri esterni u jħarsu l-ambjent tal-baħar. Il-KESE jtenni li approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-ftehim bilaterali ta' l-imbark tal-bastimenti ma' pajjiżi terzi huwa mixtieq sabiex jittejbu l-konsiderazzjonijiet tas-sigurtà. Iħeġġeġ ukoll l-azzjoni mill-UE dwar il-proliferazzjoni ta' inċidenti ta' serq armat u l-piraterija fil-baħar tal-bastimenti fix-Xlokk ta' l-Ażja u fl-Afrika. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
Din il-Komunikazzjoni dwar Politika Marittima Integrata għall-UE u l-Pjan ta' Azzjoni mehmuż, li jipprovdu l-elaborazzjoni addizzjonali ta' 29 azzjoni speċifika, jikkunsidraw l-opinjonijiet imressqa mill-istituzzjonijiet ta' l-UE kif ukoll il-partijiet interessati dwar il-Green Paper rilevanti. |
|
2.2 |
Iċ-ċiklu mingħajr preċedent ta' konsultazzjonijiet imnedija mill-Green Paper, ġie fi tmiemu b'kunsens wiesa' dwar il-bżonn ta' approċċ olistiku, integrat, transsettorjali u strateġiku fir-rigward ta' l-oċeani. Ir-raġunament li jwassal biex il-frammentazzjoni, li kultant ġabet konsegwenzi mhux previsti, tinbidel ma' viżjoni wiesgħa jistħoqqlu l-appoġġ. |
|
2.3 |
Il-KESE japprova l-messaġġ simboliku tal-Komunikazzjoni li l-Ewropa kienet u għadha nazzjon marittimu. Id-29 miżura tal-Pjan ta' Azzjoni huma kollha approvati (soġġetti għal kummenti speċifiċi) iżda m'humiex biżżejjed. |
3. Osservazzjonijiet ġenerali
3.1 Aspetti ambjentali
|
3.1.1 |
Il-KESE jabbina ħafna importanza maż-żamma ta' l-integrità ta' l-ambjent tal-baħar u l-assigurazzjoni li l-medda sħiħa ta' l-attivitajiet umani li jolqtuha ma jirriżultawx fid-degradazzjoni progressiva tagħha. |
|
3.1.2 |
Il-KESE jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni li jenfasizzaw iż-żieda fl-effikaċja fil-kooperazzjoni internazzjonali, it-tisħiħ ta' l-integrazzjoni tal-politika, l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni attwali u t-tħeġġiġ tat-teknoloġiji ambjentali (is-Sitt Programm ta' Azzjoni Komunitarja għall-Ambjent — 6EAP). Għandha ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar minn Sorsi bbażati fuq l-art (6). |
|
3.1.3 |
L-akkumulazzjoni ta' CO2 u gassijiet oħra b'effett ta' serra fl-atmosfera li jinħolqu minn emissjonijiet eċċessivi diġà qiegħda twassal għal assorbiment ogħla ta' CO2 fl-oċeani, u dan il-proċess huwa mistenni li jkompli. L-aċidità li tirriżulta fl-oċeani għandha mnejn tikkawża tensjoni li tikber fl-ambjent tal-baħar. Ir-riċerka dwar dawn l-impatti fuq il-baħar għandha tespandi iktar flimkien mar-riċerka dwar l-iżvilupp ta' metodi favur l-ambjent għall-assorbiment mill-ġdid tas-CO2. Barraminhekk, ir-riżorsi ta' l-enerġija tal-baħar ser ikunu importanti fid-diversifikazzjoni tal-provvista ta' l-enerġija ta' l-Ewropa. |
|
3.1.4 |
Il-Komunikazzjoni tinjora s-sehem importanti tat-tniġġis ta' l-ibħra u x-xmajjar miż-żejt minħabba l-attivitajiet tad-dgħajjes ta' divertiment, speċjalment fil-kuntest tas-sensitittività ta' l-istati tal-kosta fejn dawn id-dgħajjes l-iktar li jitħaddmu (7). Il-problemi msemmija hawn fuq huma aggravati mill-attivitajiet tal-bastimenti militari — li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli ta' l-UE — li huma dejjem aktar ta' detriment għall-ambjent u għat-turiżmu. |
|
3.1.5 |
Il-KESE jtenni li l-industrija tat-tbaħħir tuża żejt tal-bunkers ta' livell baxx minħabba li m'hemmx kwalità aħjar disponibbli mir-raffineriji. Huwa jappoġġja l-inizjattivi fuq bażi globali li jindirizzaw il-kwalità tal-bunkers (8) sabiex isir avvanz fil-kwistjoni ta' l-emissjonijiet fl-arja mill-bastimenti. |
|
3.1.6 |
It-tniġġis tal-baħar u l-arja mis-sorsi kollha jiddeterjoraw l-ambjent tal-baħar b'riperkussjonijiet fuq is-saħħa, is-soċjetà u l-ekonomija. Tnedew miżuri suffiċjenti li jikkontrollaw u jtaffu t-tniġġis fil-baħar mill-bastimenti, inklużi l-penali lin-niġġiesa, u dawn għandhom jiġu infurzati b'mod rigoruż. Madankollu, għad m'hemmx qafas simili li jindirizza t-tniġġis ta' l-ibħra u x-xmajjar minn sorsi oħra (eż. attivitajiet industrijali, urbani, agrikoli, u l-pestiċidi). Il-KESE jinsab imħasseb li jekk ma titteħidx azzjoni komprensiva u effettiva, tkun mhedda s-saħħa tat-turiżmu tal-kosta u tal-baħar, l-ikbar industrija ta' l-Ewropa relatata mal-baħar. Azzjoni bħal din tgħin ukoll fiż-żamma tad-daqs u d-diversità tal-ħajja fl-ambjent tal-baħar, inkluż l-istokkijiet tal-ħut. |
|
3.1.7 |
Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġi negozjat ftehim bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi tan-naħa t'isfel tal-Mediterran skond il-Pjanijiet ta' Azzjoni Annwali tal-Politika tal-Viċinat. Il-ftehim jassigura li l-pajjiżi terzi kkonċernati jaqsmu r-responsabbiltà ma' l-Istati Membri ta' l-UE li jżommu l-ibħra nodfa billi jikkontrollaw l-emissjonijiet ta' l-arja u r-rimi ta' l-iskart fix-xmajjar tagħhom (eż. id-Delta tan-Nil). L-għan aħħari għandu jkun il-preservazzjoni tal-wirt komuni tal-Baħar Mediterran. |
3.2 Aspetti soċjali
|
3.2.1 |
Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-importanza tal-fattur uman fil-cluster marittimu. Fit-tfittxija għall-bilanċ ġust bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-politika marittima fil-Pjan ta' Azzjoni għandha tingħata l-attenzjoni mistħoqqa lid-dimensjoni soċjali. |
|
3.2.2 |
Il-KESE bi pjaċir jilqa' l-ftehim milħuq bejn l-imsieħba soċjali (l-ETF u l-ECSA) sabiex jiġu inkorporati ċerti dispożizzjonijeit tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ta' l-ILO (2006) fil-liġi Komunitarja. Mill-iktar fis possibbli, huwa jixtieq jara l-implimentazzjoni dinjija ta' l-istandards tax-xogħol marittimu li tassigura sitwazzjoni bl-istess kondizzjonijiet għall-baħħara kollha b'konformità mal-Konvenzjoni. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali fir-rigward tas-settur tas-sajd inkluż il-Konvenzjoni għax-Xogħol tas-Sajd 2007 ta' l-ILO. |
|
3.2.3 |
Fir-rigward ta' l-iżvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni dwar il-kwalifiki tal-baħħara ta' l-UE, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-reviżjoni tal-Konvenzjoni ta' l-IMO STCW (9) li tiggverna t-taħriġ globali u l-istandards taċ-ċertifikazzjoni. Kull proposta ta' l-UE għandha tkun konsistenti mas-sistema ta' l-IMO/ILO. |
|
3.2.4 |
Il-KESE japprova r-reviżjoni ta' l-esklużjonijiet tal-baħħara/is-sajjieda mil-leġislazzjoni tax-xogħol ta' l-UE b'kooperazzjoni stretta ma' l-imsieħba soċjali, u jeħtieġ kjarfika dwar iċ-ċertifikat ta' l-Eċċellenza Marittima. Għandha tiġi kkunsidrata l-fattibbiltà li ċertifikat ta' eċċellenza marittima jsir obbligatorju għas-servizzi tal-laneċ fl-UE u li jkun volontarju għal servizzi oħrajn. |
|
3.2.5 |
Il-promozzjoni ta' karrieri tat-tbaħħir tista' tkun effettiva biss jekk jingħataw riżorsi għal standards ogħla ta' kwalità, u b'hekk il-vantaġġi kompetittivi tal-baħħara ta' l-UE jittejbu fuq il-bażi ta' kwalità iktar milli fuq l-ispejjeż. |
|
3.2.6 |
L-iskarsezza globali ta' baħħara kwalifikati li qed tiżdied iġġib magħha konsegwenzi allarmanti għall-infrastruttura tas-sigurtà tal-baħar u ser tiżdied jekk ma jkunx hemm sforzi bi ftehim mill-UE u mill-Istati Membri sabiex tiġi indirizzata din il-problema. Mingħajr provvista bħal din, l-Ewropa ser tkun dejjem aktar nieqsa mill-għerf u l-esperjenza meħtieġa għal attivitajiet marittimi marbutin mas-sigurtà (l-ispezzjoni tal-bastimenti, is-surveying, il-liġi, l-assigurazzjoni, is-servizzi ta' traffiku marittimu, is-salvataġġ, il-gwardji tal-kosta u l-pilotaġġ). Barraminhekk, il-clusters marittimi jistgħu jirrilokaw f'reġjuni oħrajn. Azzjonijiet kontinwi wrew li ma kienux suffiċjenti u l-KESE jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni m'għandha l-ebda intenzjoni tindirizza l-kwistjoni qabel tmiem l-2009. |
|
3.2.7 |
Il-KESE huwa allarmat bir-rata għolja ta' studenti li jitilqu kmienu mill-kulleġġi nawtiċi f'ċerti Stati Membri u t-tluq bikri mill-karriera tat-tbaħħir minn dawk li jkunu diġà bdew il-professjoni. Sakemm ma tingħatax attenzjoni immedjata lill-kriżi attwali fil-vokazzjoni marittima ta' l-UE, din tista' tkun mhedda serjament; għandhom jinstabu soluzzjonijiet f' kuntest olisitiku sabiex il-professjoni tat-tbaħħir issir iktar attraenti. L-eżerċizzju ta' l-opportunitajiet għall-ippjanar tal-karriera li diġà qiegħed jitwettaq mill-imsieħba soċjali (l-ECSA u l-ETF) għandhom jiġu żviluppati aktar. Il-“ġibda” għall-professjoni tat-tbaħħir għandha tkun abbinata mal-miżuri għaż-“żamma” tagħhom. |
|
3.2.8 |
L-Università fuq l-ilma tipprovdi esperjenza tal-baħar għall-istudenti li jieħdu sehem fil-vjaġġ tagħha. L-idea ta' campus fuq l-ilma li jbaħħar fl-oċeani jistħoqqilha li tiġi esplorata mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tiġbed studenti ta' kwalità sabiex isegwu karriera marittima. Bl-istess mod, fil-portijiet il-kbar Ewropej jistgħu jinħolqu skejjel tat-tip “Harbour school” (10) fejn it-tfal tal-primarja — u eventwalment tas-sekondarja — jitgħallmu s-suġġetti kollha b'mod li dawn ikunu marbutin ma' l-għarfien dwar l-ambjent tal-baħar u tal-vapuri, kif ukoll l-elementi bażiċi tan-navigazzjoni; dan isir fuq l-art, billi jkun iżjed sempliċi, iżda qrib tal-baħar. |
|
3.2.9 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-aħjar prattiki eżistenti fl-Istati Membri fil-livell ta' l-edukazzjoni sekondarja fir-rigward ta' l-attraenza ta' karrieri futuri fit-tbaħħir. |
|
3.2.10 |
Meta tittratta l-inċidenti marittimi, il-politika futura ta' l-UE għandha titmexxa mill-konsiderazzjonijiet li ġejjin:
|
|
3.2.11 |
Il-baħħara jistgħu jaqdu dmirijiet li jmorru lilhinn mill-ambitu tad-dmirijiet normali tagħhom taħt kondizzjonijiet tat-temp li jkunu perikolużi immens. Kif qal is-Segretarju Ġenerali ta' l-IMO: in-natura elementali ta' l-ambjent tax-xogħol kultant tqiegħed lill-baħħara professjonali f'sitwazzjonijiet li għalihom jista' jkun hemm ftit li xejn tħejjija xierqa. Kif iwieġbu huwa test ta' kuraġġ ġenwin — li jixraqlu l-għarfien u r-rikonoxximent (11). Il-Kummissjoni hija mistiedna tikkunsidra l-punti msemmija hawn fuq meta tipproponi miżuri addizzjonali għall-indirizzar ta' inċidenti marittimi. |
3.3 Kwistjonijiet ekonomiċi
|
3.3.1 |
Il-Komunikazzjoni futura dwar il-Politika tat-Trasport Marittimu ta' l-UE (2008-2018) għandha toħloq qafas adattat li jiġbed l-investimenti lejn it-tbaħħir u jikkontribwixxi lejn it-titjib fit-tmexxija globali tat-tbaħħir Ewropew u tar-rwol katalista tiegħu għall-cluster marittimu. |
|
3.3.2 |
Il-KESE jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni għan-neċessità ta' regoli globali għal industrija globali, l-importanza tar-regolamentazzjoni marittima internazzjonali u l-appoġġ għas-sejba ta' soluzzjonijiet għall-isfidi regolatorji f'korpi internazzjonali (bħall-IMO). Filfatt, il-karattru globali tat-tbaħħir, is-suq tax-xogħol globali li fih jopera t-tbaħħir u l-pożizzjoni kompetittiva tat-tbaħħir Ewropew fis-suq globali huma temi li għandhom jiġu kkunsidrati. |
|
3.3.3 |
Għandu jiġi mtenni l-bżonn għal titjib fl-effiċjenza tal-kapaċità eżistenti tal-portijiet u s-servizzi u għal kapaċità ikbar tal-portijiet u l-konnessjonijiet aħjar fuq l-art. |
|
3.3.4 |
Il-KESE jinnota li s-suġġerimenti tiegħu tqiesu fir-rigward tat-titjib tar-ratifika tal-Konvenzjonijiet ta' l-IMO mill-Istati Membri ta' l-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali, u s-suġġerimenti fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-portijiet, it-tnaqqis tal-livelli tat-tniġġis fl-arja mil-bastimenti, il-ħolqien ta' clusters multi-settorjali u ta' netwerk Ewropew ta' clusters marittimi. Ir-rwol essenzjali tat-tbaħħir Ewropew għall-kummerċ Ewropew u internazzjonali u għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej ġie rikonoxxut ukoll. |
|
3.3.5 |
Fir-rigward tat-“Territorju ta' Trasport Marittimu Ewropew mingħajr ostakoli” b'konformità mal-fehmiet tal-KESE (12), il-Komunikazzjoni tenfasizza li l-kunċett għandu jirrigwarda biss il-ħolqien ta' territorju marittimu virtwali li fih ikun hemm semplifikazzjoni ta' formalitajiet amministrattivi u tad-dwana u l-iffaċilitar tal-kummerċ fil-kuntest tas-suq uniku ta' l-UE. Il-KESE jieħu nota tal-konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni bil-għan li jiġu deċiżi proposti potenzjali addizzjonali għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-kunċett. |
|
3.3.6 |
Il-KESE jemmen li hemm skop għal kooperazzjoni/koordinazzjoni msaħħa ta' l-Istati Membri ta' l-UE f'organizzazzjonijiet internazzjonali mingħajr ma tiġi mhedda l-parteċipazzjoni individwali tagħhom. Il-kontribut ta' l-esperti ta' l-Istati Membri ta' l-UE fl-organizzazzjonijiet internazzjonali għandu reputazzjoni tajba u dan m'għandux jiġi mfixkel iżda jittejjeb. |
|
3.3.7 |
Il-KESE jappoġġja l-għan li l-UE turi l-qawwa tagħha fir-rigward ta' pajjiżi terzi bil-għan li jitħeġġu sabiex jinfurzaw u jirratifikaw diversi Konvenzjonijiet marittimi internazzjonali importanti. Il-kontroll statali tal-portijiet Ewropej għandu jispezzjona l-konformità ta' bastimenti, kemm mill-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi, ma' l-istandards internazzjonali ambjentali u soċjali. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Reġjuni tal-kosta u gżejjer
|
4.1.1 |
Huwa ta' sodisfazzjon li ġew aċċettati l-proposti tal-KESE dwar il-promozzjoni tat-turiżmu tal-kosta u l-bażi tad-data dwar il-fondi ta' l-UE għar-reġjuni tal-kosta. Il-gżejjer għandhom jitqiegħdu fil-qalba tat-tħassib ta' l-UE permezz ta' dawn il-miżuri:
|
4.2 L-oċean Arktiku u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi
|
4.2.1 |
Il-KESE jilqa': proposti fir-rigward ta' kooperazzjoni msaħħa fil-ġestjoni tal-Baħar l-Iswed u l-Baħar Mediterran, it-tkabbir u l-Politiki Ewropej tal-Viċinat u d-Dimensjoni tat-Tramuntana. |
|
4.2.2 |
Madwar 20 %-30 % tar-riżervi dinjija ta' żejt li għadhom ma ġewx skoperti jinsabu taħt l-Oċean Arktiku. Minħabba l-bidla fil-klima, sa l-2015, ir-rotot tat-tbaħħir fl-Arktiku jistgħu jinfetħu għall-parti l-kbira tas-sena. Il-ftuħ tar-rotta ta' l-Arktiku huwa attraenti għal raġunijiet kemm ta' distanza kif ukoll ta' sigurtà: per eżempju, il-vjaġġ minn Shanghai sa Rotterdam bir-rotta Arktika huwa 1 000 mil iqsar milli bir-rotta tas-Suez. Rotot iqsar tat-tbaħħir jistgħu jwasslu għal tnaqqis sinifikattiv fil-konsum tal-karburanti u l-emissjonijiet. Il-KESE jinnota li — fil-kuntest tal-problemi legali u ambjentali numerużi li jinvolvu lil bosta pajjiżi — kjarifika tal-liġi internazzjonali dwar is-silġ fuq il-baħar ser issir imperattiva. F'dan il-kuntest, huwa jistenna b'interess ir-rapport imħabbar li għandu x'jaqsam ma' l-Oċean Arktiku li ser ikopri l-implikazzjonijiet ġeopolitiċi tal-bidla fil-klima. L-impatt ambjentali potenzjali ta' l-użu ta' bastimenti ġodda fl-Arktiku għandu jiġi studjat minn qabel. |
4.3 Is-sorveljanza marittima
|
4.3.1 |
Il-KESE japprova l-proposti li jirrigwardaw in-netwerk Ewropew għas-sorveljanza marittima u l-kooperazzjoni mtejba bejn il-gwardji tal-kosta ta' l-Istati Membri. Miżuri bħal dawn jippromovu s-sigurtà u s-sikurezza marittima, il-kontroll tas-sajd u l-kontroll tal-fruntieri esterni u jħarsu l-ambjent tal-baħar. |
4.4 Kontaminazzjoni ta' l-ibħra u x-xmajjar
|
4.4.1 |
Il-kontaminazzjoni ta' l-ibħra u x-xmajjar (il-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed) minn sorsi bbażati fuq l-art hija kwistjoni fejn l-isforzi ta' l-UE għandhom jissaħħu fil-Pjan ta' Azzjoni. Għal raġunijiet ta' espedjenza politika, il-problemi għandhom jiġu indirizzati f'livell multilaterali iktar milli bilaterali. |
4.5 Sajd
|
4.5.1 |
Fil-kuntest tat-tnaqqis jew l-għejba allarmanti ta' l-ispeċi tal-baħar, il-KESE jisħaq fuq in-neċessità li r-riżorsi tas-sajd jiġu sfruttati b'mod razzjonali. Il-proposti dwar il-ġestjoni tas-sajd mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Is-sajd huwa wieħed mill-iktar professjonijiet perikolużi, u hemm ħafna iktar xi jsir sabiex tiżdied il-kultura ta' sigurtà fost il-professjonisti. B'mod partikulari, hemm bżonn li jiġu indirizzati l-miżuri ta' sigurtà għall-bastimenti tas-sajd li huma inqas minn 24 metru (din hija diskrepanza fil-Konvenzjonijiet u d-Direttivi ta' l-UE eżistenti). Il-KESE jfakkar li l-preservazzjoni neċessarja ta' l-ispeċi għandha konsegwenzi soċjali li għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali: fil-baħar l-impenn tas-sajjieda huwa ħafna drabi motivat min-nuqqas ta' riżorsi u għalhekk jissograw ħajjithom. |
|
4.5.2 |
Il-perikoli fiżiċi u finanzjarji li jiffaċċja s-sajjied huma serji u jispjegaw in-nuqqas dejjem ikbar ta' ħaddiema li jħaddnu din il-professjoni. Il-proġetti u l-programmi ta' l-UE huma meħtieġa b'mod urġenti sabiex tiġi żviluppata t-teknoloġija tal-bastimenti tas-sajd. Fil-kuntest ta' l-iskambju ta' l-aħjar prattiki dwar il-ġibda tal-professjoni tas-sajjied, il-KESE jirrakkomanda d-disseminazzjoni mifruxa tal-“Manwal għall-prevenzjoni ta' inċidenti fil-baħar u s-sigurtà tas-sajjieda” li ġie ppubblikat dan l-aħħar mill-imsieħba soċjali Ewropej, Europêche, u l-ETF. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jħaffu l-proċess ta' ratifika tal-Konvenzjoni għax-Xogħol tas-Sajd ta' l-ILO (Ġunju 2007). L-għan aħħari għandu jkun li l-attivitajiet tas-sajd isiru iktar sostenibbli u attraenti. |
4.6 Riċiklaġġ tal-bastimenti
|
4.6.1 |
Fl-opinjoni reċenti tiegħu dwar Il-Green Paper dwar żarmar aħjar tal-bastimenti COM(2007) 269, il-KESE esprima tħassib dwar “nuqqas serju madwar id-dinja ta' faċilitajiet ta' żarmar li huma kompatibbli mal-prinċipji ta' sostenibilità ambjentali u soċjali … is-sitwazzjoni ser tiggrava minħabba fiż-żieda qawwija fin-numru ta' bastimenti li ser jispiċċaw mis-servizz fil-ftit snin li ġejjin wara li qiegħed jispiċċa fuq livell globali l-użu tat-tankers taż-żejt b'buq singolu” (13). It-tijib tal-faċilitajiet u l-kondizzjonijiet tax-xogħol fl-Ażja t'Isfel (fejn isseħħ il-parti l-kbira tar-riċiklaġġ tal-bastimenti) għandu jogħla sa l-istandards li huma aċċettabbli fuq livell internazzjonali. |
|
4.6.2 |
Il-KESE jappoġġja l-progress li sar fil-livell internazzjonali dwar iż-żarmar ta' bastimenti, li jkun għadda żmienhom, b'mod effiċjenti, sikur u sostenibbli mil-lat ambjentali. Il-prijorità hija l-konklużjoni ta' Konvenzjoni obbligatorja sa l-2008/09 u sadanittant il-promozzjoni tal-linji gwida ta' l-IMO. Din il-valutazzjoni komparattiva, miftiehma fuq livell internazzjonali, għandha tressaq obbligi ċari għal sidien il-bastimenti sabiex jipprovdu dettalji ta' materjali potenzjalment perikolużi fuq il-bastimenti tagħhom, u twaqqaf standards minimi għall-postijiet ta' riċiklaġġ f'termini tad-dispożizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà u l-ġestjoni tal-materjali perikolużi. |
4.7 Ftehimiet dwar l-imbark tal-bastimenti u s-sigurtà
|
4.7.1 |
Konsiderazzjonijiet imtejba tas-sigurtà waslu sabiex bosta Stati Membri ta' l-UE kkonkludew ftehimiet bilaterali dwar l-imbark tal-bastimenti ma' pajjiżi terzi. Il-KESE jtenni li approċċ ikkoordinat ta' l-Istati Membri ta' l-UE għal inizjattivi bħal dawn jidher li huwa mixtieq ferm kif ukoll it-tqassim ikkoordinat tal-ħidma bejn l-Istati Membri, inklużi l-forzi navali tagħhom, fl-applikazzjoni ta' regoli bħal dawn. Alternattiva tista' tkun ir-ratifika bikrija tal-Protokolli tat-Trażżin ta' l-Atti Illegali mill-Istati Membri ta' l-UE li jinkludu salvagwardji għall-ħarsien ta' l-interessi kummerċjali leġittimi ta' l-operaturi tat-tbaħħir u d-drittijiet umani tal-baħħara. |
|
4.7.2 |
Il-KESE jesprimi t-tħassib dwar l-eskalazzjoni ta' l-attakki fuq bastimenti tal-merkanzija u l-proliferazzjoni ta' inċidenti ta' serq armat u piraterija fuq il-baħar partikularment fix-Xlokk ta' l-Ażja u l-Afrika. Huwa jħeġġeġ l-azzjoni min-naħa ta' l-UE sabiex il-bastimenti kummerċjali jkunu skortati mill-forzi navali fl-ibħra perikolużi. |
4.8 L-elettriku ma' l-ixtut
|
4.8.1 |
Bħala miżura għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-bastimenti rmiġġati, il-Kummissjoni tipproponi l-użu ta' elettriku ma' l-ixtut (Pjan ta' Azzjoni). Bl-użu ta' l-elettriku ma' l-ixtut, il-bastimenti ma jaħarqux karburanti, u b'hekk, ma jarmux l-inkwinanti (SOx, NOx, PM) u CO2. |
|
4.8.2 |
Il-KESE jappoġġja l-proposta msemmija hawn fuq; madankollu, jiġbed l-attenzjoni għal dan it-tħassib: jista' jkun li soluzzjoni waħda ma tkunx adattata għat-tipi kollha ta' bastimenti; l-elettriku ma' l-ixtut jista' jiġi ġġenerat f'impjanti ta' l-elettriku li jaħarqu karburanti u faħam, u b'hekk, jipproduċu CO2 addizzjonali li jista' jikkanċella l-benefiċċju. Għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis il-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq sabiex tipproponi politika raġonevoli fuq bażi globali. |
Brussell, it-22 ta' April 2008
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) ĠU C 168, 20.7.2007, p. 50-56.
(2) ETF: European Transport Workers Federation, ECSA: European Community Shipowners' Associations.
(3) ILO: International Labour Organisation (l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol).
(4) The Economist, 1.9.2007.
(5) IMO/FAO/UNESCO-IOC/WMO/WHO/IAEA/UN/UNEP Grupp Konġunt ta' Esperti dwar l-Aspetti Xjentifiċi tal-Protezzjoni Marittima Ambjentali — GESAMP.
(6) Pariġi, 4.6.1974 kif inhu emendat mill-Protokoll tas-26.3.1986. Din il-konvenzjoni ġiet sostitwita mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar tal-Grigal ta' l-Atlantiku (OSPAR), li ġie adottat f'Pariġi f'Settembru 1992 u daħal fis-seħħ f'Marzu 1998.
(7) IMO/FAO/UNESCO-IOC/WMO/WHO/IAEA/UN/UNEP Grupp Konġunt ta' Esperti dwar l-Aspetti Xjentifiċi tal-Protezzjoni Marittima Ambjentali — GESAMP.
(8) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-Taħlita Enerġetika fit-Trasport”, (TEN 305) CESE 269/2008, 13.2.2008.
(9) IMO: International Maritime Organisation STCW: Standards of Training Certification and Watchkeeping of Seafarers.
(10) Ara: “New York Harbor School”,
http://www.newyorkharborschool.org.
(11) Il-Premju ta' l-IMO għal Kuraġġ eċċezzjonali fuq il-Baħar 19.11.2007.
(12) Opinjoni dwar “Il-Green Paper: Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra” COM (2006) 275, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 50-56; Opinjoni dwar “Politika komuni għall-portijiet ta' l-UE”, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 57-62; Opinjoni dwar “Ir-rotot fuq il-baħar fil-katina loġistika”, TEN 297 CESE 1204/2007, 18.12.2007.
(13) Opinjoni dwar Green Paper dwar Żarmar Aħjar tal-Bastimenti, COM(2007) 269, CESE 1701/2007 fin, 13.12.2007.