Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025D0363

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2025/363 tal-21 ta’ Frar 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 fir-rigward tar-regoli dwar il-ġestjoni tar-riskju u l-qafas ta’ konformità għat-teħid b’self, il-ġestjoni tad-dejn, il-ġestjoni tal-likwidità u l-operazzjonijiet mutwanti u l-allokazzjoni tal-irkant mhux kompetittiv

C/2025/2

ĠU L, 2025/363, 25.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/363/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/363/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/363

25.2.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2025/363

tal-21 ta’ Frar 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 fir-rigward tar-regoli dwar il-ġestjoni tar-riskju u l-qafas ta’ konformità għat-teħid b’self, il-ġestjoni tad-dejn, il-ġestjoni tal-likwidità u l-operazzjonijiet mutwanti u l-allokazzjoni tal-irkant mhux kompetittiv

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 224(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2023/2825 (2) tistabbilixxi qafas ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ konformità għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ta’ ġestjoni tad-dejn, ta’ ġestjoni tal-likwidità u ta’ għoti b’self. Dak il-qafas jinkludi r-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju.

(2)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2025/369 (3), il-qafas tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-konformità għall-operazzjonijiet tat-teħid b’self, tal-ġestjoni tad-dejn, tal-ġestjoni tal-likwidità u tal-għoti b’self skont it-tifsira tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 issaħħaħ u l-kopertura tiegħu ġiet estiża wkoll għar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi, il-garanziji baġitarji u l-assistenza finanzjarja. F’dak il-kuntest, l-ambitu tas-sorveljanza mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji ġie estiż biex ikopri r-riskji finanzjarji li jirriżultaw minn dawk l-operazzjonijiet finanzjarji kollha.

(3)

Filwaqt li jitqies li d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2025/369 tistabbilixxi r-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji għas-sorveljanza tar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-ġestjoni tar-riskju finanzjarju tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn, ġestjoni tal-likwidità u għoti b’self jenħtieġ li tkun irregolata mir-regoli ta’ dik id-Deċiżjoni. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 dwar ir-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju u l-istabbiliment ta’ Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità jenħtieġ li jitħassru. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità jenħtieġ li jitħassru peress li l-mandat ta’ dak il-Kumitat, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tiegħu issa huma inklużi fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2025/369. Fl-aħħar nett, ir-referenzi għall-opinjoni tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju dwar il-pjan ta’ finanzjament u l-istrateġija tal-ġestjoni tal-likwidità jenħtieġ li jiġu emendati biex jirriflettu d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2025/369.

(4)

Iffaċċjati bil-ħtieġa li jiżdiedu l-volumi permezz ta’ rkantijiet għal titoli ta’ dejn, huwa xieraq li jiġu introdotti inċentivi ġodda biex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni f’dawn it-tranżazzjonijiet. Qed jiġi propost li jiġi segwit l-eżempju tal-programmi tal-irkant tal-Istati Membri biex l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment li huma membri tan-network tan-negozjanti primarji stabbilit bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1602 (4) jkunu jistgħu jixtru ammonti addizzjonali ta’ titoli ta’ dejn mibjugħa f’irkant wara l-iffissar tal-prezz tal-irkant. F’każ li l-prezz tas-suq tat-titolu rkantat jiżdied wara l-irkant, dan jippermetti lin-negozjanti primarji jixtru titoli ta’ dejn addizzjonali bi prezz aktar baxx mill-prezz tas-suq, u b’hekk jikkostitwixxi inċentiv biex issir offerta fl-irkant. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi introdott tip ġdid ta’ tranżazzjoni ta’ allokazzjoni ta’ rkant mhux kompetittiv biex jippermetti x-xiri bi prezz stabbilit ta’ ammonti addizzjonali tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom f’perjodu stabbilit wara l-irkant. Jenħtieġ li jkun possibbli li tintuża l-pjattaforma tal-irkant biex titwettaq l-allokazzjoni.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 tiġi emendata skont dan.

(6)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-qafas ta’ governanza attwali stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 għall-qafas il-ġdid stabbilit fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2025/369, l-arranġamenti eżistenti tal-ġestjoni tar-riskju relatati mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ sal-jum tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità stabbilit fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2025/369.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt (17) li ġej:

“(17)

“allokazzjoni ta’ rkant mhux kompetittiv” tfisser il-proċess ta’ ħruġ li bih l-ammonti tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom addizzjonali għall-ammonti rkantati jiġu allokati lill-membri tan-netwerk tan-negozjanti primarji stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1602 (*1) li jipparteċipaw fl-irkant abbażi ta’ prezz stabbilit, f’perjodu ta’ żmien stabbilit wara rkant u bl-użu, kif xieraq, ta’ pjattaforma tal-irkant biex titwettaq l-allokazzjoni.

(*1)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1602 tal-31 ta’ Lulju 2023 dwar l-istabbiliment tan-network tan-negozjanti primarji u d-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta għat-tranżazzjonijiet sindakati għall-finijiet tal-attivitajiet ta’ teħid ta’ self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 196, 4.8.2023, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1602/oj).’;"

(2)

fl-Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Meta jiġi stabbilit il-pjan ta’ finanzjament, l-opinjoni tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji msemmi fl-Artikolu 6, il-punt (b), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2025/369 għandha titqies kif xieraq. (*2)

(*2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2025/369 tal-21 ta’ Frar 2025 li tistabbilixxi r-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju li jissorvelja r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni (ĠU L, 2025/369, 25.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/impl/2025/369/oj)”;"

(3)

fl-Artikolu 7(1), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self jistgħu jiġu organizzati permezz ta’ taħlita ta’ tranżazzjonijiet sindakati, irkantijiet, allokazzjonijiet ta’ rkant mhux kompetittivi u pjazzamenti privati, fil-każijiet kollha li jiddependu fuq is-servizzi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment li huma membri tan-network tan-negozjanti primarji stabbilit skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1602”;

(4)

fl-Artikolu 8(4), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Meta tiġi stabbilita jew emendata l-istrateġija tal-ġestjoni tal-likwidità, l-opinjoni tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju msemmi fl-Artikolu 6(c) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2025/369 għandha titqies kif xieraq.”;

(5)

fl-Artikolu 12(2), il-punti (c) u (d) huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

l-istabbiliment ta’ arranġamenti u regoli għall-organizzazzjoni ta’ rkantijiet u allokazzjonijiet ta’ rkantijiet mhux kompetittivi, inklużi ftehimiet ma’ fornituri esterni ta’ sistemi u sorveljanza kostanti tal-prestazzjoni tal-irkantijiet;

(d)

l-implimentazzjoni ta’ tranżazzjonijiet individwali ta’ teħid b’self permezz ta’ tranżazzjonijiet sindakati, irkantijiet, allokazzjonijiet ta’ rkant mhux kompetittivi, u pjazzamenti privati;”;

(6)

L-Artikolu 18 jinbidel b’dan li ġej:

“Il-ġestjoni tar-riskju finanzjarju tal-operazzjonijiet tat-teħid b’self, tal-ġestjoni tad-dejn, tal-ġestjoni tal-likwidità u tal-għoti b’self għandha tkun irregolata mid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2025/369.”;

(7)

L-Artikolu 19 jitħassar;

(8)

L-Artikoli 20 u 21 jitħassru;

(9)

L-Artikoli 22 u 23 jitħassru.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1, il-punti (7) u (9), għandhom japplikaw mill-jum tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2025/369.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2023/2825 tat-12 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn tal-Unjoni skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati (ĠU L, 2023/2825, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2825/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2025/369 tal-21 ta’ Frar 2025 li tistabbilixxi r-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju li jissorvelja r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni (ĠU L, 2025/369, 25.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/369/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1602 tal-31 ta’ Lulju 2023 dwar l-istabbiliment tan-network tan-negozjanti primarji u d-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta għat-tranżazzjonijiet sindakati għall-finijiet tal-attivitajiet ta’ teħid ta’ self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ĠU L 196, 4.8.2023, p. 44, http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1602/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/363/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top