Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1472

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1472 tal-21 ta' Mejju 2024 dwar Akkademja Diplomatika tal-Unjoni Ewropea

ST/9270/2023/INIT

ĠU L, 2024/1472, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1472/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 22/06/2026

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1472/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1472

22.5.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1472

tal-21 ta' Mejju 2024

dwar Akkademja Diplomatika tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-2021, il-Parlament Ewropew ippropona proġett pilota intitolata “Lejn il-ħolqien ta' Akkademja Diplomatika Ewropea.” Dik l-inizjattiva, mmirata biex tappoġġa l-iżvilupp ta' kultura diplomatika komuni bbażata fuq perspettiva tal-Unjoni Ewropea u, b'hekk, fl-aħħar mill-aħħar issaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni bħala attur effettiv fil-politika barranija, kienet iffinanzjata taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2022. L-ewwel fażi pilota tnediet u tmexxiet bl-appoġġ tal-Kulleġġ tal-Ewropa matul is-sena akkademika 2022/23. L-implimentazzjoni tat-tieni fażi pilota, matul is-sena akkademika 2023/24, ingħatat ukoll lill-Kulleġġ tal-Ewropa.

(2)

Is-suċċess tal-ewwel fażi tal-Programm Pilota tal-Akkademja Diplomatika Ewropea, u t-tnedija tat-tieni fażi jenfasizzaw l-importanza li jiġi pprovdut taħriġ lid-diplomatiċi nazzjonali dwar kwistjonijiet u metodi ta' ħidma tal-Unjoni permezz ta' struttura dedikata. L-Akkademja Diplomatika tal-Unjoni Ewropea (EUDA) jenħtieġ li fl-aħħar mill-aħħar tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' massa kritika ta' diplomatiċi Ewropej li jkollhom għarfien aktar profond tal-prinċipji, l-objettivi, il-valuri, l-interessi u r-rwol globali tal-Unjoni, u li huma kapaċi jaħdmu b'mod effettiv kemm jekk jiġu stazzjonati fi Brussell, f’Delegazzjonijiet tal-Unjoni jew fl-istrutturi nazzjonali tagħhom, meta jittrattaw kwistjonijiet tal-Unjoni u jindirizzaw l-isfidi strateġiċi tagħha.

(3)

Il-Kulleġġ tal-Ewropa huwa istitut magħrufa b'bosta snin esperjenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u huwa l-aktar adattat biex iwettaq b'suċċess il-programm ta' taħriġ residenzjali komprensiv u intensiv tal-EUDA. Permezz tal-implimentazzjoni b'suċċess tal-ewwel fażi tal-Programm Pilota tal-Akkademja Diplomatika Ewropea, u meta jitqies li ngħata wkoll l-implimentazzjoni tat-tieni fażi, il-Kulleġġ tal-Ewropa wera li joffri l-eċċellenza akkademika ta' livell għoli u l-għarfien espert mill-prattikanti meħtieġa biex jiġi żviluppat standard diplomatiku Ewropew ta' eċċellenza fost l-uffiċjali mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u biex jinkisbu l-objettivi tal-EUDA,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

MISSJONI, OBJETTIVI U ATTIVITAJIET

Artikolu 1

Missjoni

L-Akkademja Diplomatika tal-Unjoni Ewropea (EUDA) għandha tiżgura l-għoti ta' edukazzjoni u taħriġ fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, b’mod partikolari l-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK), sabiex tiżviluppa u tippromwovi fehim komuni tar-rwol tal-Unjoni fid-dinja kif ukoll ixxerred l-aħjar prattiki fir-rigward tat-tmexxija tad-diplomazija tal-Unjoni, filwaqt li tippromwovi l-ispirtu ta' “korp diplomatiku Ewropew”.

Artikolu 2

Objettivi

L-EUDA għandu jkollha l-objettivi li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ tar-rwol tal-Unjoni bħala attur effettiv tal-politika barranija permezz tal-għoti ta' taħriġ akkademiku u prattiku dwar il-politiki, il-proċeduri u l-prattiki diplomatiċi fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, b’mod partikolari l-PESK, lid-diplomatiċi tal-Istati Membri u lill-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jaħdmu fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni; u

(b)

il-promozzjoni tal-kultura diplomatika Ewropea komuni fi ħdan l-Unjoni f'konformità mal-valuri, il-prinċipji, l-objettivi u l-interessi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fit-Trattati.

Artikolu 3

Attivitajiet

1.   L-EUDA għandha torganizza u twettaq attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ f’format residenzjali, f'konformità mal-missjoni u l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 1 u 2, bl-użu tal-għarfien espert tal-istituti tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-akkademji diplomatiċi fl-Istati Membri u l-kooperazzjoni magħhom.

2.   L-attivitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ tal-EUDA għandhom jinkludu, b'mod partikolari:

(a)

moduli dwar suġġetti ta' politika rilevanti fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, b’mod partikolari l-PESK, kif ukoll dwar ir-rwol tal-Unjoni bħala attur globali u fir-relazzjonijiet multilaterali;

(b)

taħriġ prattiku dwar il-ħiliet diplomatiċi rilevanti, inkluż dwar in-negozjar, il-komunikazzjoni, it-tmexxija, it-teħid ta' deċiżjonijiet u proċessi oħra, ir-rappurtar politiku u l-protokoll, permezz ta' approċċ ta’ tagħlim kuntestwali f’ambjent interattiv;

(c)

it-trasferiment tal-għarfien u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi minn prattikanti, akkademiċi u riċerkaturi fil-qasam tad-diplomazija u tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; u

(d)

żjarat ta’ studju fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ir-rappreżentanzi tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, u oħrajn rilevanti.

3.   Għandu jiġi offrut perjodu ta’ taħriġ fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bħala parti mill-programm ta’ taħriġ.

KAPITOLU II

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 4

Governanza

1.   L-EUDA għandha taħdem taħt ir-responsabbiltà ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”).

2.   Kumitat ta' Tmexxija għandu jipprovdi gwida dwar l-attivitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ tal-EUDA.

Artikolu 5

Il-benefiċjarju tal-għotja

L-EUDA għandha tkun appoġġata mill-Kulleġġ tal-Ewropa, bħala benefiċjarju tal-għotja, fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 matul il-perjodu li jkopri l-4 snin akkademiċi mill-2024-2025 sa l-2027-2028.

Artikolu 6

Il-Kap tal-EUDA

1.   Il-Kap tal-EUDA (“il-Kap”) għandu:

(a)

ikun responsabbli għall-ġestjoni ġenerali tal-EUDA;

(b)

jippreżenta l-abbozz tal-programm ta' taħriġ lill-Kumitat ta' Tmexxija għall-approvazzjoni tiegħu u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ tal-EUDA;

(c)

jiżgura l-produzzjoni regolari ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tal-programm ta’ taħriġ u l-komponenti tiegħu u jippreżenta dawk ir-rapporti lill-Kumitat ta’ Tmexxija;

(d)

jagħti pariri u jappoġġa l-ħidma tal-Kumitat ta' Tmexxija, u jinformah dwar l-attivitajiet rilevanti l-oħra kollha rigward il-programm ta’ taħriġ;

(e)

jinforma lill-Kumitat ta’ Tmexxija bil-proposta tal-baġit għall-EUDA, u dwar l-implimentazzjoni tal-baġit; u

(f)

jaħdem f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u jżomm kuntatti mal-awtoritajiet rilevanti fl-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni u fl-Istati Membri.

2.   Il-Kap għandu jinħatar mir-Rappreżentant Għoli f’konformità mar-regoli applikabbli għall-mili ta' karigi ta' maniġment superjuri fis-SEAE, u għandu jidderieġi d-dipartiment amministrattiv tas-SEAE dedikata lill-EUDA taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali tas-SEAE.

Artikolu 7

Programm ta' taħriġ

1.   L-attivitajiet speċifiċi li jridu jiġu implimentati skont din id-Deċiżjoni matul kwalunkwe sena akkademika għandhom jiġu definiti fi programm ta' taħriġ.

2.   Il-programm ta' taħriġ għandu jkun konsistenti mal-objettivi u l-attivitajiet definiti fl-Artikoli 2 u 3, u juża l-għarfien espert tal-istituti tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-akkademji diplomatiċi fl-Istati Membri, u jinkludi l-kooperazzjoni magħhom.

3.   Il-programm ta' taħriġ għandu jiddefinixxi l-kompiti li għandhom jiġu implimentati mill-Kulleġġ tal-Ewropa, inkluż:

(a)

l-iżvilupp tal-kurrikuli u l-għoti tal-attivitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ imsemmija fl-Artikolu 3; u

(b)

il-forniment ta' faċilitajiet ta' taħriġ adatti, akkomodazzjoni sħiħa u faċilitajiet ta' għajxien xierqa għall-parteċipanti matul il-programm, kif ukoll l-għoti ta' alloġġ adegwat lill-parteċipanti matul il-kompitu tagħhom lid-dipartimenti tas-SEAE skont l-Artikolu 3(3).

4.   Il-programm ta' taħriġ għandu jiddefinixxi r-responsabbiltajiet tal-persunal tal-Kulleġġ tal-Ewropa inkarigat mill-eżekuzzjoni tal-programm, inkluż id-Direttur tal-Programm EUDA li għandu jkun responsabbli għal:

(a)

l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ tal-programm ta' taħriġ tal-EUDA, inkluż it-tfassil tal-korsijiet u l-monitoraġġ tal-programm;

(b)

ir-rappurtar sistematiku tal-attivitajiet kollha ta' edukazzjoni u taħriġ tal-EUDA lill-Kap u lill-Kumitat ta’ Tmexxija;

(c)

il-kollaborazzjoni mal-Kap dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' taħriġ jekk u fejn meħtieġ; u

(d)

ir-rappreżentanza tal-EUDA fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-programm ta' taħriġ tagħha.

5.   Wara l-approvazzjoni tal-programm ta' taħriġ mill-Kumitat ta' Tmexxija, il-Kummissjoni għandha tinkludi l-programm ta' taħriġ fil-ftehim ta' għotja msemmi fl-Artikolu 11(4) bħala d-deskrizzjoni tal-azzjoni.

Artikolu 8

Kumitat ta' Tmexxija

1.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru. Il- Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jaħtru rappreżentant kull wieħed li jipparteċipa fil-Kumitat ta' Tmexxija.

2.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jiġi ppresedut mill-Kap. Għandu jitlaqqa’ mill-President jew fuq talba ta’ Stat Membru.

3.   Il-Kap, id-Direttur tal-EUDA, u r-rappreżentanti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija mingħajr id-dritt tal-vot.

4.   Il-kompiti tal-Kumitat ta' Tmexxija għandhom ikunu li:

(a)

japprova u jżomm taħt rieżami regolari l-programm ta' taħriġ tal-EUDA, kif ukoll attivitajiet oħra ta' edukazzjoni u taħriġ fejn xieraq;

(b)

jirrieżamina r-rapporti ta' evalwazzjoni tal-programm ta' taħriġ meħtieġa skont l-Artikolu 6(1), il-punt (c), u jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-attivitajiet tal-EUDA;

(c)

jevalwa l-prestazzjoni tal-benefiċjarju tal-għotja kull sena abbażi tar-rapporti ta' evalwazzjoni tal-programm ta' taħriġ, kif ukoll tal-informazzjoni pprovduta dwar l-implimentazzjoni tal-baġit skont l-Artikolu 6(1), il-punt (e), biex jiżgura li l-implimentazzjoni tal-programm ta' taħriġ tal-EUDA tissodisfa l-istandards meħtieġa, kif definiti b'mod konġunt mis-SEAE u mill-Kumitat ta' Tmexxija; u

(d)

jiddeċiedi dwar il-miżuri għall-kooperazzjoni ma’ atturi oħra rilevanti, kif imsemmi fl-Artikolu 10.

5.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu japprova , l-kriterji għall-eliġibbiltà u l-għażla tal-parteċipanti, kif imsemmi fl-Artikolu 12(2), il-punt (a).

6.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu japprova r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

7.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jaġixxi b'unanimità. Madankollu, għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u kwistjonijiet proċedurali oħra.

Artikolu 9

Kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni

L-EUDA għandha tikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni u tistabbilixxi rabtiet mill-qrib mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni u mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà u l-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża.

Artikolu 10

Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u atturi oħra rilevanti

L-EUDA għandha tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u atturi rilevanti oħrajn u tuża l-ħila esperta tagħhom, bħall-istituti ta' edukazzjoni u taħriġ u akkademji diplomatiċi fl-Istati Membri u Stati terzi.

KAPITOLU III

FINANZJAMENT

Artikolu 11

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa programm ta’ taħriġ matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2024 sat-30 ta' Ġunju 2025 għandu jkun ta' EUR EUR 1 720 432,62.

2.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri l-implimentazzjoni tal-programm ta' taħriġ għall-perjodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

3.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' għotja mal-Kulleġġ tal-Ewropa.

KAPITOLU IV

PARTEĊIPANTI

Artikolu 12

Parteċipazzjoni fl-EUDA

1.   L-EUDA għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni għall-membri tas-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri, is-SEAE kif ukoll l-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jaħdmu fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni.

2.   Is-SEAE għandu:

(a)

jipproponi, soġġett għall-approvazzjoni mill-Kumitat ta' Tmexxija, il-kriterji għall-eliġibbiltà u l-għażla tal-parteċipanti, bl-għan li jiżgura l-ogħla standard ta' kapaċità, effiċjenza u integrità;

(b)

iniedi sejħa għall-kandidati fuq bażi annwali; u

(c)

jagħżel parteċipanti minn fost il-kandidati proposti mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

3.   Għandu jingħata ċertifikat ta' attendenza lill-parteċipanti li jkunu lestew il-programm ta' taħriġ tal-EUDA.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Rieżami

Il-Kunsill għandu jirrieżamina din id-Deċiżjoni sal-31 ta’ Diċembru 2026. Għal dak l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta, abbażi ta' evalwazzjoni indipendenti u esterna, rapport dwar l-EUDA u dwar il-prestazzjoni tal-Kulleġġ tal-Ewropa fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ tal-EUDA, sal-31 ta’ Awwissu 2026.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1472/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top