Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1025

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1025 tal-4 ta’ April 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

    ST/7417/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1025, 5.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1025/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1025/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1025

    5.4.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1025

    tal-4 ta’ April 2024

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 (1).

    (2)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE: sfidi ġodda, l-istess prinċipji”, il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jevita u, fejn ma jistax jagħmel dan, itaffi kemm jista’ jkun kwalunkwe impatt negattiv potenzjali mhux intenzjonat tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fuq azzjoni umanitarja bbażata fuq prinċipji. Il-Kunsill tenna li miżuri restrittivi tal-Unjoni jikkonformaw mal-obbligi kollha skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati. Huwa ssottolinja l-importanza li l-prinċipji umanitarji u d-dritt umanitarju internazzjonali jiġu rrispettati bis-sħiħ fil-politika tas-sanzjonijiet tal-Unjoni, inkluż bl-inklużjoni konsistenti ta’ eċċezzjonijiet umanitarji fir-reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni fejn rilevanti, u billi jiġi żgurat li jkun hemm qafas effettiv biex dawn l-eċċezzjonijiet jintużaw minn organizzazzjonijiet umanitarji.

    (3)

    Fid-9 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2664 (2022), filwaqt li fakkar fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li jimponu miżuri ta’ sanzjonijiet b’rispons għat-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u enfasizza li l-miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti biex jimplimentaw is-sanzjonijiet għandhom bżonn jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali u mhumiex maħsuba li jkollhom konsegwenzi umanitarji negattivi għall-popolazzjonijiet ċivili jew konsegwenzi negattivi għall-attivitajiet umanitarji jew għal dawk li jwettquhom. Fil-paragrafu 1 tal-UNSCR 2664 (2022), il-KSNU ddeċieda li l-forniment, l-ipproċessar jew il-ħlas ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jew il-forniment minn ċerti atturi tal-oġġetti u s-servizzi meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jsostnu l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem huma permessi, u mhumiex ksur tal-iffriżar tal-assi imposti mill-KSNU jew il-Kumitati tas-Sanzjonijiet tiegħu.

    (4)

    Fl-14 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/338 (2), li introduċiet l-eżenzjoni umanitarja skont il-UNSCR 2664 (2022) fir-reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni li jagħtu effett lill-miżuri deċiżi mill-KSNU jew mill-Kumitati tas-Sanzjonijiet tiegħu. Fil-31 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/726 (3), li introduċiet l-eżenzjoni umanitarja skont il-UNSCR 2664 (2022) fir-reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni li jagħtu effett lill-miżuri deċiżi mill-KSNU jew mill-Kumitati tas-Sanzjonijiet tiegħu u fil-miżuri komplementari deċiżi mill-Kunsill. Fis-27 ta’ Novembru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2686 (4), li introduċiet f’ċerti reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni l-eżenzjoni umanitarja għall-benefiċċju tal-atturi msemmija fl-UNSCR 2664 (2022), ta’ organizzazzjonijiet u aġenziji li l-Unjoni tathom iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja, ta’ organizzazzjonijiet u aġenziji li huma ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru, u ta’ aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri.

    (5)

    Sabiex tiżdied il-konsistenza bejn ir-reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni u ma’ dawk adottati mill-KSNU jew mill-Kumitati tas-Sanzjonijiet tiegħu, u biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jsostnu l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem, huwa xieraq li tiġi introdotta eżenzjoni mill-miżuri ta’ ffriżar tal-assi applikabbli għal, u mir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta’, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi ddeżinjati skont id-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999, għall-benefiċċju tal-atturi msemmija fl-UNSCR 2664 (2022), ta’ organizzazzjonijiet u aġenziji li l-Unjoni tkun tathom iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja, ta’ organizzazzjonijiet u aġenziji li huma ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru, u ta’ aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiġi emendat il-mekkaniżmu eżistenti ta’ deroga għal dawk l-organizzazzjonijiet u l-atturi involuti f’attivitajiet umanitarji li ma jistgħux jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni. Il-Kunsill iqis ukoll li jenħtieġ li japplika mekkaniżmu ta’ deroga minflok l-eżenzjoni f’każijiet fejn il-Kunsill ikun iddetermina li jkun meħtieġ skrutinju mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali minħabba riskju ogħla li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi pprovduti jintużaw ħażin għal finijiet għajr l-assistenza umanitarja.

    (6)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

    (7)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “—1.   L-Artikolu 3(1) u (2) ma għandhomx japplikaw għall-forniment, l-ipproċessar jew il-pagament ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jew għall-forniment ta’ oġġetti u servizzi li jkunu meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jappoġġaw attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem, fejn tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:

    (a)

    in-Nazzjonijiet Uniti (NU), inkluż il-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħha;

    (b)

    organizzazzjonijiet internazzjonali;

    (c)

    organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-NU u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

    (d)

    organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-NU, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati tan-NU, appelli oħra tan-NU jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji;

    (e)

    organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali;

    (f)

    l-aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; jew

    (g)

    impjegati, benefiċjarji, sussidjarji jew sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) waqt li u sal-punt li jkunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.

    -1a.   L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi identifikati b’asterisk fl-Anness.”;.

    (b)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, u b’deroga mill-Artikolu 3(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun meħtieġ biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jsostnu l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem.”

    ;

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.”

    ;

    (d)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni li tingħata skont dan l-Artikolu fi żmien erba’ ġimgħat minn tali awtorizzazzjoni.”

    ;

    (2)

    fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 fir-rigward tal-Artikolu 3(1) u (2) għandhom jiġu rrieżaminati f’intervalli regolari, u mill-inqas kull 12-il xahar, jew fuq talba urġenti ta’ kwalunkwe Stat Membru, tar-Rappreżentant Għoli jew tal-Kummissjoni wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi.”

    ;

    (3)

    l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/338 tal-14 ta’ Frar 2023 li temenda ċerti deċiżjonijiet tal-Kunsill u pożizzjonijiet komuni dwar miżuri restrittivi sabiex jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar eżenzjoni umanitarja (ĠU L 47, 15.2.2023, p. 50).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/726 tal-31 ta’ Marzu 2023 li temenda ċerti Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi sabiex jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar eżenzjoni umanitarja (ĠU L 94, 3.4.2023, p. 48).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2686 tas-27 ta’ Novembru 2023 biex jiġu emendati ċerti Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi sabiex jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar eċċezzjonijiet umanitarji (ĠU L 2023/2686, 28.11.2023 ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2686/oj).


    ANNESS

    L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 (Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikoli 2 u 3) huwa emendat kif ġej:

    (1)

    it-Taqsima A (Persuni fiżiċi) hija emendata kif ġej:

    (a)

    fil-kolonna “Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)”, tiżdied asterisk wara l-isem fl-entrati 1 sa 4, 13, 14, 16 sa 26, 29 sa 32, 36 sa 56 u 62 sa 105;

    (b)

    tiżdied is-sentenza li ġejja wara t-tabella:

    “*

    L-Artikolu 4(-1) ma għandux japplika għall-entrati identifikati b’asterisk.”;

    (2)

    it-Taqsima B (Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi) hija emendata kif ġej:

    (a)

    fil-kolonna “Isem (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)”, tiżdied asterisk wara l-isem fl-entrati li ġejjin: 5 sa12 u 16 sa 23;

    (b)

    tiżdied is-sentenza li ġejja wara t-tabella:

    “*

    L-Artikolu 4(-1) ma għandux japplika għall-entrati identifikati b’asterisk.”.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1025/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top