Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1777

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1777 tal-14 ta’ Settembru 2023 li jintroduċi sorveljanza retrospettiva tal-Unjoni rigward l-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant

    C/2023/6140

    ĠU L 228, 15.9.2023, p. 247–250 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1777/oj

    15.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 228/247


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1777

    tal-14 ta’ Settembru 2023

    li jintroduċi sorveljanza retrospettiva tal-Unjoni rigward l-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar Salvagwardji u Regoli Komuni għall-Esportazzjoni,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2015/478, sorveljanza tal-Unjoni tista’ tkun introdotta meta x-xejra fl-importazzjonijiet ta’ prodott thedded li tikkawża dannu lill-produtturi tal-Unjoni, u meta l-interessi tal-Unjoni hekk jeħtieġu. L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2015/755 jippermetti l-possibbiltà li tiġi introdotta sorveljanza meta l-interessi tal-Unjoni hekk jeħtieġu. Sorveljanza retrospettiva, li tirrikjedi li kull Stat Membru jittrażmetti data dwar l-importazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea ftit wara li tkun saret l-importazzjoni attwali, tista’ tiġi introdotta fl-ambitu taż-żewġ Regolamenti skont l-Artikolu 10(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(a) rispettivament.

    (2)

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, l-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant dan l-aħħar żdiedu b’ammonti sinifikanti.

    (3)

    L-importazzjonijiet mill-oriġini kollha tal-bijoetanol użat bħala karburant żdiedu bi kważi 80 % bejn l-2021 u l-2022 (fin-nuqqas tal-kodiċijiet TARIC, dawn il-volumi huma bbażati fuq kodiċijiet NM kompleti u jistgħu jinkludu wkoll tipi oħra ta’ bijoetanol). Fl-2022, l-aktar pajjiżi esportaturi importanti f’termini ta’ volumi kienu l-Brażil, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Perù.

    (4)

    Analiżi addizzjonali, ibbażata fuq data TARIC estrapolata għall-aktar tliet kodiċijiet NM rappreżentattivi (jiġifieri aktar minn 90 % tal-importazzjonijiet fil-livell TARIC), uriet li l-importazzjonijiet tal-bijoetanol użat bħala karburant żdiedu b’45 % bejn l-2021 u l-2022. Barra minn hekk, wieħed josserva żieda ta’ 43,5 % oħra fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2023 meta mqabbla mal-ewwel ħames xhur tas-sena 2022.

    (5)

    Fuq dik il-bażi estrapolata, l-akbar tliet pajjiżi tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni huma l-Istati Uniti, il-Brażil u l-Perù. Il-Pakistan huwa r-raba’ pajjiż l-aktar importanti f’termini ta’ kwantitajiet importati, li juri l-ogħla żieda fl-importazzjonijiet b’179 % bejn l-2021 u l-2022. Għall-istess perjodu, l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti żdiedu b’96 %, u mill-Brażil b’37 %. L-importazzjonijiet mill-Perù naqsu bi 13 %.

    (6)

    Is-suq tal-UE jidher attraenti ħafna minħabba l-prezzijiet għoljin tiegħu. Il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Brażil u mill-Istati Uniti huma aktar minn 15 % aktar baxxi mill-prezzijiet tal-UE (3). Barra minn hekk, iż-żewġ pajjiżi għandhom kapaċitajiet ta’ produzzjoni kbar ħafna.

    (7)

    Kif turi t-tabella ta’ hawn taħt, l-Istati Uniti u l-Brażil qed jipproduċu ħafna aktar mill-konsum domestiku tagħhom stess li jfisser li għandhom kapaċità żejda għas-swieq tal-esportazzjoni. Il-konsum tal-UE huwa ta’ madwar 4,6 miljun tunnellata u l-produtturi tal-Istati Uniti u tal-Brażil għandhom kapaċità żejda kkombinata ta’ 5,5 miljun tunnellata disponibbli għall-esportazzjoni, u għalhekk kapaċi jissodisfaw id-domanda tal-Unjoni.

    Tabella 1

    Produzzjoni u konsum fis-sena 2022

    Sena 2022 (tunnellati)

    L-Istati Uniti

    Il-Brażil

    L-UE

    Produzzjoni

    46 210 800

    22 549 600

    3 970 000

    Konsum

    41 685 000

    21 517 400

    4 605 200

    Kapaċità żejda

    4 525 800

    1 032 200

    - 635 200

    (8)

    Iż-żieda fl-importazzjoniet tikkoinċidi mat-tnaqqis ta’ 10 % fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-UE. Il-proporzjon tal-importazzjonijiet meta mqabbel mal-produzzjoni tal-UE żdied minn 21 % fl-2021 għal 39 % fl-2022.

    (9)

    Ta’ min ifakkar li s-sorveljanza retrospettiva dwar l-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant (“bijoetanol”) ġiet introdotta għall-ewwel darba f’Novembru 2020 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1628 (4). Ir-Regolament introduċa ċerti kodiċijiet TARIC għal perjodu ta’ sena.

    (10)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1628 skada fl-4 ta’ Novembru 2021 u għalhekk il-kodiċijiet ġew diżattivati fis-sistema doganali. Fl-2021, l-importazzjonijiet tal-bijoetanol kienu naqsu u għalhekk, f’dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda raġuni biex is-sorveljanza tiġi estiża.

    (11)

    Madankollu, fuq il-bażi tax-xejriet reċenti fl-importazzjoni tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant, il-kapaċitajiet kbar ta’ produzzjoni disponibbli b’mod partikolari fl-Istati Uniti u l-Brażil kif iddikjarat fil-premessa(7), u l-livell aktar baxx tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet fl-Unjoni, l-effetti dannużi għall-produtturi tal-Unjoni jistgħu għalhekk, ikomplu jmorru għall-agħar fil-futur qrib.

    (12)

    Kif indikat mill-Industrija tal-Unjoni, mir-raba’ trimestru tal-2021 ’l hawn, il-biċċa l-kbira tal-indikaturi ekonomiċi qegħdin jiddeterjoraw, u qed juru sinjali ta’ dannu mġarrab mill-produtturi tal-UE inklużi fil-kampjun fil-perjodu mir-raba’ trimestru tal-2021 sat-tielet trimestru tal-2022:

    Produzzjoni (tnaqqis ta’ 10 %)

    Użu tal-kapaċità (tnaqqis ta’ 9 %)

    Volum tal-bejgħ tal-Unjoni (tnaqqis ta’ 6 %)

    Inventarji (żieda ta’ 15 %)

    Investiment (tnaqqis ta’ 44 %)

    Profittabbiltà (tnaqqis ta’ 57 %)

    (13)

    Għalhekk, l-interess tal-Unjoni jeżiġi li l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant jenħtieġ li jkunu soġġetti għal sorveljanza retrospettiva tal-Unjoni sabiex tingħata informazzjoni statistika, qabel tinħareġ l-istatistika uffiċjali dwar l-importazzjonijiet, li tippermetti analiżi rapida tax-xejriet fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha. Hemm bżonn ta’ data kummerċjali rapida biex tiġi ttrattata l-vulnerabbiltà tas-suq tal-Unjoni tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant u biex jiġu identifikati bidliet għall-għarrieda fis-suq dinji.

    (14)

    Billi l-etanol użat bħala karburant jista’ jiġi kklassifikat f’diversi intestaturi tan-NM li jinkludu prodotti oħra, jenħtieġ li jinħolqu kodiċijiet TARIC speċifiċi sabiex jiġi żgurat monitoraġġ adegwat limitat biss għall-prodotti rilevanti. L-ambitu tas-sorveljanza retrospettiva għandu jinkludi l-prodotti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (15)

    Sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ xieraq tax-xejriet tal-importazzjoni u biex jiġi evitat li l-kodiċijiet TARIC rilevanti jerġgħu jiġu diżattivati, jenħtieġ li s-sorveljanza retrospettiva tiġi introdotta għal perjodu ta’ tliet snin,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant elenkat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza retrospettiva mill-Unjoni f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2015/478 u (UE) 2015/755.

    2.   Il-klassifikazzjoni tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament huma bbażati fuq it-TARIC. L-oriġini tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu japplika mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jibqa’ fis-seħħ għal tliet snin.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16.

    (2)   ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33.

    (3)   Data pprovduta mill-Industrija Ewropea.

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1628 tat-3 ta’ Novembru 2020 li jintroduċi sorveljanza retrospettiva tal-Unjoni rigward l-importazzjonijiet tal-etanol rinnovabbli użat bħala karburant (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 12).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


    ANNESS

    Lista ta’ prodotti soġġetti għas-sorveljanza retrospettiva tal-Unjoni

    Il-prodott ikkonċernat li huwa soġġett għal sorveljanza retrospettiva hu l-etanol rinnovabbli użat bħala karburant, jiġifieri l-alkoħol etiliku magħmul minn prodotti agrikoli (kif elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), denaturat jew mhux denaturat, esklużi l-prodotti b’kontenut ta’ ilma ta’ aktar minn 0,3 % (m/m) imkejjel skont l-istandard EN 15376, iżda inkluż l-alkoħol etiliku magħmul minn prodotti agrikoli (kif elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) f’taħlitliet bil-petrol b’kontenut ta’ alkoħol etiliku ta’ aktar minn 10 % (v/v) maħsuba għall-użu bħala karburant. Il-prodott ikkonċernat ikopri wkoll l-alkoħol etiliku magħmul minn prodotti agrikoli (kif elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) li jinsab fl-Etere etil-terz-butiliku (ETBE).

    L-ambitu tal-prodott huwa limitat esklussivament għall-etanol rinnovabbli użat bħala karburant. Għalhekk, l-etanol sintetiku u l-etanol rinnovabbli maħsuba biex jintużaw mhux bħala karburant, jiġifieri għall-użu industrijali u għax-xorb, mhumiex koperti.

    Il-prodott ikkonċernat bħalissa huwa kklassifikat fil-kodiċi tan-NM u TARIC segwenti:

    Kodiċi NM

    Estensjonijiet tal-kodiċi TARIC

    ex 2207 10 00

    11

    ex 2207 20 00

    11

    ex 2208 90 99

    11

    ex 2710 12 21

    10

    ex 2710 12 25

    10

    ex 2710 12 31

    10

    ex 2710 12 41

    10

    ex 2710 12 45

    10

    ex 2710 12 49

    10

    ex 2710 12 50

    10

    ex 2710 12 70

    10

    ex 2710 12 90

    10

    ex 2909 19 10

    10

    ex 3814 00 10

    10

    ex 3814 00 90

    70

    ex 3820 00 00

    10

    ex 3824 99 92

    66


    Top