Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2094

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2094 tal-25 ta' Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/485 fir-rigward ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni biex id-Danimarka tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/12537/2023/INIT

    ĠU L 241, 29.9.2023, p. 121–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2094/oj

    29.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 241/121


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2094

    tal-25 ta' Settembru 2023

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/485 fir-rigward ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni biex id-Danimarka tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/485 (2), id-Danimarka ġiet awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112/KE biex tapplika skema b’rata fissa għall-użu privat ta’ vetturi kummerċjali b’piż totali awtorizzat ta’ mhux aktar minn tliet tunnellati li jkunu ġew irreġistrati biss għan-negozju (“il-miżura speċjali”). Il-miżura speċjali se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023.

    (2)

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-21 ta’ Marzu 2023, id-Danimarka talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2023.

    (3)

    Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu,) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummisjoni ttrażmettiet it-talba mressqa mid-Danimarka lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittri li jġibu d-dat tat-3 u tal-4 ta’ Mejju 2023. Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tal-5 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni nnotifikat lid-Danimarka li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis dik it-talba.

    (4)

    Jekk din il-miżura speċjali tibqa’ tkun applikata, il-persuni taxxabbli li jkunu rreġistraw vettura għan-negozju biss, ikunu jistgħu jużaw dik il-vettura għal finijiet privati, u jkunu jistgħu jikkalkulaw l-ammont taxxabbli tal-provvista preżunta ta’ servizzi skont l-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112/KE abbażi ta’ rata fissa ta’ kuljum, mingħajr ma jitilfu d-dritt tagħhom li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) imħallsa fuq il-kost tax-xiri ta’ dik il-vettura.

    (5)

    Madankollu, jenħtieġ li dak il-metodu ta’ kalkolu ssimplifikat skont il-miżura speċjali jkun limitat għal 20 jum ta’ użu għal finijiet privati għal kull sena kalendarja.

    (6)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mid-Danimarka fit-talba tagħha, is-sitwazzjoni fattwali li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-miżura speċjali ma nbidlitx. Flimkien mat-talba tagħha, id-Danimarka ppreżentat rapport lill-Kummissjoni li jirrieżamina l-ammont b’rata fissa li għandu jitħallas kuljum għall-użu privat ta’ vettura rreġistrata biss għan-negozju. F'dak ir-rapport, id-Danimarka ssostni li l-ammont ta’ VAT impost kuljum jibqa’ DKK 40.

    (7)

    Id-Danimarka tissottometti li l-miżura speċjali ħadmet tajjeb ħafna f’dawn l-aħħar snin u sar użu minnha minn għadd dejjem akbar ta’ persuni taxxabbli. Id-Danimarka ssostni wkoll li l-miżura speċjali għandha l-għan li tissimplifika l-obbligi tal-VAT tal-persuni taxxabbli li okkażjonalment jagħmlu użu privat minn vettura li kienet irreġistrata biss għan-negozju,, u b'hekk tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT. Madankollu, jibqa’ possibbli li persuna taxxabbli tagħżel li tirreġistra vettura kummerċjali ħafifa għall-użu kemm għal finijiet ta’ negozju kif ukoll għal dawk privati. Meta tagħmel hekk, il-persuna taxxabbli titlef id-dritt li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq il-kost tax-xiri tal-vettura iżda ma jkollhiex l-obbligu li tħallas imposta ta’ kuljum għal kwalunkwe użu għal finijiet privati.

    (8)

    L-awtorizzazzjoni tal-miżura speċjali ma ċċaħħadx lil persuni taxxabbli mid-dritt li jnaqqsu bis-sħiħ il-VAT tal-input fuq vettura rreġistrata biss għan-negozju li tintuża okkażjonalment għal użu privat u hija konsistenti mar-regoli ġenerali dwar it-tnaqqis kif stabbiliti fid-Direttiva 2006/112/KE.

    (9)

    Għalhekk jixraq li l-applikazzjoni tal-miżura speċjali tiġi estiża. Dik l-estensjoni jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien biex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-effettività u l-adegwatezza tal-miżura speċjali. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tal-miżura speċjali tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026.

    (10)

    Fil-każ li d-Danimarka titlob estensjoni oħra tal-miżura speċjali lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2026, jenħtieġ li tippreżenta rapport lill-Kummissjoni flimkien mat-talba għal estensjoni tagħha sal-31 ta' Marzu 2026.

    (11)

    Skont l-informazzjoni mogħtija mid-Danimarka, il-miżura speċjali ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li tiġbor id-Danimarka fl-istadju tal-konsum finali u mhu ser ikollha l-ebda effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni dovuti mill-VAT.

    (12)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/485 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/485, it-tieni u t-tielet paragrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2026.

    Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-miżura prevista f’din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2026 u għandha tiġi akkumpanjata b’rapport li jinkludi rieżami tal-miżura.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. GRANDE-MARLASKA GÓMEZ


    (1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/485 tad-19 ta’ Marzu 2018 li tawtorizza lid-Danimarka biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 81, 23.3.2018, p. 13).


    Top