EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2119

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2119 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-Iskeda tal-Informazzjoni Ewlenija dwar l-Investiment (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/4844

ĠU L 287, 8.11.2022, p. 63–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2119/oj

8.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/63


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2119

tat-13 ta’ Lulju 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-Iskeda tal-Informazzjoni Ewlenija dwar l-Investiment

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 23(16) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà bejn l-iskedi tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment ta’ offerti differenti ta’ finanzjament kollettiv u jiġi ffaċilitat l-abbozzar tal-iskedi tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment mis-sidien tal-proġetti, jenħtieġ li jiġi stabbilit mudell komuni għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni kkonċernata. Jenħtieġ li dan il-mudell jiżgura li s-sidien tal-proġetti jsegwu mudell ta’ preżentazzjoni simili fil-forma u fis-sustanza, filwaqt li jippermetti l-flessibbiltà meħtieġa li tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ kull offerta ta’ finanzjament kollettiv filwaqt li jitqiesu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tagħha.

(2)

Biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tad-data u biex tkun tista’ ssir kontroreferenza tal-informazzjoni inkluża fl-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment ma’ informazzjoni oħra, b’mod partikolari l-informazzjoni rrapportata skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2120 (2), kull skeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment jenħtieġ li jkun fiha identifikatur uniku għall-offerta ta’ finanzjament kollettiv li tkun relatata magħha.

(3)

Sabiex is-sidien tal-proġetti jingħataw il-possibbiltà li jipprovdu aktar informazzjoni rilevanti lill-investituri prospettivi, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu inklużi hyperlinks, li għandhom isegwu mudell komuni. Madankollu dawn il-hyperlinks jenħtieġ li ma jfixklux milli l-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment tkun kompresiva bħala dokument awtonomu. Għalhekk, jenħtieġ li l-użu ta’ hyperlinks ma jeżentax lis-sidien tal-proġetti mill-obbligu li jinkludu l-informazzjoni rilevanti fl-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment b’mod ċar u komprensiv.

(4)

Sabiex l-investituri prospettivi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-investiment, l-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment jenħtieġ li jkun fiha deskrizzjoni speċifika u mhux ġenerika dwar ir-riskji rilevanti kollha relatati mal-proġett ta’ finanzjament kollettiv, l-offerta ta’ finanzjament kollettiv u sid il-proġett.

(5)

Sabiex jippermettu l-komparabbiltà u ċ-ċarezza tal-informazzjoni finanzjarja li tinsab fl-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment, u b’hekk titjieb it-trasparenza għall-investituri prospettivi, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni jenħtieġ li jiġu ppreżentati skont standards u prinċipji komunement rikonoxxuti.

(6)

Sabiex ikun hemm informazzjoni trasparenti dwar il-kummissjonijiet, it-tariffi u spejjeż oħra tat-tranżazzjonijiet li l-investitur iġarrab tul ħajjet il-proġett ta’ finanzjament kollettiv, l-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment jenħtieġ li tippreżenta analiżi tal-ispejjeż diretti u indiretti, tispeċifika l-ispejjeż tad-dħul, l-ispejjeż tal-ħruġ, l-ispejjeż imġarrba tul il-proġett u l-ispejjeż inċidentali.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(8)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta l-opinjoni tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment

1.   Meta l-fornituri tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv jipprovdu l-informazzjoni fl-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment imsemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2020/1503 għandhom jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir disponibbli malli l-offerta ta’ finanzjament kollettiv rilevanti tiġi ppubblikata mill-fornitur tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv.

Artikolu 2

Format u rekwiżiti lingwistiċi tal-mudell tal-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment

1.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi ppreżentata b’mod li jkun faċli biex tinqara u għandha tiġi espressa b’mod li jiffaċilita l-fehim tal-informazzjoni, inkluż minn investituri prospettivi mhux sofistikati, filwaqt li jitqiesu d-diffikultajiet possibbli ta’ fehim li jirriżultaw min-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-offerta ta’ finanzjament kollettiv.

2.   Il-lingwa użata fl-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment għandha tkun ċara u konċiża u għandhom jiġu evitati termini tekniċi fejn minflokhom jista’ jintuża kliem ta’ kuljum.

Artikolu 3

L-identifikatur tal-offerta ta’ finanzjament kollettiv

1.   L-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment għandha tinkludi identifikatur standardizzat, permanenti u uniku tal-offerta ta’ finanzjament kollettiv rilevanti.

2.   L-identifikatur imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ir-riżultat tal-konkatenazzjoni tal-elementi li ġejjin, fl-ordni kif ġej:

(a)

il-kodiċi ISO 17442 tal-identifikatur tal-entità ġuridika (legal entity identifier, LEI) tal-fornitur tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv;

(b)

il-kodiċi magħmul minn tmien karattri numeriċi, li għandu jiġi ġġenerat internament mill-fornitur tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv u li għandu jkun uniku għal kull offerta ta’ finanzjament kollettiv ippubblikata mill-fornitur tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv.

3.   L-identifikatur iffurmat skont il-paragrafu 2 ma għandux jinbidel hekk kif l-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment tinbidel minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

it-traduzzjoni tal-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment f’lingwi differenti skont l-Artikolu 23(4) u (13) tar-Regolament (UE) 2020/1503;

(b)

aġġornamenti fl-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment skont l-Artikolu 23(8) u (12) tar-Regolament (UE) 2020/1503;

(c)

xi alterazzjoni mhux materjali oħra tal-informazzjoni inkluża fl-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment.

Artikolu 4

L-għażla tat-termini fil-mudell tal-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment

Meta l-mudell tal-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment stabbilit fl-Anness jippermetti għażla ta’ termini jew espressjonijiet, din l-għażla għandha ssir kif ġej:

(a)

l-espressjonijiet “kapital fil-mira” jew “ġenerazzjoni ta’ kapital” għandhom jintużaw għall-offerti ta’ finanzjament kollettiv relatati ma’ titoli trasferibbli ta’ ekwità jew strumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv;

(b)

l-espressjonijiet “fondi fil-mira” jew “self ta’ fondi” għandhom jintużaw għall-offerti ta’ finanzjament kollettiv relatati ma’ self, titoli trasferibbli mhux ta’ ekwità jew strumenti ibridi;

(c)

it-termini “titoli trasferibbli” jew “strumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv” għandhom jintużaw f’konformità mat-tip ta’ strumenti offruti.

Artikolu 5

L-użu ta’ hyperlinks fil-mudell tal-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment

1.   L-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment jista’ jkun fiha hyperlinks kif stabbilit fil-mudell stipulat fl-Anness.

2.   Il-hyperlinks għandhom ikunu komplementari għall-informazzjoni mogħtija u ma għandhomx jissostitwixxu din l-informazzjoni, ħlief jekk ma jkunx ipprovdut mod ieħor fil-mudell.

3.   Il-hyperlinks għandhom ikunu konsistenti mal-informazzjoni li tingħata xi mkien ieħor fl-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment, u r-riżorsi esterni msemmija fil-hyperlinks għandhom ikunu aċċessibbli b’mod liberu u faċli.

Artikolu 6

Tipi ta’ riskji ewlenin assoċjati mal-offerta ta’ finanzjament kollettiv

1.   It-tipi ta’ riskji ewlenin li huma assoċjati ma’ offerta ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiġu ddivulgati fl-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment relatata ma’ din l-offerta f’konformità mal-istruzzjonijiet stabbiliti fil-Parti C tal-Anness. Fejn rilevanti, riskji oħra għandhom jiġu ddivulgati wkoll.

2.   Id-deskrizzjoni tar-riskji assoċjati ma’ offerta ta’ finanzjament kollettiv għandha tkun ta’ rilevanza għal dik l-offerta speċifika u għandha titħejja biss għall-benefiċċju ta’ investituri prospettivi u ma għandhiex tagħti dikjarazzjonijiet ġenerali dwar ir-riskji ta’ investiment jew tillimita r-responsabbiltà ta’ sid il-proġett jew ta’ kwalunkwe persuna li taġixxi f’isimhom.

Artikolu 7

Proporzjonijiet finanzjarji, dikjarazzjonijiet u informazzjoni fil-mudell tal-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment

Ir-rapporti finanzjarji u l-informazzjoni msemmija fil-mudell tal-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment stabbiliti fl-Anness għandhom jiġu ppreżentati skont l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju (International Financial Reporting Standard, IFRS) jew il-Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati (Generally Accepted Accounting Principles, GAAP) lokali, skont kif applikabbli.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2120 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards u formati tad-data, mudelli u proċeduri għar-rapportar ta’ informazzjoni dwar proġetti ffinanzjati permezz ta’ pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv (Ara paġna 76 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

MUDELL TAL-ISKEDA TAL-INFORMAZZJONI EWLENIJA DWAR L-INVESTIMENT

Din l-offerta ta’ finanzjament kollettiv la ġiet ivverifikata u lanqas ma ġiet approvata minn [l-awtoritajiet kompetenti – daħħal l-isem sħiħ tal-awtorità/awtoritajiet kompetenti] jew mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA).

L-adegwatezza tal-esperjenza u l-għarfien tiegħek ma kinux neċessarjament ivvalutati qabel ma ngħatajt aċċess għal dan l-investiment.

Meta qed tagħmel dan l-investiment, qed terfa’ r-responsabbiltà tar-riskju kollu ta’ dan l-investiment, inkluż ir-riskju li titlef il-flus investiti kollha jew parti minnhom.

Twissijiet dwar ir-riskju

L-investiment f’dan il-proġett ta’ finanzjament kollettiv jinvolvi riskji, inkluż ir-riskju li titlef il-flus investiti kollha jew parti minnhom. L-investiment tiegħek ma huwiex kopert mill-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti stabbiliti f’konformità mad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Lanqas ma huwa kopert mill-iskemi ta’ kumpens tal-investitur stabbiliti f’konformità mad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Inti tista’ ma tirċievi l-ebda redditu fuq l-investiment tiegħek.

Dan mhuwiex prodott tat-tfaddil u r-rakkomandazzjoni tagħna hija li ma tinvestix aktar minn 10 % tal-valur nett tiegħek fi proġetti ta’ finanzjament kollettiv.

Jaf ma tkunx tista’ tbigħ l-istrumenti tal-investiment meta tkun tixtieq. Jekk inti tkun kapaċi tbigħhom, tista’ madankollu ġġarrab telf.

(1)

Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti, (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

(2)

Id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22).

Perjodu ta’ riflessjoni prekuntrattwali għall-investituri mhux sofistikati

L-investituri mhux sofistikati jibbenefikaw minn perjodu ta’ riflessjoni li matulu jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jirrevokaw l-offerta tagħhom li jinvestu jew jesprimu interess fl-offerta ta’ finanzjament kollettiv mingħajr ma jagħtu raġuni u mingħajr ma jġarrbu penali. Il-perjodu ta’ riflessjoni jibda mill-mument li l-investitur prospettiv mhux sofistikat jagħmel offerta biex jinvesti jew jindika l-espressjoni ta’ interess tiegħu, u jiskadi wara erbat ijiem kalendarji minn dan il-mument ’il quddiem.

[Hawnhekk daħħal il-modalitajiet li bihom l-investituri mhux sofistikati jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ revoka tagħhom waqt il-perjodu ta’ riflessjoni, flimkien ma’ informazzjoni dwar dan il-proċess u l-konsegwenzi tiegħu.]

Ħarsa ġenerali lejn l-offerta ta’ finanzjament kollettiv

Identifikatur tal-offerta

Identifikatur tal-offerta kif stabbilit fl-Artikolu 3

Sid il-proġett u isem il-proġett

 

Tip ta’ offerta u tip ta’ strument

 

Ammont fil-mira

L-ammont fil-mira u l-munita tal-offerta ta’ finanzjament kollettiv, inkluż il-valur ekwivalenti f’euro u d-data tar-rata tal-kambju, jekk l-offerta ta’ finanzjament kollettiv tipprevedi munita mhux tal-euro.

Skadenza

Id-data li fiha l-offerta se tingħalaq għal investituri prospettivi.

Parti A: Informazzjoni dwar sid il-proġett(i) u l-proġett ta’ finanzjament kollettiv

(a)

Sid il-proġett u l-proġett ta’ finanzjament kollettiv  (1)

[Imla din it-Taqsima billi tinkludi l-informazzjoni indikata hawn taħt, kif applikabbli]

Identità:

L-isem legali ta’ sid il-proġett, il-pajjiż tal-inkorporazzjoni/tar-reġistrazzjoni u n-numru ta’ reġistrazzjoni.

Forma ġuridika:

Forma ġuridika.

Dettalji ta’ kuntatt:

Is-sit web, l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefown.

Sjieda:

Id-data tal-aħħar bidla fis-sjieda u deskrizzjoni qasira tal-istruttura tas-sjieda ta’ sid il-proġett u, fejn rilevanti, tal-proġett. Din l-informazzjoni tista’ tiġi ppreżentata fil-forma ta’ dijagramma (2).

Ġestjoni:

Deskrizzjoni qasira tal-korpi ta’ ġestjoni ta’ sid il-proġett. Fejn disponibbli u meqjus xieraq, tista’ tiġi inkluża hyperlink għall-curricula vitae tal-membri fil-korpi tal-ġestjoni.

(b)

Responsabbiltà għall-informazzjoni pprovduta f’din l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment

“Sid il-proġett jiddikjara li, sa fejn jaf hu, l-ebda informazzjoni ma tħalliet barra jew hija materjalment qarrieqa jew mhux preċiża. Sid il-proġett huwa responsabbli mit-tħejjija ta’ din l-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment.”

[Imla din it-Taqsima billi telenka l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li huma responsabbli mill-informazzjoni mogħtija fl-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment skont il-liġi nazzjonali. Fil-każ ta’ persuni fiżiċi, bħalma huma l-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji ta’ sid il-proġett, indika l-ismijiet u l-funzjonijiet tagħhom. Fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, indika isimhom u l-uffiċċji reġistrati tagħhom.]

“Id-dikjarazzjoni tal-persuni [kull waħda] msemmijin hawn fuq fir-rigward tar-responsabbiltà tagħhom għall-informazzjoni mogħtija f’din l-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment skont l-Artikolu 23(9) tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* (3) hija inkluża bħala [l-Anness [A] hawnhekk (4)]”.

(c)

L-attivitajiet prinċipali ta’ sid il-proġett; prodotti jew servizzi offruti minn sid il-proġett

Deskrizzjoni qasira tan-natura tal-attivitajiet prinċipali u l-kisbiet kummerċjali attwali ta’ sid il-proġett, inkluż, fejn rilevanti, preżentazzjoni qasira tal-istrateġija tiegħu u l-valur miżjud maħluq.

(d)

Hyperlink għall-aktar dikjarazzjonijiet finanzjarji reċenti ta’ sid il-proġett

Sa fejn ikun disponibbli, għandha tiġi inkluża hyperlink għar-rapporti finanzjarji l-aktar reċenti ta’ sid il-proġett.

Jekk ir-rapporti finanzjarji jkunu ġew awditjati, tista’ tiġi inkluża wkoll hyperlink għar-rapport(i) tal-awditjar rilevanti.

Jekk ir-rapporti finanzjarji l-aktar reċenti ma jkunux disponibbli, dan il-fatt għandu jissemma b’mod espliċitu. Ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ disponibbiltà jistgħu jiġu speċifikati. Huwa biss meta r-rapporti finanzjarji l-aktar reċenti ma jkunux disponibbli, li minflok tista’ tiġi inkluża hyperlink għall-karta tal-bilanċ aġġornata ta’ sid il-proġett, jekk tkun disponibbli.

Fejn ikun hemm entità bi skop speċjali li tintervjeni bejn sid il-proġett u l-investituri, l-informazzjoni ta’ hawn fuq tista’ tiġi pprovduta wkoll fir-rigward tal-entità bi skop speċjali.

(e)

Iċ-ċifri u l-proporzjonijiet finanzjarji annwali ewlenin għal sid il-proġett għal dawn l-aħħar tliet snin

Preżentazzjoni taċ-ċifri u l-proporzjonijiet finanzjarji annwali ewlenin bħal:

(i)

il-fatturat;

(ii)

il-profitt nett annwali;

(iii)

l-assi totali,

(iv)

il-marġini ta’ profitt gross, operattiv u nett;

(v)

id-dejn nett; il-proporzjon ta’ dejn-ekwità;

(vi)

il-proporzjon ta’ likwidità immedjata; il-proporzjon tal-kopertura tas-servizz tad-dejn;

(vii)

il-qligħ qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament (earnings before interest, taxes, depreciation and amortisation, EBITDA);

(viii)

ir-redditu fuq l-ekwità;

(ix)

il-proporzjon tal-assi fissi intanġibbli mal-assi totali.

(f)

Deskrizzjoni tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv, inkluż l-iskop tiegħu u l-karatteristiċi prinċipali.

Deskrizzjoni tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv, inkluż l-iskop u l-karatteristiċi ewlenin tiegħu u l-użu maħsub tal-fondi miġbura.

Parti B: Il-karatteristiċi ewlenin tal-proċess ta’ finanzjament kollettiv u l-kundizzjonijiet [għall-ġenerazzjoni ta’ kapital] jew [għas-self ta’ fondi]

(a)

Minimu [kapital fil-mira li għandu jiġi ġġenerat] jew [fondi fil-mira li għandhom jittieħdu b’self] f’offerta unika ta’ finanzjament kollettiv

[Ammont u munita]

L-għadd ta’ offerti (pubbliċi jew mhux pubbliċi) li diġà tlestew minn sid il-proġett jew mill-fornitur ta’ finanzjament kollettiv għal dan il-proġett ta’ finanzjament kollettiv

Tip ta’ offerta u tip ta’ strument offruti

Id-data għat-tlestija

Ammont [miġbur/meħud b’self] u l-ammont fil-mira (inkluż il-valur ekwivalenti f’euro u d-data tar-rata tal-kambju fil-każ ta’ muniti mhux tal-euro)

Informazzjoni rilevanti oħra, jekk ikun hemm

 

 

 

 

(b)

L-iskadenza biex jintlaħaq [il-kapital fil-mira jew il-fondi fil-mira li jridu jittieħdu b’self]:

[Id-data li fiha l-offerta se tingħalaq għal investituri potenzjali.]

(c)

Informazzjoni dwar il-konsegwenzi jekk [il-kapital fil-mira ma jiġix iġġenerat] jew [il-fondi fil-mira ma jittieħdux b’self] sal-iskadenza

Informazzjoni dwar il-konsegwenzi relatati mal-proċess ta’ finanzjament kollettiv u l-parteċipazzjoni tal-investituri, jekk l-offerta ta’ finanzjament kollettiv ma tilħaqx l-ammont minimu fil-mira, inkluż:

(i)

jekk l-offerta ta’ finanzjament kollettiv u l-impenji tal-investituri jiġux ikkanċellati;

(ii)

jekk xi ammonti li tħallsu mill-investituri jiġux rimborżati u, jekk iva, taħt liema modalitajiet u meta;

(iii)

jekk l-investituri humiex se jġarrbu xi tariffi jew spejjeż jekk l-offerta li ma tilħaqx l-ammont fil-mira.

(d)

L-ammont massimu tal-offerta meta jkun differenti [mill-kapital fil-mira] jew [il-fondi fil-mira] msemmijin fil-punt (a)

L-ammont massimu tal-offerta u l-munita (inkluż il-valur ekwivalenti f’euro jekk il-munita mhijiex l-euro), jekk tali ammont ikun differenti [mill-kapital fil-mira] jew [mill-fondi fil-mira].

(e)

L-ammont tal-fondi proprji impenjati għall-proġett ta’ finanzjament kollettiv minn sid il-proġett;

Indikazzjoni dwar jekk l-azzjonisti ewlenin jew il-membri tal-korpi maniġerjali, superviżorji jew amministrattivi ta’ sid il-proġett investewx fl-istrumenti offruti, issottoskrivewx ruħhom għalihom jew impenjawx ruħhom li jinvestu fihom, u l-ammont kemm hu, inkluż bħala perċentwal fir-rigward tal-ammont fil-mira tal-offerta.

(f)

Bidla fil-kompożizzjoni tal-kapital ta’ sid il-proġett jew tas-self relatat mal-offerta ta’ finanzjament kollettiv

Deskrizzjoni tal-bidliet li se jirriżultaw fil-kompożizzjoni tal-kapital u d-dejn ta’ sid il-proġett bħala konsegwenza tal-offerta ta’ finanzjament kollettiv.

Parti C: Fatturi tar-riskju

Preżentazzjoni tar-riskji ewlenin

Imla din it-Taqsima billi tiddeskrivi r-riskji ewlenin assoċjati mal-proġett ta’ finanzjament kollettiv skont it-tipi ta’ riskji ewlenin identifikati hawn taħt.

Il-lista li ġejja tat-tipi ta’ riskji ewlenin mhijiex eżawrjenti. Kwalunkwe riskju ewlieni ieħor li huwa rilevanti għall-proġett ta’ finanzjament kollettiv, l-offerta ta’ finanzjament kollettiv, sid il-proġett, it-titoli trasferibbli, u l-istrumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv jew self għandhom jiġu deskritti wkoll f’din il-Parti.

Tip 1 – Riskju tal-proġett

Ir-riskji li huma intrinsiċi għall-proġett u li jistgħu jwasslu biex il-proġett ifalli. Dawn ir-riskji jistgħu jikkonċernaw, iżda mhumiex limitati għal:

(i)

id-dipendenzi tal-proġett, bħall-finanzjament, l-aspett ġuridiku, l-għoti ta’ liċenzji, id-drittijiet tal-awtur;

(ii)

l-okkorrenza ta’ xenarji avversi b’impatt negattiv;

(iii)

l-iżvilupp teknoloġiku ta’ kompetituri jew prodotti kompetittivi;

(iv)

ir-riskji li jirriżultaw minn sid il-proġett.

Tip 2 – Riskju tas-settur

Riskji li huma intrinsiċi għal settur speċifiku. Dawn ir-riskji jistgħu jiġu kkawżati, pereżempju, minn bidla fiċ-ċirkostanzi makroekonomiċi, tnaqqis fid-domanda fis-settur li fih jopera l-proġett ta’ finanzjament kollettiv u d-dipendenza fuq setturi oħra.

Is-settur tal-proġett għandu jkun deskritt billi tintuża l-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

Tip 3 – Riskju ta’ inadempjenza

Ir-riskju li proġett jew sid il-proġett jista’ jkun soġġett għal falliment jew proċedimenti oħra ta’ insolvenza, u okkorrenzi oħra li jikkonċernaw il-proġett jew sid il-proġett li jistgħu jirriżultaw fit-telf tal-investiment għall-investituri.

Riskji bħal dawn jistgħu jiġu kkawżati minn diversi fatturi, inkluż:

(a)

bidla (severa) fiċ-ċirkostanzi makroekonomiċi;

(b)

ġestjoni ħażina;

(c)

nuqqas ta’ esperjenza

(d)

frodi;

(e)

finanzjament mhux adegwat għall-fini tan-negozju;

(f)

it-tnedija mingħajr suċċess ta’ prodotti;

(g)

in-nuqqas ta’ fluss ta’ flus.

Tip 4 – Riskju ta’ tnaqqis, dewmien jew l-assenza ta’ redditu

Ir-riskju li r-redditu jkun aktar baxx milli mistenni, idum jew li l-proġett jonqos milli jħallas il-kapital jew l-imgħax.

Tip 5 – Riskju assoċjat mal-falliment tal-pjattaforma

Ir-riskju li l-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv ma tkunx tista’ tipprovdi s-servizzi tagħha b’mod temporanju jew permanenti.

Tip 6 – Riskju ta’ illikwidità tal-investiment

Ir-riskju li l-investituri ma jistgħux ibigħu l-investiment tagħhom.

Tip 7 – Riskji oħra

Riskji li huma, inter alia, barra mill-kontroll ta’ sid il-proġett, bħar-riskji politiċi u regolatorji.

Parti D: Informazzjoni relatata mal-offerta ta’ titoli trasferibbli u strumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv

(a)

L-ammont totali u t-tip ta’ [titoli trasferibbli] jew [strumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv] li jridu jiġu offruti

Għandha tiġi speċifikata l-informazzjoni li ġejja:

(i)

deskrizzjoni tat-tip u tal-klassi ta’ strumenti li għandhom jiġu offruti;

(ii)

fejn applikabbli, l-għadd ta’ strumenti li għandhom jiġu offruti, id-denominazzjoni, il-munita u t-termini tagħhom;

(iii)

il-livell relattiv tal-istrumenti fl-istruttura tal-kapital tal-emittent fl-eventwalità ta’ insolvenza inkluż, meta jkun il-każ, l-informazzjoni dwar il-livell u s-subordinazzjoni tat-titoli.

(b)

Il-prezz tas-sottoskrizzjoni

Il-prezz li bih [it-titoli trasferibbli] jew [l-istrumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv] se jiġu offruti. Fejn applikabbli, din it-Taqsima għandha tindika wkoll l-ammont minimu ta’ sottoskrizzjoni għal kull investitur.

(c)

Jekk humiex aċċettati sottoskrizzjonijiet żejda u kif dawn jiġu allokati

(d)

It-termini tas-sottoskrizzjoni u l-pagament

Din it-Taqsima għandha tinkludi deskrizzjoni ċara tat-termini tas-sottoskrizzjoni, inkluż it-trasferiment tal-prezz tas-sottoskrizzjoni, u tal-proċess tal-pagament, inkluż it-twaqqit u l-metodu.

Din it-Taqsima tista’ tinkludi wkoll hyperlink għad-deskrizzjoni tal-proċess ta’ sottoskrizzjoni u l-istruzzjonijiet.

(e)

Il-kustodja u l-konsenja ta’ [titoli trasferibbli] jew [strumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv] lill-investituri

F’din it-Taqsima għandhom jiġu speċifiki d-data tal-konsenja (jew fejn ma jista’ jsir l-ebda impenn sod bħal dan, l-aħħar data possibbli tal-konsenja) u l-proċess tal-konsenja tal-istrumenti rilevanti (inkluż kwalunkwe kollateral għall-istrumenti), u indikat l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt (inkluż l-indirizz tal-posta elettronika) tal-emittent jew tal-aġent tiegħu.

Meta s-servizzi ta’ kustodja ma jiġux ipprovduti mill-fornitur tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv, għandha ssir dikjarazzjoni ċara għal dan l-għan.

Din it-Taqsima għandha tinkludi l-identità, in-numru ta’ reġistrazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tad-depożitarju. Għandu jiġi indikat jekk hix dovuta xi tariffa mill-investitur għad-depożitarju.

(f)

Informazzjoni relatata mal-garanzija jew mal-kollateral li bih huwa garantit l-investiment (fejn applikabbli)

(i)

Il-[garanti] jew il-[fornitur tal-kollateral] huwa persuna ġuridika?

(ii)

L-identità, il-forma ġuridika u d-dettalji ta’ kuntatt [tal-garanti] jew [tal-fornitur tal-kollateral]

(iii)

Informazzjoni dwar in-natura u t-termini [tal-garanzija] jew [tal-kollateral] (inkluż il-livell tagħhom);

(g)

Informazzjoni relatata ma’ impenn sod biex jinxtraw lura [it-titoli trasferibbli] jew [l-istrumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv] (fejn applikabbli)

Deskrizzjoni tal-arranġament ta’ xiri lura

Din it-Taqsima għandha tipprovdi informazzjoni ċara u konċiża fir-rigward ta’ kwalunkwe impenn ta’ xiri lura. Fejn xieraq, tista’ tiġi pprovduta informazzjoni aktar iddettaljata permezz ta’ hyperlink.

Perjodu ta’ żmien għax-xiri lura

Deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fix-xiri lura (inkluż kwalunkwe skadenza applikabbli).

(h)

Informazzjoni dwar ir-rata tal-imgħax u l-maturità

Din it-Taqsima għandha tapplika għal titoli trasferibbli mingħajr ekwità (bħal bonds) jew għal strumenti ibridi (bħal bonds konvertibbli f’ishma).

Rata ta’ imgħax nominali:

Ir-rata tal-imgħax nominali kull sena għandha tiġi ddikjarata b’mod ċar. Barra minn hekk, din it-Taqsima għandha tinkludi spjegazzjoni qasira tal-metodu użat għall-kalkolu tagħha jew hyperlink għas-sit web tal-fornitur tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv inkluż tali spjegazzjoni.

Ir-rata tal-imgħax annwali għandha tiġi ddivulgata b’żewġ deċimali ta’ preċiżjoni u fil-format ippreferut li ġej:

[•] % fis-sena (ikkalkulata permezz ta’ [inkludi l-metodu ta’ kalkolu applikat]); jew meta r-rata tal-imgħax hija varjabbli, informazzjoni fil-qosor dwar il-fatturi ewlenin li jiddeterminaw ir-rata tal-imgħax (pereż. ir-Rata Interbankarja Offruta f’Euro, EURIBOR, flimkien ma’ X %) u l-kalkolu tagħha.

Data minn meta l-imgħax isir pagabbli:

Dati ta’ skadenza għall-pagamenti tal-imgħax:

Data ta’ maturità (inklużi l-ħlasijiet lura intermedji fejn applikabbli):

Rendiment applikabbli:

Ir-rendiment għandu jiġi kkalkulat bħala rata annwali u f’konformità mal-metodu użat għall-kalkolu tar-rata tal-imgħax nominali annwali u pprovdut bi preċiżjoni ta’ żewġ deċimali. Is-suppożizzjonijiet ewlenin li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tar-rendiment għandhom ukoll jiġu divulgati fil-qosor.

Parti E: Informazzjoni dwar entitajiet bi skop speċjali (special purpose vehicles, SPV)

(a)

Hemm involuta entità bi skop speċjali bejn sid il-proġett u l-investitur?

Iva/le

(b)

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-SPV.

Jekk it-tweġiba għall-mistoqsija ta’ hawn fuq hija “iva”, din it-Taqsima għandha tispeċifika l-identità, il-forma legali u l-uffiċċju rreġistrat tal-SPV.

Parti F: Id-drittijiet tal-investituri

[F’konformità mal-Artikolu23(7) tar-Regolament (UE) 2020/1503, fil-każ ta’ strumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv, meta l-informazzjoni meħtieġa skont il-Parti F tal-Anness I taqbeż l-ammont ta’ naħa waħda ta’ karta A4 meta tiġi stampata, il-bqija tagħha għandha tiġi ppreżentata f’anness mehmuż mal-iskeda tal-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment.]

(a)

Id-drittijiet ewlenin marbuta [mat-titoli trasferibbli] jew [mal-istrumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv]

Deskrizzjoni qasira tad-drittijiet ewlenin marbuta mal-istrumenti, miġburin skont it-tipi, bħalma huma:

(i)

id-drittijiet tad-dividendi;

(ii)

id-drittijiet tal-vot;

(iii)

id-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni;

(iv)

id-drittijiet ta’ prelazzjoni f’offerti għal sottoskrizzjoni ta’ strumenti tal-istess klassi;

(v)

id-dritt għal sehem mill-profitti tal-emittent;

(vi)

id-dritt għal sehem minn kwalunkwe surplus fil-każ ta’ likwidazzjoni;

(vii)

id-drittijiet ta’ tifdija;

(viii)

id-drittijiet ta’ konverżjoni;

(ix)

id-drittijiet ta’ ħruġ konġunt f’każ li tinqala’ ċirkustanza operattiva (jiġifieri bidla fil-kontroll, id-drittijiet tag-along).

Tista’ tiġi inkluża hyperlink għad-dokumenti kostituzzjonali ta’ sid il-proġett jew kwalunkwe dokument legali rilevanti ieħor, flimkien ma’ referenzi għall-artikoli jew għan-numri tat-taqsimiet rilevanti.

(b) kif ukoll (c)

Restrizzjonijiet li għalihom huma soġġetti [t-titoli trasferibbli] jew [l-istrumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv] u r-restrizzjonijiet fuq it-trasferiment tal-istrumenti.

Din it-Taqsima għandha tinkludi deskrizzjoni ta’ kwalunkwe ftehim tal-azzjonisti jew ta’ xi arranġament ieħor li jipprevjeni jew fi kwalunkwe każ jillimita t-trasferibbiltà tal-istrumenti, bħal klawżoli li jirrestrinġu d-dritt li jinbiegħu l-istrumenti (pereżempju klawżoli ta’ approvazzjoni jew klawżoli ta’ inaljenabbiltà temporanja).

Din it-Taqsima għandha tinkludi wkoll deskrizzjoni ta’ restrizzjonijiet oħra li għalihom huma soġġetti l-istrumenti, bħall-klawżoli ta’ disponiment sfurzat (pereżempju klawżoli ta’ esklużjoni, klawżoli ta’ xiri mill-ġdid, obbligu ta’ ħruġ konġunt fil-każ ta’ bidla fil-kontroll, id-drittijiet drag-along), li jispeċifikaw b’mod partikolari l-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ tali disponimenti.

(d)

Opportunitajiet għall-investitur biex joħroġ mill-investiment

(e)

Għall-istrumenti ta’ ekwità, id-distribuzzjoni tal-kapital u tad-drittijiet tal-vot qabel u wara ż-żieda fil-kapital li tirriżulta mill-offerta (jekk jitqies li [it-titoli trasferibbli] jew [l-istrumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv] kollha se jiġu sottoskritti).

Meta tiġi ppreżentata d-distribuzzjoni tal-kapital u tad-drittijiet tal-vot qabel u wara ż-żieda fil-kapital li tirriżulta mill-offerta, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża għal kull klassi ta’ kapital azzjonarju:

(i)

it-total tal-kapital azzjonarju awtorizzat tal-emittent;

(ii)

l-għadd tal-ishma maħruġa u mħallsa għal kollox u l-għadd tal-ishma maħruġa iżda mhux imħallsa għal kollox; kif ukoll

(iii)

il-valur nominali għal kull sehem, jew li l-ishma ma għandhomx valur nominali;

Jekk ikun hemm ishma li ma jirrappreżentawx kapital, iddikjara l-għadd u l-karatteristiċi ewlenin ta’ dawn l-ishma.

Parti G: Divulgazzjonijiet relatati ma’ self

(a)

In-natura, it-tul u termini materjali oħra tas-self

(b)

Ir-rati tal-imgħax applikabbli jew, meta applikabbli, kumpens ieħor lill-investitur

Ir-rati tal-imgħax applikabbli għal kull sena għandhom jiġu ddikjarati b’mod ċar. Barra minn hekk, din it-Taqsima għandha tinkludi spjegazzjoni qasira tal-metodu użat għall-kalkolu tagħhom jew ħolqa għas-sit web tal-fornitur tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv inkluża din l-ispjegazzjoni.

Ir-rata tal-imgħax annwali għandha tiġi ddivulgata bi preċiżjoni ta’ żewġ deċimali u fil-format ippreferut li ġej:

[•] % fis-sena (ikkalkulata permezz ta’ [inkludi l-metodu ta’ kalkolu applikat]); jew meta r-rata tal-imgħax hija varjabbli, informazzjoni fil-qosor dwar il-fatturi ewlenin li jiddeterminaw ir-rata tal-imgħax (pereż. EURIBOR, flimkien ma’ X %) u l-kalkolu tagħha.

(c)

Miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, inkluż l-eżistenza ta’ fornituri ta’ kollateral jew garanti jew tipi oħra ta’ garanziji

(d)

L-iskeda għall-ħlas lura tal-kapital u għall-ħlas tal-imgħax

Meta jkun permess ħlas lura ta’ self bil-quddiem, fuq l-inizjattiva ta’ sid il-proġett jew tal-mutwanti, dan għandu jiġi deskritt, filwaqt li jiġu stipulati t-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħlas lura.

(e)

Kwalunkwe inadempjenza fuq ftehimiet ta’ kreditu minn sid il-proġett fl-aħħar ħames snin

[Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, id-definizzjoni ta’ inadempjenza kif stabbilita fl-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2115  (6)

(f)

Is-servizzjar tas-self, (inkluż f’sitwazzjonijiet fejn sid il-proġett ma jissodisfax l-obbligi tiegħu)

Din it-Taqsima għandha tispeċifika l-entità (inkluż l-isem ġuridiku, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-post ta’ reġistrazzjoni, l-uffiċċju rreġistrat u d-dettalji ta’ kuntatt) responsabbli mis-servizzjar tas-self u tipprovdi informazzjoni qasira fir-rigward tal-politika ta’ servizzjar tagħha, li għandha tinkludi informazzjoni dwar il-proċeduri meħuda f’każ li l-obbliġi tas-self ma jiġux issodisfati. Tista’ tingħata hyperlink għall-paġna jew għad-dokument rilevanti li jkollhom id-dettalji tal-politika ta’ servizzjar.

Parti H: Tariffi, informazzjoni u rimedju ġuridiku

(a)

It-tariffi u l-ispejjeż imġarrba mill-investitur fir-rigward tal-investiment (inkluż l-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mill-bejgħ ta’ strumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv)

Din it-Taqsima għandu jkun fiha preżentazzjoni f’format ta’ tabella tat-tariffi, kummissjonijiet, spejjeż u imposti diretti u indiretti kollha mġarrba mill-investitur fir-rigward tal-investiment tiegħu u l-ħruġ mill-investiment.

Fejn jiġu ddikjarati ammonti u valuri perċentwali tal-euro (jew munita applikabbli oħra), dawn għandhom jiġu kkalkulati għal investiment ipotetiku ta’ EUR 10 000 u fuq bażi annwali.

 

Tariffi, Imposti u Spejjeż oħra

f’euro

(jew munita oħra applikabbli)

bħala perċentwal tal-ammont totali tal-investiment

Eżempji

(mhux eżawrjenti)

Ta’ darba

Spejjeż tad-dħul (ipprovdi d-dettalji)

EUR […]

[…] %

L-ispejjeż li l-investitur iħallas meta jagħmel l-investiment. Dawn l-ispejjeż jinkludu spejjeż relatati mas-sottoskrizzjoni tal-investitur (bħal tariffi notarili, ħlasijiet bil-quddiem u taxxi tal-boll), u spejjeż relatati mal-assi sottostanti (bħat-tariffi tas-sejjieb u tal-aġent, it-tariffi notarili, it-taxxi fuq il-proprjetà immobbli u taxxi oħra fuq l-akkwist)

Spejjeż tal-ħruġ

(ipprovdi d-dettalji)

EUR […]

[…] %

L-ispejjeż li l-investitur iħallas meta joħroġ mill-investiment fil-maturità (bħat-tariffi tas-sejjieb u tal-aġent, it-tariffi notarili, it-taxxi fuq il-proprjetà immobbli u taxxi oħra fuq l-akkwist, l-ispejjeż tal-istralċ)

Kontinwi

 

EUR […]

[…] %

L-ispejjeż li l-investitur iġarrab tul il-perjodu ta’ żamma tal-investiment (bħat-tariffi ta’ kustodja u ta’ ġestjoni, it-tariffi legali u tal-awditjar, it-taxxi kurrenti relatati mal-investiment tiegħek jew mal-assi sottostanti)

Inċidentali

Tariffi fuq il-prestazzjoni/

Kumpens għall-prestazzjoni (ipprovdi d-dettalji)

EUR […]

[…] %

Tariffi li l-investitur iħallas lil sid(ien) il-proġett jekk jintlaħqu ċerti parametri ta’ suċċess

Tariffi inċidentali oħra (ipprovdi d-dettalji)

EUR […]

[…] %

It-tariffi tas-sejjieb, it-tariffi ta’ rifinanzjament, it-tariffi tat-tranżazzjonijiet (jekk mhux diġà inklużi fit-tariffi ta’ darba)

(b)

Minn fejn u kif tista’ tinkiseb bla ħlas informazzjoni addizzjonali dwar il-proġett ta’ finanzjament kollettiv, sid il-proġett [u, fejn applikabbli, l-SPV]

(c)

Kif, u lil min l-investitur jista’ jindirizza lment dwar l-investiment jew dwar l-imġiba ta’ sid il-proġett jew ta’ fornitur tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv

Għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja fil-qosor:

(i)

il-passi li għandhom jiġu segwiti għat-tressiq ta’ lment dwar l-investiment jew dwar l-imġiba ta’ sid il-proġett jew ta’ fornitur tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv;

(ii)

ħolqa għall-paġna web u l-formola rilevanti għal dawn l-ilmenti;

(iii)

sit web jew indirizz elettroniku aġġornat li fih jistgħu jiġu sottomessi dawn l-ilmenti.


(1)  Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni stabbilita f’din it-Taqsima, sid il-proġett jista’ jinkludi wkoll il-logo tiegħu f’din it-Taqsima.

(2)  Fil-każ, pereżempju, li sid il-proġett ikun parti minn grupp, id-dijagramma tista’ turi l-istruttura tal-grupp u l-pożizzjoni ta’ sid il-proġett fi ħdan il-grupp.

(3)  Ir-Regolament (EU) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1).

(4)  Id-dikjarazzjoni ta’ kull persuna responsabbli għandha tikkonforma mal-Artikolu 23(9) tar-Regolament (UE) 2020/1503.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika, ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2115 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza tas-self offrut fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv (Ara paġna 33 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top