EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022L0211

Direttiva (UE) 2022/211 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali

PE/77/2021/REV/1

ĠU L 37, 18.2.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/211/oj

18.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/1


DIRETTIVA (UE) 2022/211 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Frar 2022

li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 62(6) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni għandha tirrieżamina atti legali adottati mill-Unjoni, minbarra dik id-Direttiva, li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva. Il-fini ta’ dak ir-rieżami huwa li tiġi evalwata l-ħtieġa li tallinja dawk l-atti legali ma’ dik id-Direttiva u tagħmel, fejn adatt, il-proposti meħtieġa sabiex temendhom sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Dak ir-rieżami wassal għall-identifikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA (3) bħala waħda mill-atti legali li għandhom jiġu emendati.

(2)

L-ipproċessar ta’ data personali skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/JHA, u skont il-liġijiet nazzjonali adottati biex tiġi implimentata dik id-Deċiżjoni Kwadru, jinvolvi l-ipproċessar, l-iskambju u l-użu sussegwenti ta’ informazzjoni rilevanti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fl-interess tal-konsistenza u l-protezzjoni effettiva tad-data personali, jenħtieġ li l-ipproċessar tad-data personali skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/JHA jikkonforma mad-Direttiva (UE) 2016/680. Jenħtieġ li jkun possibbli għad-data personali li tinsab f’informazzjoni miksuba legalment minn tim ta’ investigazzjoni konġunta li tiġi pproċessata għal finijiet differenti minn dawk li għalihom kien twaqqaf it-tim, bħal proċeduri kriminali sussegwenti jew proċeduri amministrattivi jew ċivili jew skrutinju parlamentari relatati, biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/680. Tali proċessar ta’ data personali jenħtieġ li jitwettaq biss f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/680, inkluż li jitwettaq f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru u li jkun meħtieġ u proporzjonat għall-iskop tiegħu.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, l-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/JHA u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

(4)

F’konformità mal-Artikoli 1, 2 u 2a tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta’ Marzu 2021.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/JHA tiġi emendata skont dan.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/JHA

Fl-Artikolu 1(10) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/JHA, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Sa fejn l-informazzjoni użata għall-finijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti (b), (c) u (d) tinkludi data personali, din għandha tiġi pproċessata biss f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 9(1) u (3) tagħha.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-11 ta’ Marzu 2023. Huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Frar 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

C. BEAUNE


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 2022.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(3)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti (ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


Top