Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2273

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2273 tat-18 ta’ Novembru 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro

ST/14139/2022/INIT

ĠU L 300, 21.11.2022, pp. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2273/oj

21.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2273

tat-18 ta’ Novembru 2022

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punti (b) u (d), l-Artikolu 79(2), il-punt (c), u l-Artikolu 218(3) u (4), tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F’ċirkostanzi li jeħtieġu l-istazzjonament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta lejn pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet ser jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jitlob li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat abbażi tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)

Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mal-Montenegro dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tal-Montenegro.

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2). Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(4)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, għal ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tal-Montenegro.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitmexxew fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni, u f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma adatt tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624, (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).


Top