Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1368

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1368 tat-3 ta’ Awwissu 2022 li twaqqaf Gruppi ta’ Djalogu Ċivili fi kwistjonijiet koperti mill-Politika Agrikola Komuni u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/767/UE

    C/2022/5535

    ĠU L 205, 5.8.2022, p. 278–283 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1368/oj

    5.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 205/278


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1368

    tat-3 ta’ Awwissu 2022

    li twaqqaf Gruppi ta’ Djalogu Ċivili fi kwistjonijiet koperti mill-Politika Agrikola Komuni u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/767/UE

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 38 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Unjoni għandha tiddefinixxi u timplimenta Politika Agrikola Komuni (PAK).

    (2)

    F’konformità mal-Artikolu 11(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE (1) tipprevedi qafas għall-konsultazzjoni ta’ partijiet ikkonċernati mhux governattivi fi kwistjonijiet relatati mal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Din tippermetti lill-Kummissjoni titlob l-għarfien espert tal-ispeċjalisti fil-korpi konsultattivi, jiġifieri l-Gruppi ta’ Djalogu Ċivili li l-mandat attwali tagħhom jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.

    (4)

    Sabiex ikun hemm adattament għall-qafas leġiżlattiv il-ġdid (2) tal-Politika Agrikola Komuni u għar-regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (“ir-regoli orizzontali”) stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 (3), kif ukoll biex tiġi żgurata l-kontinwità tad-djalogu ċivili fi kwistjonijiet relatati mal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali mill-2023, jeħtieġ li jiġu stabbiliti seba’ gruppi tematiċi ta’ esperti u li jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tagħhom.

    (5)

    Dawk il-gruppi jenħtieġ li jassistu lill-Kummissjoni u jappoġġaw djalogu regolari f’kull kwistjoni relatata mal-Politika Agrikola Komuni u mal-implimentazzjoni tagħha, u b’mod partikolari l-miżuri li l-Kummissjoni tintalab tieħu f’dak il-kuntest, inklużi l-aspetti internazzjonali tal-agrikoltura. Dawn jenħtieġ li jwasslu għal skambju ta’ esperjenza u ta’ prattika tajba, jagħtu pariri dwar il-politiki, jagħtu opinjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi meta jitlobhom id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (“DĠ AGRI”) jew fuq inizjattiva tagħhom stess u jimmonitorjaw l-iżviluppi tal-politiki. Il-membri tal-gruppi huma mistennija wkoll li jxerrdu l-informazzjoni, miksuba fil-kuntest tal-laqgħat tal-gruppi, lill-kostitwenzi rispettivi tagħhom.

    (6)

    Bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza tas-sistema tad-djalogu ċivili, f’dan ir-rigward anke fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew, u biex tiġi żgurata rappreżentanza bbilanċjata tal-interessi differenti, li tkopri s-soċjetà ċivili f’sens wiesa’, jixraq li jiġi stabbilit qafas ġdid għall-Gruppi ta’ Djalogu Ċivili. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lil rappreżentanza wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati bl-għarfien espert rilevanti, biex jiġu diskussi perspettivi u fehmiet differenti.

    (7)

    Sabiex il-partijiet ikkonċernati kollha jingħataw l-istess possibbiltajiet u rappreżentanza, u f’konformità mar-regoli orizzontali u l-prattika standard imsemmija hawn fuq, kull organizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li tingħata sħubija waħda mingħajr ebda differenzjazzjoni tas-siġġijiet bejn l-organizzazzjonijiet. Madankollu, fid-dawl tal-aġenda tal-Kummissjoni u l-ħtieġa li jinġabar għarfien espert speċifiku, in-numru kumplessiv ta’ parteċipanti f’kull waħda mil-laqgħat, jista’ jiġi modifikat fuq bażi ta’ każ b’każ.

    (8)

    Sabiex jiġi żgurat proċess ta’ konsultazzjoni parteċipattiv u inklużiv, filwaqt li tkompli tilħaq liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati, jenħtieġ li tingħata l-attenzjoni meħtieġa lill-objettiv klimatiku li jitnaqqsu l-emissjonijiet kumplessivi li l-Kummissjoni jenħtieġ li tikkontribwixxi għalih. Dan jimplika li jenħtieġ li jiġu organizzati inqas laqgħat tal-esperti wiċċ imb wiċċ. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-objettivi reċiproċi tal-Kummissjoni u tal-partijiet ikkonċernati jistgħu jintlaħqu wkoll permezz ta’ laqgħat virtwali. Għalhekk, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-importanza ta’ laqgħat fiżiċi okkażjonali, l-organizzazzjoni ta’ laqgħat online jenħtieġ li tkun privileġġata.

    (9)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni minn membri tal-grupp.

    (10)

    Jenħtieġ li tiġi pproċessata d-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (11)

    Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/767/UE titħassar fl-istess ħin li jintemm il-mandat attwali tal-Gruppi ta’ Djalogu Ċivili.

    (12)

    Sabiex jiġi żgurat tiġdid perjodiku tal-qafas ta’ djalogu ċivili, jixraq li tiġi stabbilita d-data tat-tmiem għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni,

    IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Il-gruppi ta’ esperti li ġejjin, imsejħa l-Gruppi ta’ Djalogu Ċivili (“il-gruppi”), ġew stabbiliti:

    1.

    il-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u Kwistjonijiet Orizzontali;

    2.

    il-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar is-Swieq Agrikoli;

    3.

    il-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar il-Produzzjoni tal-Annimali;

    4.

    il-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar l-Aspetti Internazzjonali tal-Agrikoltura;

    5.

    il-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar il-Biedja Organika;

    6.

    il-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar il-Kwalità u l-Promozzjoni;

    7.

    il-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima.

    Artikolu 2

    Kompiti

    Il-gruppi, fir-rigward tal-oqsma tematiċi ta’ kompetenza tagħhom kif elenkati skont l-Artikolu 1, għandhom iwettqu l-kompiti li ġejjin:

    (a)

    iżommu djalogu regolari dwar kull kwistjoni relatata mal-Politika Agrikola Komuni, u mal-implimentazzjoni tagħha, inklużi l-aspetti internazzjonali tal-agrikoltura, u b’mod partikolari l-miżuri li l-Kummissjoni tintalab tieħu f’dak il-kuntest.

    (b)

    jipprovdu pariri lill-Kummissjoni fir-rigward tal-oqsma tematiċi ta’ kompetenza tagħhom kif elenkati skont l-Artikolu 1, u jassistu lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ inizjattivi ta’ politika fl-oqsma msemmija fil-punt (a), meta jkun meħtieġ għarfien espert speċifiku;

    (c)

    iwasslu għal skambju tal-esperjenza u tal-prattika tajba, inkluż it-tixrid ta’ informazzjoni, fl-oqsma msemmija fil-punt (a);

    (d)

    jagħtu opinjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi meta jitlobhom id-DĠ AGRI u sal-iskadenzi stabbiliti fit-talba, jew fuq inizjattiva tagħhom stess;

    (e)

    jimmonitorjaw l-iżviluppi tal-politika fl-oqsma msemmija fil-punt (a);

    Artikolu 3

    Sħubija

    1.   Il-gruppi għandhom ikunu magħmula minn organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, għajr entitajiet pubbliċi, li jiffunzjonaw fil-livell tal-Unjoni fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   L-organizzazzjonijiet membri għandhom jiddeżinjaw ir-rappreżentant tagħhom biex jattendi l-laqgħat tal-gruppi skont il-punti fl-aġenda. Jekk indikat mill-President, l-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu rappreżentati minn aktar minn rappreżentant wieħed. Kull organizzazzjoni għandu jkollha dritt ta’ vot wieħed, irrispettivament min-numru ta’ rappreżentanti.

    3.   L-organizzazzjonijiet membri għandhom ikunu responsabbli milli jiżguraw li r-rappreżentanti tagħhom jipprovdu livell għoli ta’ għarfien espert.

    4.   L-organizzazzjonijiet membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti, u li, fl-opinjoni tad-DĠ AGRI, ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew li jirriżenjaw, ma għandhomx jibqgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-grupp u jistgħu jiġu sostitwiti għall-kumplament tal-mandat tagħhom.

    Artikolu 4

    Proċess tal-għażla

    1.   L-għażla tal-organizzazzjonijiet membri għandha ssir permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet li għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u ta’ entitajiet oħra simili (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”). Barra minn hekk, is-sejħa għall-applikazzjonijiet tista’ tiġi ppubblikata permezz ta’ mezzi oħra, inkluż fuq siti web apposta. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha turi b’mod ċar il-kriterji tal-għażla li jinkludu l-livell ta’ għarfien espert neċessarju u l-interessi li għandhom ikunu rappreżentati rigward il-ħidma li trid titwettaq. L-iskadenza minima għall-applikazzjonijiet għandha tkun ta’ erba’ ġimgħat.

    2.   Hija meħtieġa r-reġistrazzjoni fir-Reġistru tat-Trasparenza biex l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jinħatru bħala membri.

    3.   L-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ AGRI minn fost applikanti b’kompetenzi u b’livell ogħli ta’ għarfien espert fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, b’kapaċità fl-għoti ta’ pariri f’konformità mal-Artikolu 2, u li jkunu wieġbu għas-sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet.

    4.   L-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati għandhom jinħatru għal mandat ta’ ħames snin. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded.

    Artikolu 5

    President

    Il-gruppi għandhom ikunu preseduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    Artikolu 6

    Funzjonament

    1.   F’konformità mar-regoli orizzontali, il-gruppi għandhom jaġixxu fuq talba tad-DĠ AGRI.

    2.   Fil-prinċipju, il-laqgħat tal-gruppi għandhom isiru virtwalment jew fil-bini tal-Kummissjoni, skont iċ-ċirkostanzi.

    3.   Id-DĠ AGRI għandu jipprovdi s-servizzi segretarjali. Jistgħu jattendu l-laqgħat tal-gruppi u tas-sottogruppi tagħhom uffiċjali tal-Kummissjoni minn dipartimenti oħrajn li jkollhom interess fil-proċedimenti.

    4.   Bi ftehim mad-DĠ AGRI, kull grupp, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jista’ jiddeċiedi li l-laqgħat għandhom jinfetħu għall-pubbliku.

    5.   Il-minuti tad-diskussjoni ta’ kull punt fl-aġenda u tal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti mogħtija minn kull grupp għandhom ikunu jagħmlu sens u kompluti. Il-minuti għandhom jiġu abbozzati mis-segretarjat, taħt ir-responsabbiltà tal-President.

    6.   Sa fejn ikun possibbli, il-gruppi għandhom jadottaw l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti tagħhom b’konsensus. F’każ ta’ votazzjoni, l-eżitu tal-votazzjoni għandu jiġi deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvutaw kontra jew li jkunu astjenew għandu jkollhom id-dritt li jiddokumentaw ir-raġunijiet li wasslu għall-pożizzjoni tagħhom, u li jkunu annessi mal-opinjonijiet, mar-rakkomandazzjonijiet jew mar-rapporti.

    Artikolu 7

    Sottogruppi

    1.   Id-DĠ AGRI jista’ jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi tat-termini ta’ referenza ddefiniti mid-DĠ AGRI. Is-sottogruppi għandhom jiffunzjonaw f’konformità mar-regoli orizzontali u għandhom jirrapportaw lura lill-grupp. Dawn għandhom jiġu xolti malli jintlaħaq l-għan tal-mandat tagħhom.

    2.   F’konformità mal-Artikolu 4 u mar-regoli orizzontali, il-membri tas-sottogruppi li ma jkunux membri tal-grupp għandhom jintgħażlu permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet.

    Artikolu 8

    Esperti mistiedna

    Id-DĠ AGRI jista’ jistieden esperti b’għarfien espert speċifiku dwar suġġett fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogruppi fuq bażi ad hoc.

    Artikolu 9

    Osservaturi

    1.   F’konformità mar-regoli orizzontali, l-individwi, l-organizzazzjonijiet, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll l-entitajiet pubbliċi għajr l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jingħataw status ta’ osservatur, permezz ta’ stedina diretta.

    2.   L-organizzazzjonijiet u l-entitajiet pubbliċi li jinħatru bħala osservaturi għandhom jinnominaw lir-rappreżentanti tagħhom.

    3.   L-osservaturi u r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jkunu awtorizzati mill-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu u biex jipprovdu għarfien espert. Madankollu, ma għandu jkollhom l-ebda dritt tal-vot u ma għandhomx jieħdu sehem fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet jew ta’ pariri tal-gruppi u tas-sottogruppi tagħhom.

    Artikolu 10

    Regoli ta’ proċedura

    Fuq proposta mid-DĠ AGRI, u bi qbil miegħu, il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, abbażi tar-regoli ta’ proċedura standard għall-gruppi ta’ esperti (5) u f’konformità mar-regoli orizzontali. Is-sottogruppi għandhom jiffunzjonaw f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-grupp.

    Artikolu 11

    Segretezza professjonali u trattament ta’ informazzjoni klassifikata

    Il-membri tal-grupp u r-rappreżentanti tagħhom, l-esperti mistiedna, kif ukoll l-osservaturi u r-rappreżentanti tagħhom, huma soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali, li skont it-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, japplika għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u għall-persunal tagħhom, kif ukoll għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (6) u (UE, Euratom) 2015/444 (7). F’każ li dawn l-obbligi ma jiġux irrispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

    Artikolu 12

    Trasparenza

    1.   Il-gruppi u s-sottogruppi tagħhom għandhom jiġu reġistrati fir-“Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”.

    2.   Rigward il-kompożizzjoni tal-gruppi u tas-sottogruppi, għandha tiġi ppubblikata d-data li ġejja fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti:

    (a)

    l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati; l-interess rappreżentat għandu jkun iddikjarat;

    (b)

    l-ismijiet tal-osservaturi.

    3.   Id-dokumenti rilevanti kollha, inkluż l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli jew fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew permezz ta’ link mir-Reġistru għal sit elettroniku dedikat, fejn ikun hemm din l-informazzjoni. L-aċċess għal siti elettroniċi dedikati ma għandux ikun sottomess għal reġistrazzjoni tal-utent jew għal restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti rilevanti oħra ta’ kuntest, għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, u wara dan, il-minuti għandhom jiġu ppubblikati fil-pront. Eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom jkunu possibbli biss fejn jitqies li l-iżvelar ta’ dokument idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    Artikolu 13

    Spejjeż tal-laqgħat

    1.   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-gruppi u tas-sottogruppi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

    2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza li jġarrbu il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-gruppi u tas-sottogruppi, għajr dawk li jattendu virtwalment, għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

    Artikolu 14

    Tħassir

    Id-Deċiżjoni 2013/767/UE titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

    Artikolu 15

    Applikabbiltà

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Janusz WOJCIECHOWSKI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE tas-16 ta’ Diċembru 2013 li twaqqaf qafas għal djalogu ċivili fi kwistjonijiet koperti mill-Politika Agrikola Komuni u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/391/KE (ĠU L 338, 17.12.2013, p. 115).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

    Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).

    Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 final tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (5)  L-Anness III tad-Deċiżjoni C(2016) 3301.

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat- 13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

    (8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 4). Dawn l-eċċezzjonijiet huma maħsuba biex jipproteġu s-sigurtà pubblika, l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, il-privatezza u l-integrità tal-individwu, l-interessi kummerċjali, il-proċedimenti tal-qorti u l-konsulenza ġuridika, l-ispezzjonijiet/l-investigazzjonijiet/l-awditi u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni.


    Top