Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2063

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2063 tal-25 ta’ Awwissu 2021 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 u li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fl-Ilmijiet tal-Punent għall-perjodu 2021-2023

C/2021/6160

ĠU L 421, 26.11.2021, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2063/oj

26.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 421/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2063

tal-25 ta’ Awwissu 2021

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 u li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fl-Ilmijiet tal-Punent għall-perjodu 2021-2023

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2015 (2) jipprovdi dettalji dwar kif għandu jiġi implimentat l-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd demersali fl-Ilmijiet tal-Punent għall-perjodu 2021-2023, wara żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti mressqa rispettivament mill-Belġju, minn Spanja, minn Franza, min-Netherlands u mill-Portugall (“Stati Membri tal-Ilmijiet tal-Lbiċ”) u mill-Belġju, mill-Irlanda, minn Spanja, minn Franza u min-Netherlands (“Stati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral”).

(2)

Skont ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2015, ċerti eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ ħatt l-art huma applikabbli b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2021. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett jenħtieġ li jippreżentaw, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2021, informazzjoni xjentifika addizzjonali li tappoġġa l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) jenħtieġ li jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2021.

(3)

L-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral, wara li kkonsultaw lill-Kunsill Konsultattiv tal-Ilmijiet tal-Majjistral u lill-Kunsill Konsultattiv tal-Istokkijiet Pelaġiċi, ressqu rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni fit-30 ta’ April 2021, li titlob emenda għall-pjan għall-iskartar ta’ ħut għal ċertu sajd fl-Ilmijiet tal-Majjistral.

(4)

L-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Lbiċ, wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv tal-Ilmijiet tal-Lbiċ u mal-Kunsill Konsultattiv tal-Istokkijiet Pelaġiċi, ressqu rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni fit-30 ta’ April 2021, fejn talbu emenda għall-pjan għall-iskartar ta’ ħut għal ċertu sajd fl-Ilmijiet tal-Lbiċ.

(5)

L-STECF (3) analizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet konġunti f’Mejju 2021. Il-Kummissjoni ressqet l-abbozz ta’ atti delegati lil grupp ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri fis-16 ta’ Lulju 2021 f’laqgħa li għaliha attenda l-Parlament Ewropew bħala osservatur.

(6)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 stabbilixxa l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet applikabbli fl-Ilmijiet tal-Majjistral (il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (“ICES”) is-subżoni 5 (minbarra d-diviżjoni 5a u l-ilmijiet tal-Unjoni biss tad-diviżjoni 5b), 6 u 7). Dak l-istess regolament stabbilixxa l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet applikabbli fl-Ilmijiet tal-Lbiċ (is-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES (ilmijiet madwar l-Azores), u fiż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0 tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (“CECAF”) (ilmijiet madwar Madeira u l-Gżejjer Kanarji). Għaċ-ċarezza legali, l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri jenħtieġ li tirreferi b’mod espliċitu għall-ilmijiet tal-Unjoni ta’ dawn iż-żoni. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 jiġi emendat.

(7)

L-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral talbu eżenzjoni ta’ sopravivenza ġdida għall-barbun tat-tbajja’ li jinqabad bit-tartaruni (SSC) fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES. L-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral ipprovdew evidenza xjentifika ġdida biex juru rati għoljin ta’ sopravivenza tal-qabdiet skartati għall-barbun tat-tbajja’ f’dak is-sajd. Dik l-evidenza ġiet ippreżentata lill-STECF, li kkonkluda (4) li d-data dwar ir-rati ta’ sopravivenza hija affidabbli u tagħti stimi ta’ sopravivenza robusti għal dak is-sajd. Għalhekk, jenħtieġ li l-eżenzjoni tiġi inkluża fir-Regolament Delegat (UE) 2020/2015.

(8)

L-Artikolu 10(4), il-punt (b), tar-Regolament Delegat 2020/2015 ta eżenzjoni ta’ sopravivenza għolja għar-raja kukù li tinqabad bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fis-subżona 8 tal-ICES sal-31 ta’ Diċembru 2021. L-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Lbiċ talbu li l-eżenzjoni tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2023. L-STECF irrieżamina l-evidenza xjentifika pprovduta mill-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Lbiċ u kkonkluda li r-rati ta’ sopravivenza fl-aħħar studji huma baxxi, iżda bi grad għoli ta’ varjabbiltà. Madankollu, fl-2021 huma ppjanati studji ta’ riċerka addizzjoni li se jgħaqqdu l-vitalità abbord mal-monitoraġġ fil-magħluq. Għalhekk, jenħtieġ li l-eżenzjoni tiġi estiża sal-2022 biex tippermetti żmien suffiċjenti għat-tlestija tal-istudji. L-Istati Membri huma meħtieġa jissottomettu r-riżultati ta’ dawn l-istudji mill-STECF sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022.

(9)

L-Artikolu 13(1), il-punt (f), tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 ta eżenzjoni de minimis għall-minfaħ li jinqabad minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-diviżjonijiet 7b sa 7c u 7f sa 7k tal-ICES. L-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral talbu li jiġi speċifikat li l-kalkolu tal-eżenzjoni jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-qabdiet tal-irkapti kollha. L-STECF ikkonkluda (5) li, għalkemm din it-talba għandha implikazzjonijiet f’termini tal-potenzjal permess tal-volum de minimis tal-qabdiet skartati, il-volum tal-qabdiet skartati implikat għal de minimis ta’ 0,5 % huwa żgħir, irrispettivament minn jekk il-qabdiet jikkorrispondux għall-irkapti kollha jew għax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ biss. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-eżenzjoni tapplika biss għall-kodiċijiet tal-irkaptu tax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ rilevanti kif elenkat fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 404/2011. Għalhekk, jenħtieġ li l-eżenzjoni tingħata skont dawn it-termini sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri huma meħtieġa jressqu d-data dwar il-qabdiet mitluba mill-STECF sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022.

(10)

L-Artikolu 13(1), il-punt (a), tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 ta eżenzjoni de minimis għall-merlangu li jinqabad minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni, xbieki tat-tkarkir pelaġiku u xbieki tat-tkarkir bi travu, fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES. Din l-eżenzjoni ngħatat biss sa Diċembru 2021, minħabba l-istatus ta’ konservazzjoni ġenerali tal-merlangu fis-subżoni 7b sa k tal-ICES. L-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral talbu li l-eżenzjoni tiġi estiża. L-STECF analizza l-evidenza xjentifika pprovduta mill-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral u kkonkluda (6) li r-rati tal-qabdiet skartati huma relattivament baxxi u li s-selettività tjiebet bil-miżuri ta’ rimedju introdotti fil-Baħar Ċeltiku (7). Madankollu, il-merlangu fil-baħar Ċeltiku huwa stokk assoċjat mill-qrib mal-qabdiet tal-bakkaljaw tal-baħar Ċeltiku u huwa mmonitorjat strettament. Għalhekk, jenħtieġ li l-eżenzjoni tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2022 u l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu d-data dwar il-qabdiet mitluba mill-STECF sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022.

(11)

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 ta eżenzjoni de minimis għall-merlangu li jinqabad minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir pelaġiku, xbieki tat-tkarkir bi travu, xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni fis-subżona 8 tal-ICES. Madankollu, il-lista ta’ rkapti ħalliet barra l-irkapti li jikkorrispondu għal xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM u TM). L-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Lbiċ talbu li l-Kummissjoni tikkoreġi l-ommissjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-eżenzjoni tiġi emendata.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2020/2015 jiġi kkoreġut u emendat bix-xieraq.

(13)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara li jiġi ppubblikat. Jenħtieġ li dan jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2015 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fl-Ilmijiet tal-Unjoni tal-Ilmijiet tal-Majjistral (is-subżoni 5, 6 u 7 tal-ICES), tal-Ilmijiet tal-Lbiċ (is-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES (l-ilmijiet madwar l-Azores), u ż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0 tas-CECAF (l-ilmijiet madwar Madeira u l-Gżejjer Kanarji), l-obbligu ta’ ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika fis-sajd demersali u pelaġiku f’konformità ma’ dan ir-Regolament għall-perjodu 2021-2023.”

(2)

Fl-Artikolu 6 (1), huwa miżjud il-punt (f) li ġej:

“(f)

barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) li jinqabad fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES bit-tartaruni (SSC);”

(3)

Fl-Artikolu 10(4), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

li jinqabad bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fis-subżona 8 tal-ICES sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom iressqu, mill-aktar fis possibbli, iżda sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, informazzjoni xjentifika addizzjonali li tappoġġa lil din l-eżenzjoni għar-raja kukù li tinqabad bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika sal-31 ta’ Lulju 2022;”

(4)

Fl-Artikolu 13(1), il-punt (f) jinbidel b’dan li ġej:

“(f)

għall-minfaħ (Caproidae), sa massimu ta’ 0,5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB) fid-diviżjonijiet 7b, 7c u 7f sa 7k tal-ICES;”

(5)

Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-eżenzjoni de minimis stipulata fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tkunu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom iressqu, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, informazzjoni xjentifika addizzjonali li tappoġġja l-eżenzjoni. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022.”

(6)

Fl-Artikolu 14(1), il-punt (m) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(m)

għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir pelaġiku, xbieki tat-tkarkir bi travu, xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni (kodiċijiet tal-irkaptu: OTB, OTT, OTM, PTB, PTM, TBN, TBS, TBB, OT, PT, TX, TM, SSC, SPR, SDN, SX, SV) fis-subżona 8 tal-ICES;”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 83, 25.3.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2015 tal-21 ta’ Awwissu 2020 li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fl-Ilmijiet tal-Punent għall-perjodu 2021-2023 (ĠU L 415, 10.12.2020, p. 22).

(3)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2874177/STECF+21-05+-+Ev+JRs+LO+and+TM+Reg.pdf/caa87b65-ea4a-491a-8e59-4111e01e1c1d

(4)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2874177/STECF+21-05+-+Ev+JRs+LO+and+TM+Reg.pdf/caa87b65-ea4a-491a-8e59-4111e01e1c1d

(5)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2874177/STECF+21-05+-+Ev+JRs+LO+and+TM+Reg.pdf/caa87b65-ea4a-491a-8e59-4111e01e1c1d

(6)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2874177/STECF+21-05+-+Ev+JRs+LO+and+TM+Reg.pdf/caa87b65-ea4a-491a-8e59-4111e01e1c1d

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 31, 29.1.2021, p. 31).


Top