Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0883

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/883 tal-1 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 fir-rigward tal-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma pprojbiti milli joperaw jew li huma soġġetti għal restrizzjonijiet operazzjonali fl-Unjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/4015

ĠU L 194, 2.6.2021, p. 22–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/883/oj

2.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/22


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/883

tal-1 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 fir-rigward tal-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma pprojbiti milli joperaw jew li huma soġġetti għal restrizzjonijiet operazzjonali fl-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpanija tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 (2) jistabbilixxi l-lista ta’ trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni.

(2)

Ċerti Stati Membri u l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) ikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni li hija rilevanti għall-aġġornament ta’ dik il-lista, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005. Pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali wkoll ipprovdew informazzjoni rilevanti. L-informazzjoni pprovduta kkontribwiet għad-determinazzjoni li l-lista jenħtieġ li tiġi aġġornata.

(3)

Il-Kummissjoni infurmat lit-trasportaturi tal-ajru kollha kkonċernati, direttament jew permezz tal-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza regolatorja tagħhom, dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jiffurmaw il-bażi ta’ deċiżjoni li timponilhom projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni jew li timmodifika l-kundizzjonijiet ta’ projbizzjoni fuq l-operat imposta fuq trasportatur tal-ajru li jkun inkluż fil-lista fl-Annessi A jew B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

(4)

Il-Kummissjoni tat l-opportunità lit-trasportaturi tal-ajru kkonċernati biex jikkonsultaw id-dokumentazzjoni rilevanti kollha, jissottomettu kummenti bil-miktub u jagħmlu preżentazzjoni orali lill-Kummissjoni u lill-Kumitat stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 (il-“Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE”).

(5)

Il-Kummissjoni infurmat lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar il-konsultazzjonijiet konġunti li għaddejjin, fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 473/2006 (3), mal-awtoritajiet kompetenti u mat-trasportaturi tal-ajru tal-Armenja, tal-Indoneżja, tal-Każakistan, tal-Kirgiżistan, tal-Moldova, tal-Pakistan u tar-Russja. Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar is-sitwazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-Repubblika Dominicana, fil-Guinea Ekwatorjali, fil-Libja, fin-Nepal u fis-Sudan t’Isfel.

(6)

L-Aġenzija infurmat lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar il-valutazzjonijiet tekniċi mwettqa għall-evalwazzjoni inizjali u l-monitoraġġ kontinwu tal-awtorizzazzjonijiet minn operaturi ta’ pajjiżi terzi (“TCO”), maħruġa skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 452/2014 (4).

(7)

L-Aġenzija infurmat ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar ir-riżultati tal-analiżi tal-ispezzjonijiet fir-rampa li twettqu fil-kuntest tal-programm tal-Valutazzjoni tas-Sikurezza tal-Inġenji tal-Ajru Barranin (“SAFA”), f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (5).

(8)

Barra minn hekk, l-Aġenzija infurmat lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar il-proġetti ta’ assistenza teknika li saru fil-pajjiżi terzi milquta minn projbizzjoni fuq l-operat skont ir-Regolament (KE) Nru 474/2006. Barra minn hekk, l-Aġenzija pprovdiet informazzjoni dwar il-pjanijiet u t-talbiet għal aktar assistenza teknika u kooperazzjoni biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva u teknika tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili fil-pajjiżi terzi, bil-għan li dawn ikunu megħjuna jsolvu n-nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili applikabbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jirrispondu għal tali talbiet fuq bażi bilaterali, b’koordinazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni saħqet mill-ġdid fuq is-siwi tal-għoti ta’ informazzjoni lill-komunità internazzjonali tal-avjazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-għodda ta’ Sħubija tal-Assistenza għall-Implimentazzjoni tas-Sikurezza fl-Avjazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”), dwar l-assistenza teknika lil pajjiżi terzi pprovduta mill-Unjoni u mill-Istati Membri sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni mad-dinja kollha.

(9)

Il-Eurocontrol ipprovdiet lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE b’aġġornament dwar l-istatus tal-funzjoni ta’ allarm tas-SAFA u tat-TCO, inkluża l-istatistika dwar il-messaġġi ta’ allert għat-trasportaturi tal-ajru pprojbiti.

Trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni

(10)

Wara l-analiżi mill-Aġenzija tal-informazzjoni li ħarġet mill-ispezzjonijiet fir-rampa li twettqu fuq l-inġenji tal-ajru tat-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni, kif ukoll mill-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni li twettqu mill-Aġenzija, ikkomplimentata wkoll bl-informazzjoni li rriżultat minn spezzjonijiet u minn awditi speċifiċi li twettqu mill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni, diversi Stati Membri ħadu ċerti miżuri ta’ infurzar u infurmaw lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar dawk il-miżuri.

(11)

L-Istati Membri saħqu mill-ġdid li huma lesti jaġixxu kif meħtieġ f’każ li l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza tkun tindika li jkun hemm riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità min-naħa tat-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni mal-istandards internazzjonali rilevanti tas-sikurezza.

Trasportaturi tal-ajru mill-Armenja

(12)

F’Ġunju 2020, it-trasportaturi tal-ajru mill-Armenja kienu inklużi fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/736 (6).

(13)

Fil-15 ta’ April 2021, il-Kummissjoni, l-Aġenzija, l-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-Kumitat tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Armenja (“CAC”) kellhom laqgħa teknika li matulha s-CAC ipprovda informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ sorveljanza tiegħu, kif ukoll dwar il-progress tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva li ġie żviluppat f’Lulju 2020. Is-CAC ipprovda wkoll ħarsa ġenerali tal-isfidi ffaċċjati matul l-aħħar sena, informazzjoni dwar is-sitwazzjoni kumplessiva tal-ambjent tal-avjazzjoni fl-Armenja u l-lakuni identifikati f’oqsma differenti fir-responsabbilità tas-CAC li għandhom bżonn l-attenzjoni.

(14)

Barra minn hekk, waqt dik il-laqgħa, is-CAC ipprovda preżentazzjoni ddettaljata dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi għall-osservazzjonijiet li qamu waqt iż-żjara ta’ valutazzjoni fuq il-post tal-Unjoni minn Frar 2020 u ħarsa ġenerali fir-rigward tal-proċess ta’ mmaniġġjar tar-riskju tas-CAC.

(15)

F’dan il-kuntest, is-CAC informa lill-Kummissjoni li ċ-Ċertifikati tal-Operatur tal-Ajru (“AOC”) tat-trasportaturi tal-ajru Atlantis European Airways u Mars Avia ġew irrevokati, u li t-trasportaturi tal-ajru l-ġodda Fly Armenia Airways (AOC Nru 070), Novair (AOC Nru 071) u Shirak Avia (AOC Nru 072) ġew iċċertifikati. Peress li s-CAC ma weriex kapaċità suffiċjenti biex jimplimenta u jinforza l-istandards rilevanti tas-sikurezza, il-ħruġ tal-AOCs lil dawk it-trasportaturi tal-ajru l-ġodda ma jiggarantix konformità biżżejjed mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali.

(16)

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-progress li sar mis-CAC fl-indirizzar tat-tħassib tas-sikurezza tal-avjazzjoni li f’Ġunju 2020 wassal għall-inklużjoni tat-trasportaturi Armenjani ċċertifikati fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006. Madankollu, attwalment m’hemmx biżżejjed evidenza li tiġġustifika t-tneħħija tar-restrizzjonijiet operazzjonali fuq it-trasportaturi tal-ajru mill-Armenja. Il-Kummissjoni se tkompli bil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tagħha ta’ kif is-sitwazzjoni tkompli tiżviluppa.

(17)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tikkunsidra li fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Armenja, jenħtieġ li tiġi emendata l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fi ħdan l-Unjoni, biex Fly Armenia Airways, Novair u Shirak Avia jiġu inklużi fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, u biex Atlantis European Airways u Mars Avia jitneħħew minn dak l-Anness.

(18)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fl-Armenja mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

Trasportaturi tal-ajru mill-Indoneżja

(19)

F’Ġunju 2018, it-trasportaturi kollha mill-Indoneżja tneħħew mill-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/871 (7).

(20)

Fis-26 ta’ Frar 2021, id-Direttorat Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Indoneżja (“DGCA Indonesia”) ipprovda informazzjoni u aġġornament dwar l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-sikurezza għall-perjodu minn Settembru 2020 sa Frar 2021. Barra l-aġġornament dwar il-pjan ta’ azzjoni korrettiva żviluppata abbażi taż-żjara ta’ valutazzjoni fuq il-post tal-Unjoni f’Marzu 2018, l-informazzjoni pprovduta mid-DGCA Indonesia kienet tinkludi wkoll aġġornamenti fir-rigward tal-lista tad-detenturi ta’ AOC, inġenji tal-ajru rreġistrati, aċċidenti, inċidenti serji, u okkorrenzi tal-avjazzjoni u l-miżuri ta’ infurzar li ttieħdu mid-DGCA Indonesia.

(21)

Il-Kummissjoni, wara li eżaminat l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li rċeviet, tikkunsidra li l-osservazzjonijiet miftuħa kollha li fadal, li jirriżultaw miż-żjara ta’ valutazzjoni fuq il-post ta’ Marzu 2018, ġew indirizzati b’suċċess u jistgħu jiġu magħluqa. Fid-dawl tal-progress miksub, il-Kummissjoni jidhrilha li huwa biżżejjed li d-DGCA Indonesia jenħtieġ li jibgħat aġġornament darba fis-sena minflok darbtejn kif kien jagħmel sa issa.

(22)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tqis li fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Indoneżja, m’hemmx raġuni biex il-lista tat-trasportaturi tal-ajru, li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni, tiġi emendata.

(23)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fl-Indoneżja mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(24)

Fejn kwalunkwe informazzjoni dwar is-sikurezza rilevanti turi riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, tista’ ssir meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

Trasportaturi tal-ajru mill-Każakistan

(25)

F’Diċembru 2016, it-trasportaturi tal-ajru kollha mill-Każakistan tneħħew mill-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2214 (8).

(26)

Fi Frar 2020, bħala parti mill-monitoraġġ kontinwu tas-sistema ta’ sorveljanza tas-sikurezza fil-Każakistan, infetħu konsultazzjonijiet formali mal-awtoritajiet kompetenti tal-Każakistan. F’dak il-kuntest, fl-okkażjoni tal-laqgħat tiegħu f’Mejju u f’Novembru 2020, il-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE ġie pprovdut b’ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni ta’ sorveljanza tas-sikurezza fil-Każakistan.

(27)

Bħala segwitu tad-deliberazzjonijiet ta’ Novembru 2020 tal-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE, il-Kummissjoni u l-Aġenzija żammew kuntatt kontinwu mal-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni tal-Każakistan tal-Kumpanija b’Ishma Konġunti (“AAK”). F’dak il-kuntest, saret vidjokonferenza fis-26 ta’ Marzu 2021 bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija, l-Istati Membri u r-rappreżentanti mill-Kumitat tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Każakistan u l-AAK. Waqt dik il-laqgħa teknika, l-AAK pprovdiet preżentazzjoni komprensiva tal-miżuri li ttieħdu biex titjieb is-sorveljanza tas-sikurezza fil-Każakistan, inkluża ħarsa ġenerali tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tagħha, il-pjanijiet tagħha fir-rigward tar-reklutaġġ u tat-taħriġ ta’ persunal tekniku, u l-azzjonijiet ta’ infurzar li ttieħdu lejn xi wħud mit-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Każakistan. Barra minn hekk, l-AAK enfasizzat l-impenn tagħha biex tkompli ssegwi l-politika tagħha ta’ titjib kontinwu, inkluża l-ħidma essenzjali dwar l-iżvilupp ta’ sorveljanza tas-sikurezza.

(28)

Barra minn hekk, l-AAK ippreżentat l-istrateġija tagħha għall-2021–2025, inkluża l-adozzjoni tal-liġi tal-avjazzjoni l-ġdida u l-emendi konsegwenzjali għal qafas nazzjonali leġiżlattiv tal-Każakistan.

(29)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli attwalment, jista’ jiġi konkluż li saru sforzi sostanzjali u żviluppi konsegwenzjali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tas-sikurezza fil-Każakistan. Filwaqt li jitqies il-progress li sar sa issa, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli bil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tagħha ta’ kif is-sitwazzjoni tkompli tiżviluppa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha ħsieb li twettaq, bl-għajnuna tal-Aġenzija u l-Istati Membri, żjara ta’ valutazzjoni fuq il-post tal-Unjoni fil-Każakistan.

(30)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tqis li fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Każakistan, m’hemmx raġuni biex il-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni, tiġi emendata.

(31)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Każakistan mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(32)

Fejn kwalunkwe informazzjoni dwar is-sikurezza rilevanti turi riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, tista’ ssir meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

Trasportaturi tal-ajru mill-Kirgiżistan

(33)

F’Ottubru 2006, trasportaturi tal-ajru mill-Kirgiżistan kienu inklużi fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 1543/2006 (9).

(34)

Fil-25 ta’ Novembru 2020, fuq talba tal-Kirgiżistan u bħala parti minn attivitajiet kontinwi ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni, l-Aġenzija u r-rappreżentanti tal-Aġenzija Ċivili tal-Avjazzjoni tar-Repubblika tal-Kirgiżistan (“CAA KG”) kellhom laqgħa teknika, li matulha s-CAA KG pprovdiet preżentazzjoni komprensiva tal-organizzazzjoni u l-funzjonijiet tagħha, inklużi l-prinċipji bażiċi tat-twettiq tas-sorveljanza tas-sikurezza tagħha. Informazzjoni oħra li ġiet provduta mis-CAA KG kienet tinkludi l-isfidi tal-persunal li qed taffaċċja, ħarsa ġenerali tal-qafas leġiżlattiv tal-Kirgiżistan, u l-approċċ strateġiku tagħha għall-iżvilupp tekniku fil-kuntest tal-bini tal-kapaċità tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Ipprovdiet ukoll aġġornament fir-rigward tal-lista tad-detenturi ta’ AOC u l-inġenji tal-ajru rreġistrati.

(35)

Barra minn hekk, fl-14 ta’ Diċembru 2020, bħala segwitu tal-laqgħa teknika tal-25 ta’ Novembru 2020, is-CAA KG infurmat lill-Kummissjoni li t-trasportaturi tal-ajru Heli Sky (AOC Nru 47), Valor Air (AOC Nru 07), AeroStan (AOC Nru 08), KAP.KG Aircompany (AOC Nru 52) u FlySky Airlines (AOC Nru 53) għandhom AOC attiv. Peress li s-CAA KG ma wrietx li għandha kapaċità suffiċjenti biex timplimenta u tinforza l-istandards tas-sikurezza rilevanti, il-ħruġ ta’ AOCs lil dawk it-trasportaturi tal-ajru l-ġodda ma jiggarantix konformità biżżejjed mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali.

(36)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tikkunsidra li fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Kirgiżistan, jenħtieġ li tiġi emendata l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fi ħdan l-Unjoni, biex AeroStan, FlySky Airlines, Heli Sky, KAP.KG Aircompany u Valor Air jiġu inklużi fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

(37)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Kirgiżistan mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

Trasportaturi tal-ajru mill-Moldova

(38)

F’April 2019, it-trasportaturi kollha tal-ajru mill-Moldova, ħlief Air Moldova, Fly One u Aerotranscargo kienu inklużi fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/618 (10).

(39)

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2021, l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Moldova (“CAAM”) pprovdiet informazzjoni u aġġornament komprensiv dwar il-pjan ta’ azzjoni korrettiva li jindirizza l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw miż-żjara ta’ valutazzjoni fuq il-post tal-Unjoni fi Frar 2019.

(40)

Il-Kummissjoni, wara li eżaminat l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li rċeviet, tqis li l-ispjegazzjonijiet li ngħataw dwar il-pjan ta’ azzjoni korrettiva huma strutturati tajjeb u adegwati.

(41)

Fil-25 ta’ Marzu 2021, fuq talba tal-Moldova u bħala parti minn attivitajiet kontinwi ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni, l-Aġenzija, l-Istati Membri u rappreżentanti mis-CAAM kellhom laqgħa teknika, li matulha s-CAAM pprovdiet ħarsa ġenerali komprensiva tal-organizzazzjoni u tal-funzjonijiet tagħha, inklużi l-prinċipji bażiċi tat-twettiq tas-sorveljanza tas-sikurezza tagħha. Informazzjoni oħra li ġiet pprovduta mis-CAAM kienet tinkludi ħarsa ġenerali aġġornata tal-iżviluppi u tas-sitwazzjoni attwali tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva li jindirizza l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw miż-żjara ta’ valutazzjoni fuq il-post tal-Unjoni fi Frar 2019. Is-CAAM iddikjarat li l-biċċa l-kbira tal-osservazzjonijiet tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva kienu magħluqa, u erba’ osservazzjonijiet biss kienu għadhom miftuħa.

(42)

Matul dik il-laqgħa, is-CAAM infurmat lill-Kummissjoni li t-trasportaturi tal-ajru kollha tal-Moldova reġgħu ġew iċċertifikati skont ir-regolament operattiv il-ġdid li ttraspona fil-leġiżlazzjoni tal-Moldova r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (11). Attwalment, hemm 11-il detentur ta’ AOC fil-Moldova. Il-maġġoranza tat-tmien detenturi ta’ AOC li m’għandhomx l-awtorizzazzjoni TCO qed iwettqu operazzjonijiet minn bażi esterni tal-Moldova. Skont is-CAAM, is-sorveljanza ta’ dawn il-bażijiet esterni tal-Moldova qed jitwettqu f’konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali.

(43)

Barra minn hekk, is-CAAM infurmat lill-Kummissjoni li t-trasportatur tal-ajru l-ġdid HiSky (AOC Nru MD 025) ġie ċċertifikat. Peress li s-CAAM ma wrietx li għandha kapaċità suffiċjenti biex timplimenta u tinforza l-istandards rilevanti tas-sikurezza, il-ħruġ ta’ AOC għal din il-kumpanija l-ġdida tal-ajru, ma jiggarantix konformità biżżejjed mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali.

(44)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli attwalment, jidher li s-CAAM għamlet sforzi sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-istandards tas-sikurezza internazzjonali. Madankollu, attwalment m’hemmx biżżejjed evidenza li tiġġustifika t-tneħħija tar-restrizzjonijiet operazzjonali fuq it-trasportaturi tal-ajru mill-Moldova. Jenħtieġ li l-informazzjoni pprovduta rigward it-titjib tiġi vverifikata aktar matul żjara ta’ valutazzjoni fuq il-post tal-Unjoni fil-Moldova.

(45)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tikkunsidra li fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Moldova, jenħtieġ li tiġi emendata l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fi ħdan l-Unjoni, biex HiSky tiġi inkluża fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

(46)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Kirgiżistan mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(47)

Fejn kwalunkwe informazzjoni dwar is-sikurezza rilevanti turi riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, tista’ ssir meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

Trasportaturi tal-ajru mill-Pakistan

(48)

F’Marzu 2007, Pakistan International Airlines kienet inkluża fl-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 235/2007 (12) u sussegwentement tneħħiet f’Novembru 2007 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2007 (13).

(49)

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, dikjarazzjoni mill-Ministru Federali għall-Avjazzjoni tal-Pakistan wera li għadd kbir ta’ liċenzji ta’ bdoti, maħruġa mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Pakistan (“PCAA”), inkisbu permezz ta’ mezzi frodulenti.

(50)

Dan l-avveniment, u n-nuqqas apparenti ta’ sorveljanza tas-sikurezza effettiva mill-PCAA, wasslet lill-Aġenzija biex tissospendi l-awtorizzazzjonijiet tat-TCO ta’ Pakistan International Airlines u Vision Air b’effett mill-1 ta’ Lulju 2020.

(51)

Fl-1 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni fetħet konsultazzjonijiet mal-PCAA skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 473/2006, u talbet lill-PCAA biex tipprovdi informazzjoni rigward it-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-Ministru Federali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni talbet informazzjoni rigward is-sorveljanza tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Pakistan, inklużi s-Sistemi ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza, kif ukoll evidenza li sitwazzjoni simili mhijiex prevalenti f’dominji oħrajn li wkoll huma soġġetti għas-sorveljanza tas-sikurezza tal-PCAA, bħaċ-ċertifikazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina, il-liċenzjar tal-inġiniera tal-manutenzjoni, jew iċ-ċertifikazzjoni ta’ trasportaturi tal-ajru.

(52)

Fl-2020, il-Kummissjoni organizzat żewġ laqgħat tekniċi mal-PCAA, fid-9 ta’ Lulju u fil-25 ta’ Settembru.

(53)

Bħala preparazzjoni għal-laqgħa tal-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE ta’ Mejju 2021 u filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti proċedurali tal-Aġenzija relatata mas-sospensjonijiet tat-TCO ta’ Pakistan International Airlines u Vision Air, il-Kummissjoni organizzat laqgħa teknika fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2021 biex tiżgura l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Aġenzija fir-rigward tal-obbligi rispettivi tagħhom. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri attendew dawk il-laqgħat.

(54)

Matul dawk il-laqgħat ġew diskussi diversi kwistjonijiet, b’mod partikolari l-liċenzjar tal-ekwipaġġ, l-operazzjonijiet tal-ajru, l-ajrunavigabbiltà, ir-rapportar tal-okkorrenzi, u t-tweġibiet tal-PCAA għar-rakkomandazzjonijiet tas-sikurezza u s-segwitu tagħhom.

(55)

Il-PCAA pprovdiet evidenza u informazzjoni rilevanti li ġiet ivvalutata mill-esperti tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija. Minkejja li nstab li l-PCAA għandha għadd suffiċjenti ta’ persunal kompetenti u mgħarraf, ġew identifikati xi kwistjonijiet organizzattivi ta’ tħassib. Dawk jinkludu nuqqasijiet ta’ maniġġjar tal-kwalità tal-proċeduri dokumentati, nuqqas ta’ gwida għall-ispetturi, proċess b’nuqqas ta’ konformità mal-kwalifikazzjoni tal-Liċenzji tal-Bdoti tat-Trasport bl-Ajru, ftit li xejn jew l-ebda insegwiment ta’ azzjonijiet korrettivi bħala riżultat tas-sejbiet, u nuqqas ta’ kapaċitajiet proprji tal-analiżi tal-kawżi ewlenin.

(56)

Barra minn hekk, il-PCAA ma setgħetx tipprovdi evidenza li l-Pakistan innotifika l-ICAO bid-derogi sostanzjali tiegħu mill-istandards tas-sikurezza internazzjonali applikabbli tal-ICAO Anness 1, kif stabbilit fis-sezzjoni “Liċenzjar tal-Persunal”.

(57)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-evidenza u l-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi tal-PCAA biex tadotta l-azzjonijiet korrettivi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-sikurezza identifikati. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fil-Pakistan, inkluż permezz ta’ żjara ta’ valutazzjoni fuq il-post tal-Unjoni fil-Pakistan.

(58)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tqis li fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Pakistan, m’hemmx raġuni biex il-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni, tiġi emendata.

(59)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Pakistan mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(60)

Fejn kwalunkwe informazzjoni dwar is-sikurezza rilevanti turi riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, tista’ ssir meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

Trasportaturi tal-ajru mir-Russja

(61)

Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri komplew jimmonitorjaw mill-qrib il-prestazzjoni tas-sikurezza tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fir-Russja u li joperaw fl-Unjoni, inkluż permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa li twettqu fuq ċerti trasportaturi tal-ajru Russi, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(62)

Fl-14 ta’ April 2021, ir-rappreżentanti mill-Kummissjoni, mill-Aġenzija u mill-Istati Membri ltaqgħu ma’ rappreżentanti mill-Aġenzija Federali Russa tat-Trasport bl-Ajru (“FATA”) biex jirrieżaminaw il-prestazzjoni ta’ sikurezza ta’ trasportaturi bl-ajru ċċertifikati fir-Russja abbażi ta’ rapporti tal-ispezzjonijiet fir-rampa li twettqu fil-perjodu mill-15 ta’ Ottubru 2020 sal-14 ta’ April 2021, u biex jidentifikaw f’liema każijiet il-FATA jenħtieġ li ssaħħaħ l-attivitajiet ta’ sorveljanza tagħha.

(63)

Ir-rieżami tal-ispezzjonijiet fir-rampa tas-SAFA ta’ trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fir-Russja ma kixifx nuqqasijiet ta’ sikurezza sinifikanti jew rikorrenti.

(64)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża l-informazzjoni pprovduta mill-FATA fil-laqgħa tal-14 ta’ April 2021, il-Kummissjoni tqis li f’dan l-istadju, il-FATA għandha l-abilità u r-rieda neċessarja biex tindirizza n-nuqqasijiet ta’ sikurezza meta dawn jiġu identifikati. Abbażi ta’ dawk ir-raġunijiet, ma tqisitx neċessarja seduta tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni Russi jew ta kwalunkwe trasportatur tal-ajru ċċertifikat fir-Russja quddiem il-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE.

(65)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni, għalhekk tqis li f’dan l-istadju m’hemmx raġuni l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni tiġi emendata billi jiġu inklużi t-trasportaturi tal-ajru mir-Russja.

(66)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva mal-istandards tas-sikurezza internazzjoni rilevanti mit-trasportaturi tal-ajru mir-Russja, permezz tat-twettiq ta’ spezzjonijiet fir-rampa f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(67)

Fejn dawk l-ispezzjonijiet jidentifikaw riskju imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, il-Kummissjoni tista’ timponi projbizzjoni fuq l-operat fuq it-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fir-Russja kkonċernati u tinkludihom fl-Anness A jew fl-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

(68)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 474/2006 jiġi emendat skont dan.

(69)

Minħabba l-implikazzjonijiet tas-sikurezza, l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 jirrikonoxxu l-bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet malajr u, meta jkun xieraq, b’urġenza. Għaldaqstant hemm bżonn li, biex jiġu mħarsa l-informazzjoni sensittiva kif ukoll il-pubbliku li jivvjaġġa, jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet fil-kuntest tal-aġġornament tal-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni jew restrizzjoni tal-operat fl-Unjoni, u jidħlu fis-seħħ minnufih wara l-adozzjoni tagħhom.

(70)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2111/2005,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 474/2006 huwa emendat skont dan:

(1)

L-Anness A huwa sostitwit mit-test fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)

L-Anness B huwa sostitwit mit-test fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 tat-22 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 84, 23.3.2006, p. 14).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 473/2006 tat-22 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għal-lista Komunitarja ta’ trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità kif jissemma fil-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 84, 23.3.2006, p. 8).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 452/2014 tad-29 ta’ April 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet tal-ajru ta’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 12).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/736 tat-2 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 fir-rigward tal-lista ta’ kumpaniji tal-ajru li huma pprojbiti milli joperaw jew li huma soġġetti għal restrizzjonijiet operattivi fl-Unjoni (ĠU L 172, 3.6.2020, p. 7).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/871 tal-14 ta’ Ġunju 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 fir-rigward tal-lista ta’ kumpaniji tal-ajru li huma pprojbiti milli joperaw jew li huma soġġetti għal restrizzjonijiet operattivi fl-Unjoni, (ĠU L 152, 15.6.2018, p. 5).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2214 tat-8 ta’ Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 fir-rigward tal-lista ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni (ĠU L 334, 9.12.2016, p. 6).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1543/2006 tat-12 ta’ Ottubru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 filwaqt li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 910/2006 (ĠU L 283 14.10.2006, p. 27).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/618 tal-15 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 fir-rigward tal-lista ta’ kumpaniji tal-ajru li huma pprojbiti milli joperaw jew li huma soġġetti għal restrizzjonijiet operattivi fl-Unjoni (ĠU L 106, 17.4.2019, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1)

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 235/2007 tal-5 ta’ Marzu 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità (ĠU L 66, 6.3.2007, p. 3).

(13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2007 tat-28 ta’ Novembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ trasportaturi bl-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fi ħdan il-Komunità (ĠU L 311, 29.11.2007, p. 12).


ANNESS I

“ANNESS A

LISTA TA’ TRASPORTATURI TAL-AJRU LI HUMA PPROJBITI MILLI JOPERAW FL-UNJONI, B’XI EĊĊEZZJONIJIET  (1)

Isem l-entità legali tat-trasportatur tal-ajru kif muri fuq l-AOC tagħha (u l-isem kummerċjali tagħha, jekk dan ikun differenti)

In-numru taċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru (“l-AOC”) jew tal-Liċenzja Operattiva

Deżinjatur bi tliet ittri tal-ICAO

L-Istat tal-Operatur

AVIOR AIRLINES

ROI-RNR-011

ROI

Il-Venezwela

BLUE WING AIRLINES

SRBWA-01/2002

BWI

Is-Suriname

IRAN ASEMAN AIRLINES

FS-102

IRC

L-Iran

IRAQI AIRWAYS

001

IAW

L-Iraq

MED-VIEW AIRLINE

MVA/AOC/10-12/05

MEV

In-Niġerja

AIR ZIMBABWE (PVT)

177/04

AZW

Iż-Żimbabwe

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Afganistan responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

L-Afganistan

ARIANA AFGHAN AIRLINES

AOC 009

AFG

L-Afganistan

KAM AIR

AOC 001

KMF

L-Afganistan

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Angola responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, ħlief TAAG Angola Airlines u Heli Malongo, fosthom

 

 

L-Angola

AEROJET

AO-008/11-07/17 TEJ

TEJ

L-Angola

GUICANGO

AO-009/11-06/17 YYY

Mhux magħruf

L-Angola

AIR JET

AO-006/11-08/18 MBC

MBC

L-Angola

BESTFLYA AIRCRAFT MANAGEMENT

AO-015/15-06/17YYY

Mhux magħruf

L-Angola

HELIANG

007/11-08/18 YYY

Mhux magħruf

L-Angola

SJL

AO-014/13-08/18YYY

Mhux magħruf

L-Angola

SONAIR

AO-002/11-08/17 SOR

SOR

L-Angola

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Armenja responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, inklużi

 

 

L-Armenja

AIRCOMPANY ARMENIA

AM AOC 065

NGT

L-Armenja

ARMENIA AIRWAYS

AM AOC 063

AMW

L-Armenja

ARMENIAN HELICOPTERS

AM AOC 067

KAV

L-Armenja

ATLANTIS ARMENIAN AIRLINES

AM AOC 068

AEU

L-Armenja

FLY ARMENIA AIRWAYS

AM AOC 070

FBB

L-Armenja

NOVAIR

AM AOC 071

NAI

L-Armenja

SHIRAK AVIA

AM AOC 072

SHS

L-Armenja

SKYBALL

AM AOC 073

Mhux applikabbli

L-Armenja

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Kongo (Brazzaville) responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, inklużi

 

 

Il-Kongo (Brazzaville)

CANADIAN AIRWAYS CONGO

CG-CTA 006

TWC

Il-Kongo (Brazzaville)

EQUAFLIGHT SERVICES

CG-CTA 002

EKA

Il-Kongo (Brazzaville)

EQUAJET

RAC06-007

EKJ

Il-Kongo (Brazzaville)

TRANS AIR CONGO

CG-CTA 001

TSG

Il-Kongo (Brazzaville)

SOCIETE NOUVELLE AIR CONGO

CG-CTA 004

Mhux magħruf

Il-Kongo (Brazzaville)

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

AIR FAST CONGO

AAC/DG/OPS-09/03

Mhux magħruf

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

AIR KATANGA

AAC/DG/OPS-09/08

Mhux magħruf

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

BUSY BEE CONGO

AAC/DG/OPS-09/04

Mhux magħruf

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

COMPAGNIE AFRICAINE D’AVIATION (CAA)

AAC/DG/OPS-09/02

Mhux magħruf

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

CONGO AIRWAYS

AAC/DG/OPS-09/01

Mhux magħruf

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

KIN AVIA

AAC/DG/OPS-09/10

Mhux magħruf

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

MALU AVIATION

AAC/DG/OPS-09/05

Mhux magħruf

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

SERVE AIR CARGO

AAC/DG/OPS-09/07

Mhux magħruf

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

SWALA AVIATION

AAC/DG/OPS-09/06

Mhux magħruf

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

MWANT JET

AAC/DG/OPS-09/09

Mhux magħruf

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

(RDC)

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Djibouti responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

Il-Djibouti

DAALLO AIRLINES

Mhux magħruf

DAO

Il-Djibouti

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Guinea Ekwatorjali responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

Il-Guinea Ekwatorjali

CEIBA INTERCONTINENTAL

2011/0001/MTTCT/DGAC/SOPS

CEL

Il-Guinea Ekwatorjali

CRONOS AIRLINES

2011/0004/MTTCT/DGAC/SOPS

Mhux magħruf

Il-Guinea Ekwatorjali

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Eritrea responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

L-Eritrea

ERITREAN AIRLINES

AOC Nru 004

ERT

L-Eritrea

NASAIR ERITREA

AOC Nru 005

NAS

L-Eritrea

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Kirgiżistan responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, inklużi

 

 

Il-Kirgiżistan

AEROSTAN

08

BSC

Il-Kirgiżistan

AIR COMPANY AIR KG

50

Mhux magħruf

Il-Kirgiżistan

AIR MANAS

17

MBB

Il-Kirgiżistan

AVIA TRAFFIC COMPANY

23

AVJ

Il-Kirgiżistan

FLYSKY AIRLINES

53

FSQ

Il-Kirgiżistan

HELI SKY

47

HAC

Il-Kirgiżistan

KAP.KG AIRCOMPANY

52

KGS

Il-Kirgiżistan

SKY KG AIRLINES

41

KGK

Il-Kirgiżistan

TEZ JET

46

TEZ

Il-Kirgiżistan

VALOR AIR

07

VAC

Il-Kirgiżistan

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Liberja responsabbli għas-sorveljanza regolatorja.

 

 

Il-Liberja

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Libja responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

Il-Libja

AFRIQIYAH AIRWAYS

007/01

AAW

Il-Libja

AIR LIBYA

004/01

TLR

Il-Libja

AL MAHA AVIATION

030/18

Mhux magħruf

Il-Libja

BURAQ AIR

002/01

BRQ

Il-Libja

GLOBAL AVIATION AND SERVICES

008/05

GAK

Il-Libja

LIBYAN AIRLINES

001/01

LAA

Il-Libja

LIBYAN WINGS AIRLINES

029/15

LWA

Il-Libja

PETRO AIR

025/08

PEO

Il-Libja

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Moldova responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, ħlief Air Moldova, Fly One u Aerotranscargo, fosthom

 

 

Il-Moldova

Î.M “VALAN ICC” SRL

MD009

VLN

Il-Moldova

CA “AIM AIR” SRL

MD015

AAM

Il-Moldova

CA “AIR STORK” SRL

MD018

MSB

Il-Moldova

CA “HISKY” SRL

MD025

HYM

Il-Moldova

Î M „MEGAVIATION” SRL

MD019

ARM

Il-Moldova

CA “PECOTOX-AIR” SRL

MD020

PXA

Il-Moldova

CA “TERRA AVIA” SRL

MD022

TVR

Il-Moldova

CA “FLY PRO” SRL

MD023

PVV

Il-Moldova

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tan-Nepal responsabbli għas-superviżjoni regolatorja, fosthom

 

 

In-Nepal

AIR DYNASTY HELI. S.

035/2001

Mhux magħruf

In-Nepal

ALTITUDE AIR

085/2016

Mhux magħruf

In-Nepal

BUDDHA AIR

014/1996

BHA

In-Nepal

FISHTAIL AIR

017/2001

Mhux magħruf

In-Nepal

SUMMIT AIR

064/2010

Mhux magħruf

In-Nepal

HELI EVEREST

086/2016

Mhux magħruf

In-Nepal

HIMALAYA AIRLINES

084/2015

HIM

In-Nepal

KAILASH HELICOPTER SERVICES

087/2018

Mhux magħruf

In-Nepal

MAKALU AIR

057A/2009

Mhux magħruf

In-Nepal

MANANG AIR PVT

082/2014

Mhux magħruf

In-Nepal

MOUNTAIN HELICOPTERS

055/2009

Mhux magħruf

In-Nepal

PRABHU HELICOPTERS

081/2013

Mhux magħruf

In-Nepal

NEPAL AIRLINES CORPORATION

003/2000

RNA

In-Nepal

SAURYA AIRLINES

083/2014

Mhux magħruf

In-Nepal

SHREE AIRLINES

030/2002

SHA

In-Nepal

SIMRIK AIR

034/2000

Mhux magħruf

In-Nepal

SIMRIK AIRLINES

052/2009

RMK

In-Nepal

SITA AIR

033/2000

Mhux magħruf

In-Nepal

TARA AIR

053/2009

Mhux magħruf

In-Nepal

YETI AIRLINES

037/2004

NYT

In-Nepal

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet ta’ Sao Tome u Príncipe responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

Sao Tome u Príncipe

AFRICA’S CONNECTION

10/AOC/2008

ACH

Sao Tome u Príncipe

STP AIRWAYS

03/AOC/2006

STP

Sao Tome u Príncipe

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet ta’ Sierra Leone responsabbli għas-sorveljanza regolatorja

 

 

Sierra Leone

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tas-Sudan responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

Is-Sudan

ALFA AIRLINES SD

54

AAJ

Is-Sudan

BADR AIRLINES

35

BDR

Is-Sudan

BLUE BIRD AVIATION

11

BLB

Is-Sudan

ELDINDER AVIATION

8

DND

Is-Sudan

GREEN FLAG AVIATION

17

GNF

Is-Sudan

HELEJETIC AIR

57

HJT

Is-Sudan

KATA AIR TRANSPORT

9

KTV

Is-Sudan

KUSH AVIATION CO.

60

KUH

Is-Sudan

NOVA AIRWAYS

46

NOV

Is-Sudan

SUDAN AIRWAYS CO.

1

SUD

Is-Sudan

SUN AIR

51

SNR

Is-Sudan

TARCO AIR

56

TRQ

Is-Sudan


(1)  It-trasportaturi tal-ajru elenkati fl-Anness A jistgħu jitħallew jeżerċitaw id-drittijiet tat-traffiku tagħhom billi jużaw inġenji tal-ajru mikrijin bl-ekwipaġġ mingħand trasportatur tal-ajru li mhuwiex soġġett għal projbizzjoni fuq l-operat, dejjem jekk jitħarsu l-istandards rilevanti tas-sikurezza.


ANNESS II

“ANNESS B

LISTA TA’ TRASPORTATURI TAL-AJRU LI HUMA SOĠĠETTI GĦAL RESTRIZZJONIJIET OPERAZZJONALI FL-UNJONI  (1)

Isem l-entità legali tat-trasportatur tal-ajru kif muri fuq l-AOC tagħha (u l-isem kummerċjali tagħha, jekk dan ikun differenti)

In-numru taċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru (“AOC”)

Deżinjatur bi tliet ittri tal-ICAO

L-Istat tal-Operatur

It-tip ta’ inġenju tal-ajru soġġett għal restrizzjoni

Il-marka/i tar-reġistrazzjoni u, meta jkun(u) disponibbli, in-numru/i tas-serje tal-kostruzzjoni tal-inġenju tal-ajru soġġett għal restrizzjoni

L-Istat tar-reġistrazzjoni

AIR SERVICE COMORES

06-819/TA-15/DGACM

KMD

Comoros

Il-flotta kollha ħlief: LET 410 UVP.

Il-flotta kollha ħlief: D6-CAM (851336).

Comoros

IRAN AIR

FS100

IRA

L-Iran

L-inġenji tal-ajru kollha tat-tip Fokker F100 u tat-tip Boeing B747

L-inġenji tal-ajru tat-tip Fokker F100 kif jissemma fl-AOC; l-inġenji tal-ajru tat-tip Boeing B747 kif jissemma fl-AOC

L-Iran

AIR KORYO

GAC-AOC/KOR-01

KOR

Il-Korea ta’ Fuq

Il-flotta kollha ħlief: 2 inġenji tal-ajru tat-tip TU- 204.

Il-flotta kollha ħlief: Il-flotta kollha ħlief P-632 u P-633.

Il-Korea ta’ Fuq


(1)  It-trasportaturi tal-ajru mniżżlin fl-Anness B jistgħu jitħallew jeżerċitaw id-drittijiet tat-traffiku tagħhom billi jużaw inġenji tal-ajru mikrijin bl-ekwipaġġ mingħand trasportatur tal-ajru li mhuwiex soġġett għal projbizzjoni fuq l-operat, dejjem jekk jitħarsu l-istandards rilevanti tas-sikurezza.


Top