Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0530

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/530 tat-22 ta’ Marzu 2021 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2021/2062

ĠU L 106, 26.3.2021, p. 49–51 (BG, ES, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 106, 26.3.2021, p. 51–53 (CS)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/530/oj

26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/49


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/530

tat-22 ta’ Marzu 2021

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżidilha xi suddiviżjoni addizzjonali u li tkun stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella ppreżentata fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), bis-saħħa tar-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dan il-perjodu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella ppreżentata fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat elettromekkaniku tal-idejn li jista’ jinġarr għall-kura personali tal-ġilda. L-apparat għandu forma ovali u fih madwar 75 × 80 × 30 mm. Għandu qafas li ma jgħaddix ilma minnu u mutur elettriku inkorporat li jipproduċi vibrazzjonijiet (l-hekk imsejħa pulsazzjonijiet soniċi).

Il-wiċċ ta’ barra tal-apparat huwa magħmul mis-silikonu, bi xkupilji ipoallerġeniċi tas-silikonu fuq iż-żewġ naħat. Il-wiċċ tal-apparat jinqasam fi tliet żoni, kull waħda bi ħxuna differenti ta’ xkupilji. Fuq in-naħa ta’ quddiem tal-apparat hemm buttuna biex jinxtegħel u jintefa’, kif ukoll buttuna biex l-intensità tal-pulsazzjoni tiżdied jew titnaqqas.

L-apparat huwa mfassal biex jintuża għat-tindif tal-ġilda tal-wiċċ bi prodott tat-tindif u xkupilji li jivvibraw. Waqt li tkun qed titnaddaf il-ġilda jseħħ massaġġ tal-wiċċ bħala effett addizzjonali minħabba l-pulsazzjonijiet.

L-apparat huwa tat-tip użat komunement għal skopijiet domestiċi, għall-ivvjaġġar, eċċ.

8509 80 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Nota 3(a) tat-Taqsima XV, flimkien man-Nota 3 tal-Kapitolu 90, in-Nota 4(b) tal-Kapitolu 85 u mit-test tal-kodiċijiet NM 8509 u 8509 80 00 .

L-apparat jaqdi l-funzjoni ta’ apparat tat-tindif tal-wiċċ domestiku (ara wkoll in-Nota ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) tal-intestatura 8509 , l-ewwel paragrafu) kif ukoll funzjoni ta’ massaġġ, iżda din tal-aħħar hija biss anċillari. Bis-saħħa tan-Nota 3 tat-Taqsima XVI, magni mfasslin għall-iskop li jwettqu żewġ funzjonijiet komplementari jew aktar għandhom jiġu kklassifikati abbażi tal-funzjoni prinċipali. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9019 bħala apparat għall-massaġġi hija eskluża.

Konsegwentement, l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8509 80 00 bħala apparat domestiku elettromekkaniku, b’mutur elettriku inkorporat.


Top