This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R0529
Commission Delegated Regulation (EU) 2021/529 of 18 December 2020 establishing regulatory technical standards amending Delegated Regulation (EU) 2017/583 as regards adjustment of liquidity thresholds and trade percentiles used to determine the size specific to the instrument applicable to certain non-equity instruments (Text with EEA relevance)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/529 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji li jemendaw ir-Regolament Delegat (UE) 2017/583 fir-rigward tal-aġġustament tal-livelli limitu tal-likwidità u tal-perċentili tan-negozjar użati biex jiġi ddeterminat id-daqs speċifiku tal-istrument applikabbli għal ċerti strumenti mhux tal-ekwità (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/529 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji li jemendaw ir-Regolament Delegat (UE) 2017/583 fir-rigward tal-aġġustament tal-livelli limitu tal-likwidità u tal-perċentili tan-negozjar użati biex jiġi ddeterminat id-daqs speċifiku tal-istrument applikabbli għal ċerti strumenti mhux tal-ekwità (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2020/8824
ĠU L 106, 26.3.2021, p. 47–48
(BG, ES, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 106, 26.3.2021, p. 49–50
(CS)
In force
26.3.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 106/47 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/529
tat-18 ta’ Diċembru 2020
li jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji li jemendaw ir-Regolament Delegat (UE) 2017/583 fir-rigward tal-aġġustament tal-livelli limitu tal-likwidità u tal-perċentili tan-negozjar użati biex jiġi ddeterminat id-daqs speċifiku tal-istrument applikabbli għal ċerti strumenti mhux tal-ekwità
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ trasparenza applikabbli għall-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti tal-emissjonijiet u d-derivattivi. Sabiex tiġi ggarantita implimentazzjoni ordnata ta’ dawn ir-rekwiżiti, dan ir-Regolament Delegat istitwixxa l-introduzzjoni gradwali annwali tal-applikazzjoni ta’ ċerti limiti ta’ trasparenza matul perjodu ta’ erba’ snin, b’seħħ mill-2019. Din l-introduzzjoni gradwali tippermetti t-twessigħ gradwali tal-applikazzjoni tal-obbligi ta’ trasparenza korrispondenti. B’mod partikolari dan jikkonċerna l-kriterju tan-“numru medju ta’ kuljum ta’ negozji” użat għad-determinazzjoni ta’ bonds li għalihom hemm suq likwidu u l-perċentili tan-negozjar użati għad-determinazzjoni tad-daqs speċifiku tal-istrument li jippermetti li jiġu rinunzjati l-obbligi ta’ trasparenza ta’ qabel in-negozjar. |
(2) |
Skont dan l-approċċ ta’ introduzzjoni gradwali, il-pass għall-istadju li jmiss mhuwiex awtomatiku. L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA) hija obbligata tippreżenta lill-Kummissjoni l-valutazzjoni annwali tagħha tal-adegwatezza tal-pass għall-istadju li jmiss. Il-valutazzjoni tal-ESMA trid tanalizza l-evoluzzjoni tal-volumi tan-negozjar għall-istrumenti finanzjarji kkonċernati fl-istadju attwali u tantiċipa l-impatt possibbli li pass għall-istadju li jmiss jista’ jkollu kemm fuq il-likwidità disponibbli kif ukoll fuq il-parteċipanti fis-suq. Jekk ikun ġustifikat, l-ESMA tkun obbligata tippreżenta, flimkien mar-rapport tagħha, standard regolatorju rivedut biex isir il-pass għall-istadju li jmiss. |
(3) |
L-ESMA ppreżentat il-valutazzjoni u l-istandards regolatorji riveduti tagħha lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Lulju 2020. L-ESMA tikkonkludi li bejn 0,15 % u 0,31 % tal-bonds innegozjati bejn ir-raba’ trimestru tal-2018 u t-tielet trimestru tal-2019 tqiesu bħala likwidi skont il-kriterji li japplikaw fl-istadju S1. Il-pass għall-istadju S2 ifisser żieda ta’ madwar 50 %. Fir-rigward tad-daqs speċifiku tal-istrument, l-ESMA tikkonkludi li 16 % tal-volum ta’ negozjar nozzjonali ta’ bonds sovrani u 6 % ta’ bonds oħra seħħew skont l-eżenzjoni relatata mad-daqs speċifiku tal-istrument fl-istadju S1. Jenħtieġ li l-pass għall-istadju S2 jiggarantixxi li inqas operazzjonijiet f’bonds ikunu eliġibbli għal din l-eżenzjoni. |
(4) |
Filwaqt li titqies il-valutazzjoni mwettqa mill-ESMA, huwa xieraq li jsir il-pass għall-istadju S2 għad-determinazzjoni tal-bonds li għalihom hemm suq likwidu u għad-daqs speċifiku tal-istrument għall-bonds. Jenħtieġ li l-pass għall-istadju S2 iżid il-livell ta’ trasparenza disponibbli fis-suq tal-bonds mingħajr ma jħalli impatt negattiv fuq il-likwidità. Madankollu, meta wieħed iqis li l-ewwel kalkoli annwali tat-trasparenza tal-ESMA għal strumenti oħra mhux ta’ ekwità li mhumiex bonds ġew ippubblikati biss din is-sena, ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex wieħed jimxi għall-istadju S2 għal klassijiet oħra ta’ strumenti finanzjarji. |
(5) |
Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament Delegat (UE) 2017/583 jiġi emendat skont dan. |
(6) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni. |
(7) |
L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/583
L-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/583 huwa emendat kif ġej:
(a) |
il-paragrafu 1 huwa sostitwit bis-segwenti: “1. Biex jiġu ddeterminati l-bonds li għalihom ma hemmx suq likwidu għall-finijiet tal-Artikolu 6 u skont il-metodoloġija speċifikata fl-Artikolu 13(1)(b), għandu jittieħed l-approċċ għall-kriterju ta’ likwidità “numru medju ta’ kuljum ta’ negozji” li japplika n-“numru medju ta’ kuljum ta’ negozji” li jikkorrispondi għall-istadju S2 (10 negozji kuljum).”; |
(b) |
il-paragrafu 3 huwa sostitwit bis-segwenti: “3. Biex jiġi ddeterminat id-daqs speċifiku tal-istrument finanzjarju għall-finijiet tal-Artikolu 5 u skont il-metodoloġija speċifikata fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 13(2), l-approċċ għall-perċentil tan-negozjar li jintuża għandu jkunu billi jiġi applikat il-perċentil tan-negozju li jikkorrispondi għall-istadju S2 (l-40 perċentil). Biex jiġi ddeterminat id-daqs speċifiku tal-istrument finanzjarju għall-finijiet tal-Artikolu 5 u skont il-metodoloġija speċifikata fil-punti (b)(ii), (iii) u (iv) tal-Artikolu 13(2), l-approċċ għall-perċentil tan-negozjar li jintuża għandu jkun billi jiġi applikat il-perċentil tan-negozju li jikkorrispondi għall-istadju S1 (it-30 perċentil”). |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward tal-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti ta' emissjonijiet u d-derivattivi (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 229).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).