Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021Q0719(01)

    Deċiżjoni Nru 41/2021 tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (IKUE)

    ĠU L 256, 19.7.2021, p. 106–117 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2021/41/oj

    19.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 256/106


    DEĊIŻJONI Nru 41/2021 TAL-QORTI TAL-AWDITURI

    dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (IKUE)

    IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 257 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 1(6) tar-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri (Deċiżjoni Nru 21/2021 tal-Qorti tal-Awdituri),

    Wara li kkunsidrat ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-UE,

    Wara li kkunsidrat il-politika dwar is-sigurtà tal-informazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri (DEC 127/15 FINALI) u l-politika dwar il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni (Avviż tal-Persunal 123/2020),

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 287(3) TFUE, il-Qorti tal-Awdituri għandha d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti kollha li hija meħtieġa, fil-fehma tagħha, biex twettaq il-mandat tagħha, inkluża informazzjoni klassifikata tal-UE (IKUE), li għandu jitwettaq f’konformità sħiħa mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet u l-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi; dak id-dritt ta’ aċċess għal IKUE, garantit mit-TFUE, ma jistax jiġi ddubitat mill-oriġinatur ta’ IKUE, filwaqt li l-Qorti tal-Awdituri tista’ tintalab tistabbilixxi u tirrispetta ċerti miżuri ta’ sigurtà, kif spjegat aktar fid-dettall hawnhekk;

    (2)

    Il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, u l-uffiċjali tagħha u persunal ieħor, huma marbuta, anki wara li jitilqu mis-servizz, b’obbligu ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-atti adottati skont dawn;

    (3)

    Minħabba n-natura sensittiva tagħha, it-trattament ta’ IKUE jeħtieġ li l-konformità mal-obbligu ta’ kunfidenzjalità tiġi żgurata permezz ta’ miżuri ta’ sigurtà xierqa li jistgħu jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni għal dik l-informazzjoni u li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti mir-regoli dwar il-protezzjoni ta’ IKUE adottati mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-UE, billi huwa mifhum li, f’każ li l-Qorti tal-Awdituri tqis li kwalunkwe miżura ta’ sigurtà bħal din ma tkunx ġustifikata fid-dawl tan-natura u t-tip ta’ IKUE, il-Qorti tal-Awdituri tirriżerva d-dritt tagħha li tqajjem kwalunkwe osservazzjoni li tqis xierqa, filwaqt li tirrispetta l-livell ta’ klassifikazzjoni ta’ IKUE;

    (4)

    Il-miżuri ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, l-integrità u d-disponibbiltà tal-informazzjoni kkomunikati lill-Qorti tal-Awdituri għandhom ikunu xierqa għan-natura u t-tip ta’ informazzjoni kkonċernata;

    (5)

    L-aċċess għal informazzjoni klassifikata jrid jiġi pprovdut lill-Qorti tal-Awdituri skont il-prinċipju tal-ħtieġa ta’ tagħrif bl-iskop li jitwettqu l-kompiti fdati mit-Trattati u mill-atti legali adottati abbażi tat-Trattati;

    (6)

    Minħabba n-natura u l-kontenut sensittiv ta’ ċerta informazzjoni, huwa xieraq li tiġi stabbilita proċedura speċjali għat-trattament mill-Qorti tal-Awdituri ta’ dokumenti li fihom IKUE;

    (7)

    L-istituzzjoni trid tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata skont ir-regoli applikabbli kollha, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali, is-sigurtà fiżika tal-persuni, tal-bini u tal-IT, u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti.

    IDDEĊIDIET:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata trattata mill-Qorti tal-Awdituri fit-twettiq tal-mandat tagħha.

    2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, informazzjoni klassifikata għandha tfisser kwalunkwe tip jew it-tipi kollha ta’ informazzjoni li ġejjin:

    (a)

    “informazzjoni klassifikata tal-UE” (IKUE) kif definita fir-regoli ta’ sigurtà ta’ istituzzjonijiet, aġenziji, korpi jew uffiċċji oħra tal-UE, u li jkollha waħda mill-marki ta’ klassifikazzjoni tas-sigurtà li ġejjin:

    TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET: informazzjoni u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista’ jikkaġuna dannu eċċezzjonalment serju għall-interessi essenzjali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar;

    SECRET UE/EU SECRET: informazzjoni u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista’ jikkaġuna dannu serju għall-interessi essenzjali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar;

    CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL: informazzjoni u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista’ jikkaġuna dannu għall-interessi essenzjali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar;

    RESTREINT UE/EU RESTRICTED: informazzjoni u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista’ jkun ta’ żvantaġġ għall-interessi tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

    (b)

    informazzjoni klassifikata pprovduta mill-Istati Membri u li jkollha marka nazzjonali ta’ klassifikazzjoni tas-sigurtà ekwivalenti għal waħda mill-marki ta’ klassifikazzjoni tas-sigurtà ta’ IKUE (1) elenkati fil-punt (a);

    (c)

    informazzjoni klassifikata pprovduta lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri minn Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali u li jkollha marka ta’ klassifikazzjoni tas-sigurtà ekwivalenti għal waħda mill-marki ta’ klassifikazzjoni tas-sigurtà ta’ IKUE elenkati fil-punt (a), f’konformità mal-ftehimiet dwar is-sigurtà tal-informazzjoni jew l-arranġamenti amministrattivi rilevanti.

    3.   Il-Qorti tal-Awdituri għandha tittratta l-informazzjoni fil-livell RESTREINT UE/EU RESTRICTED fil-bini tagħha u tieħu l-miżuri protettivi kollha meħtieġa għal dan il-għan. Għandhom isiru arranġamenti għall-persunal tal-Qorti tal-Awdituri li jkollu bżonn aċċess għal livelli ogħla ta’ IKUE biex jagħmel dan f’bini xieraq ta’ istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji oħra tal-UE.

    4.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għad-dipartimenti kollha u għall-bini tal-Qorti tal-Awdituri.

    5.   Għajr fejn dispożizzjoni tikkonċerna gruppi speċifiċi ta’ persunal, din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, il-persunal tal-Qorti tal-Awdituri li huwa kopert mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (2), esperti nazzjonali sekondati lill-Qorti tal-Awdituri (ENS), fornituri tas-servizzi u l-persunal tagħhom, apprendisti u kwalunkwe persuna b’aċċess għall-bini u proprjetajiet oħra tal-Qorti tal-Awdituri, jew għal informazzjoni mmaniġġjata mill-Qorti tal-Awdituri.

    6.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet dwar IKUE għandhom japplikaw b’mod ekwivalenti għall-informazzjoni klassifikata msemmija fil-paragrafu 2(b) u (c) ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

    (a)

    “awtorizzazzjoni għal aċċess għal IKUE” tfisser deċiżjoni meħuda mid-Direttur tar-Riżorsi Umani, il-Finanzi u s-Servizzi Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri fuq il-bażi ta’ assigurazzjoni mogħtija minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li uffiċjal tal-Qorti tal-Awdituri, membru ieħor tal-persunal jew ENS jista’ jiġi awtorizzat, sakemm il-ħtieġa ta’ tagħrif tagħhom tkun ġiet stabbilita u jkunu ġew infurmati kif xieraq dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom, li jkollhom aċċess għal IKUE sa livell ta’ klassifikazzjoni partikolari (CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla) u sa data partikolari; l-individwu kkonċernat imbagħad ikollu “awtorizzazzjoni ta’ sigurtà”;

    (b)

    “klassifikazzjoni” tfisser l-assenjazzjoni ta’ livell ta’ klassifikazzjoni lill-informazzjoni abbażi tal-grad ta’ preġudizzju li jista’ jkun ikkawżat mill-iżvelar mhux awtorizzat tagħha;

    (c)

    “materjal kriptografiku” tfisser algoritmi kriptografiċi, hardware kriptografiku u moduli tas-software, u prodotti li jkollhom id-dettalji tal-implimentazzjoni u d-dokumentazzjoni assoċjata, kif ukoll il-materjal ta’ kodifika;

    (d)

    “deklassifikazzjoni” tfisser it-tneħħija ta’ kwalunkwe klassifikazzjoni tas-sigurtà;

    (e)

    “dokument” tfisser kwalunkwe informazzjoni rreġistrata, tkun xi tkun il-forma fiżika jew il-karatteristiċi tagħha;

    (f)

    “tnaqqis fil-grad” tfisser tnaqqis fil-livell tal-klassifikazzjoni tas-sigurtà;

    (g)

    “Approvazzjoni tas-Sigurtà għal Faċilità” tfisser id-deċiżjoni amministrattiva minn awtorità tas-sigurtà kompetenti li, mill-perspettiva ta’ sigurtà, faċilità tista’ tippermetti livell adegwat ta’ protezzjoni għal IKUE f’livell partikolari ta’ klassifikazzjoni tas-sigurtà;

    (h)

    it-“trattament” ta’ IKUE tfisser kull azzjoni possibbli li għaliha l-IKUE tista’ tkun suġġetta matul iċ-ċiklu ta-ħajja tagħha: il-ħolqien, ir-reġistrazzjoni, l-ipproċessar, il-ġarr, it-tnaqqis fil-grad, id-deklassifikazzjoni u l-qerda. Meta marbut mas-Sistemi ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni (SKI), it-trattament ikopri wkoll il-ġbir, il-wiri, it-trażmissjoni u l-ħżin tagħha;

    (i)

    “detentur” tfisser individwu debitament awtorizzat bi ħtieġa ta’ tagħrif stabbilita li għandu fil-pussess tiegħu informazzjoni klassifikata u li, għalhekk, huwa responsabbli għall-protezzjoni tagħha;

    (j)

    “awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni” tfisser l-uffiċjal tas-sigurtà tal-informazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, li jista’ jiddelega, kompletament jew parzjalment, il-kompiti previsti f’din id-Deċiżjoni;

    (k)

    “informazzjoni” tfisser kwalunkwe informazzjoni miktuba jew orali, irrispettivament mill-mezz jew mill-awtur;

    (l)

    “materjal” tfisser kwalunkwe mezz, trasportatur tad-data jew oġġett ta’ makkinarju jew tagħmir;

    (m)

    “oriġinatur” tfisser l-istituzzjoni, il-korp jew l-aġenzija tal-Unjoni, l-Istat Membru, l-Istat terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali li taħt l-awtorità tagħha tkun inħolqot u/jew ġiet introdotta l-informazzjoni fl-istrutturi tal-Unjoni;

    (n)

    “Approvazzjoni tas-Sigurtà tal-Persunal” (PSC) tfisser dikjarazzjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li ssir wara t-tlestija ta’ investigazzjoni tas-sigurtà mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u li tiċċertifika li individwu jista’, sakemm tkun ġiet iddeterminata l-ħtieġa ta’ tagħrif tiegħu u jkun ġie infurmat kif xieraq dwar ir-responsabbiltajiet tiegħu, jingħata aċċess għall-IKUE sa livell speċifikat (CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla) sa data speċifikata;

    (o)

    “Ċertifikat ta’ Approvazzjoni ta’ Sigurtà tal-Persunal” (ĊASP) tfisser ċertifikat maħruġ mid-Direttur tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri li jistabbilixxi li individwu għandu approvazzjoni tas-sigurtà valida jew awtorizzazzjoni tas-sigurtà li turi l-livell ta’ IKUE li għalih dan l-individwu jista’ jingħata aċċess (CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla), il-perjodu ta’ validità ta’ dik l-approvazzjoni jew l-awtorizzazzjoni ta’ sigurtà u d-data ta’ skadenza taċ-ċertifikat innifsu;

    (p)

    “awtorità ta’ sigurtà fiżika” tfisser il-Kap tas-Sigurtà tal-Qorti tal-Awdituri, li għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri u l-proċeduri ta’ sigurtà fiżika meħtieġa għall-protezzjoni ta’ IKUE;

    (q)

    “Uffiċċju tar-Rekords” għandu jkun amministrat mis-Segretarjat tal-Qorti, li jinsab f’Żona Amministrattiva taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri. Huwa responsabbli għad-dħul u l-ħruġ ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED, jew l-ekwivalenti tagħha, skambjata mal-Qorti tal-Awdituri.

    (r)

    “Reġistru għal IKUE” għandu jkun żona stabbilita f’Żona ta’ Sigurtà. Dan ir-Reġistru għandu jkun immaniġġjat mill-Uffiċjal tal-Kontroll tar-Reġistru awtorizzat u approvat f’termini ta’ sigurtà mill-Qorti tal-Awdituri. Huwa responsabbli għad-dħul u l-ħruġ ta’ informazzjoni CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla, jew l-ekwivalenti tagħha, skambjata mal-Qorti tal-Awdituri.

    (s)

    “Awtorità ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà (AAS)” tfisser id-Direttur tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri.

    Artikolu 3

    Miżuri għall-protezzjoni ta’ IKUE

    1.   Il-Qorti tal-Awdituri għandha tiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata kollha pprovduta lilha b’mod proporzjonat mal-livell ta’ klassifikazzjoni ddeterminat mill-oriġinatur, u f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Għal dak il-għan, il-Qorti tal-Awdituri għandha tagħmel it-trattament ta’ IKUE suġġett għal miżuri ta’ sigurtà fiżiċi u, fejn xieraq għall-persunal, inklużi awtorizzazzjonijiet ta’ aċċess għall-persuni identifikati u miżuri għall-protezzjoni ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni. Dawn il-miżuri huma deskritti fl-Artikoli 4 sa 6 u għandhom japplikaw tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-IKUE. Huma għandhom ikunu proporzjonati mal-klassifikazzjoni ta’ sigurtà tal-IKUE, il-forma u l-volum ta’ informazzjoni jew materjal, il-lokazzjoni u l-kostruzzjoni tal-istabbilimenti fejn tinżamm l-IKUE, u t-theddida vvalutata lokalment ta’ attività malizzjuża u/jew kriminali, inkluż spjunaġġ, sabotaġġ u terroriżmu.

    3.   L-IKUE għandha tkun protetta b’miżuri ta’ sigurtà fiżika, u informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla għandha addizzjonalment tkun protetta b’miżuri ta’ sigurtà tal-persunal.

    4.   L-IKUE tista’ tiġi pprovduta biss lil persuni li jkollhom ħtieġa ta’ tagħrif fl-istituzzjoni. Id-detentur ta’ kwalunkwe element ta’ IKUE għandu jipproteġih kif meħtieġ minn din id-Deċiżjoni.

    5.   L-IKUE ma għandhiex tiġi żvelata bil-fomm jew bil-miktub. L-osservazzjonijiet preliminari, ir-rapporti, l-opinjonijiet, l-istqarrijiet għall-istampa u prodotti oħra tal-Qorti tal-Awdituri, is-sit web u l-intranet tagħha, l-interventi orali, it-tweġibiet għat-talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti (3) u r-reġistrazzjonijiet bil-vuċi jew bil-vidjo ma jistgħux jinkludu jew jirreferu għal IKUE jew siltiet minnha. Madankollu, jekk l-oriġinatur ikun ippubblika dokumenti jew informazzjoni li jkun fihom referenza għal IKUE, tista’ tissemma dik ir-referenza.

    6.   Minkejja l-paragrafu 5, il-Qorti tal-Awdituri u l-oriġinatur jistgħu jaqblu li, fil-każ ta’ awditu speċifiku, il-Qorti tal-Awdituri tista’ tirriproduċi jew tuża elementi ta’ IKUE f’dokument. F’tali każ, dak id-dokument tal-Qorti tal-Awdituri għandu l-ewwel jiġi indirizzat lill-oriġinatur tal-IKUE inkwistjoni qabel jew matul il-proċedura kontradittorja. F’din is-sitwazzjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-oriġinatur għandhom jaqblu dwar jekk jikklassifikawx id-dokument maħruġ mill-Qorti tal-Awdituri. Meta Membru tal-Qorti tal-Awdituri li jirrapporta jqis li jkun meħtieġ li jiġi kkomunikat rapport tal-awditjar li jkun ġie kklassifikat kollu kemm hu jew parti minnu lil ċerti destinatarji fil-Parlament Ewropew jew fil-Kunsill – filwaqt li jittieħed kont tal-miżuri kollha ta’ sigurtà assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni – dan għandu jitlob il-kunsens tal-oriġinatur tal-informazzjoni klassifikata. Il-qafas legali u l-proċedura għall-iskambju ta’ dawn id-dokumenti huma stabbiliti fl-Artikolu 7.

    7.   Meta l-eżerċizzju tal-mandat tagħha jirrikjedi li ċerti elementi ta’ dokument jew informazzjoni klassifikata jiġu kondiviżi b’mod aktar wiesa’, il-Qorti tal-Awdituri għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni kif xieraq il-marka ta’ klassifikazzjoni tas-sigurtà, tikkonsulta lill-oriġinatur, qabel ma tiddeċiedi li tuża dawk l-elementi jew informazzjoni, jekk tqis li hemm interess pubbliku prevalenti biex tagħmel hekk. L-informazzjoni għandha tintuża biss fir-rapport b’tali mod li ma tkunx tista’ ssir ħsara lill-interess tal-oriġinatur. Dan jista’ jiġi salvagwardjat b’mod xieraq billi l-oriġinatur jintalab jipprovdi kummenti biex jintlaħaq ftehim dwar il-mod kif tiġi anonimizzata, ikkondensata jew ġeneralizzata l-informazzjoni, eċċ. u fl-istess ħin jirrispetta l-interessi ta’ dawk primarjament ikkonċernati mill-informazzjoni ppubblikata.

    8.   Il-Qorti tal-Awdituri ma għandhiex tipprovdi IKUE lil istituzzjoni, aġenzija, korp jew uffiċċju ieħor tal-UE, Stat Membru, Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali mingħajr il-konsultazzjoni minn qabel u l-kunsens espliċitu bil-miktub tal-oriġinatur.

    9.   Sakemm l-oriġinatur ta’ dokument ikklassifikat bħala SECRET UE/EU SECRET jew inqas ma jkunx impona restrizzjonijiet fuq id-duplikazzjoni jew it-traduzzjoni tiegħu, dawn id-dokumenti jistgħu jiġu dduplikati jew tradotti fuq talba tad-detentur u f’konformità mal-istruzzjonijiet prattiċi tax-xogħol tal-awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni fil-Qorti tal-Awdituri. Il-miżuri tas-sigurtà applikabbli għad-dokument oriġinali għandhom japplikaw ukoll għall-kopji u għat-traduzzjoni tiegħu.

    10.   Jekk il-Qorti tal-Awdituri teħtieġ li dokument ikklassifikat li hija tkun irċeviet, jew li hija awtorizzata li taċċessa, ikun suġġett għal tnaqqis fil-grad jew jiġi deklassifikat, il-Qorti għandha tikkonsulta lill-oriġinatur biex titlob jekk l-oriġinatur jistax jipprovdi verżjoni bi grad imnaqqas jew deklassifikata tad-dokument.

    Artikolu 4

    Sigurtà tal-persunal

    1.   Bis-saħħa tal-funzjonijiet tagħhom, il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom ikunu awtorizzati li jkollhom aċċess għall-IKUE kollha, u li jieħdu sehem f’laqgħat li fihom tiġi ttrattata l-IKUE. Il-Membri għandhom jiġu infurmati dwar l-obbligi ta’ sigurtà tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni ta’ IKUE u għandhom jirrikonoxxu r-responsabbiltà tagħhom bil-miktub għall-protezzjoni ta’ tali informazzjoni.

    2.   Membru tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri, kemm jekk uffiċjal, persunal suġġett għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, jew ENS, għandu jingħata aċċess għal IKUE biss wara li:

    (i)

    tkun ġiet stabbilita l-ħtieġa ta’ tagħrif tagħhom;

    (ii)

    ikunu ġew infurmati dwar ir-regoli ta’ sigurtà biex tiġi protetta l-IKUE u l-istandards ta’ sigurtà u linji gwida rilevanti, u jkunu rrikonoxxew ir-responsabbiltà tagħhom bil-miktub fir-rigward tal-protezzjoni ta’ din l-informazzjoni; u

    (iii)

    fil-każ ta’ informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla, dawn ikunu ngħataw awtorizzazzjoni ta’ sigurtà u jkunu ngħataw awtorizzazzjoni għall-aċċess.

    3.   Il-proċedura biex jiġi determinat jekk uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri jistax jiġi awtorizzat li jaċċessa informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla, filwaqt li jittieħed kont tal-lealtà, l-integrità u l-affidabbiltà tal-individwu, u wara li tinkiseb assigurazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 2(n), għandha tiġi stabbilita f’deċiżjoni delegata meħuda skont l-Artikolu 10(10). Id-deċiżjonijiet biex tingħata awtorizzazzjoni għall-aċċess għandhom jittieħdu mid-Direttur tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri.

    4.   Id-Direttur tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri jista’ joħroġ ĊASP li jispeċifikaw il-livell ta’ klassifikazzjoni li għalih l-individwi jistgħu jingħataw aċċess għal IKUE (CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla), il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni korrispondenti għall-aċċess u d-data ta’ skadenza taċ-ĊASP.

    5.   Il-persuni bl-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(iii) ta’ hawn fuq u l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri skont il-paragrafu 1 ta’ hawn fuq biss jistgħu jieħdu sehem f’laqgħat li fihom tiġi ttrattata informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla. Il-Qorti tal-Awdituri u l-oriġinatur għandhom jagħmlu l-arranġamenti prattiċi għal tali laqgħat fuq bażi ta’ każ b’każ.

    6.   Id-dipartimenti tal-Qorti tal-Awdituri li huma responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ laqgħat li fihom għandha tiġi ttrattata informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla għandhom jinfurmaw lill-awtorità ta’ sigurtà tal-informazzjoni fi żmien xieraq bid-dati, il-ħinijiet u l-postijiet tal-laqgħat, u b’listi ta’ parteċipanti.

    7.   Kwalunkwe individwu li għandu fil-pussess tiegħu IKUE mingħajr awtorizzazzjoni xierqa u/jew mingħajr ebda ħtieġa ppruvata ta’ tagħrif għandu jirrapporta s-sitwazzjoni lill-awtorità ta’ sigurtà tal-informazzjoni malajr kemm jista’ jkun u jiżgura li l-IKUE tkun protetta kif mitlub minn din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Miżuri ta’ sigurtà fiżika għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata

    1.   “Sigurtà fiżika” tfisser l-użu ta’ miżuri protettivi fiżiċi u tekniċi biex jiġi evitat aċċess mhux awtorizzat għal IKUE.

    2.   Il-miżuri ta’ sigurtà fiżika għandhom ikunu mfassla sabiex iċaħħdu d-dħul bil-moħbi jew furzat minn intruż, sabiex ikunu ta’ deterrent, jimpedixxu u jidentifikaw azzjonijiet mhux awtorizzati, u biex jippermettu s-segregazzjoni tal-membri tal-persunal fl-aċċess tagħhom għall-IKUE abbażi tal-ħtieġa ta’ tagħrif. Dawn il-miżuri għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi ta’ proċedura tal-ġestjoni tar-riskju, skont din id-Deċiżjoni.

    3.   Iż-żoni fejn tiġi ttrattata jew maħżuna IKUE għandhom ikunu suġġetti għal spezzjoni regolari mill-awtorità ta’ sigurtà kompetenti tal-Qorti tal-Awdituri.

    4.   Għandhom jintużaw biss tagħmir jew apparat li jikkonformaw mar-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-UE għall-protezzjoni ta’ IKUE biex tiġi ttrattata u maħżuna IKUE.

    5.   Il-persunal tal-Qorti tal-Awdituri jista’ jkollu aċċess għal IKUE klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla, jew l-ekwivalenti f’Żoni ta’ Sigurtà barra mill-bini tal-Qorti tal-Awdituri.

    6.   Il-Qorti tal-Awdituri tista’ tikkonkludi ftehim dwar il-livell ta’ servizz ma’ istituzzjoni oħra tal-UE fil-Lussemburgu sabiex tkun tista’ tittratta u taħżen informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla f’Żona ta’ Sigurtà ta’ dik l-istituzzjoni. Sakemm ma jkunx miftiehem speċifikament mill-oriġinatur, din l-IKUE ma għandhiex tiġi ttrattata jew maħżuna fil-bini tal-Qorti tal-Awdituri u ma għandhiex tiġi dduplikata jew tradotta mill-Qorti tal-Awdituri.

    7.   L-informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED riċevuta għandha tiġi rreġistrata mill-Qorti tal-Awdituri. Il-konsultazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla, jew l-ekwivalenti, lil hinn mill-bini tal-Qorti tal-Awdituri għandha tkun irreġistrata għal finijiet ta’ sigurtà.

    8.   L-IKUE klassifikata bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED tista’ tinħażen f’għamara tal-uffiċċju msakkra sew f’Żona Amministrattiva jew Żona ta’ Sigurtà. L-IKUE klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew SECRET UE/EU SECRET għandha tinħażen taħt ftehim dwar il-livell ta’ servizz f’kontenitur ta’ sigurtà f’Żona ta’ Sigurtà ta’ istituzzjoni oħra tal-UE fil-Lussemburgu.

    9.   Meta tkun barra mir-reġistru, l-IKUE għandha tiġi trasferita bejn id-dipartimenti u l-bini kif ġej:

    (a)

    bħala regola ġenerali, IKUE għandha tiġi trażmessa b’mezzi elettroniċi protetti bi prodotti kriptografiċi approvati skont l-Artikolu 6(8);

    (b)

    jekk ma tiġix trażmessa kif deskritt fil-punt (a), l-IKUE għandha tiġi trasferita bl-użu ta’ mezzi ta’-data (eż. stikka tal-memorja USB, CD, hard disk) protetta bi prodotti kriptografiċi approvati skont l-Artikolu 6(8), jew bħala kopja fuq karta f’envelop opak issiġillat.

    10.   L-informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICED tista’ tinqered mid-detentur, suġġett għar-regoli ta’ arkivjar applikabbli fil-Qorti tal-Awdituri. L-informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla għandha tinqered biss mill-Uffiċjal tal-Kontroll tar-Reġistru meta dan jingħata struzzjonijiet mid-detentur jew minn awtorità kompetenti skont ir-regoli tal-arkivjar applikabbli fil-Qorti tal-Awdituri. Id-dokumenti klassifikati bħala SECRET UE/EU SECRET għandhom jinqerdu fil-preżenza ta’ xhud li jkollu awtorizzazzjoni ta’ sigurtà li tkun tikkorrispondi għall-inqas mal-livell ta’ klassifikazzjoni tad-dokument li se jinqered. L-Uffiċjal tal-Kontroll tar-Reġistru u x-xhud, meta tkun meħtieġa l-preżenza ta’ xhud, għandhom jiffirmaw rekord tal-qerda, li għandu jiġi ppreżentat fir-reġistru. L-Uffiċjal tal-Kontroll tar-Reġistru għandu jżomm rekords tal-qerda tad-dokumenti klassifikati bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL u SECRET UE/EU SECRET għal mill-inqas ħames snin.

    11.   L-awtorità ta’ sigurtà fiżika u l-awtorità ta’ sigurtà tal-informazzjoni għandhom ifasslu pjan konġunt, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet lokali, għas-salvagwardja ta’ IKUE fi żminijiet ta’ kriżi, inklużi, fejn meħtieġ, pjanijiet għall-qerda jew l-evakwazzjoni tagħha f’każ ta’ emerġenza. Huma għandhom joħorġu dawk l-istruzzjonijiet li huma jqisu xierqa biex jipprevienu IKUE milli taqa’ f’idejn persuni mhux awtorizzati.

    12.   Meta jkun hemm bżonn li tiġi ttrasportata fiżikament l-IKUE, il-Qorti tal-Awdituri għandha tikkonforma mal-miżuri imposti mill-oriġinatur biex tipproteġiha kontra żvelar mhux awtorizzat matul it-trasport.

    13.   Il-miżuri ta’ sigurtà fiżika li għandhom japplikaw fiż-Żoni Amministrattivi fejn tiġi ttrattata u maħżuna informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED huma stabbiliti fl-Anness.

    Artikolu 6

    Protezzjoni ta’ IKUE fis-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni

    1.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, “sistema ta’ komunikazzjoni u informazzjoni” tfisser kwalunkwe sistema li tippermetti t-trattament ta’ IKUE f’forma elettronika. Is-sistema ta’ komunikazzjoni u informazzjoni għandha tinkludi l-assi kollha meħtieġa biex hija topera, inklużi l-infrastruttura, l-organizzazzjoni, il-persunal u r-riżorsi ta’ informazzjoni.

    2.   “Utent leġittimu” tfisser Membru tal-Qorti tal-Awdituri, uffiċjal, membru ieħor tal-persunal jew ENS bi ħtieġa stabbilita u rikonoxxuta għal aċċess għal sistema ta’ informazzjoni speċifika.

    3.   Il-Qorti tal-Awdituri għandha tipprovdi assigurazzjoni li s-sistemi tagħha se jipproteġu sa livell xieraq l-informazzjoni li jittrattaw u se jiffunzjonaw kif u meta jkun meħtieġ minnhom, taħt il-kontroll ta’ utenti leġittimi. Għal dan il-għan, huma għandhom jiggarantixxu livelli xierqa ta’:

    awtentiċità: il-garanzija li l-informazzjoni hija ġenwina u minn sorsi bona fide;

    disponibbiltà: il-karatteristika li tkun aċċessibbli u tista’ tintuża meta tintalab minn entità awtorizzata;

    kunfidenzjalità: il-karatteristika li l-informazzjoni ma tiġix żvelata lil individwi, entitajiet jew proċessi mhux awtorizzati;

    integrità: il-karatteristika li jiġu salvagwardjati l-preċiżjoni u l-kompletezza tal-assi u tal-informazzjoni;

    nonripudju: l-abbiltà li jiġi ppruvat li azzjoni jew avveniment seħħ, sabiex l-azzjoni jew l-avveniment ma jkunux jistgħu jiġu miċħuda wara.

    Din l-assigurazzjoni għandha tkun ibbażata fuq proċess ta’ ġestjoni tar-riskju. “Riskju” tfisser il-potenzjal li theddida partikolari se tisfrutta vulnerabbiltajiet interni u esterni ta’ organizzazzjoni jew ta’ kwalunkwe waħda mis-sistemi li tuża u għalhekk tikkawża dannu lill-organizzazzjoni u lill-assi tanġibbli jew intanġibbli tagħha. Dan jitkejjel bħala kombinament tal-probabbiltà li t-theddid iseħħ u tal-impatt tiegħu. Il-proċess ta’ ġestjoni tar-riskju għandu jikkonsisti fil-passi li ġejjin: l-identifikazzjoni ta’ theddid u ta’ vulnerabbiltajiet, il-valutazzjoni tar-riskju, it-trattament tar-riskju, l-aċċettazzjoni tar-riskju u l-komunikazzjoni tar-riskju.

    “Valutazzjoni tar-riskju” tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ theddid u vulnerabbiltajiet u t-twettiq tal-analiżi tar-riskju korrispondenti, jiġifieri l-valutazzjoni tal-probabbiltà u tal-impatt.

    “Trattament tar-riskju” jikkonsisti fil-mitigazzjoni, it-tneħħija, it-tnaqqis (permezz ta’ kombinament xieraq ta’ miżuri tekniċi, fiżiċi, organizzazzjonali jew proċedurali), it-trasferiment jew il-monitoraġġ tar-riskju.

    “Aċċettazzjoni tar-riskju” hija d-deċiżjoni li jkun hemm qbil dwar l-eżistenza ulterjuri ta’ riskju residwu wara t-trattament tar-riskju.

    “Riskju residwu” tfisser ir-riskju li jibqa’ wara li jkunu ġew implimentati l-miżuri tas-sigurtà, minħabba li mhux it-theddid kollu jista’ jiġi miġġieled u mhux il-vulnerabbiltajiet kollha jistgħu jiġu eliminati.

    “Komunikazzjoni tar-riskju” tikkonsisti fis-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji fost il-komunità tal-utenti ta’sistema ta’ komunikazzjoni u informazzjoni, jiġu infurmati l-awtoritajiet tal-approvazzjoni b’dawk ir-riskji u jiġu rrappurtati lill-awtoritajiet operattivi.

    4.   L-apparat u t-tagħmir elettroniku kollu użat għat-trattament ta’ IKUE għandu jikkonforma mar-regoli applikabbli għall-protezzjoni ta’ IKUE. Għandha tingħata preferenza lill-apparat u t-tagħmir elettroniku li diġà ġie akkreditat minn istituzzjoni, aġenzija jew korp ieħor tal-UE. L-apparat għandu jiġu ggarantit bħala sigur matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tiegħu.

    5.   Is-sistema ta’ komunikazzjoni u informazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri għat-trattament ta’ IKUE għandha tiġi akkreditata minn awtorità xierqa. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Awdituri għandha tfittex Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz (FLS) ma’ awtorità ta’ akkreditazzjoni tas-sigurtà ta’ istituzzjoni tal-UE li jkollha l-kapaċità li takkredita SKI li tittratta IKUE, bil-ħsieb li tirċievi dikjarazzjoni ta’ akkreditazzjoni għal informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED li tista’ tiġi ttrattata fis-SKI tal-Qorti tal-Awdituri, u t-termini u l-kundizzjonijiet korrispondenti għall-operat. Il-FLS għandu jirreferi wkoll għall-istandards li għandhom jiġu applikati għall-proċess ta’ akkreditazzjoni u għandu jiġi konkluż f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(3).

    6.   Fil-każ li l-Qorti tal-Awdituri teħtieġ li tistabbilixxi l-proċess ta’ akkreditazzjoni tagħha stess għas-SKI tagħha, deċiżjoni delegata kif imsemmi fl-Artikolu 10(10) ta’ din id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-proċess f’konformità mal-istandards dwar il-proċess ta’ akkreditazzjoni għas-SKI li tittratta IKUE f’istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-UE.

    7.   Ir-responsabbiltà għat-tħejjija tal-fajls u tad-dokumentazzjoni ta’ akkreditazzjoni f’konformità mal-istandards applikabbli għandha tkun kompletament ta’ Sid is-Sistema ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni.

    8.   Fejn IKUE tkun protetta bi prodotti kriptografiċi, il-Qorti tal-Awdituri għandha tagħti preferenza lil prodotti approvati mill-Kunsill jew mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fil-funzjoni tiegħu ta’ awtorità tal-approvazzjoni kriptografika jew, inkella, lil dawk approvati minn istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-UE għall-protezzjoni ta’ IKUE.

    9.   L-informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED għandha tiġi ttrattata biss b’apparat elettroniku (bħal stazzjonijiet tax-xogħol, stampaturi, fotokopjaturi) li jinsab f’Żona Amministrattiva jew Żona ta’ Sigurtà. L-apparat elettroniku li jittratta informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED għandu jiġi segregat minn networks oħra tal-kompjuter u protett permezz ta’ miżuri fiżiċi jew tekniċi xierqa.

    10.   Il-persunal kollu tal-Qorti tal-Awdituri involut fit-tfassil, l-iżvilupp, l-ittestjar, l-operat, il-ġestjoni jew l-użu tas-SKI li tittratta l-IKUE għandu jinnotifika lill-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Informazzjoni dwar id-dgħufijiet potenzjali kollha ta’ sigurtà, inċidenti, ksur ta’ sigurtà jew kompromess li jista’ jkollhom impatt fuq il-protezzjoni tas-SKI u/jew tal-IKUE fiha.

    Artikolu 7

    Proċedura għall-iskambju u l-iffaċilitar tal-aċċess għal informazzjoni klassifikata

    1.   Meta jkunu legalment meħtieġa li jagħmlu dan bis-saħħa tat-Trattati jew tal-atti legali adottati fuq il-bażi tat-Trattati, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji, il-korpi u l-uffiċċji tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu, fuq inizjattiva proprja tagħhom jew fuq talba bil-miktub tal-President, tal-Membru/i li jirrapporta(w) jew tas-Segretarju Ġenerali, aċċess għal IKUE lill-Qorti tal-Awdituri skont il-proċedura ta’ hawn taħt.

    2.   It-talbiet għall-aċċess għandhom jintbagħtu lill-istituzzjonijiet ikkonċernati permezz tal-Uffiċċju tar-rekords tal-Qorti tal-Awdituri.

    3.   Fejn meħtieġ, il-Qorti tal-Awdituri għandha tikkonkludi arranġament amministrattiv li jkopri l-prattikalitajiet għall-iskambju ta’ IKUE jew informazzjoni ekwivalenti.

    4.   Għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ arranġamenti amministrattivi bħal dawn, il-Qorti tal-Awdituri għandha tipprovdi lill-oriġinatur bl-informazzjoni kollha meħtieġa dwar is-sistema tas-sigurtà tal-informazzjoni tagħha. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tiġi organizzata żjara ta’ valutazzjoni.

    5.   Dawn l-arranġamenti amministrattivi għandhom jiġu konklużi f’konformità sħiħa mal-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi u tal-kooperazzjoni leali stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Għandhom jiġu konklużi f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(4).

    6.   Meta ma jkun jeżisti l-ebda arranġament amministrattiv ma’ istituzzjoni, korp jew aġenzija partikolari tal-UE, Stat terz jew Organizzazzjoni Internazzjonali dwar l-għoti ta’ informazzjoni klassifikata lill-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti tal-Awdituri għandha tiffirma dikjarazzjoni ta’ impenn biex tipproteġi l-informazzjoni klassifikata li tirċievi.

    Artikolu 8

    Ksur ta’ sigurtà, telf jew kompromess ta’ informazzjoni klassifikata

    1.   Il-ksur ta’sigurtà jfisser att jew ommissjoni minn individwu li jmur kontra r-regoli tas-sigurtà stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha.

    2.   Il-kompromess iseħħ meta, bħala riżultat ta’ ksur ta’ sigurtà, tkun ġiet żvelata IKUE kollha kemm hi jew parti minnha, lil persuni mhux awtorizzati.

    3.   Kwalunkwe ksur jew suspett ta’ ksur ta’ sigurtà għandu jiġi rrappurtat immedjatament lill-awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri.

    4.   Meta jkun magħruf, jew meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jassumi, li IKUE ġiet kompromessa jew mitlufa, l-awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni għandha tinforma lid-Direttur tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali u lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri. Id-Direttur tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali għandu jinforma immedjatament lill-Awtorità tas-Sigurtà rispettiva tal-oriġinatur. Id-Direttur tal-Qorti tal-Awdituri msemmi hawn fuq għandu jwettaq inkjesta, u jinforma lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri u lill-Awtorità tas-Sigurtà tal-oriġinatur bir-riżultati u bil-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni ma terġax isseħħ. Fejn ikun ikkonċernat Membru tal-Qorti tal-Awdituri, il-President tal-Qorti tal-Awdituri għandu jkun responsabbli biex jieħu azzjoni b’kooperazzjoni mas-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri.

    5.   Kwalunkwe uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri li jkun responsabbli għal ksur tar-regoli tas-sigurtà stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha għandu jkun suġġett għall-penali previsti fir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

    6.   Kwalunkwe Membru tal-Qorti tal-Awdituri li jonqos milli jikkonforma mat-termini ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun suġġett għall-miżuri u l-penali previsti fl-Artikolu 286(6) tat-Trattat.

    7.   Kwalunkwe individwu li huwa responsabbli li tilef jew ikkomprometta l-IKUE jista’ jkun soġġett għal azzjoni dixxiplinarja u/jew legali skont il-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti applikabbli.

    Artikolu 9

    Sigurtà fil-każ ta’ intervent estern

    1.   Il-Qorti tal-Awdituri tista’ tafda t-twettiq ta’ kompiti li jinvolvu jew jeħtieġu aċċess għal IKUE, bis-saħħa tal-kuntratt tagħhom, lil kuntratturi rreġistrati fi Stat Membru. Dan jista’ jseħħ b’mod partikolari b’rabta mal-manutenzjoni tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni u n-network tal-kompjuters.

    2.   Fil-każ ta’ intervent estern, il-Qorti tal-Awdituri għandha tieħu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, inkluża t-talba għal approvazzjoni tas-sigurtà għal faċilità biex tiżgura li l-IKUE tkun protetta mill-kandidati u mill-offerenti matul il-proċedura kollha ta’ sejħa għall-offerti u ta’ akkwist, u mill-kuntratturi u s-sottokuntratturi matul it-terminu kollu ta’ kuntratt. L-awtorità kontraenti għandha tiżgura li l-istandards minimi ta’ sigurtà previsti f’din id-Deċiżjoni huma msemmija fil-kuntratti biex jobbligaw lill-kuntratturi jikkonformaw magħhom.

    3.   Ir-regoli ta’ sigurtà, il-proċeduri ta’ akkwist, u l-mudelli u l-formati għal kuntratti u sottokuntratti li jinvolvu aċċess għal IKUE, l-avviżi ta’ kuntratti, il-gwida dwar iċ-ċirkostanzi li fihom tkun meħtieġa approvazzjoni ta’ sigurtà tal-faċilitajiet u l-persunal, l-istruzzjonijiet ta’ sigurtà tal-programm jew tal-proġett, l-ittri u ż-żjarat dwar aspetti ta’ sigurtà, u t-trażmissjoni u t-trasport tal-IKUE taħt tali kuntratti u sottokuntratti, għandhom jikkonformaw mar-regoli, mal-mudelli u l-formati stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea għal kuntratti klassifikati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (4).

    Artikolu 10

    Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni u Responsabbiltajiet marbuta magħha

    1.   Id-dipartimenti tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fi ħdan l-ambitu tar-responsabbiltà tagħhom sabiex jiżguraw li meta tiġi ttrattata jew maħżuna l-IKUE, jew kwalunkwe informazzjoni klassifikata oħra, huma japplikaw din id-Deċiżjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti.

    2.   Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun l-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg għall-uffiċjali kollha u l-persunal l-ieħor. Is-Segretarju Ġenerali jista’ jiddelega r-responsabbiltà lid-Direttur tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni lil uffiċjali u persunal ieħor biex ikollhom aċċess għal informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla, għall-eżerċitar tal-funzjoni tiegħu bħala Awtorità ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà u għas-superviżjoni tas-Segretarjat tal-Qorti fir-rigward tat-trattament ta’ IKUE.

    3.   Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun kompetenti biex jikkonkludi FLS dwar l-akkreditazzjoni tat-tagħmir u tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, dwar l-użu ta’ Żona ta’ Sigurtà f’istituzzjoni oħra tal-UE u l-proċedura għal talbiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà personali għal aċċess għal IKUE.

    4.   Id-Direttur tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali għandu jkun kompetenti biex jikkonkludi arranġamenti amministrattivi mal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u korpi oħra tal-UE għall-iskambju ta’ IKUE, li l-Qorti tal-Awdituri teħtieġ biex twettaq il-mandat tagħha. Dan id-Direttur jista’ wkoll jikkonkludi arranġamenti amministrattivi ma’ Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni klassifikata riċevuta.

    5.   Id-Direttur tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali għandu jkun kompetenti biex jiffirma kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ impenn għall-protezzjoni tal-IKUE li għandha tiġi pprovduta fil-kuntest ta’ rilaxx ad hoc eċċezzjonali.

    6.   L-Uffiċjal għas-Sigurtà tal-Informazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri għandu jaġixxi bħala awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni. L-Uffiċjal għas-Sigurtà tal-Informazzjoni u l-persuni li lilhom jiddelegaw il-kompiti tagħhom kollha jew parti minnhom għandu jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà xierqa. L-awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni għandha tassumi r-responsabbiltajiet tagħha f’kooperazzjoni mill-qrib mad-Direttorat tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali, id-Direttorat għall-Informazzjoni, l-Ambjent tax-Xogħol u l-Innovazzjoni u d-Direttorat tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar (ara b’mod partikolari l-Artikoli 4, 6 u 8). L-awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni għandha tkun responsabbli wkoll għal laqgħat ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, u għal spezzjonijiet perjodiċi biex jivverifikaw il-konformità ma’ din id-Deċiżjoni, inkluż fil-każ ta’ intervent estern u kwalunkwe miżura li għandha tittieħed biex tiġi żgurata l-konformità.

    7.   Il-Kap tas-Sigurtà għandu jkun responsabbli għal miżuri ta’ sigurtà fiżika (b’mod partikolari l-Artikolu 5).

    8.   L-Uffiċċju tar-Rekords stabbilit fis-Segretarjat tal-Qorti għandu jkun il-punt tad-dħul u tal-ħruġ għal informazzjoni klassifikata bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED li l-Qorti tal-Awdituri tista’ tiskambja ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħrajn tal-UE, Stati Membri. Għandu jkun ukoll il-punt tad-dħul u tal-ħruġ għall-informazzjoni ekwivalenti ta’ Stati terzi u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Uffiċċju tar-Rekords għandu jkun organizzat kif stabbilit f’deċiżjoni delegata. L-Uffiċjal tar-Rekords għandu jassumi r-responsabbiltajiet prinċipali li ġejjin:

    (a)

    ir-reġistrazzjoni tad-dħul u l-ħruġ ta’ informazzjoni klassifikata bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED;

    (b)

    l-immaniġġjar ta’ Żoni Amministrattivi ddedikati għar-reġistrazzjoni, it-trattament, il-ħżin u l-konsultazzjoni ta’ IKUE klassifikata bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED.

    9.   Għandu jiġi stabbilit Reġistru skont FLS dwar l-użu taż-Żona ta’ Sigurtà ta’ istituzzjoni oħra tal-UE. Dan ir-Reġistru organizzat mis-Segretarjat tal-Qorti taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur tar-Riżorsi Umani, Finanzi u Servizzi Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għandu jkun il-punt tad-dħul u tal-ħruġ għal informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla li l-Qorti tal-Awdituri tista’ tiskambja ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-UE u mal-Istati Membri. Għandu jkun ukoll il-punt tad-dħul u tal-ħruġ għall-informazzjoni ekwivalenti ta’ Stati terzi u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Għandu jkun mgħammar b’kaxxaforti adegwati u b’tagħmir ieħor ta’ sigurtà xieraq għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata bħala CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla. Ir-Reġistru għandu jkun organizzat kif stabbilit f’deċiżjoni delegata. L-Uffiċjal tal-Kontroll tar-Reġistru għandu jkollu approvazzjoni tas-sigurtà xierqa u jassumi r-responsabbiltajiet prinċipali li ġejjin:

    (a)

    l-immaniġġjar tal-operazzjonijiet relatati mar-reġistrazzjoni, il-konsultazzjoni, il-preservazzjoni, ir-riproduzzjoni, it-traduzzjoni, it-trażmissjoni, id-dispaċċ u, fejn xieraq, il-qerda ta’ IKUE;

    (b)

    jassumi kwalunkwe kompitu ieħor relatat mal-protezzjoni tal-IKUE ddefinit f’deċiżjoni delegata.

    10.   Il-Kumitat Amministrattiv għandu jadotta deċiżjoni delegata li tistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni għal din id-Deċiżjoni. L-Uffiċjal għas-Sigurtà tal-Informazzjoni għandu jistabbilixxi linji gwida dwar is-sigurtà tal-informazzjoni. Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar għandu jfassal linji gwida dwar l-awditjar.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Ġunju 2021.

    Għall-Qorti tal-Awdituri,

    Il-President,

    Klaus-Heiner LEHNE


    (1)  Ara l-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 8.7.2011, p. 13) u l-Anness tiegħu.

    (2)  Ir-Regolament Nru 31 (KEE) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, kif emendat (ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385/62) (https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/1962/31 (1)/2020-01-01).

    (3)  Skont id-Deċiżjoni Nru 12/2005 tal-Qorti tal-Awdituri rigward l-aċċess pubbliku għaldokumenti tal-Qorti, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 14/2009 (ĠU C 67, 20.3.2009, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).


    ANNESS

    MIŻURI TA’ SIGURTÀ FIŻIKA FIR-RIGWARD TA’ OQSMA AMMINISTRATTIVI GĦAL IKUE

    1.   

    Dan l-Anness fih regoli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni. Dawn huma regoli minimi għall-protezzjoni fiżika taż-Żoni Amministrattivi għal informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED fil-Qorti tal-Awdituri: żoni li huma ddeżinjati għar-reġistrazzjoni, il-ħżin u l-konsultazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED.

    2.   

    L-għan tal-miżuri ta’ sigurtà fiżika fiż-Żoni Amministrattivi huwa li jipprevienu aċċess mhux awtorizzat għal dawk iż-żoni kif ġej:

    (a)

    għandu jiġi stabbilit perimetru ddefinit b’mod viżibbli li jippermetti li individwi jiġu kkontrollati;

    (b)

    aċċess mingħajr skorta għandu jingħata biss lil individwi debitament awtorizzati mill-awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri jew awtorità kompetenti oħra; u

    (c)

    l-individwi l-oħra kollha għandhom jiġu skortati l-ħin kollu jew ikunu suġġetti għal kontrolli ekwivalenti.

    3.   

    L-awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri tista’ eċċezzjonalment tagħti aċċess lil persuni mhux awtorizzati, inkluż għal xogħol f’Żona Amministrattiva, sakemm dan ma jinvolvix aċċess għal IKUE – li għandha tibqa’ maqfula. Dawn il-persuni jistgħu jidħlu biss jekk ikunu akkumpanjati u jkunu sorveljati b’mod kostanti mill-awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni jew mill-Uffiċjal għall-Kontroll tar-Rekords.

    4.   

    L-awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni għandha tistabbilixxi proċeduri għall-immaniġġjar taċ-ċwievet u/jew settings ta’ kombinazzjonijiet għaż-Żoni Amministrattivi u l-għamara sigura kollha. L-għan ta’ dawn il-proċeduri għandu jkun li jipproteġu kontra aċċess mhux awtorizzat.

    5.   

    L-iżgħar numru possibbli ta’ individwi li jeħtieġ ikunu jafu s-settings ta’ kombinazzjonijiet għandhom jitgħallmuhom bl-amment. Is-settings ta’ kombinazzjonijiet għall-għamara sigura użata għall-ħżin ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED għandu jinbidel:

    mal-wasla ta’ oġġett ġdid ta’ għamara sigura;

    kull meta jkun hemm bidla fil-persunal li jaf il-kombinazzjoni;

    jekk is-setting ikun ġie kompromess, jew ikun suspettat li ġie kompromess;

    jekk is-serratura tkun saritilha manutenzjoni jew tiswija;

    mill-inqas kull 12-il xahar.

    6.   

    L-awtorità għas-sigurtà tal-informazzjoni u l-Kap tas-Sigurtà għandhom ikunu responsabbli għall-konformità ma’ dawn ir-regoli.


    Top