Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2137

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2137 tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar Miżura ta' Assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Mali flimkien mal-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE fil-Mali

    ST/13735/2021/INIT

    ĠU L 432, 3.12.2021, p. 67–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2137/oj

    3.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 432/67


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/2137

    tat-2 ta’ Diċembru 2021

    dwar Miżura ta' Assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Mali flimkien mal-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE fil-Mali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    F'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 (1), ġiet stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi (FEP) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni skont il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B'mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2), punt (b)(i), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, il-FEP tista' tiffinanzja azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma' kwistjonijiet militari u ta' difiża.

    (2)

    Il-kriżi attwali fil-Mali u fir-reġjun tas-Saħel hija multidimensjonali, b'riskju serju li tinfirex lejn il-pajjiżi ġirien, u speċifikament lejn il-Golf tal-Guinea. Dan l-aħħar, il-komunità internazzjonali, inkluż l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri, investew sforzi konsiderevoli biex jappoġġaw lir-Repubblika tal-Mali fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu. Il-Missjoni ta' Taħriġ tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUTM Mali) tkompli tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forzi armati tal-Mali, bħala parti mill-Approċċ Integrat tal-UE għall-kriżi fil-Mali.

    (3)

    Fir-Riżoluzzjoni tiegħu 2391 (2017) kif ukoll fir-Riżoluzzjonijiet 2480 (2019) u 2584 (2021) fir-rigward tal-Mali, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti afferma l-impenn qawwi tiegħu għas-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi fil-Grupp ta' Ħamsa tas-Saħel (G5 tas-Saħel), jiġifieri tal-Burkina Faso, taċ-Chad, tal-Mali, tal-Mauritania u tan-Niġer, faħħar il-kontribut tal-imsieħba bilaterali u multilaterali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, b'mod partikolari r-rwol tal-missjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUTM Mali, EUCAP Sahel Mali u EUCAP Sahel Niger) fit-taħriġ u l-pariri strateġiċi li jagħtu lill-forzi tas-sigurtà nazzjonali fir-reġjun tas-Saħel, laqa' l-isforzi tal-Forzi Franċiżi b'appoġġ għall-operazzjonijiet tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel, u appella għal koordinazzjoni, skambju ta' informazzjoni u, fejn applikabbli, appoġġ adegwati bejn il-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni f'Mali, il-Forzi Armati Maljani, il-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel, il-Forzi Franċiżi u l-missjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Mali.

    (4)

    Fl-ittra tiegħu tal-4 ta' Novembru 2021 indirizzata lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli"), il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Mali talab lill-Unjoni biex tkompli u ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-forzi armati tal-Mali fi tliet oqsma ewlenin, flimkien mal-EUTM Mali.

    (5)

    Din il-miżura ta' assistenza għandha tiġi implimentata b'kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u b'mod partikolari l-konformità mal-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt il-FEP.

    (6)

    L-implimentazzjoni ser tkun soġġetta wkoll għall-valutazzjoni regolari tal-iżviluppi politiċi fil-Mali, f'konformità mal-qafas metodoloġiku integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni u l-kontrolli meħtieġa għal miżuri ta' assistenza taħt il-FEP. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni, b'mod partikolari, ma tmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

    (7)

    Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Stabbiliment, objettivi, kamp ta' applikazzjoni u durata

    1.   Miżura ta' Assistenza li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (FEP) (il-"Miżura ta' Assistenza"), hija b’dan stabbilita, għall-benefiċċju tar-Repubblika tal-Mali (il-"benefiċjarju").

    2.   L-objettiv tal-Miżura ta' Assistenza huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet ġenerali tal-forzi armati tal-Mali bil-għan li jkunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet militari mmirati li jiksbu lura l-integrità territorjali tal-Mali u jnaqqsu t-theddid li ġej mill-gruppi terroristiċi. Dan għandu jibbenefika lill-popolazzjoni, u jikkontribwixxi għal preżenza msaħħa tas-servizzi tal-Istat f'żoni remoti u għal protezzjoni aħjar tal-popolazzjoni ċivili.

    3.   Biex jinkisbu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 2, il-Miżura ta' Assistenza għandha l-għan li tkompli tipprofessjonalizza l-unitajiet appoġġati tal-forzi armati tal-Mali permezz ta' taħriġ u tagħmir rilevanti u adegwati pprovduti permezz ta' tliet proġetti:

    (a)

    l-appoġġ għall-Akkademja tal-Uffiċjali Mhux Ikkummissjonati f'Banankoro;

    (b)

    ir-rinnovazzjoni tal-infrastruttura tat-taħriġ f'Sévaré-Mopti; u

    (c)

    l-għoti ta’ tagħmir mhux maħsub għall-użu ta’ forza letali lil tliet kumpaniji tat-23 Riġment tat-Tieni Reġjun militari tal-Mali, skont il-ħtiġijiet tal-Unité légère de reconnaissance et d'intervention (ULRI).

    4.   Il-Miżura ta' Assistenza għandha ddum 30 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt bejn l-Amministratur għall-Miżuri ta' Assistenza u l-entità msemmija fl-Artikolu 4(3) ta’ din id-Deċiżjoni, f'konformità mal-Artikolu 32(2), punt (a) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

    Artikolu 2

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Miżura ta' Assistenza għandu jkun ta' massimu ta' EUR 24 000 000. F’konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-Amministratur għall-Miżuri ta’ Assistenza jista’ jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sa EUR 21 600 000. Il-fondi li għalihom għamel sejħa l-Amministratur għall-Miżuri ta’ Assistenza għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġit emendatorju tal-2021 li tikkorrispondi għal din il-Miżura ta’ Assistenza.

    2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt il-FEP.

    Artikolu 3

    Arranġamenti mal-benefiċjarju

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità ta' dan tal-aħħar mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b'din id-Deċiżjoni, bħala kondizzjoni għall-għoti ta' appoġġ taħt il-Miżura ta' Assistenza.

    2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

    (a)

    il-konformità mad-dritt internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, kif ukoll l-impenn tal-gvern tal-Mali li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-impunità, b'mod partikolari fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u li jieħu l-passi meħtieġa biex isaħħaħ id-dover ta' rendikont tal-unitajiet li jibbenefikaw mill-Miżura ta' Assistenza;

    (b)

    l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta' Assistenza, għall-iskopijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti, minn unitajiet u persunal imħarrġin taħt is-superviżjoni ta' EUTM jew akkumpanjati minn forzi internazzjonali li huma msieħba tal-UE u li ma ġewx irrappurtati li wettqu abbużi jew vjolenza;

    (c)

    li l-assi kollha pprovduti taħt din il-Miżura ta' Assistenza ser jintużaw biss mill-forzi Maljani u, fil-każ ta' xi forma ta' kollaborazzjoni, esklużivament ma' atturi statali li huma forzi armati ta' msieħba tal-UE, b'mod partikolari l-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel u l-forzi armati tal-G5 tas-Saħel;

    (d)

    il-manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti fl-ambitu tal-Miżura ta' Assistenza biex jiġi żgurat li tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom ikunu jistgħu jintużaw u jkunu disponibbli għall-użu;

    (e)

    li l-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta' Assistenza mhux ser jintilfu, jew jiġu ttrasferiti fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati fl-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

    3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-Miżura ta' Assistenza f'każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.

    4.   Fil-każ ta' ksur tal-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 jew fid-dispożizzjonijiet u l-obbligi stabbiliti f'dak l-Artikolu, ir-Rappreżentant Għoli għandu, b'reazzjoni, jieħu l-passi xierqa fil-kuntest tal-approċċ integrat, sal-punt li jista' anke jitlob li l-assi rilevanti pprovduti taħt il-Miżura ta' Assistenza jintraddu lura.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa taħt il-FEP, b'mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta' assistenza taħt il-FEP.

    2.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jawtorizza l-għoti tal-assistenza biss wara l-aċċettazzjoni mill-benefiċjarju tad-diversi kuntratti, arranġamenti, rekwiżiti, obbligi u kondizzjonijiet imsemmija jew stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

    3.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq minn Expertise France.

    4.   Skont l-Artikolu 61(4) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-Amministratur għall-Miżuri ta' Assistenza għandu jikkonkludi l-kuntratti meħtieġa mal-atturi inkarigati mill-implimentazzjoni.

    Artikolu 5

    Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura monitoraġġ tal-konformità mill-benefiċjarju tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji ta' ksur ta’ dawk l-obbligi, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, li jkun jinvolvi l-użu tat-tagħmir ipprovdut bil-Miżura ta' Assistenza. F’każijiet bħal dawn, ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lura lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u jipproponi miżuri proporzjonati.

    2.   Il-kontroll ta' wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

    (a)

    verifika tal-kunsinna, fejn iċ-ċertifikati tal-kunsinna għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

    (b)

    rappurtar dwar l-inventarju, li permezz tiegħu l-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju u l-kundizzjoni tal-oġġetti deżinjati matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom jew sakemm tali rappurtar ma jitqiesx neċessarju mill-KPS;

    (c)

    kontrolli fuq il-post, fejn il-benefiċjarju għandu jippermetti aċċess lir-Rappreżentant Għoli wara talba biex isiru verifiki fuq il-post.

    3.   B’kont meħud tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2), ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni, fil-forma tal-ewwel valutazzjoni tal-Miżura ta' Assistenza, fi tliet partijiet, sitt xhur wara l-kunsinna tat-tagħmir lit-tliet kumpanniji tat-23 Riġment, sitt xhur wara t-tmiem tal-ewwel klassi li tiggradwa tal-Akkademja tal-Uffiċjali Mhux Ikkummissjonati, u sitt xhur wara t-tlestija tal-bini tal-faċilità tat-taħriġ f'Sévaré-Mopti. Dik l-evalwazzjoni ser tinvolvi żjajjar fuq il-post biex jiġu vverifikati t-tagħmir u l-provvisti li jkunu waslu taħt il-Miżura ta' Assistenza, jew kwalunkwe forma effettiva oħra ta' informazzjoni pprovduta b'mod indipendenti.

    Għandha ssir evalwazzjoni finali fi tmiem il-perijodu ta' implimentazzjoni tal-Miżura ta' Assistenza biex jiġi vvalutat jekk il-Miżura ta’ Assistenza kkontribwietx għall-kisba tal-objettivi ddikjarati.

    Artikolu 6

    Rappurtar

    Fil-bidu u matul il-perijodu ta' implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur li għandhom jinkludu informazzjoni aġġornata dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-Miżura ta' Assistenza, f'konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, kif ukoll fuq talba u fil-każ ta’ ksur sostanzjali rrappurtat tal-arranġament jew fil-każ ta’ kwalunkwe żvilupp politiku jew ta’ sigurtà rilevanti. L-Amministratur għall-Miżuri ta' Assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f'konformità mal-Artikolu 38 ta' dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-subkuntratturi involuti.

    Artikolu 7

    Sospensjoni u terminazzjoni

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jivvaluta l-informazzjoni dwar ksur possibbli jew ksur tal-impenji u l-obbligi taħt l-arranġament bejn il-benefiċjarju u r-Rappreżentant Għoli, li jwasslu għal eżami mir-Rappreżentant Għoli tas-sospensjoni jew it-terminazzjoni possibbli fi kwalunkwe ħin tal-Miżura ta' Assistenza.

    2.   F'konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, fuq talba ta' Stat Membru jew tar-Rappreżentant Għoli, il-KPS jista' jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-Miżura ta' Assistenza fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    (a)

    jekk il-benefiċjarju jkun qed jikser l-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari dawk taħt id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, jew jekk il-benefiċjarju ma josservax l-obbligi jew l-impenji tiegħu skont l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 3;

    (b)

    jekk il-kuntratt ma' attur responsabbli mill-implimentazzjoni jkun ġie sospiż jew mitmum wara ksur tal-obbligi tiegħu skont il-kuntratt;

    (c)

    jekk is-sitwazzjoni fil-pajjiż jew fiż-żona inkwistjoni ma tibqax tippermetti li l-miżura tiġi implimentata filwaqt li jiġu żgurati garanziji suffiċjenti;

    (d)

    jekk it-twettiq tal-Miżura ta' Assistenza ma jibqax jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ddikjarati tagħha, jew ma jibqax fl-interess tal-Unjoni.

    3.   F'każijiet urġenti u eċċezzjonali, ir-Rappreżentant Għoli jista' b'mod provviżorju jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni ta' Miżura ta' Assistenza sakemm tittieħed deċiżjoni mill-KPS.

    4.   Il-KPS jista' wkoll jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-Miżura ta' Assistenza.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. VRTOVEC


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

    (2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).


    Top