Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0156

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/156 tad-9 ta’ Frar 2021 li ġġedded il-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda

    C/2021/715

    ĠU L 46, 10.2.2021, p. 34–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 24/07/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/156/oj

    10.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 46/34


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/156

    tad-9 ta’ Frar 2021

    li ġġedded il-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fih minqux il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni. L-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jagħti lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea l-istess valur legali tat-Trattati u jipprovdi li, drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    (2)

    Fl-20 ta’ Novembru 1991, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinkorpora l-etika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-politiki tal-Komunità dwar ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku billi stabbiliet il-Grupp ta’ Konsulenti dwar l-Implikazzjonijiet Etiċi tal-Bijoteknoloġija (“GAIEB”).

    (3)

    Fis-16 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissostitwixxi l-GAEIB bil-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda (“GEE”) billi estendiet il-mandat tal-grupp biex ikopri l-oqsma kollha tal-applikazzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija. Il-mandat tal-GEE ġie sussegwentement imġedded, l-aktar reċenti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/835 (1) għal perjodu ta’ 5 snin, li jintemm fit-28 ta’ Mejju 2021.

    (4)

    Huwa xieraq li jiġġedded il-mandat tal-GEE lil hinn minn dik id-data, għal perjodu indefinit, u li jinħatru l-membri l-ġodda, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 final tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-operat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (“ir-regoli orizzontali”).

    (5)

    Il-GEE jenħtieġ li jkompli jipprovdi parir indipendenti fuq livell orizzontali lill-Kummissjoni dwar il-politiki kollha u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fejn id-dimensjonijiet etiċi, soċjetali u tad-drittijiet fundamentali jiltaqgħu mal-iżvilupp tax-xjenza u tat-teknoloġiji l-ġodda, jew fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess u bi qbil mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiġbed l-attenzjoni tal-GEE lejn kwistjonijiet meqjusin ta’ importanza etika kbira mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

    (6)

    Il-kompiti tal-GEE huma essenzjali għall-integrazzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-valuri fil-politiki tal-Unjoni fl-oqsma kollha tal-innovazzjoni xjentifika u teknoloġika. Għal dan il-għan, il-GEE jenħtieġ li jiżviluppa analiżi fil-fond u rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jindirizzaw sfidi etiċi maġġuri f’opinjonijiet u f'dikjarazzjonijiet.

    (7)

    Il-GEE jenħtieġ li jkun magħmul minn esperti kwalifikati ħafna u indipendenti, maħtura fil-kapaċità personali tagħhom, li jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Għall-għażla tagħhom, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat ta’ Identifikazzjoni indipendenti. L-għażla jenħtieġ li ssir fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, wara sejħa miftuħa għall-applikazzjonijiet.

    (8)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-membri tal-GEE.

    (9)

    Id-data personali jenħtieġ li tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (10)

    Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, id-Deċiżjoni (UE) 2016/835 jenħtieġ li titħassar formalment b’effett mit-28 ta’ Mejju 2021. Fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu rieżaminati d-dispożizzjonijiet tal-proċess tal-għażla u tal-ispejjeż tal-laqgħa qabel l-iskadenza tal-mandat skont id-Deċiżjoni (UE) 2016/835, id-dispożizzjonijiet rilevanti jenħtieġ li japplikaw mill-jum tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni,

    IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda (“GEE”) huwa stabbilit.

    Artikolu 2

    Kompitu

    Il-kompitu tal-GEE għandu jkun li jipprovdi lill-Kummissjoni b’parir indipendenti fuq kwistjonijiet fejn id-dimensjonijiet etiċi, soċjetali u tad-drittijiet fundamentali jiltaqgħu mal-iżvilupp tax-xjenza u tat-teknoloġiji l-ġodda, jew fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess, espress permezz tal-President tiegħu u maqbul mad-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni.

    B’mod partikolari, il-GEE għandu:

    (a)

    jidentifika, jiddefinixxi u jeżamina mistoqsijiet etiċi mqajma mill-iżviluppi fix-xjenza u fit-teknoloġiji;

    (b)

    jipprovdi gwida kritika għall-iżvilupp, għall-implimentazzjoni u għall-monitoraġġ tal-politiki jew tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-forma ta’ analiżi u rakkomandazzjonijiet, ippreżentati f’opinjonijiet u f’dikjarazzjonijiet, li għandhom ikunu orjentati lejn il-promozzjoni ta’ tfassil tal-politika tal-Unjoni b’mod etiku, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Konsultazzjoni

    Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-GEE dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 2. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tiġbed l-attenzjoni tal-GEE lejn kwistjonijiet meqjusin ta’ importanza etika kbira mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-GEE għandu jiġi kkonsultat kif mitlub minn korpi esperti oħrajn stabbiliti mill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 2.

    Artikolu 4

    Sħubija

    1.   Il-GEE għandu jkun magħmul minn massimu ta’ 15-il membru.

    2.   Il-membri għandu jkollhom kompetenza fil-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 2.

    3.   Il-membri għandhom ikunu individwi maħtura f’kapaċità personali.

    4.   Il-membri għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Il-membri għandhom jinformaw minnufih lid-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni, fid-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, bi kwalunkwe kunflitt ta’ interess li jista’ jikkomprometti l-indipendenza tagħhom.

    5.   Membri li ma għadhomx aktar kapaċi jikkontribwixxu b’mod effettiv għad-deliberazzjonijiet tal-GEE, li, skont l-opinjoni tad-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni, ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew li jirriżenjaw, ma għandhomx jiġu mistiedna aktar għal kwalunkwe laqgħa tal-grupp u jistgħu jiġu sostitwiti għall-bqija tal-mandat tagħhom minn persuna maħtura mill-President tal-Kummissjoni, mil-lista ta’ riżerva msemmija fl-Artikolu 5(7).

    Artikolu 5

    Il-proċess tal-għażla

    1.   L-għażla tal-membri tal-GEE għandha ssir wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet li għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u ta’ entitajiet simili oħrajn (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”). Barra minn hekk, is-sejħa għall-applikazzjonijiet tista’ tiġi ppubblikata b’mezzi oħra, inkluż fuq siti web apposta. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tiddeskrivi b’mod ċar il-kriterji tal-għażla, inkluż l-għarfien espert meħtieġ fir-rigward tax-xogħol li għandu jitwettaq. L-iskadenza minima għall-applikazzjonijiet għandha tkun ta’ erba’ ġimgħat.

    2.   Il-kandidati li japplikaw għas-sħubija għandhom jiżvelaw kwalunkwe ċirkostanza li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interess. B’mod partikolari, id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni għandu jeħtieġ li dawk l-individwi jissottomettu formola ta’ dikjarazzjoni ta’ interessi (“DOI”) fuq il-bażi tal-formola standard tad-DOI għal gruppi ta’ esperti, flimkien ma’ curriculum vitae (CV) aġġornat, bħala parti mill-applikazzjoni tagħhom. Is-sottomissjoni ta’ formola DOI mimlija kif suppost għandha tkun meħtieġa sabiex kandidat ikun eliġibbli biex jinħatar f’kapaċità personali. Il-valutazzjoni tal-kunflitt ta’ interess għandha ssir f’konformità mar-regoli orizzontali.

    3.   Il-Membri tal-GEE għandhom jinħatru mill-President tal-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ proposta mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għad-dipartiment tal-Kummissjoni li jipprovdi s-segretarjat tal-GEE, minn fost l-ispeċjalisti b’kompetenza fl-oqsma li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 u li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

    4.   Il-proċess tal-għażla għandu jkun issorveljat minn Kumitat tal-Identifikazzjoni. B’mod partikolari, il-Kumitat tal-Identifikazzjoni għandu jassisti lill-Kummissjoni fl-identifikazzjoni u fl-għażla tal-membri potenzjali tal-GEE u fil-valutazzjoni tad-disponibbiltà u tar-rieda tagħhom li jservu fir-rwol. Il-Kumitat tal-Identifikazzjoni għandu jkun magħmul minn tliet membri, maħtura mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għad-dipartiment tal-Kummissjoni li jipprovdi s-segretarjat tal-GEE u appoġġat minn segretarjat ipprovdut mid-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni. Il-Kumitat tal-Identifikazzjoni għandu jagħmel valutazzjoni tal-kandidati eliġibbli mil-lista ppreżentata mid-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ valutazzjoni inizjali tal-applikazzjonijiet kollha skont il-kriterji tal-għażla. Il-Kumitat tal-Identifikazzjoni għandu jissottometti r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għad-dipartiment tal-Kummissjoni li jipprovdi s-segretarjat tal-GEE.

    5.   Waqt l-għażla tal-membri tal-GEE, id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni għandu jimmira li jiżgura, kemm jista’ jkun, livell għoli ta’ għarfien espert u pluraliżmu, bilanċ ġeografiku u bilanċ bejn is-sessi, kif ukoll rappreżentanza bbilanċjata tal-għarfien u l-oqsma ta’ interess rilevanti, filwaqt li jqis il-kompiti speċifiċi tal-GEE stabbiliti fl-Artikolu 2, it-tip ta’ kompetenza meħtieġa u r-rispons tal-kandidati għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

    6.   Il-membri għandhom jinħatru għal mandat massimu ta’ 3 snin. Huma għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti jew sa tmiem il-mandat tagħhom. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded. Is-sħubija tal-GEE għandha tkun limitata għal massimu ta’ tliet termini.

    7.   Id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni għandu jistabbilixxi lista ta’ riżerva ta’ kandidati xierqa li tista’ tintuża biex jinħatru sostituti tal-membri. Id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni għandu jitlob il-kunsens tal-applikanti qabel ma jinkludi l-ismijiet tagħhom fuq il-lista ta’ sostituti.

    Artikolu 6

    Il-President

    Il-GEE għandu jeleġġi President u Viċi President wieħed jew tnejn minn fost il-membri tiegħu għad-durata tal-mandat tagħhom b’maġġoranza sempliċi.

    Artikolu 7

    Ħidma

    1.   Id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni, li jaġixxi b’kooperazzjoni mill-qrib mal-President tal-GEE, għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni u għall-organizzazzjoni tax-xogħol tal-GEE u biex jipprovdi s-segretarjat tiegħu.

    2.   Uffiċjali tal-Kummissjoni minn dipartimenti oħrajn tal-Kummissjoni b’interess fil-proċedimenti jistgħu jitolbu li jattendu laqgħat tal-GEE u tas-sottogruppi tiegħu.

    3.   Il-Programm ta’ Ħidma tal-GEE, inkluż analiżi etika ssuġġerita fuq inizjattiva proprja tal-GEE, għandhom isiru bi qbil mad-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni. Kull talba għal analiżi etika għandha tinkludi l-parametri tal-analiżi mitluba. Meta titlob il-parir tal-GEE, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-analiżi.

    4.   L-opinjonijiet tal-GEE għandhom jinkludu rakkomandazzjonijiet. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq ħarsa ġenerali tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku tax-xjenzi u tat-teknoloġiji kkonċernati u fuq analiżi bir-reqqa tal-kwistjonijiet etiċi involuti. Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni għandhom jiġu infurmati bir-rakkomandazzjonijiet prodotti mill-GEE.

    5.   Il-GEE għandu jaħdem b’mod kolleġġjali. Il-proċeduri ta’ ħidma, ibbażati fuq ir-regoli ta’ proċedura, għandhom jassiguraw li l-membri kollha jkunu jistgħu jkollhom rwol attiv fl-attivitajiet tal-grupp. Fil-prinċipju, il-grupp għandu jadotta l-opinjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tiegħu b’kunsens. F’każ ta’ votazzjoni, ir-riżultat tal-vot għandu jiġi deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvotaw kontra jew li jkunu astjenew għandu jkollhom id-dritt li jkollhom dokument li jagħti r-raġunijiet fil-qosor għall-pożizzjoni tagħhom (bħala “opinjoni ta’ minoranza”) anness mal-opinjoni jew mad-dikjarazzjoni flimkien mal-isem(ismijiet) tal-membru(i) b’opinjoni kuntrarja.

    6.   Kull opinjoni għandha tintbagħat lill-President tal-Kummissjoni jew lil rappreżentant maħtur mill-President. Kull opinjoni għandha tiġi ppubblikata minnufih u tkun disponibbli fuq is-sit web tal-GEE, u għandha tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill wara l-adozzjoni tagħha mill-GEE.

    7.   Il-laqgħat tal-GEE għandhom, fil-prinċipju, isiru fil-bini tal-Kummissjoni, skont il-modalitajiet u l-kalendarju stabbilit mid-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni. Il-GEE għandu jiltaqa’ mill-inqas sitt darbiet matul perjodu ta’ 12-il xahar, li jfisser mill-inqas 12-il jum ta’ xogħol fis-sena. Jistgħu jiġu organizzati aktar laqgħat skont il-bżonn, bi qbil mad-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni.

    8.   Għall-finijiet tat-tħejjija tal-analiżi tal-GEE u fil-limiti tar-riżorsi disponibbli, id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni jista’ jibda studji sabiex tinġabar l-informazzjoni xjentifika u teknika kollha meħtieġa u jistabbilixxi rabtiet mill-qrib ma’ rappreżentanti tal-korpi etiċi varji fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi.

    9.   Id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni għandu jorganizza diskussjoni madwar mejda pubblika sabiex jippromwovi d-djalogu u jtejjeb it-trasparenza fuq kull opinjoni tal-GEE. Il-GEE għandu jistabbilixxi rabtiet mill-qrib mad-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonċernati minn kwistjonijiet li jkun qed jaħdem fuqhom il-GEE.

    10.   Fejn iċ-ċirkostanzi operazzjonali jeħtieġu li parir dwar suġġett partikolari jingħata aktar malajr milli tippermetti l-adozzjoni ta’ opinjoni, jistgħu jinħarġu dikjarazzjonijiet qosra jew forom oħra ta’ analiżi, li għandhom jiġu segwiti, jekk ikun hemm bżonn, b’analiżi aktar dettaljata fil-forma ta’ opinjoni, filwaqt li jiġi żgurat li tiġi rispettata t-trasparenza bħal fil-każ ta’ kwalunkwe opinjoni oħra. Id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati u għandhom ikunu disponibbli fuq is-sit web tal-GEE. Bħala parti mill-Programm ta’ Ħidma tiegħu, bi qbil mad-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni, il-GEE jista’ jaġġorna opinjoni, jekk iqis li dan ikun neċessarju.

    11.   Id-diskussjonijiet tal-GEE għandhom ikunu kunfidenzjali. Bi qbil mad-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni, il-GEE jista’, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li jiftaħ id-deliberazzjonijiet tiegħu għall-pubbliku.

    12.   Il-minuti dwar id-diskussjoni ta' kull punt fuq l-aġenda u tal-opinjonijiet mogħtija mill-GEE għandhom ikunu siewja u sħaħ. Il-minuti għandhom jiġu abbozzati mis-segretarjat, taħt ir-responsabbiltà tal-President.

    Artikolu 8

    Sottogruppi

    1.   Id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni jista’ jistabbilixxi sottogruppi bil-għan li jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi abbażi tat-termini ta’ referenza definiti mid-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni. Is-sottogruppi għandhom joperaw f’konformità mar-regoli orizzontali u għandhom jirrapportaw lill-GEE. Dawn jiġu xolti hekk kif jintemm il-mandat tagħhom.

    2.   Il-membri tas-sottogruppi li mhumiex membri tal-GEE għandhom jintgħażlu permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 5 u mar-regoli orizzontali (3).

    Artikolu 9

    Esperti mistiedna

    1.   Id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni jista’ jistieden lil esperti u lil rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet rilevanti b’għarfien espert jew b’perspettivi speċifiċi biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-GEE jew tas-sottogruppi tiegħu fuq bażi ad hoc għal skambju fuq suġġett fuq l-aġenda.

    2.   Id-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni jista’ wkoll jelenka esperti esterni biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-GEE fuq bażi ad hoc jekk jitqies neċessarju li jkun kopert l-ispettru wiesa’ ta’ mistoqsijiet etiċi relatati ma’ avvanzi fix-xjenza u fit-teknoloġiji ġodda.

    Artikolu 10

    Regoli ta’ proċedura

    Fuq proposta tad-dipartiment responsabbli tal-Kummissjoni u bi ftehim miegħu, il-GEE għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, fuq il-bażi tar-regoli ta’ proċedura standard għall-gruppi ta’ esperti, b’konformità mar-regoli orizzontali.

    Artikolu 11

    Segretezza professjonali u trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali

    Il-membri tal-GEE u l-membri tas-sottogruppi, kif ukoll l-esperti mistiedna u l-membri tal-Kumitat tal-Identifikazzjoni, huma soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali li, bis-saħħa tat-Trattati u tar-regoli li jimplimentawhom, japplika għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u għall-persunal tagħhom, kif ukoll għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (4) u (UE, Euratom) 2015/444 (5). F’każ li dawn l-obbligi ma jiġux irrispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

    Artikolu 12

    Trasparenza

    1.   Il-GEE u s-sottogruppi tiegħu għandhom jiġu rreġistrati u l-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti.

    2.   Id-dokumenti rilevanti kollha, inkluż l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli jew fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew permezz ta’ link mir-Reġistru għal sit web dedikat, fejn ikun hemm din l-informazzjoni. L-aċċess għal siti web iddedikati ma għandux ikun sottomess għal reġistrazzjoni tal-utent jew għal restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti oħra ta’ sfond rilevanti għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti mill-pubblikazzjoni fil-ħin tal-minuti. Eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom jiġu previsti biss fejn jitqies li l-iżvelar ta’ dokument idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    Artikolu 13

    Spejjeż tal-laqgħat

    1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-GEE u tas-sottogruppi tiegħu ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

    2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-GEE u tas-sottogruppi tiegħu, kif ukoll mill-membri tal-Kumitat tal-Identifikazzjoni, għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lis-servizzi tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

    Artikolu 14

    Tħassir

    Id-Deċiżjoni (UE) 2016/835 titħassar b’effett mit-28 ta’ Mejju 2021.

    Artikolu 15

    Applikabbiltà

    Għajr għall-Artikolu 5 u għall-Artikolu 13, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-28 ta’ Mejju 2021.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/835 tal-25 ta’ Mejju 2016 dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda (ĠU L 140, 27.5.2016, p. 21).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (3)  Ara l-Artikoli 10 u 14(2) tar-regoli orizzontali.

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Dawn l-eċċezzjonijiet huma maħsuba biex jipproteġu s-sigurtà pubblika, l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, il-privatezza u l-integrità tal-individwu, l-interessi kummerċjali, il-proċeduri tal-qorti u l-pariri legali, l-ispezzjonijiet/l-investigazzjonijiet/l-awditi u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjoni.


    Top