Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H1366

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366 tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet b’rabta mal-Migrazzjoni (Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji)

    C/2020/6469

    ĠU L 317, 1.10.2020, p. 26–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2020/1366/oj

    1.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 317/26


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1366

    tat-23 ta’ Settembru 2020

    dwar mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet b’rabta mal-Migrazzjoni

    (Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-kriżi tar-refuġjati tal-2015 kixfet dgħufijiet u lakuni fis-sistemi nazzjonali u tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet tal-migrazzjoni, kif ukoll nuqqas ta’ kapaċità u għodod disponibbli għall-Istati Membri l-aktar taħt pressjoni Il-kriżi żvelat il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fuq diversi fronti simultanjament, fil-pajjiżi terzi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u/jew ta’ destinazzjoni, fil-fruntieri esterni tal-UE u fi Stati Membri oħra taħt pressjoni.

    (2)

    Il-miżuri meħuda mill-Unjoni u mill-Istati Membri wara l-kriżi tar-refuġjati tal-2015 kienu mmirati lejn diversi ħtiġijiet politiċi, leġiżlattivi, operazzjonali u finanzjarji u kellhom l-għan li jtejbu s-sostenibbiltà tal-ġestjoni tal-migrazzjoni. Dawn l-isforzi mingħajr preċedent, li jinvolvu miżuri f’livell nazzjonali, internazzjonali u tal-UE kkontribwew għal tnaqqis suċċessiv fil-wasliet irregolari sena wara sena, u eventwalment laħqu l-livell l-aktar baxx f’sitt snin fl-2019.

    (3)

    Is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni għadha volatili ħafna u hemm bżonn ta’ aktar titjib sabiex inkunu ppreparati aħjar biex nirreżistu kriżijiet potenzjali tal-migrazzjoni fuq skala kbira. Barra minn hekk, il-migranti involuti f’movimenti mhux awtorizzati u s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil f’diversi Stati Membri jistgħu jikkostitwixxu piż kbir fuq is-sistemi nazzjonali tal-ażil.

    (4)

    Sabiex tiġi evitata l-emerġenza ta’ flussi migratorji apparentement mhux ikkontrollati li jaslu fl-UE bħal fl-2015 u biex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-sistemi nazzjonali ta’ migrazzjoni, huwa meħtieġ li tiġi kkonsolidata l-kooperazzjoni operazzjonali żviluppata sa issa billi jiġi stabbilit qafas li jappoġġa użu aktar ikkoordinat tal-leġislazzjoni rilevanti. It-twaqqif ta’ qafas bħal dan jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jiġi żgurat li l-Istati Membri u l-Unjoni jiżviluppaw ir-reżiljenza meħtieġa biex jittrattaw b’mod effiċjenti kwalunkwe tip ta’ kriżi tal-migrazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni tiġi mmonitorjata regolarment sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq il-bażi tal-istampa sħiħa tas-sitwazzjoni kull fejn ikun possibbli. Dan il-proċess jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-esperjenza miksuba wara l-kriżi tar-refuġjati tal-2015 fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni inkluż bil-ħruġ tar-rapporti dwar il-Kapaċità ta’ Għarfien u ta’ Analiżi Integrati tas-Sitwazzjoni (Integrated Situational Awareness and Analysis, ISAA) fl-ambitu tal-attivazzjoni rilevanti tal-Kunsill dwar ir-Rispons Politiku Integrat għall-Kriżijiet (Integrated Political Crisis Response, IPCR).

    (5)

    Sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-Istati Membri permezz ta’ mezzi bilaterali, jenħtieġ li jkomplu jinvolvu ruħhom b’mod attiv fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti kif ukoll iżommu lil xulxin imwissija dwar kriżi potenzjali f’pajjiż terz, li tista’ twassal għal kriżi tal-migrazzjoni fl-UE. L-għodod rilevanti kollha tal-UE f’konformità mal-oqfsa legali u mal-objettivi ewlenin jenħtieġ li jintużaw biex jappoġġaw lill-pajjiżi sħab fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom u fl-indirizzar ta’ kriżijiet bħal dawn, qabel l-impatt tagħhom jilħaq lill-UE, filwaqt li jissaħħu l-objettivi tal-politika tal-migrazzjoni.

    (6)

    L-effikaċja tar-rispons operazzjonali għal kriżi tal-migrazzjoni tiddependi fuq it-tħejjija ta’ Stati Membri individwali u l-kapaċità tagħhom li jużaw it-tagħmir u r-riżorsi meħtieġa kif ukoll fuq azzjoni koordinata appoġġata mill-istrutturi eżistenti tal-Unjoni. Jeħtieġ ukoll li l-atturi rilevanti kollha jikkooperaw malajr u b’mod effettiv. Mekkaniżmu effettiv u f’waqtu għall-ġestjoni tal-kriżijiet jiddependi, għalhekk, fuq l-eżistenza ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni f’każ ta’ kriżi li ġew stabbiliti preċedentement, fejn l-irwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi ewlenin fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni huma definiti b’mod ċar.

    (7)

    Huwa meħtieġ mekkaniżmu strutturat għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, b’monitoraġġ f’ħin reali, twissija bikrija u rispons ċentralizzat u koordinat tal-UE biex jiġu mobilizzati strutturi, għodod, riżorsi umani u finanzjarji kif meħtieġ, fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

    (8)

    Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Paralment Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilixxa r-responsabbiltà kondiviża tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Dan jirrikjedi wkoll l-iżgurar tal-għarfien tas-sitwazzjoni u jipprevedi ppjanar integrat għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, inkluż ippjanar ta’ kontinġenza.

    (9)

    Jenħtieġ li l-prinċipji gwida dwar l-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji jkunu: antiċipazzjoni, solidarjetà u kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, koordinazzjoni, reazzjoni f’waqtha u allokazzjoni flessibbli tar-riżorsi.

    (10)

    L-għan ewlieni tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji huwa li jiġu żgurati, minn naħa, għarfien tas-sitwazzjoni u tħejjija aħjar, u min-naħa l-oħra ġestjoni effettiva u rispons f’waqtu.

    (11)

    Jenħtieġ li l-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji tipprovdi qafas operazzjoni għall-monitoraġġ u l-antiċipazzjoni tal-flussi migratorji u s-sitwazzjonijiet tal-migrazzjoni, il-bini ta’ reżiljenza kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ rispons koordinat għall-kriżi migratorja. Dawn l-objettivi jirriflettu ż-żewġ stadji ewlenin deskritti fil-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji, jiġifieri l-monitoraġġ u t-tħejjija minn naħa u l-ġestjoni tal-kriżijiet min-naħa l-oħra.

    (12)

    Għall-iskop tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji, jenħtieġ li kriżi tal-migrazzjoni tiġi definita bħala kwalunkwe sitwazzjoni jew żvilupp li jseħħ fl-UE jew f’pajjiż terz li jkollu effett u li jpoġġi pressjoni partikolari fuq is-sistema tal-ażil, il-migrazzjoni jew il-ġestjoni tal-fruntieri ta’ kwalunkwe Stat Membru jew li jkollu tali potenzjal. Dan jinkludi u jmur lil hinn miċ-ċirkostanzi definiti fl-Artikolu 1(2) tal-proposta għal Regolament li jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi u forza maġġuri fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil jew iċ-ċirkostanzi definiti fl-Artikolu 2(w) tal-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni.

    (13)

    Il-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji hija konsistenti mal-mekkaniżmi stabbiliti tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet u komplimentari magħhom, b’mod partikolari l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (Union Civil Protection Mechanism, UCPM) inkluż iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (Emergency Response Coordination Centre, ERCC), l-arranġamenti Integrati tal-Kunsill għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR), l-ARGUS tal-Kummissjoni, u l-Mekkaniżmu ta’ Rispons għall-Kriżijiet (Crisis Response Mechanism, CRM) tas-SEAE, li jistgħu jiġu attivati b’mod konkomitanti jew wara l-attivazzjoni tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji fl-istadju tagħha tal-ġestjoni tal-kriżijiet. Il-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji għandha l-għan li tappoġġa l-interazzjoni u l-kooperazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi ġenerali għall-kriżijiet billi tiżgura li dawn jiġu pprovduti b’informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni ta’ kriżi.

    (14)

    Filwaqt li l-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji tibni fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti rilevanti, hija mfassla wkoll biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrumenti l-ġodda proposti mill-Kummissjoni, inkluż Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni u Regolament li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u forza maġġuri fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil.

    (15)

    Fl-istadju ta’ monitoraġġ u tħejjija tiegħu, il-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji jenħtieġ li tipprevedi għadd ta’ passi li jiżguraw għarfien tas-sitwazzjoni regolari u twissija/tbassir bikri kif ukoll jgħinu fit-tħejjija tar-rapport annwali dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 6 tal-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni. L-għarfien tas-sitwazzjoni pprovdut mill-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji jista’, fost l-oħrajn, jippermetti lill-Presidenza tal-Kunsill tbaxxi l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu IPCR attwali għall-kriżi tal-migrazzjoni. Fl-istadju tiegħu ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, jenħtieġ li l-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji tiżgura li informazzjoni komprensiva aġġornata dwar is-sitwazzjoni migratorja tkun disponibbli għall-atturi kollha, u dan jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet f’waqthom u li l-implimentazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet tiġi mmonitorjata u kkoordinata kif xieraq.

    (16)

    Sabiex il-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji ssir realtà, jenħtieġ li l-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (European Asylum Support Office, EASO), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija Ewropea għall-Infurzar tal-Liġi (EUROPOL), l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tas-sigurtà u l-ġustizzja (eu-LISA) u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (Fundamental Right Agency, FRA) jaħdmu flimkien bħala Network tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji (“in-Network”). Jenħtieġ li l-objettiv ewlieni tan-Network ikun li jiżgura l-iskambju adegwat ta’ informazzjoni rilevanti għaż-żewġ stadji tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji.

    (17)

    Jenħtieġ li dan in-Network jappoġġa l-monitoraġġ u l-antiċipazzjoni tal-flussi migratorji, iżid ir-reżiljenza u jtejjeb il-koordinazzjoni teknika tar-rispons għall-kriżi, b’rispett sħiħ lejn il-leġiżlazzjoni fis-seħħ u filwaqt li juża u jikkomplementa l-għodod eżistenti.

    (18)

    Jenħtieġ li l-pajjiżi terzi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u/jew ta’ destinazzjoni jkunu involuti wkoll fuq bażi ad hoc, fejn possibbli, fil-funzjonament tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji. Jenħtieġ li dan l-involviment jikkontribwixxi għal skambju effiċjenti ta’ informazzjoni kif ukoll azzjonijiet bil-għan li jibnu għarfien adegwat tas-sitwazzjoni dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi interessati u biex ikun hemm rispons tagħhom għal kriżijiet potenzjali,

    TADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    1.

    Sabiex jikkontribwixxu għal ġestjoni aktar effiċjenti tal-migrazzjoni billi jimmonitorjaw u jantiċipaw il-flussi migratorji, jibnu r-reżiljenza u l-istat ta’ tħejjija kif ukoll jorganizzaw rispons għal kriżi tal-migrazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (EUROPOL), l-Aġenzija Ewropea għall-ġestjoni operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tas-sigurtà u l-ġustizzja (eu-LISA) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) (“l-atturi”) jikkooperaw fil-qafas tal-“Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji”.

    2.

    Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-atturi jaħdmu flimkien f’Network tal-Mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji (“in-Network”) biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji.

    3.

    Jenħtieġ li l-atturi li jiffurmaw in-Network jiżguraw l-iskambju adegwat ta’ informazzjoni rilevanti għaż-żewġ stadji tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet legali rigward il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tagħhom.

    4.

    Matul l-ewwel stadju tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji li jrid jiġi attivat b’mod permanenti u jkompli matul it-tieni stadju, jenħtieġ li l-atturi jipprovdu informazzjoni f’waqtha u xierqa sabiex jiġu stabbiliti għarfien aġġornat tas-sitwazzjoni dwar il-migrazzjoni u sistema ta’ twissija/tbassir bikri, kif ukoll tiżdied ir-reżiljenza għat-trattament b’mod effiċjenti ta’ kwalunkwe tip ta’ kriżi tal-migrazzjoni. Jenħtieġ li t-tieni stadju jkun applikabbli għal kwalunkwe sitwazzjoni jew żvilupp li jseħħ fl-UE jew f’pajjiż terz li jkollu effett u li jpoġġi pressjoni partikolari, jew li jista’ potenzjalment ipoġġi pressjoni, fuq is-sistema ta’ ażil, migrazzjoni jew ġestjoni ta’ fruntieri ta’ kwalunkwe Stat Membru. It-tieni stadju jinkludi u jmur lil hinn miċ-ċirkostanzi definiti fl-Artikolu 1(2) tal-proposta għal Regolament li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u forza maġġuri fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil jew iċ-ċirkostanzi definiti fl-Artikolu 2(w) tal-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni.

    5.

    Jenħtieġ li n-network jistabbilixxi linji gwida ta’ implimentazzjoni bil-għan li jiżgura fluss effiċjenti ta’ informazzjoni rilevanti għall-funzjonament tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji bejn il-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-kriżijiet rispettivi nazzjonali u tal-UE.

    6.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija Ewropea għall-Infurzar tal-Liġi (EUROPOL), l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tas-sigurtà u l-ġustizzja (eu-LISA) u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) jaħtru Punt ta’ Kuntatt għall-operazzjonalizzazzjoni tan-Network.

    7.

    Jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt jiskambjaw informazzjoni b’mod regolari partikolarment bil-ħsieb li jappoġġaw il-pubblikazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ rapporti perjodiċi dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 6(4) u rapporti tas-sitwazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 6(6) tal-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni.

    8.

    F’konformità mas-sejbiet tar-rapporti dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u tar-rapporti tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddiskutu l-miżuri meħtieġa li għandhom jittieħdu. Tali diskussjonijiet jenħtieġ li jsiru fil-livell tekniku, strateġiku u jekk meħtieġ fil-livell politiku fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill jew fil-Kunsill.

    9.

    Il-Kummissjoni, bi qbil ma’ Stat Membru li qed jiffaċċja sitwazzjoni ta’ kriżi tal-migrazzjoni, kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni 4, jenħtieġ li tinforma lill-Punti ta’ Kuntatt l-oħra fin-Network dwar is-sitwazzjoni sabiex tattiva l-istadju ta’ kriżi tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji. Jenħtieġ li l-Punt ta’ Kuntatt tal-Istat Membru affettwat jipprovdi minnufih lill-Punt ta’ Kuntatt tal-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa kif speċifikat fl-Anness.

    10.

    F’sitwazzjoni ta’ kriżi bħal din, jenħtieġ li l-Punt ta’ Kuntatt jappoġġa lill-Kummissjoni billi jipprovdi l-informazzjoni u l-gwida meħtieġa u billi jikkoordina miżuri li jirrispondu għall-kriżi.

    11.

    Jenħtieġ li l-iskambju ta’ informazzjoni fin-network iseħħ permezz tal-kanali ta’ komunikazzjoni disponibbli inkluż, fejn possibbli, il-pjattaforma tal-IPCR bil-funzjonalitajiet dedikati tagħha u f’konformità mal-linji gwida ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni 5 hawn fuq.

    12.

    Jenħtieġ li ż-żewġ stadji tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji jikkonformaw mal-governanza u l-fluss tax-xogħol kif ġie stabbilit fl-Anness.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Ylva JOHANSSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).


    ANNESS

    Dan l-Anness jispjega l-prinċipji, l-atturi ewlenin tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji u jiddeskrivi fid-dettall il-funzjonament tiegħu fiż-żewġ stadji.

    1.   PRINĊIPJI U ATTURI GĦAŻ-ŻEWĠ STADJI

    Prinċipji

    Fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-miżuri meħtieġa u l-assenjar tar-responsabbiltajiet lill-atturi rispettivi, ul-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji jenħtieġ li jopera fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

    (i)

    Antiċipazzjoni: jenħtieġ li s-sitwazzjoni migratorja tiġi mmonitorjata regolarment u d-deċiżjonijiet jittieħdu fuq il-bażi ta’ stampa sħiħa u kkoordinata tas-sitwazzjoni bil-għan tal-prevenzjoni.

    (ii)

    Koordinazzjoni: jenħtieġ li r-rispons għall-kriżi jagħmel użu minn miżuri mill-oqsma ta’ politika interni u esterni kollha rilevanti u mill-atturi kollha involuti taħt approċċ koordinat u komprensiv.

    (iii)

    Reazzjoni f’waqtha: jenħtieġ li l-miżuri jittieħdu appena jkunu meħtieġa, sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni teskala.

    (iv)

    Allokazzjoni flessibbli tar-riżorsi: jenħtieġ li r-riżorsi jiġu mobilizzati malajr billi jsir użu sħiħ tal-flessibbiltà mill-atturi rilevanti kif permess taħt strumenti ta’ finanzjament differenti.

    (v)

    Solidarjetà u kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà kif stipulat fl-Artikolu 5 tal-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni.

    Atturi

    L-atturi involuti fl-implimentazzjoni taż-żewġ stadji tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji:

    L-Istati Membri inklużi l-uffiċjali ta’ kollegament tagħhom

    Il-Kunsill

    Il-Kummissjoni Ewropea, inkluż il-persunal stazzjonat fil-post u fid-Delegazzjonijiet tal-UE kif ukoll l-Uffiċjali ta’ Kollegament Ewropej għall-Migrazzjoni (European Migration Liaison Officers, EMLOs).

    Is-servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet rilevanti tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni.

    L-aġenziji tal-UE (EASO, Frontex, EUROPOL, eu-LISA u FRA) inklużi l-uffiċjali ta’ kollegament tagħhom.

    2.   STADJU TA’ MONITORAĠĠ U TĦEJJIJA (STADJU 1)

    (a)   Objettiv

    L-objettiv tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji fl-istadju ta’ monitoraġġ u tħejjija tiegħu huwa li jappoġġa użu aktar ikkoordinat tal-leġiżlazzjoni eżistenti billi jsaħħaħ u jikkondividi l-għarfien komuni tas-sitwazzjoni bejn l-atturi kollha involuti, jiżviluppa sistema ta’ twissija/tbassir bikri fil-livell tal-UE u jappoġġa l-iżvilupp tar-reżiljenza meħtieġa fl-Istati Membri biex jittrattaw b’mod effiċjenti kwalunkwe tip ta’ kriżi tal-migrazzjoni.

    L-ewwel stadju tal-mekkaniżmu għandu l-għan li jikseb l-objettivi ewlenin li ġejjin:

    Il-kondiviżjoni tal-għarfien tas-sitwazzjoni u ta’ mekkaniżmi tat-twissija/tbassir bikri. Jenħtieġ li fehim f’waqtu u komprensiv biżżejjed tal-avvenimenti u x-xejriet ġodda mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jippermetti l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u t-tħejjija tajba għal rispons koordinat meta jkun meħtieġ. Jenħtieġ li sitwazzjonijiet ġodda problematiċi u kritiċi emerġenti jiġu antiċipati f’waqthom. Jenħtieġ li l-atturi kollha jdaħħlu l-informazzjoni u l-evidenza f’sistema ta’ twissija/tbassir bikri li għandha tiġi żviluppata fil-livell tal-UE. Jenħtieġ li l-isforzi għall-iżvilupp ta’ sistema bħal din jiġu kkoordinati mill-Kummissjoni filwaqt li tibni fuq l-istrumenti disponibbli bħalissa u dawk futuri possibbli.

    L-appoġġ tal-iżvilupp tar-reżiljenza. Jenħtieġ li fehim konġunt tas-sitwazzjoni, tal-motivaturi tagħha u tal-previżjoni jappoġġa lill-Istati Membri biex jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq il-bini tal-kapaċitajiet tagħhom f’każ li tinqala’ kriżi ġdida tal-migrazzjoni.

    (b)   Governanza

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni, jekk meħtieġ f’kooperazzjoni mas-SEAE, ikollha rwol ewlieni fl-istadju ta’ monitoraġġ u tħejjija billi tuża l-assi kollha tagħha, inklużi l-Uffiċjali ta’ Kollegament Ewropej għall-Migrazzjoni, iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (Emergency Response Coordination Centre , ERCC) u l-fondi disponibbli skont il-mandati, l-objettivi u l-proċeduri rispettivi tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippresjedi n-Network u tipprovdi għall-funzjonijiet tas-segretarjat, tiġbor l-informazzjoni u tipprovdi r-rapporti meħtieġa u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu minn kull attur.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri, l-Aġenziji tal-UE u atturi oħra jappoġġaw lill-Kummissjoni fir-rwol imsemmi hawn fuq, b’mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni, analiżi u previżjonijiet f’waqthom u preċiżi, kif ukoll valutazzjoni tal-istat ta’ tħejjija u l-ippjanar ta’ kontinġenza tagħhom.

    Jenħtieġ li d-diskussjonijiet meħtieġa fil-livell tekniku, strateġiku u, jekk meħtieġ, dak politiku li jeħtieġu miżuri fl-Istati Membri jitwettqu fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill fuq il-bażi tas-sejbiet tar-rapporti tal-Kummissjoni maħruġa f’dan l-istadju tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji.

    F’sitwazzjonijiet fejn il-Kunsill jiddeċiedi li joħroġ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet operazzjonali, jenħtieġ li n-Network jappoġġa l-implimentazzjoni tagħhom billi jiskambja l-informazzjoni rilevanti.

    (c)   Fluss tax-xogħol

    Il-kondiviżjoni tal-għarfien tas-sitwazzjoni u tat-twissija/tbassir bikri

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni torganizza regolarment, mill-inqas kull tliet xhur, laqgħat jew vidjokonferenzi tan-Network. Jenħtieġ li l-frekwenza ta’ dawn il-kuntatti tiddependi mis-severità tas-sitwazzjoni migratorja kif ukoll mill-kwistjonijiet identifikati permezz tal-monitoraġġ tal-migrazzjoni u tal-kontinġenza.

    Meta jkun rilevanti u fattibbli, jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-pajjiżi terzi ewlenin ta’ oriġini, ta’ tranżitu u/jew ta’ destinazzjoni kif ukoll rappreżentanti ta’ sħab internazzjonali u partijiet ikkonċernati ewlenin jiġu mistiedna fuq bażi ad hoc għal diskussjonijiet tan-Network iffokati fuq rotta migratorja partikolari bil-għan ta’ skambju ta’ informazzjoni f’waqtu u regolari dwar il-flussi migratorji, l-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u kwalunkwe fattur ieħor (inklużi fatturi ġeopolitiċi, tas-saħħa, ambjentali, klimatiċi, demografiċi jew kwalunkwe fattur soċjoekonomiku ieħor) li jkollhom impatt fuq l-ażil, il-migrazzjoni jew il-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE. Jenħtieġ li l-modalitajiet ta’ dan il-kontribut jiġu żviluppati f’konsultazzjoni mal-pajjiżi inkwistjoni permezz tad-Delegazzjonijiet rispettivi tal-UE, f’koordinazzjoni mill-qrib mas-SEAE.

    Jenħtieġ li t-tħejjija tkun komponent ewlieni tad-djalogi dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fil-viċinat tal-UE, u għandu jkollha l-għan li tistabbilixxi kanali ta’ komunikazzjoni u tidentifika atturi lokali, li għandhom jintużaw u jiġu kkuntattjati f’każ ta’ kriżi.

    Fejn ikun possibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mas-SEAE, tistabbilixxi vidjokonferenzi dedikati fuq bażi ad hoc għal kull rotta migratorja mal-pajjiżi terzi ewlenin ta’ oriġini, ta’ tranżitu u/jew ta’ destinazzjoni, u ssaħħaħ il-vidjokonferenzi simili li qed isiru bħalissa. Jenħtieġ li dawn il-vidjokonferenzi jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha, li huma affettwati jew li għandhom interess ċar fil-movimenti migratorji tul rotta migratorja partikolari. Jenħtieġ li l-istruttura tal-vidjokonferenza tinkoraġġixxi diskussjonijiet sostanzjali f’kooperazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjonijiet tal-UE għall-benefiċċju tal-parteċipanti kollha.

    Jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt kollha tan-Network jipprovdu informazzjoni sabiex jgħinu jistabbilixxu l-istampa meħtieġa tas-sitwazzjoni. Il-kondiviżjoni tal-għarfien tas-sitwazzjoni tinkludi data dwar il-flussi migratorji, informazzjoni dwar sistemi ta’ akkoljenza, ażil u ġestjoni tal-fruntieri, żviluppi nazzjonali rilevanti fil-qasam tal-migrazzjoni fl-Istati Membri u pajjiżi terzi, notifiki ta’ twissija bikrija/tbassir, kif ukoll azzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt kollha jikkondividu l-isfidi, in-nuqqasijiet u l-azzjonijiet ta’ rispons fil-post fl-interess ta’ stampa komuni tas-sitwazzjoni fil-livell tal-UE. Il-funzjonament eżatt tan-network għandu jkun dettaljat fil-Proċeduri Operattivi Standard.

    Jenħtieġ li n-network jagħmel użu sħiħ mill-kanali u mill-pjattaformi ta’ komunikazzjoni disponibbli inkluż, fejn possibbli, il-pjattaforma tal-IPCR bil-funzjonalitajiet dedikati tagħha. Jekk l-għodod disponibbli ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni se tikkunsidra li ttejjeb il-pjattaformi eżistenti tagħha jew tistabbilixxi pjattaforma sikura apposta bbażata fuq il-web li tiżgura l-iskambju rapidu ta’ informazzjoni fin-Network.

    Fuq il-bażi ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ rapporti tas-sitwazzjoni - rapport dwar l-Għarfien u l-Analiżi tas-Sitwazzjoni tal-Migrazzjoni (Migration Situational Awareness and Analysis, MISAA) li l-frekwenza tiegħu jenħtieġ li tiġi deċiża min-Network matul l-istadju ta’ monitoraġġ u tħejjija. Jenħtieġ li r-rapport MISAA jibni fuq il-mudell u l-metodoloġija tar-rapport dwar l-Għarfien u l-Analiżi Integrati tas-Sitwazzjoni (Integrated Situational Awareness and Analysis, ISAA) attwalment maħruġ u żviluppat waqt l-attivazzjoni tal-IPCR għall-kriżi tar-refuġjati tal-2015 u se jissostitwixxi r-rapport tal-ISAA jekk l-imsemmi IPCR jiġi diżattivat mill-Presidenza. Fejn possibbli, jenħtieġ li l-atturi jikkondividu wkoll l-informazzjoni li jirċievu minn sorsi mhux tal-UE, inklużi pajjiżi terzi u sħab internazzjonali. Jenħtieġ li r-rapport MISAA jidentifika x-xejriet u possibbilment jinkludi twissija/tbassir bikri ta’ flussi li jippermettu l-allert tal-atturi kollha u għall-miżuri korrettivi tagħhom. Jenħtieġ li r-rapport MISAA jiġi kondiviż esklussivament mal-atturi permezz tal-pjattaforma tal-IPCR f’konformità sħiħa mar-regoli għall-aċċess għal din il-pjattaforma, bl-involviment rispettiv taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddiskutu l-miżuri meħtieġa li għandhom jittieħdu u l-konklużjonijiet kif identifikati fir-rapport MISAA. Jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu diskussjonijiet fil-livell tekniku, strateġiku u jekk meħtieġ fil-livell politiku fil-korpi preparatorji tal-Kunsill jew il-laqgħat tal-Kunsill rispettivi. Il-Kunsill jista’ joħroġ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet operazzjonali, li għandhom jiġu segwiti mill-atturi rilevanti bl-appoġġ tan-Network.

    Appoġġ għall-iżvilupp tar-reżiljenza

    Jenħtieġ li jiġi stabbilit ċiklu ta’ kontinġenza tal-migrazzjoni li jibni fuq ir-rapporti dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u fuq l-istrateġiji nazzjonali kif previst fl-Artikolu 6(4) u (6) tal-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni u sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ġestjoni ġenerali tal-migrazzjoni tal-UE.

    F’konformità mal-Artikolu 6(3) tal-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni, l-Istati Membri għandu jkollhom strateġiji nazzjonali fis-seħħ biex jiżguraw kapaċità suffiċjenti għall-ġestjoni effettiva tal-ażil u l-migrazzjoni li jinkludu informazzjoni dwar kif l-Istati Membri qed jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti fir-Regolament imsemmi u l-obbligi legali li jirriżultaw minnu fil-livell nazzjonali. Dawn l-istrateġiji għandhom jinkludu ppjanar ta’ kontinġenza fil-livell nazzjonali, filwaqt li jitqies l-ippjanar ta’ kontinġenza skont il-leġiżlazzjoni rilevanti inklużi l-Artikoli 8(6) u 9(3), (5) u (6) tar-Regolament (UE) 2019/1896 (Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta) u l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri kif stabbilit minn dak ir-Regolament.

    Jenħtieġ li l-Aġenziji tal-UE jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-kapaċitajiet u l-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħhom, kif ukoll dwar rapporti eventwali oħrajn li jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest.

    Jenħtieġ li s-SEAE jikkontribwixxi għall-aspetti esterni tal-migrazzjoni u għall-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni tiegħu ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u/jew ta’ destinazzjoni.

    Jenħtieġ li l-pajjiżi terzi jingħataw il-possibbiltà li jikkondividu l-istrateġiji ta’ migrazzjoni u l-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħhom stess mal-Kummissjoni jew man-Network fuq bażi volontarja.

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni ta’ hawn fuq u f’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni, kull sena l-Kummissjoni tippreżenta Rapport dwar il-Ġestjoni tal-Migrazzjoni li jistabbilixxi l-evoluzzjoni probabbli tas-sitwazzjoni migratorja u l-istat ta’ tħejjija tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddiskutu s-sejbiet tar-rapporti annwali dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni prodotti mill-Kummissjoni fil-fora xierqa.

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-atturi l-oħra fin-Network, tipprovdi qafas għall-monitoraġġ tas-segwitu għas-sejbiet tar-rapporti annwali dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u jenħtieġ li tirrapporta dwar il-progress miksub u s-sitwazzjoni attwali fir-rappurtar annwali taċ-ċiklu li jmiss.

    3.   STADJU TAL-ĠESTJONI TAL-KRIŻIJIET TAL-MIGRAZZJONI (STADJU 2)

    (a)   Objettiv

    L-objettiv tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji fl-istadju tiegħu ta’ ġestjoni tal-kriżijiet huwa li jappoġġa rispons rapidu, effiċjenti u koordinat tal-UE għal kriżi tal-migrazzjoni billi jipprovdi informazzjoni f’waqtha u aġġornata lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE dwar is-sitwazzjoni operattiva li qed tiżviluppa kif ukoll billi jappoġġa l-monitoraġġ, il-koordinazzjoni fil-post, u l-komunikazzjoni fil-livell tekniku bejn l-atturi kollha.

    (b)   Governanza

    Fl-istadju tal-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji, u sakemm il-mekkaniżmi ġenerali tal-UE għall-kriżijiet (il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, ir-Rispons Integrat għall-Kriżijiet Politiċi, ARGUS u l-Mekkaniżmu ta’ Rispons għall-Kriżijiet) ma jiġux attivati, il-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji juża l-qafas tiegħu inkluż in-Network u l-mekkaniżmu ta’ rappurtar sabiex isegwi l-objettiv tiegħu.

    Ladarba l-mekkaniżmi ġenerali tal-UE għall-kriżijiet jiġu attivati f’konformità mal-proċeduri u l-objettivi rispettivi tagħhom, għandu jiġi żgurat ir-rwol tal-ġestjoni ġenerali tal-kriżijiet inkluża l-koordinazzjoni meħtieġa bejniethom.

    Matul l-attivazzjoni tal-Istadju 2, l-attivitajiet tal-Istadju 1 ikomplu u jiġu intensifikati.

    Jenħtieġ li n-Network, kif attivat u ppresedut mill-Kummissjoni, jappoġġa l-ħidma tal-mekkaniżmi ġenerali tal-UE għall-kriżijiet. Jenħtieġ li l-appoġġ jiffoka b’mod partikolari fuq il-forniment tal-għarfien tas-sitwazzjoni li huwa meħtieġ għad-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet f’dawn il-mekkaniżmi u jsegwi l-implimentazzjoni tagħhom mill-atturi rilevanti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li n-Network jiltaqa’ regolarment permezz ta’ vidjokonferenza u jiddiskuti l-aspetti operazzjonali kollha tad-deċiżjonijiet meħuda fil-mekkaniżmi ġenerali tal-UE għall-kriżijiet u jirrapporta lura lilhom.

    Jenħtieġ li ċ-ċentri tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-Istati Membri, jekk jiġu attivati, jiżguraw il-konnessjoni adegwata mal-mekkaniżmi ġenerali tal-UE għall-kriżijiet, inkluż il-UCPM u l-ERCC tiegħu, kif ukoll jappoġġaw l-attività tal-Punt ta’ Kuntatt rispettiv tagħhom fin-Network f’konformità mal-linji gwida msemmija fir-Rakkomandazzjoni 5.

    Meta jkun meħtieġ u b’komplementarjetà mal-laqgħat li jsiru fil-Kunsill skont ir-regoli tal-IPCR, jistgħu jsiru aktar diskussjonijiet fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill jew fil-Kunsill fuq il-bażi tas-sejbiet tar-rapporti tas-sitwazzjoni tal-Kummissjoni.

    Jenħtieġ li kull attur jieħu l-miżuri meħtieġa, inklużi dawk elenkati fis-sett ta’ għodod taħt l-ittra d) hawn taħt.

    (c)   Fluss tax-xogħol

    1.

    L-istadju tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji jista’ jiġi attivat mill-Kummissjoni bi qbil ma’ Stat Membru li qed jiffaċċja sitwazzjoni ta’ kriżi tal-migrazzjoni, kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni 4.

    2.

    Jenħtieġ li l-Punt ta’ Kuntatt tal-Kummissjoni jinforma lill-Punti ta’ Kuntatt oħrajn fin-Network (il-Presidenza tal-UE, l-Istati Membri, il-Kunsill, is-SEAE, l-aġenziji tal-UE) bid-deċiżjoni li jattiva l-istadju ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji.

    3.

    Il-Kummissjoni tattiva n-Network immedjatament b’mod sħiħ f’modalità 24/7 u se tlaqqa’ laqgħa/vidjokonferenza urġenti tan-Network sabiex tindirizza fil-livell tekniku l-punti ta’ hawn taħt:

    (a)

    skambju ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni;

    (b)

    analiżi tal-għażliet għal rispons rapidu, effiċjenti u effettiv;

    (c)

    koordinament tal-messaġġi għal komunikazzjoni mal-pubbliku b’koerenza mal-istrutturi eżistenti.

    (d)

    koordinament tal-appoġġ fil-post.

    4.

    Jenħtieġ li l-Istat Membru affettwat jattiva l-miżuri ta’ kontinġenza tiegħu stess u jagħmel valutazzjoni inizjali tal-ħtiġijiet li jenħtieġ li jiġu kondiviżi immedjatament mal-Kummissjoni u l-membri l-oħra tan-Network. Jenħtieġ li din il-valutazzjoni inizjali jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    is-sitwazzjoni fil-post, il-fatturi ewlenin li jixprunaw u t-tbassir inklużi l-konsegwenzi eventwali;

    (b)

    il-kapaċitajiet materjali, operazzjonali u finanzjarji attwali;

    (c)

    l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kontinġenza;

    (d)

    il-ħtiġijiet materjali, operazzjonali u finanzjarji li għandhom jiġu pprovduti mill-atturi rilevanti inklużi Stati Membri oħrajn jew aġenziji tal-UE.

    5.

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura permezz tan-Network, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lin-Network billi tipprovdi b’mod partikolari:

    (a)

    ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni inkluż it-tbassir u l-konsegwenzi possibbli; meta jkun possibbli, jenħtieġ li tiġi inkluża informazzjoni minn u dwar pajjiżi terzi rilevanti.

    (b)

    il-kapaċitajiet attwali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u/jew ta’ destinazzjoni affettwati mill-kriżi u l-kapaċitajiet attwali tal-UE u ta’ Stati Membri oħra biex jindirizzaw il-kriżi;

    (c)

    il-livell attwali ta’ assistenza tal-UE u tal-Istati Membri;

    (d)

    valutazzjoni tal-lakuni u l-ħtiġijiet;

    (e)

    azzjonijiet eventwali fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-korpi tal-UE, tal-aġenziji tal-UE u tal-Istati Membri mis-sett ta’ għodod ipprovdut hawn taħt.

    Jekk Stat Membru jippreżenta talba motivata skont l-Artikoli 2(1) jew 6(1) tal-proposta għal Regolament biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ kriżi u forza maġġuri fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil, l-informazzjoni miġbura permezz tan-Network tista’ tappoġġa l-analiżi u l-azzjonijiet tal-Kummissjoni kif previst mill-Artikoli 2 u 6 ta’ dik il-proposta.

    Meta l-Kummissjoni twettaq il-valutazzjoni ta’ sitwazzjoni migratorja fi Stat Membru skont l-Artikolu 47 tal-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni, l-informazzjoni miġbura permezz tan-Network tista’ tappoġġa r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-pressjoni migratorja kif previst fl-Artikolu 48 ta’ din il-proposta.

    Fir-rigward tal-assistenza tal-protezzjoni ċivili, jenħtieġ li l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri tiġi żgurata permezz taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza.

    6.

    Il-Presidenza tal-Kunsill tista’ tikkunsidra l-ħtieġa li torganizza laqgħa straordinarja tal-Kunsill.

    7.

    In-Network jintegra l-ħidma tas-sistemi ġenerali tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet wara li jiġu attivati billi jipprovdi għarfien tas-sitwazzjoni u skambju tal-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ f’livell tekniku tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet meħtieġa li sar qbil dwarhom fil-qafas ta’ dawk is-sistemi.

    8.

    Il-koordinazzjoni fl-Istati Membri jenħtieġ li tiġi żgurata fil-mekkaniżmi nazzjonali rilevanti tal-ġestjoni tal-kriżijiet li jittrattaw il-migrazzjoni, bl-involviment tal-atturi nazzjonali rilevanti kollha, b’konsistenza u koerenza sħiħa mal-implimentazzjoni tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji, taħt ir-rwol ta’ koordinazzjoni ġenerali tal-IPCR.

    9.

    F’każ li jiġi attivat il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) tal-Kummissjoni jiżgura appoġġ għall-iskjerament rapidu ta’ appoġġ ta’ emerġenza lill-Istati Membri li jitolbu dan u jaġixxi bħala ċentru ta’ koordinazzjoni għall-assistenza tal-protezzjoni ċivili bejn l-Istati Membri kollha tal-UE u Stati parteċipanti. Jenħtieġ li tiġi stabbilita konnessjoni 24/7 bejn is-Servizzi rilevanti tal-Kummissjoni.

    10.

    Meta jkun rilevanti u possibbli, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imsaħħaħ f’pajjiżi terzi bl-iskjerament jew l-attivazzjoni ta’ uffiċjali ta’ kollegament mill-atturi kollha fil-pajjiżi terzi ewlenin ta’ tranżitu, ta’ oriġini u/jew ta’ destinazzjoni.

    11.

    Jenħtieġ li jiġu attivati mekkaniżmi u għodod ta’ kriżi settorjali oħrajn skont il-ħtiġijiet kif elenkati fis-sett ta’ għodod hawn taħt.

    12.

    Jenħtieġ li n-Network jiġi attivat b’mod sħiħ 24/7 matul id-dewmien kollu tal-kriżi.

    13.

    Jekk l-IPCR jiġi attivat, il-monitoraġġ regolari tal-migrazzjoni se jiġi żgurat mir-rapporti tal-ISAA, li se jissostitwixxu r-rapporti tal-MISAA matul il-perjodu ta’ attivazzjoni. Jekk l-IPCR ma jiġix attivat, ir-rapporti tal-MISAA maħruġa mill-Kummissjoni fl-ewwel stadju tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji se jitkomplew fuq il-bażi tal-inputs tal-atturi rilevanti miġbura permezz tan-Network.

    14.

    Jenħtieġ li r-rapporti tal-MISAA/ISAA maħruġa mill-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji jiġu diskussi fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill jew fil-Kunsill.

    15.

    L-istadju tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji jista’ jiġi diżattivat mill-Kummissjoni b’talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess ladarba s-sitwazzjoni li tat bidu għall-kriżi ma tibqax preżenti jew ladarba titqies taħt kontroll.

    16.

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Kunsill, is-SEAE u l-aġenziji tal-UE jorganizzaw taħriġ imfassal apposta dwar il-proċeduri u l-għodod użati f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-migrazzjoni sabiex jissaħħu l-għarfien u l-prontezza tal-persunal rilevanti kollu.

    17.

    Jenħtieġ li l-atturi kollha jeżerċitaw regolarment ir-rispons tagħhom għall-kriżijiet tal-migrazzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew u, fejn meħtieġ, jirrevedu l-Blueprint attwali dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji fuq il-bażi tat-tagħlimiet meħuda.

    (d)   Sett ta’ għodod

    Il-miżuri li ġejjin jikkostitwixxu s-sett ta’ għodod biex jirrispondu għal kriżi tal-migrazzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

    Miżuri fil-pajjiżi tal-oriġini, tat-tranżitu u/jew tad-destinazzjoni

    Minbarra l-kooperazzjoni li għaddejja ma’ sħab terzi, il-Kummissjoni tikkoordina, f’kooperazzjoni mas-SEAE, mad-Delegazzjonijiet tal-UE u mal-Istati Membri, mal-pajjiżi terzi ewlenin ta’ oriġini, ta’ tranżitu u/jew ta’ destinazzjoni b’attenzjoni speċjali għall-pajjiżi ġirien tal-UE, biex tappoġġahom biex itejbu aktar il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tagħhom u jiġġestixxu aħjar il-flussi migratorji, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, u jsaħħu l-kooperazzjoni dwar ir-ritorn,

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u s-SEAE, tipprevedi kurituri sikuri addizzjonali u skemi ta’ risistemazzjoni f’pajjiżi terzi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u/jew ta’ destinazzjoni rilevanti.

    Il-Kummissjoni tikkoopera ma’, u tiżgura sinerġiji bejn, l-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin (b’mod partikolari l-UNHCR u l-IOM) u l-NGOs ewlenin għal mobilizzazzjoni komplementari xierqa ta’ miżuri fil-pajjiż ta’ oriġini, ta’ tranżitu u/jew ta’ destinazzjoni rilevanti.

    Il-Kummissjoni tirrieżamina u tattiva, fuq il-bażi tal-ħtiġijiet identifikati, il-finanzjament disponibbli permezz tal-istrumenti ta’ finanzjament (interni u esterni) rilevanti kollha inklużi l-komponenti ta’ emerġenza tagħhom fejn applikabbli f’konformità mal-oqfsa u l-objettivi legali tagħhom. Biex tiġi indirizzata l-pressjoni migratorja fit-tul huwa essenzjali li jkun hemm rabta bejn l-istrumenti.

    F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tesplora d-disponibbiltà ta’ riżorsi addizzjonali li għandhom jiġu mobilizzati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-QFP jekk il-finanzjament imsemmi hawn fuq ma jkunx biżżejjed.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tqis l-użu konġunt ta’ finanzjament mill-UE u mill-baġits nazzjonali, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-kontinwazzjoni tagħhom fil-perjodu tal-QFP futur.

    Meta jkun rilevanti u possibbli, il-Kummissjoni, flimkien mal-arranġamenti eżistenti tal-Istati Membri, tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imsaħħaħ f’pajjiżi terzi filwaqt li tuża wkoll vidjokonferenzi ddedikati għal kull rotta migratorja, jekk dawn jiġu stabbiliti fil-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji, u tiskjera jew tattiva uffiċjali ta’ kollegament fil-pajjiżi terzi ewlenin ta’ tranżitu, oriġini u/jew destinazzjoni.

    Meta jkun ġie konkluż ftehim dwar l-istatus bejn l-UE u pajjiż terz, il-Frontex tistazzjona timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri biex tappoġġa lill-awtoritajiet rilevanti ta’ dak il-pajjiż terz fil-kontroll tal-fruntieri tiegħu.

    Is-SEAE jattiva l-Mekkaniżmu ta’ Rispons għall-Kriżijiet tiegħu, meta sseħħ sitwazzjoni serja jew emerġenza li tkun tikkonċerna jew tinvolvi d-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni, bl-użu tal-elementi individwali tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni għall-Kriżijiet, kif xieraq: il-laqgħa ta’ Kriżi, iċ-Ċellula ta’ Kriżi; il-pjattaforma għall-Kriżijiet; u t-Task Force.

    Id-delegazzjonijiet tas-SEAE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, iwettqu r-rwoli rispettivi tagħhom qabel, matul u wara kriżi, inkluż billi jipprovdu għarfien tas-sitwazzjoni iżda wkoll billi jwettqu r-rispons diplomatiku, politiku u operazzjonali tal-UE.

    Is-SEAE jimmobilizza l-funzjonijiet tad-Direttorat Integrat għas-Sigurtà u l-Paċi, il-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija, il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija, u l-missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni bil-ħsieb li tiġi aġġornata kwalunkwe pjattaforma ta’ koordinazzjoni li tkun xierqa bħala parti mill-funzjonijiet tal-għarfien tas-sitwazzjoni u tal-istat ta’ tħejjija (reżiljenza).

    Miżuri fl-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE

    L-ippjanar/il-miżuri ta’ kontinġenza nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, l-akkoljenza u l-ażil huma attivati fl-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE.

    L-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni operazzjonali, il-lakuni u l-ħtiġijiet fil-fruntieri esterni tal-UE.

    Fuq talba ta’ Stat Membru fil-fruntiera esterna tal-UE, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jista’ jiġi attivat biex jipprovdi l-assistenza meħtieġa.

    Is-sorveljanza tal-fruntieri hija intensifikata sabiex il-kopertura tiġi estiża għaż-żoni l-aktar affettwati, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE.

    L-appoġġ tal-Frontex huwa pprovdut, meta jintalab mill-Istati Membri, biex jissaħħu l-operazzjonijiet konġunti eżistenti jew biex jiġi skjerat intervent rapidu fil-fruntiera tal-Frontex.

    L-EASO jiskjera, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, persunal u tagħmir rilevanti biex jassisti fl-akkoljenza u l-ażil.

    Europol tuża, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, il-persunal/it-tagħmir/l-uffiċjali ta’ kollegament tagħha biex iwettaq kontrolli ta’ sigurtà tal-migranti li jaslu.

    Il-Frontex tappoġġa l-attivitajiet ta’ ritorn f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, billi tibgħat speċjalisti tar-ritorn u billi torganizza u tikkoordina operazzjonijiet ta’ ritorn permezz ta’ titjiriet charter u skedati inkluż bi skorti ta’ ritorn u kontrolluri tar-ritorn.

    It-Task Forces Reġjonali Ewropej (European Regional Task Forces, EURTF) huma stabbiliti mill-Kummissjoni fl-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE bħala qafas li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u jtejjeb il-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati kollha.

    Il-hotspots u ċ-ċentri ta’ akkoljenza huma stabbiliti fil-punti ta’ pressjoni għolja b’persunal mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u appoġġati mill-Aġenziji tal-UE bis-sistemi meħtieġa ta’ informazzjoni dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà.

    Il-Kummissjoni tibgħat persunal fl-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE biex tassisti fil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rispons.

    Il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, taqbel dwar messaġġi pubbliċi ewlenin ta’ komunikazzjoni f’każ ta’ kriżi u tagħmel użu mill-għodod ta’ komunikazzjoni l-aktar effettivi, inkluża l-pjattaforma tal-IPCR, biex ixxerred dawn il-messaġġi u tiġġieled id-diżinformazzjoni.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tikkoopera fuq bażi ta’ każ b’każ mal-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin (b’mod partikolari l-UNHCR u l-IOM) u l-NGOs ewlenin għall-użu komplementari xieraq ta’ miżuri fl-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE.

    Il-Kummissjoni tagħmel disponibbli l-proġetti dwar ir-Ritorni Volontarji Assistiti u r-Riintegrazzjoni li għandhom jintużaw mill-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni tirrevedi u tattiva, fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri, il-finanzjament disponibbli taħt l-istrumenti ta’ finanzjament (interni u esterni) rilevanti kollha inklużi l-komponenti ta’ emerġenza tagħhom fejn applikabbli.

    F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni teżamina d-disponibbiltà ta’ riżorsi addizzjonali li jridu jiġu mobilizzati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-QFP jekk il-finanzjament imsemmi hawn fuq ma jkunx biżżejjed.

    Il-Kummissjoni tqis l-użu konġunt ta’ finanzjament mill-UE u mill-baġits nazzjonali, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-kontinwazzjoni tagħhom fil-perjodu tal-QFP futur.

    L-Istati Membri li mhumiex taħt pressjoni jistgħu joffru assistenza lill-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE permezz ta’ tagħmir, materjal, persunal, skjerament ta’ persunal speċjalizzat u rilokazzjoni volontarja tal-migranti kif ukoll kontribut tal-persunal għall-operazzjonijiet tal-aġenziji tal-UE.

    L-Istati Membri li ma jkunux taħt pressjoni jistgħu jikkontribwixxu finanzjarjament għal kwalunkwe soluzzjoni finanzjarja addizzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza.

    Miżuri fi Stati Membri oħra taħt pressjoni

    L-Istati Membri l-oħra taħt pressjoni jattivaw l-ippjanar/il-miżuri ta’ kontinġenza nazzjonali dwar l-akkoljenza u l-ażil.

    L-Istati Membri oħra taħt pressjoni jipprovdu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni operattiva, il-lakuni u l-ħtiġijiet.

    Fuq talba ta’ Stat Membru taħt pressjoni, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jiġi attivat biex jipprovdi l-assistenza meħtieġa.

    It-Task Forces Reġjonali Ewropej (EURTF) huma stabbiliti mill-Kummissjoni fi Stati Membri oħra taħt pressjoni bħala qafas li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u jtejjeb il-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati kollha.

    Il-Frontex tappoġġa l-attivitajiet ta’ ritorn f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, billi tibgħat speċjalisti tar-ritorn u billi torganizza u tikkoordina operazzjonijiet ta’ ritorn permezz ta’ titjiriet charter u skedati inkluż bi skorti ta’ ritorn u kontrolluri tar-ritorn.

    L-EASO jiskjera, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, persunal u tagħmir rilevanti biex jassisti fl-akkoljenza u l-ażil.

    L-Europol tiskjera l-persunal/it-tagħmir/l-uffiċjali ta’ kollegament tiegħu biex iwettaq kontrolli ta’ sigurtà tal-migranti li jaslu.

    Il-Kummissjoni tibgħat persunal fl-Istati Membri taħt pressjoni biex tassisti fil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rispons.

    Il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, taqbel dwar messaġġi pubbliċi ewlenin ta’ komunikazzjoni f’każ ta’ kriżi u tagħmel użu mill-għodod ta’ komunikazzjoni l-aktar effettivi, inkluża l-pjattaforma tal-IPCR, biex ixxerred dawn il-messaġġi u tiġġieled id-diżinformazzjoni.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin (b’mod partikolari l-UNHCR u l-IOM) u l-NGOs ewlenin għall-użu komplementari xieraq ta’ miżuri fi Stati Membri oħra taħt pressjoni.

    Il-Kummissjoni tagħmel disponibbli l-proġetti dwar Ritorn Volontarju Assistit u Riintegrazzjoni li għandhom jintużaw minn Stati Membri oħra taħt pressjoni.

    Il-Kummissjoni tirrevedi u tattiva, fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri, il-finanzjament disponibbli taħt l-istrumenti ta’ finanzjament (interni u esterni) rilevanti kollha inklużi l-komponenti ta’ emerġenza tagħhom fejn applikabbli.

    F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tesplora d-disponibbiltà ta’ riżorsi addizzjonali li jridu jiġu mobilizzati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-QFP jekk il-finanzjament imsemmi hawn fuq ma jkunx biżżejjed.

    Il-Kummissjoni tqis l-użu konġunt ta’ finanzjament mill-UE u mill-baġits nazzjonali, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-kontinwazzjoni tagħhom fil-perjodu tal-QFP futur.

    L-Istati Membri li mhumiex taħt pressjoni jistgħu joffru assistenza lil Stati Membri oħra taħt pressjoni permezz ta’ tagħmir, materjal, persunal, skjerament ta’ persunal speċjalizzat u rilokazzjoni volontarja tal-migranti kif ukoll kontribut ta’ persunal għall-operazzjonijiet tal-aġenziji tal-UE.

    L-Istati Membri li ma jkunux taħt pressjoni jistgħu jikkontribwixxu finanzjarjament għal kwalunkwe soluzzjoni finanzjarja addizzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza.

    FIGURA 1

    Din id-dijagramma tippreżenta b’mod viżwalizzat l-istruttura f’diversi livelli tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji.

    Image 1


    Top