Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1751

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1751 tal-21 ta’ Ottubru 2019 li jdaħħal l-isem Havarti (IĠP) fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti

    C/2019/7437

    ĠU L 269, 23.10.2019, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1751/oj

    23.10.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 269/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1751

    tal-21 ta’ Ottubru 2019

    li jdaħħal l-isem “Havarti” (IĠP) fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni mibgħuta mid-Danimarka lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Ottubru 2010 biex tirreġistra l-isem “Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

    (2)

    Il-Ġermanja, Spanja, id-Dairy Export Council tal-Istati Uniti flimkien man-National Milk Producers Federation u mal-International Dairy Foods Association, l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Kummerċ ta’ New Zealand, id-Dairy Companies Association ta’ New Zealand (DCANZ) u d-Dairy Awstralja Limited, appoġġati mill-Gvern Awstraljan, opponew ir-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. L-oġġezzjonijiet tqiesu bħala ammissibbli.

    (3)

    Il-Kummissjoni rċeviet ukoll żewġ avviżi ta’ oppożizzjoni mill- “Camara Nacional de Productores de Leche” tal-Costa Rica u mill- “Asociación de Desarrollo Lácteo” (ASODEL) tal-Gwatemala. Madankollu, ma ġiet ippreżentata l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni motivata f’konformità mal-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (4)

    Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati fl-oppożizzjonijiet ammissibbli biex jidħlu f’konsultazzjonijiet xierqa. Fuq talba tad-Danimarka, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, permezz tal-ittri tal-5 ta’ Awwissu 2014 u tat-22 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni estendiet bi tliet xhur addizzjonali l-iskadenza għal kull waħda mill-konsultazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

    (5)

    Minħabba li ma ntlaħaq l-ebda qbil fiż-żmien stipulat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni li jiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (6)

    L-opponenti sostnew li l-“Havarti” ma għandux kwalità, reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi li jistgħu jiġu attribwiti għall-oriġini ġeografika. Huma jqisu li r-reġistrazzjoni tal-isem x’aktarx li tqarraq bil-konsumaturi fir-rigward tal-identità vera tal-prodott fid-dawl tar-reputazzjoni u tal-fama tat-trademark eżistenti. Fl-opinjoni tagħhom, dik ir-reġistrazzjoni tipperikola wkoll l-eżistenza ta’ ismijiet, trademarks u prodotti identiċi li ilhom fis-suq b’mod legali għal mill-inqas ħames snin. Barra minn hekk, huma allegaw li l-isem inkwistjoni huwa preżunt li sar ġeneriku għar-raġunijiet li ġejjin: il-“Havarti” ilu mill-1966 soġġett għal Standard tal-Codex Alimentarius, huwa elenkat fl-Anness B tal-Konvenzjoni ta’ Stresa tal-1951, u għandu linja tariffarja tiegħu stess. Il-produzzjoni u l-konsum tal-“Havarti” jeżistu f’bosta pajjiżi tal-UE u pajjiżi terzi, u wħud minnhom għandhom standard legali speċifiku għal dan il-prodott.

    (7)

    Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti espressi fid-dikjarazzjonijiet rraġunati ta’ oppożizzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li qieset ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet xierqa mwettqa bejn l-applikant u l-opponenti, u kkonkludiet li jenħtieġ li l-isem “Havarti” jiġi rreġistrat.

    (8)

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-allegat nuqqas ta’ konformità tal-isem “Havarti” mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li jiġi nnutat li r-reġistrazzjoni tal-isem “Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta qed issir applikazzjoni għaliha abbażi tar-reputazzjoni tiegħu li hija attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu, skont it-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (9)

    Id-Danimarka kienet ippreżentat għadd kbir ta’ pubblikazzjonijiet u referenzi speċjalizzati li juru li teżisti rabta ta’ reputazzjoni bejn id-Danimarka u l-“Havarti”. Dan il-ġobon ġie rrikonoxxut u ngħata premjijiet bosta drabi f’diversi fora nazzjonali jew internazzjonali. Ir-reputazzjoni ta’ dan il-prodott hija mibnija wkoll fuq il-metodu speċifiku ta’ produzzjoni u s-“savoir-faire” storiku tiegħu.

    (10)

    Fil-proċedura ta’ oppożizzjoni, l-awtoritajiet Daniżi speċifikaw ukoll li r-reputazzjoni tal-“Havarti” nkisbet permezz ta’ inizjattivi leġiżlattivi u ta’ xogħol ta’ kwalità fuq aktar minn 100 sena.

    (11)

    Fir-rigward tat-territorju tal-UE, il-“Havarti” huwa prodott prinċipalment fid-Danimarka. Fid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni, Spanja, il-Ġermanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Estonja kienu qed jipproduċuh fi kwantitajiet limitati. Mhuwiex probabbli li l-produzzjoni tal-“Havarti” f’dawn l-Istati Membri tista’, per se, tqiegħed f’dubju r-rabta tal-“Havarti” mad-Danimarka, u l-kwantitajiet huma limitati ħafna meta mqabbla mal-produzzjoni globali fid-Danimarka. B’mod partikolari, il-produzzjoni tal-ġobon bit-tikketta “Havarti” bdiet biss fl-2010 fi Spanja, u saret aktar sostanzjali biss wara li d-Danimarka kienet ressqet lill-Kummissjoni l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni tal-isem “Havarti” bħala IĠP.

    (12)

    Id-Danimarka pprovdiet evidenza li l-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi Daniżi jirrikonoxxu r-rabta persistenti tal-“Havarti” mad-Danimarka. Ir-riżultati ta’ stħarriġ jikkonkludu li l-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi Daniżi huma familjari mal-“Havarti” u jassoċjawh mad-Danimarka. Barra mid-Danimarka, l-għarfien dwar il-“Havarti” huwa estremament limitat.

    (13)

    Spanja ppreżentat studju hi wkoll li juri r-riżultati ta’ stħarriġ li sar fi Spanja fuq l-għarfien tal-konsumaturi dwar il-“Havarti” u l-oriġini tiegħu. Dan l-istudju mhuwiex konklużiv. Il-perċentwali ta’ nuqqas ta’ għarfien dwar il-prodott innifsu u dwar l-oriġini Daniża tiegħu huma għoljin, u l-konsumaturi indikaw bosta pajjiżi differenti bħala l-pajjiż tal-oriġini tal-“Havarti”. Dan in-nuqqas ta’ għarfien dwar il-prodott u dwar l-oriġini Daniża tiegħu ma jistax jitqies bħala għarfien pożittiv ta’ kwalunkwe karattru ġeneriku tal-isem.

    (14)

    L-opponenti sostnew ukoll li jenħtieġ li l-isem ma jiġix irreġistrat peress li jista’ jiżgwida lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott fid-dawl tar-reputazzjoni u tal-fama tat-trademark eżistenti. Madankollu, ma ntwerew la r-reputazzjoni jew lanqas il-fama ta’ ebda trademark rilevanti. Lanqas ma ġie spjegat il-mod li bih il-konsumatur jista’ jkun żgwidat.

    (15)

    Barra minn hekk, l-opponenti mill-pajjiżi terzi kkunsidraw li r-reġistrazzjoni tal-“Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta se tipperikola l-eżistenza tal-isem identiku “Havarti”, ta’ trademarks u ta’ prodotti li ilhom jiġu prodotti u kkummerċjalizzati legalment għal aktar minn ħames snin. Din hija waħda mir-raġunijiet għall-oppożizzjoni elenkati fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (16)

    Jidher li l-opponenti mill-pajjiżi terzi f’din il-proċedura ta’ oppożizzjoni ma qegħdux ġobon bl-isem “Havarti” fis-suq tal-UE. Għalhekk, l-eżistenza ta’ prodott bl-isem “Havarti” u prodott f’dawn il-pajjiżi terzi mhix se tiġi affettwata mir-reġistrazzjoni ta’ “Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta fl-UE.

    (17)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ma japplikax għat-territorju ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, mhuwiex probabbli li r-reġistrazzjoni ta’ “Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tipperikola l-użu tal-isem “Havarti” fis-suq ta’ pajjiżi terzi.

    (18)

    Fir-rigward tat-trademarks diġà rreġistrati, li għalihom saret applikazzjoni jew li ġew stabbiliti, b’bona fide, fit-territorju tal-UE, qabel id-data tal-applikazzjoni tad-Danimarka biex l-isem “Havarti” jiddaħħal fir-reġistru, f’konformità mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, mhumiex se jiġu affettwati bir-reġistrazzjoni ta’ IĠP.

    (19)

    Spanja u l-Ġermanja sostnew li kienu qed jipproduċu ġobon bl-isem ta’ “Havarti”. Ir-reġistrazzjoni ta’ “Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tista’ għalhekk tqiegħed f’perikolu l-eżistenza tal-isem “Havarti” li jirreferi għall-prodott manifatturat fi Spanja u fil-Ġermanja, li huwa identiku għall-isem li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu fil-5 ta’ Ottubru 2010.

    (20)

    Fid-dawl tal-informazzjoni inkluża fl-oppożizzjoni Ġermaniża u Spanjola u ppreżentata lill-Kummissjoni, jidher li fl-2010 Spanja bdiet tipproduċi ġobon bl-isem “Havarti” u sal-2014 kienet laħqet il-5 100 tunnellata metrika. Fil-Ġermanja, l-unika data li hemm disponibbli tikkonċerna l-produzzjoni fl-2012 (2 571 tunnellata), iżda ġie ddikjarat li l-Ġermanja ilha tipproduċi ġobon bl-isem “Havarti” għal aktar minn 20 sena. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, f’konformità mal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jenħtieġ li jingħataw perjodi ta’ tranżizzjoni lill-operaturi fi Spanja u fil-Ġermanja, li bdew jikkummerċjalizzaw prodott tal-ġobon bl-isem “Havarti” qabel id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni Daniża lill-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jużaw l-isem ipperikolat mir-reġistrazzjoni filwaqt li jikkonvertu l-produzzjoni tagħhom fis-suq. Jeħtieġ li perjodu ta’ ħames snin jitqies xieraq għall-produtturi Ġermaniżi u dawk Spanjoli.

    (21)

    Fl-aħħar nett, l-opponenti ppreżentaw diversi biċċiet ta’ evidenza li allegatament juru li l-isem inkwistjoni huwa ġeneriku. Madankollu, li jkollu Standard Codex Alimentarius speċifiku kif ukoll l-inklużjoni ta’ “Havarti” fl-Anness B tal-Konvenzjoni ta’ Stresa ma jfissirx li dan l-isem sar ipso facto ġeneriku. Il-kodiċijiet tariffarji huma relatati ma’ kwistjonijiet doganali u għalhekk mhumiex rilevanti għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-istatus ġeneriku fl-UE jista’ jiġi vvalutat biss b’rabta mal-perċezzjoni tal-konsumaturi fit-territorju tal-UE.

    (22)

    Fir-rigward tad-data dwar il-produzzjoni u l-perċezzjoni tal-“Havarti” fi ħdan l-UE, li ġiet ivvalutata b’referenza għad-dikjarazzjoni dwar l-allegat nuqqas ta’ rabta bejn il-prodott u ż-żona ġeografika, jenħtieġ li jiġi konkluż li “Havarti” ma sarx isem ġeneriku fl-UE.

    (23)

    Id-data ppreżentata dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-“Havarti” barra l-UE mhijiex rilevanti, meta wieħed iqis il-prinċipju tat-territorjalità inerenti għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod ġenerali u għar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 b’mod partikolari, li skontu n-natura ġenerika possibbli ta’ isem għandha tiġi vvalutata b’rabta mat-territorju tal-Unjoni. Il-perċezzjoni ta’ dan it-terminu barra mill-UE u l-eżistenza possibbli ta’ standards regolatorji ta’ produzzjoni relatati f’pajjiżi terzi mhumiex meqjusa rilevanti għal din id-deċiżjoni, irrispettivament minn jekk dawk l-istandards jistabbilux drittijiet għall-użu ta’ termini ta’ tikkettar.

    (24)

    Il-proposta tal-opponenti biex minflok tiġi rreġistrata d-denominazzjoni “Danish Havarti”, ma tistax tiġi aċċettata peress li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fil-punt (a) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (25)

    Sabiex ikunu jistgħu jintużaw l-istokkijiet li laħqu ġew prodotti jew li laħqu tqiegħdu fis-suq, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament trid titmexxa għal iktar tard.

    (26)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li l-isem “Havarti” jiddaħħal fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

    (27)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-isem “Havarti” (IĠP) huwa b’dan irreġistrat.

    L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu jirreferi għal prodott tal-Klassi 1.3. Il-ġobon huwa stabbilit fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

    Artikolu 2

    Għal perjodu tranżitorju ta’ ħames snin mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-isem “Havarti” jista’ jkompli jintuża minn operaturi stabbiliti fil-Ġermanja u fi Spanja li bdew jikkumerċjalizzaw prodott tal-ġobon bl-isem “Havarti” qabel il-5 ta’ Ottubru 2010.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mit-12 ta’ Mejju 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU C 20, 23.1.2014, p. 9.

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


    Top