This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R0503
Regulation (EU) 2019/503 of the European Parliament and of the Council of 25 March 2019 on certain aspects of railway safety and connectivity with regard to the withdrawal of the United Kingdom from the Union (Text with EEA relevance.)
Regolament (UE) 2019/503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Marzu 2019 dwar ċerti aspetti ta' sikurezza u konnettività ferrovjarja fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Regolament (UE) 2019/503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Marzu 2019 dwar ċerti aspetti ta' sikurezza u konnettività ferrovjarja fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
PE/72/2019/REV/1
ĠU L 85I, 27.3.2019, pp. 60–65
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
27.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 85/60 |
REGOLAMENT (UE) 2019/503 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal- 25 ta' Marzu 2019
dwar ċerti aspetti ta' sikurezza u konnettività ferrovjarja fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' tali ftehim, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu. |
|
(2) |
Fil-qasam tat-trasport ferrovjarju, l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq iċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjonijiet jista' jiġi rrimedjat mill-operaturi kkonċernati, permezz ta' diversi miżuri. Dawk il-miżuri jinkludu li l-operaturi jistabbilixxu ruħhom f'wieħed mill-Istati Membri li jibqgħu fl-Unjoni u li jiksbu l-awtorizzazzjonijiet u ċ-ċertifikati xierqa hemmhekk. |
|
(3) |
Ftehimiet speċifiċi, kif previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ikunu meħtieġa biex jindirizzaw kwistjonijiet li jikkonċernaw direttament is-servizzi ferrovjarji u l-infrastruttura transfruntieri, u b'hekk li jiżguraw il-kontinwità ta' dawn is-servizzi u jimminimizzaw it-tfixkil. F'konformità ma' dik id-Direttiva, tali ftehimiet jiżguraw ukoll trattament reċiproku għall-impriżi tal-Unjoni u għall-impriżi stabbiliti fir-Renju Unit li jużaw l-infrastruttura transfruntiera. |
|
(4) |
Il-konklużjoni ta' tali ftehimiet bejn l-Istati Membri kkonċernati u r-Renju Unit tista' ssir biss wara li r-Renju Unit ikun sar pajjiż terz. B'mod partikolari, l-applikazzjoni tar-regoli ta' sikurezza tal-Unjoni għaċ-Channel Tunnel bħalissa hija konferita lil Kummissjoni Intergovernattiva, stabbilita skont it-Trattat ta' Canterbury li ġie ffirmat fit-12 ta' Frar 1986, li fil-qasam tas-sikurezza tibbenefika mill-pariri tal-Awtorità tas-Sikurezza taċ-Channel Tunnel. Is-sistema stabbilita minn dak it-Trattat ikollha tiġi adattata b'kont meħud tal-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz. B'mod partikolari, ir-responsabbiltà għall-parti taċ-Channel Tunnel li tinsab fit-territorju Franċiż jenħtieġ li tkun taħt il-kontroll uniku ta' awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), biex ikun żgurat li l-liġi tal-Unjoni tiġi applikata għal dik il-parti tal-mina. Dik l-awtorità kompetenti tista', madankollu, bil-ħsieb li twettaq il-kompiti tagħha bl-aħjar mod possibbli u b'kont meħud tal-karatteristiċi komuni tal-mina fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, u sabiex tiffaċilita l-konsistenza tad-deċiżjonijiet, tieħu kont tal-fehmiet ta' korp binazzjonali stabbilit skont ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi, bħall-Awtorità tas-Sikurezza taċ-Channel Tunnel stabbilita bit-Trattat ta' Canterbury, li tagħti pariri lill-Kummissjoni Intergovernattiva, jew inkella tiżviluppa mezzi oħra biex tikkoopera mal-awtoritajiet responsabbli għall-parti tal-mina fit-territorju tar-Renju Unit. |
|
(5) |
Il-miżuri f'dan ir-Regolament huma kondizzjonali fuq l-applikazzjoni ta' standards u proċeduri tas-sikurezza, ta' rekwiżiti ta' aċċess għal operat bħala impriża ferrovjarja, u ta' rekwiżiti għas-sewqan ta' ferrovija, li jkunu identiċi għar-rekwiżiti tal-Unjoni li jiġu applikati għall-infrastruttura li tintuża għall-finijiet li tkun żgurata konnettività ferrovjarja transfruntiera mar-Renju Unit, kif ukoll għal impriżi li joperaw u sewwieqa li jsuqu ferroviji f'dik l-infrastruttura. |
|
(6) |
Biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jidħlu fil-ftehimiet meħtieġa u biex jieħdu kwalunkwe miżura oħra neċessarja ħalli jiġi evitat it-tfixkil, b'kont meħud tal-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz, huwa meħtieġ li l-validità ta' ċerti ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji tiġi estiża. |
|
(7) |
It-tul ta' żmien ta' tali estensjoni tal-validità ta' ċertifikati, awtorizzazzjonijiet, u liċenzji jenħtieġ li jkun limitat fiż-żmien għal dak li huwa strettament meħtieġ biex l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jieħdu dawk il-passi meħtieġa, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva 2012/34/UE. |
|
(8) |
Biex jiġi evitat tfixkil maġġuri tas-servizzi ferrovjarji transfruntiera mar-Renju Unit, huwa wkoll essenzjali li l-operaturi ferrovjarji u l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu l-miżuri meħtieġa malajr biex jiżguraw li ċ-ċertifikati, l-awtorizzazzjonijiet u l-liċenzji koperti b'dan ir-Regolament jinħarġu kmieni biżżejjed qabel ma dan ir-Regolament jieqaf japplika, u li ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji oħra meħtieġa għall-operat fit-territorju tal-Unjoni jinħarġu qabel id-data tal-ħruġ tar-Renju Unit. |
|
(9) |
Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-irtirar tal-benefiċċju konferit lid-detenturi taċ-ċertifikati, tal-awtorizzazzjonijiet u tal-liċenzji, fejn il-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni ma tkunx żgurata. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Jenħtieġ li tintuża l-proċedura ta' eżami għall-adozzjoni ta' dawk il-miżuri, minħabba l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sikurezza ferrovjarja. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli fejn, f'każijiet debitament ġustifikati, dawn ikunu rikjesti minħabba raġunijiet imperattivi ta' urġenza. |
|
(10) |
Fid-dawl tal-urġenza li nħolqot miċ-ċirkostanzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, huwa f'loku li tkun prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
|
(11) |
Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi miżuri proviżorji dwar ċerti aspetti tas-sikurezza u tal-konnettività ferrovjarja rigward il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim dwar il-ħruġ, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
|
(12) |
Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ b'urġenza u jenħtieġ li japplikaw mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit sakemm sa dik id-data ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi, fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“ir-Renju Unit”) mill-Unjoni Ewropea, għal ċerti ċertifikati tas-sikurezza u awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa taħt id-Direttiva 2004/49/KE, għal ċerti liċenzji ta' sewwieqa tal-ferroviji maħruġa taħt id-Direttiva 2007/59/KE u ċerti liċenzji ta' impriżi ferrovjarji maħruġa taħt id-Direttiva 2012/34/UE.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika għaċ-ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji li ġejjin li jkunu validi fil-jum ta' qabel id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:
|
(a) |
l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/49/KE għall-ġesturi tal-infrastruttura għall-ġestjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad lill-Unjoni mar-Renju Unit; |
|
(b) |
iċ-ċertifikati tas-sikurezza maħruġa taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/49/KE għal impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit; |
|
(c) |
il-liċenzji maħruġa taħt il-Kapitolu III tad-Direttiva 2012/34/UE għal impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit; |
|
(d) |
il-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji maħruġa taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2007/59/KE. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet rilevanti fid-Direttivi 2004/49/KE, 2007/59/KE u 2012/34/UE u fl-atti ta' implimentazzjoni adottati taħt dawk id-Direttivi. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva (UE) 2016/798 u fi kwalunkwe att delegat u ta' implimentazzjoni adottat taħt dik id-Direttiva għandhom japplikaw mid-data li fiha dik id-Direttiva ssir applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet u ċ-ċertifikati msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(2).
Artikolu 3
Validità ta' awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, ċertifikati tas-sikurezza, liċenzji tal-operat u liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji
1. L-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) u ċ-ċertifikati tas-sikurezza msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal disa' xhur mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Iċ-ċertifikati tas-sikurezza msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) għandhom ikunu validi biss għall-fini tal-wasla sal-istazzjonijiet u t-terminals tal-qsim tal-fruntieri msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament mir-Renju Unit jew tat-tluq minn dawk l-istazzjonijiet u t-terminals lejn ir-Renju Unit.
2. Il-liċenzji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal disa' xhur mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. B'deroga mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, dawk il-liċenzji għandhom ikunu validi biss fit-territorju li jinsab bejn l-istazzjonijiet u t-terminals tal-qsim tal-fruntieri msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament u r-Renju Unit.
3. Il-liċenzji msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal disa' xhur mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għas-sewwieqa tal-ferroviji waqt li joperaw fit-territorju li jinsab bejn l-istazzjonijiet u t-terminals tal-qsim tal-fruntieri msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament u r-Renju Unit.
Artikolu 4
Regoli u obbligi rigward ċertifikati tas-sikurezza, awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u liċenzji
1. Iċ-ċertifikati tas-sikurezza, l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u l-liċenzji regolati mill-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament huma soġġetti għar-regoli applikabbli għalihom skont id-Direttiva 2004/49/KE, id-Direttiva (UE) 2016/798 mid-data meta ssir applikabbli għal dawk l-awtorizzazzjonijiet, id-Direttiva 2012/34/UE u d-Direttiva 2007/59/KE, u f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni u delegati adottati taħt dawk id-Direttivi.
2. Id-detenturi taċ-ċertifikati tas-sikurezza, tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u tal-liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2), u skont kif xieraq, l-awtorità li toħroġhom meta din tkun differenti mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza li fit-territorju tagħha tkun tinsab l-infrastruttura fl-Unjoni li rispettivament taħt il-kompetenza tagħha jaqgħu l-istazzjonijiet u t-terminals tal-qsim tal-fruntieri elenkati fl-Anness għandhom jikkooperaw ma' dik l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza u jagħtuha l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha.
3. Fejn l-informazzjoni jew id-dokumenti ma jkunux twasslu fil-limiti ta' żmien stabbiliti mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fit-talbiet tagħha, il-Kummissjoni tista', malli tirċievi notifika mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza, tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tirtira l-benefiċċju konferit lid-detentur skont l-Artikolu 3. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).
4. Id-detenturi taċ-ċertifikati tas-sikurezza, tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u tal-liċenzji msemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar kwalunkwe azzjoni minn awtoritajiet kompetenti tas-sikurezza oħra, li tista' tkun f'kunflitt mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, id-Direttiva 2004/49/KE, id-Direttiva 2007/59/KE jew id-Direttiva (UE) 2016/798.
Id-detenturi tal-liċenzji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2)għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni minn awtoritajiet kompetenti tas-sikurezza oħra li tista' tkun f'kunflitt mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament jew skont id-Direttiva 2012/34/UE.
5. Qabel ma tirtira l-benefiċċji konferiti skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, fi żmien debitu, tinforma lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, lill-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikati tas-sikurezza, l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u l-liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2), kif ukoll lid-detenturi ta' tali ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji, bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għal tali rtirar u għandha tagħtihom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.
6. Fir-rigward tal-liċenzji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2), għall-finijiet tal-paragrafi (1) sa (5) ta' dan l-Artikolu, ir-referenzi għal Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal awtorità tal-liċenzjar definita fil-punt (15) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34/UE.
Artikolu 5
Monitoraġġ tal-konformità mal-liġi tal-Unjoni
1. L-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(2) għandha timmonitorja l-istandards tas-sikurezza ferrovjarja applikati għall-impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit li jużaw l-infrastruttura transfruntiera msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2), u li jkunu applikati għal dik l-infrastruttura transfruntiera. Barra minn hekk, l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza għandha tivverifika li l-ġesturi tal-infrastruttura jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u li s-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw fit-territorju taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni. L-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji rapporti dwar din il-kwistjoni, li għandhom ikunu akkumpanjati, fejn dan ikun f'loku, minn rakkomandazzjoni li l-Kummissjoni taġixxi skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
L-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (6) ta' dan ir-Regolament għandha tissorvelja jekk ir-rekwiżiti tal-Artikoli 19 sa 22 tad-Direttiva 2012/34/UE jkunux għadhom jiġu ssodisfati fir-rigward tal-impriżi ferrovjarji liċenzjati mir-Renju Unit imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament.
2. Meta l-Kummissjoni jkollha dubji ġustifikati dwar jekk l-istandards tas-sikurezza applikati għall-operat tas-servizzi ferrovjarji transfruntiera jew tal-infrastruttura koperti mill-kamp tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jew ta' parti mill-istess infrastruttura li tinsab fir-Renju Unit jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, hija għandha mingħajr dewmien żejjed, tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tirtira l-benefiċċju konferit lid-detentur skont l-Artikolu 3 Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2). Dan għandu japplika mutatis mutandis meta l-Kummissjoni jkollha dubji ġustifikati rigward l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-ksib ta' liċenzji bħala impriża ferrovjarja jew għas-sewqan ta' ferrovija.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza jew l-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (6), rispettivament, tista' titlob informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta' żmien raġonevoli. Meta dawk l-awtoritajiet kompetenti rilevanti ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba sal-iskadenza stabbilita, inkella jipprovdu informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista', wara li tinnotifika lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza jew lill-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (6) skont ma jkun f'loku, tadotta atti ta' implimentazzjoni adottati biex tirtira l-benefiċċju konferit lid-detentur skont l-Artikolu 3. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).
4. Qabel ma tirtira l-benefiċċji konferiti skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, fi żmien debitu, tinforma lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(2), lill-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikati tas-sikurezza, l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u l-liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2), lid-detenturi ta' tali ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji, kif ukoll lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza u lill-awtorità tal-liċenzjar tar-Renju Unit bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għal tali rtirar u tagħtihom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.
Artikolu 6
Konsultazzjoni u kooperazzjoni
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u jikkooperaw magħhom skont il-ħtieġa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.
2. Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed kwalunkwe informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 1 jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament u tal-Kunsill (7) kif ukoll mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 62 tad-Direttiva 2012/34/UE. Dawk il-kumitati għandhom ikunu kumitati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Għandu japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
3. Dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jkun daħal fis-seħħ sad-data msemmija fil-paragrafu 2.
4. Dan ir-Regolament għandu jieqaf japplika disa' xhur minn meta jkun sar applikabbli skont il-paragrafu 2.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Marzu 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2019.
(2) Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).
(3) Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).
(4) Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà, (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).
(5) Id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(7) Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).
ANNESS
L-istazzjonijiet u terminals tal-qsim tal-fruntieri msemmija fl-Artikoli 3 u 4 huma dawn li ġejjin:
1. L-IRLANDA
Dún Dealgan/Dundalk
2. FRANZA
Calais-Fréthun