Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L0997

    Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 tat-18 ta' Ġunju 2019 li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/PESK

    ST/8596/2019/INIT

    ĠU L 163, 20.6.2019, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/997/oj

    20.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 163/1


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2019/997

    tat-18 ta' Ġunju 2019

    li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/PESK

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri. Din tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt li jgawdi, fit-territorju ta' pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu hu ċittadin ma jkunx rappreżentat, mill-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' Stat Membru ieħor taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru. Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 (2) tagħti effett lil dak id-dritt billi tistabbilixxi l-miżuri ta' kooperazzjoni u ta' koordinazzjoni meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni.

    (2)

    Id-Direttiva (UE) 2015/637 tirreferi għad-dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar bħala tip wieħed ta' assistenza konsulari li trid tiġi pprovduta mill-ambaxxati u mill-konsulati tal-Istati Membri lil ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni. Dokument provviżorju tal-ivvjaġġar hu dokument għal vjaġġ wieħed li jippermetti lid-detentur jirritorna lura pajjiżu, jew, f'każijiet eċċezzjonali, f'destinazzjoni oħra, f'każ li dan ma jkollux aċċess għad-dokumenti tal-ivvjaġġar regolari tiegħu, pereżempju għaliex dawn ikunu nsterqu jew intilfu. Destinazzjoni oħra tista' tkun, pereżempju, pajjiż ġar jew pajjiż ta' viċinanza simili fejn l-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin mhux rappreżentat ikollu ambaxxata jew konsulat.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 96/409/PESK tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill (3) stabbilixxiet dokument provviżorju tal-ivvjaġġar (emergency travel document, ETD) komuni li l-Istati Membri jistgħu joħorġu lil ċittadini tal-Unjoni f'postijiet fejn l-Istat Membru tan-nazzjonalità ta' dawk iċ-ċittadini ma jkollux rappreżentanza diplomatika jew konsulari permanenti. Issa jenħtieġ li jiġu aġġornati r-regoli ta' dik id-Deċiżjoni u li jiġi stabbilit format modernizzat u aktar sikur għad-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE ('ETD tal-UE'). Jenħtieġ li tiġi żgurata konsistenza bejn il-kondizzjonijiet speċifiċi u l-proċedura għall-ħruġ tal-ETDs tal-UE u r-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni konsulari stabbiliti mid-Direttiva (UE) 2015/637, peress li dik id-Direttiva, inkluża l-proċedura finanzjarja prevista fl-Artikolu 14 tagħha, tapplika għall-ħruġ ta' ETDs tal-UE lil ċittadini mhux rappreżentati. Din id-Direttiva jenħtieġ li tipprovdi regoli addizzjonali li jridu jiġu applikati flimkien ma' dawk stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/637 fejn meħtieġ.

    (4)

    Fuq talba tiegħu, ETD tal-UE jenħtieġ li jinħareġ lil kwalunkwe ċittadin mhux rappreżentat f'pajjiż terz li l-passaport jew id-dokument tal-ivvjaġġar tiegħu jkun intilef, insteraq jew inqered, jew li b'xi mod ieħor ma jkunx jista' jinkiseb fi żmien raġonevoli, pereżempju lil trabi li jitwieldu matul l-ivvjaġġar jew lil persuni li d-dokumenti tagħhom ikunu skadew u ma jistgħux jiġu sostitwiti faċilment mill-Istat Membru tan-nazzjonalità. ETD tal-UE jenħtieġ li jinħareġ ladarba l-Istat Membru li jassisti liċ-ċittadin mhux rappreżentat ikun irċieva konferma tan-nazzjonalità u l-identità taċ-ċittadin mill-Istat Membru tan-nazzjonalità.

    (5)

    Peress li t-telf ta' passaport jew ta' dokumenti tal-ivvjaġġar jista' jikkawża stress sinifikanti għaċ-ċittadini mhux rappreżentati f'pajjiżi terzi, hemm bżonn li tiġi stabbilita proċedura simplifikata għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istat Membru li jassisti u l-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin mhux rappreżentat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsultazzjonijiet jitwettqu malajr kemm jista' jkun, tipikament fi żmien ftit jiem ta' xogħol. Fl-istess ħin, hemm bżonn li tinżamm biżżejjed flessibbiltà f'każijiet eċċezzjonali. Jenħtieġ li l-Istat Membru li jassisti jitħalla biss joħroġ ETDs tal-UE mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-Istat Membru tan-nazzjonalità f'każijiet ta' urġenza kbira. Qabel ma jagħmlu hekk, jenħtieġ li normalment l-Istati Membri jkunu eżawrixxew il-mezzi disponibbli kollha ta' komunikazzjoni mal-Istat Membru tan-nazzjonalità. Pereżempju, l-Istati Membri jenħtieġ li l-ewwel jippruvaw jittrasmettu parti mill-informazzjoni rilevanti, bħall-isem, in-nazzjonalità u d-data tat-twelid tal-applikant. F'dawn is-sitwazzjonijiet, l-Istat Membru li jassisti jenħtieġ li jinnotifika lill-Istat Membru tan-nazzjonalità mill-aktar fis possibbli dwar l-assistenza mogħtija f'ismu biex jiġi żgurat li l-Istat Membru tan-nazzjonalità jkun informat b'mod adegwat.

    (6)

    Għal raġunijiet ta' sigurtà, ir-riċeventi ta' ETDs tal-UE għandhom jirritornawhom ladarba jkunu waslu lura f'pajjiżhom qawwijin u sħaħ, pereżempju lill-uffiċjali tal-fruntiera jew lill-awtoritajiet responsabbli mill-ħruġ ta' passaporti. Barra minn hekk, jenħtieġ li kopja jew scan ta' kull ETD tal-UE maħruġ tinħażen għand l-awtorità emittenti tal-Istat Membru li jassisti u jenħtieġ li kopja jew scan oħra tintbagħat lill-Istat Membru tan-nazzjonalità tar-riċevent. L-ETDs tal-UE ritornati u l-kopji maħżuna jenħtieġ li jinqerdu malajr kemm jista' jkun.

    (7)

    Iċ-ċittadini mhux rappreżentati jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw għal ETD tal-UE fl-ambaxxata jew fil-konsulat ta' kwalunkwe Stat Membru. Kif previst fid-Direttiva (UE) 2015/637, huwa possibbli li l-Istati Membri jikkonkludu arranġamenti prattiċi għall-fini ta' qsim ta' responsabbiltajiet biex joħorġu ETDs tal-UE lil ċittadini mhux rappreżentati. L-Istati Membri li jirċievu applikazzjonijiet għal ETDs tal-UE jenħtieġ li jivvalutaw, fuq bażi ta' każ b'każ, jekk ikunx xieraq li joħorġu l-ETD tal-UE jew jekk il-każ għandux jiġi ttrasferit lill-ambaxxata jew lill-konsulat li jkunu indikati bħala kompetenti taħt it-termini ta' kwalunkwe arranġament diġà fis-seħħ.

    (8)

    F'konformità mal-iskop tiegħu bħala dokument għal vjaġġ wieħed, l-ETD tal-UE jenħtieġ li jkun validu għall-perijodu meħtieġ biex isir dak il-vjaġġ. Fid-dawl tal-possibbiltajiet u tal-veloċità tal-ivvjaġġar ta' żminijietna, il-validità ta' ETD tal-UE, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jenħtieġ li ma taqbiżx il-15-il jum tal-kalendarju.

    (9)

    Minbarra li jinħarġu ETDs tal-UE lil ċittadini mhux rappreżentati f'pajjiżi terzi, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli joħorġu ETDs tal-UE f'sitwazzjonijiet oħra, b'kunsiderazzjoni tal-liġi u l-prattika nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu joħorġu wkoll ETDs tal-UE lil ċittadini tagħhom stess, lil ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux rappreżentati fit-territorju tal-Istati Membri, u lil ċittadini ta' Stat Membru li jkunu rappreżentati fil-pajjiż fejn ifittxu li jiksbu ETD tal-UE. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu l-abbuż u l-frodi. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li ma joħorġux ETDs tal-UE f'tali sitwazzjonijiet.

    (10)

    F'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/637, u bl-għan li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja kif rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-'Karta'), u b'kunsiderazzjoni tal-liġi u l-prattika nazzjonali, Stat Membru li jassisti jenħtieġ li jkun jista' joħroġ ETDs tal-UE lil membri tal-familja, li ma jkunux ċittadini tal-Unjoni, li jakkumpanjaw lil ċittadini tal-Unjoni, fejn dawk il-membri tal-familja jkunu residenti legali fi Stat Membru, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi individwali ta' kull każ.

    (11)

    Ċerti membri tal-familja li ma jkunux ċittadini tal-Unjoni jistgħu jkunu meħtieġa jiksbu, minbarra l-ETD tal-UE, viżi biex jirritornaw fit-territorju tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru huma meħtieġa biss li jkollhom viża ta' dħul skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew, fejn xieraq, skont il-liġi nazzjonali. Il-pussess ta' karta ta' residenza valida msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE jeżenta tali membri tal-familja mir-rekwiżit tal-viża. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw tali persuni kull faċilità biex jiksbu l-viżi neċessarji. Tali viżi għandhom jinħarġu mingħajr ħlas kemm jista' jkun malajr u abbażi ta' proċedura aċċelerata.

    (12)

    L-ETD tal-UE jenħtieġ li jikkonsisti f'formola uniformi tal-ETD tal-UE u stiker uniformi tal-ETD tal-UE. L-ETD tal-UE jenħtieġ li jkun fih l-informazzjoni kollha neċessarja u jkun jilħaq standards tekniċi għolja, b'mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardji kontra l-kontraffazzjoni u l-falsifikazzjoni. Jenħtieġ li jkun kosteffettiv, adatt biex jintuża mill-Istati Membri kollha u jkun jinkorpora karatteristiċi tas-sigurtà rikonoxxuti b'mod universali u li jkunu jistgħu jintlemħu b'mod ċar mill-għajn.

    (13)

    Jenħtieġ li l-formola uniformi tal-ETD tal-UE jkun fiha paġni vojta biex, jekk meħtieġ, il-viżi jkunu jistgħu jitwaħħlu direttament mal-formola. Jenħtieġ li dik il-formola jkollha fuqha l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE, li jkun fiha l-informazzjoni rilevanti dwar ir-riċevent. Jenħtieġ li l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE tiġi mmudellata fuq il-format uniformi għall-viżi kif stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (6) u jenħtieġ li jkun fiha karatteristiċi simili tas-sigurtà. L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE jenħtieġ li timtela fl-ambaxxata jew fil-konsulat tal-Istat Membru li jkun qed assisti bl-użu tal-istess printers bħal dawk użati għall-viżi. F'każijiet ta' force majeure teknika, għandu jkun possibbli li l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE timtela b'mod manwali. Biex jiġu evitati kemm it-tnaqqis ta' aċċettazzjoni kif ukoll ir-riskji ta' sigurtà, il-mili manwali jenħtieġ li jkun limitat kemm jista' jkun u jenħtieġ li jsir biss meta ma jkunx possibbli li tinħareġ l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE li timtela permezz ta' printer fi żmien raġonevoli.

    (14)

    Biex jiżdiedu s-sigurtà u l-veloċità tal-proċess tal-ħruġ, jenħtieġ li immaġni tal-wiċċ tal-applikant użata għall-ETD tal-UE tittieħed dak il-ħin fl-ambaxxata jew fil-konsulat permezz ta' kamera diġitali jew b'mezz ekwivalenti. Huwa biss meta dan ma jkunx fattibbli li jkun jista' jintuża ritratt, wara li l-ambaxxata jew il-konsulat jkunu żguraw li dan jaqbel mal-applikant. L-istess immaġni tal-wiċċ jew ritratt konsegwentement jenħtieġ li jintbagħat lill-Istat Membru tan-nazzjonalità għall-konferma tal-identità tal-applikant.

    (15)

    Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet li m'għandhomx jinżammu sigrieti. Fejn xieraq, dawk l-ispeċifikazzjonijiet jaf ikollhom bżonn jiġu ssuplimentati minn speċifikazzjonijiet sigrieti oħra għall-prevenzjoni tal-kontraffazzjoni u tal-falsifikazzjoni.

    (16)

    Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali ma ssirx disponibbli għal aktar persuni milli jkun neċessarju, jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar korp li jkun responsabbli għall-produzzjoni ta' formoli u stikers uniformi tal-ETD tal-UE. Għall-fini tal-effiċjenza, l-Istati Membri huma mħeġġa jaħtru korp wieħed biss. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jbiddlu l-korp maħtur minnhom, jekk ikun meħtieġ. Għal raġunijiet ta' sigurtà, kull Stat Membru jenħtieġ li jikkomunika l-isem ta' dak il-korp lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

    (17)

    Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa li jiġu adattati l-ispeċifikazzjonijiet tal-formola u l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE b'reazzjoni għall-progress tekniku, kif ukoll biex jinbidel l-Istat Membru responsabbli għall-provvista ta' kampjuni għan-notifika tal-format uniformi tal-ETD tal-UE lil pajjiżi terzi, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Kunsill jirċievi d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tiegħu sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

    (18)

    Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' kwalunkwe speċifikazzjoni teknika u indikatur addizzjonali għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    (19)

    Sabiex tiżdied l-aċċettazzjoni tal-ETDs tal-UE, id-delegazzjonijiet tal-Unjoni f'pajjiżi terzi jenħtieġ li jinnotifikaw lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi dwar il-format uniformi tal-ETD tal-UE u dwar kwalunkwe modifika sussegwenti, jirrappurtaw dwar l-aċċettazzjoni tal-ETD tal-UE minn pajjiżi terzi u jippromwovu l-użu ta' dan. Il-kampjuni użati għal dan l-iskop jenħtieġ li jiġu pprovduti lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) minn Stat Membru bl-appoġġ tal-Kummissjoni.

    (20)

    Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax dispożizzjonijiet nazzjonali iżjed favorevoli sa fejn dawn ikunu kompatibbli ma' din id-Direttiva.

    (21)

    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jenħtieġ li japplika għall-ipproċessar ta' data personali mwettaq mill-Istati Membri meta jimplimentaw din id-Direttiva. Is-sistema tal-ETD tal-UE teħtieġ l-ipproċessar tad-data personali neċessarja għall-finijiet tal-verifika tal-identità tal-applikant, tal-istampar tal-istiker uniformi tal-ETD tal-UE u tal-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar tas-suġġett tad-data kkonċernat. Hu neċessarju li jiġu speċifikati aktar is-salvagwardji applikabbli għad-data personali pproċessata, bħall-perijodu massimu taż-żamma tad-data personali miġbura. Huwa meħtieġ perijodu massimu ta' żamma ta' 180 jum għall-Istat Membru li jassisti u sentejn għall-Istat Membru tan-nazzjonalità biex jiġi żgurat il-ġbir ta' kwalunkwe tariffa applikabbli u biex jiġu evitati abbużi possibbli jew attivitajiet frodulenti oħra. Jenħtieġ li t-tħassir ta' data personali tal-applikanti ma jaffettwax il-kapaċità tal-Istati Membri li jimmonitorjaw l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    (22)

    F'konformità mal-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa din id-Direttiva, b'mod partikolari abbażi ta' informazzjoni miġbura permezz ta' arranġamenti speċifiċi ta' monitoraġġ, biex tivvaluta l-effetti ta' din id-Direttiva u l-ħtieġa ta' kwalunkwe azzjoni ulterjuri. Dik l-evalwazzjoni tista' tqis ukoll żviluppi tekniċi futuri li jippermettu l-introduzzjoni ta' dokumenti provviżorji elettroniċi tal-ivvjaġġar (eETD).

    (23)

    Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari ta' ċittadini mhux rappreżentati permezz tal-ħruġ ta' dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar li jkunu sikuri u ġeneralment aċċettati, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jista', minħabba l-ħtieġa li jiġu evitati l-frammentazzjoni u t-tnaqqis riżultanti tal-aċċettazzjoni ta' dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar maħruġa minn Stati Membri lil ċittadini mhux rappreżentati, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (24)

    Din id-Direttiva għandha l-għan li tippromwovi l-protezzjoni konsulari kif garantita mill-Artikolu 46 tal-Karta. Hi tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta, inkluż id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali. Din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi interpretata u applikata f'konformità ma' dawk id-drittijiet u prinċipji.

    (25)

    Id-Deċiżjoni 96/409/PESK jenħtieġ li titħassar,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I

    SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-kondizzjonijiet u l-proċedura għal ċittadini mhux rappreżentati f'pajjiżi terzi biex jiksbu Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE (“ETD tal-UE”) u tistabbilixxi format uniformi għal tali dokument.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “ċittadin mhux rappreżentat” tfisser kwalunkwe ċittadin li jkollu nazzjonalità ta' Stat Membru li ma jkunx rappreżentat f'pajjiż terz kif stipulat fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2015/637;

    (2)

    “applikant” tfisser il-persuna li tapplika għal ETD tal-UE;

    (3)

    “riċevent” tfisser il-persuna li jinħarġilha ETD tal-UE;

    (4)

    “l-Istat Membru li jassisti” tfisser l-Istat Membru li jirċievi applikazzjoni għal ETD tal-UE;

    (5)

    “l-Istat Membru tan-nazzjonalità” tfisser l-Istat Membru tan-nazzjonalità ddikjarata mill-applikant;

    (6)

    “jiem ta' xogħol” tfisser il-jiem kollha minbarra festi pubbliċi jew jiem ta' tmiem il-ġimgħa li jiġu osservati mill-awtorità meħtieġa li taġixxi.

    KAPITOLU II

    ID-DOKUMENT PROVVIŻORJU TAL-IVVJAĠĠAR TAL-UE

    Artikolu 3

    Id-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE

    1.   Id-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE (“ETD tal-UE”) huwa dokument tal-ivvjaġġar li għandu jinħareġ minn Stat Membru lil ċittadin mhux rappreżentat f'pajjiż terz għal vjaġġ wieħed lejn l-Istat Membru tan-nazzjonalità jew ta' residenza taċ-ċittadin, kif mitlub miċ-ċittadin, jew eċċezzjonalment, lejn destinazzjoni oħra. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li joħorġu ETDs tal-UE lil riċeventi oħrajn skont l-Artikolu 7.

    2.   L-Istati Membri għandhom joħorġu ETDs tal-UE lil ċittadini mhux rappreżentati f'pajjiżi terzi li l-passaporti jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom ikunu ntilfu, insterqu jew inqerdu, jew li ma jistgħux jinkisbu b'xi mod ieħor fi żmien raġonevoli, f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4.

    Artikolu 4

    Proċedura

    1.   Fejn Stat Membru jirċievi applikazzjoni għal ETD tal-UE, dan għandu, malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn jumejn ta' xogħol wara r-riċezzjoni tal-applikazzjoni, jikkonsulta lill-Istat Membru tan-nazzjonalità f'konformità mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva (UE) 2015/637 għall-fini ta' verifika tan-nazzjonalità u l-identità tal-applikant.

    2.   L-Istat Membru li jassisti għandu jipprovdi lill-Istat Membru tan-nazzjonalità bl-informazzjoni rilevanti kollha, li tinkludi:

    (a)

    il-kunjom u l-isem/ismijiet, in-nazzjonalità, id-data tat-twelid u s-sess tal-applikant;

    (b)

    immaġni tal-wiċċ tal-applikant meħuda mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jassisti fil-ħin tal-applikazzjoni jew, biss fejn dan ma jkunx fattibbli, ritratt skenjat jew diġitali tal-applikant, abbażi tal-istandards stabbiliti mill-parti 3 tad-Dokument 9303 tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar li jinqraw minn Magna (is-Seba' Edizzjoni, 2015) (“id-Dokument 9303 tal-ICAO”);

    (c)

    kopja jew scan ta' kwalunkwe mezz ta' identifikazzjoni disponibbli, bħal karta tal-identità jew liċenzja tas-sewqan, u, fejn disponibbli, it-tip u n-numru tad-dokument sostitwit u n-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali jew tas-sigurtà soċjali.

    3.   Malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol wara r-riċezzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru tan-nazzjonalità għandu jwieġeb għall-konsultazzjoni f'konformità mal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva (UE) 2015/637 u għandu jikkonferma jekk l-applikant huwiex ċittadin tiegħu. Jekk l-Istat Membru tan-nazzjonalità ma jkunx jista' jwieġeb fi żmien tlett ijiem ta' xogħol, dan għandu, f'dak il-perijodu, jinforma lill-Istat Membru li jassisti u għandu jipprovdi stima ta' meta għandha tkun mistennija r-risposta. L-Istat Membru li jassisti għandu jinforma lill-applikant b'dan. Malli tiġi kkonfermata n-nazzjonalità tal-applikant, l-Istat Membru li jassisti għandu jipprovdi lill-applikant bl-ETD tal-UE mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn jumejn ta' xogħol wara r-riċezzjoni tal-konferma.

    4.   Jekk l-Istat Membru tan-nazzjonalità joġġezzjona għall-ħruġ ta' ETD tal-UE lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu, huwa għandu jinforma lill-Istat Membru li jassisti. F'dak il-każ, l-ETD tal-UE ma għandux jinħareġ u l-Istat Membru tan-nazzjonalità għandu jassumi r-responsabbiltà li jipprovdi protezzjoni konsulari liċ-ċittadin tiegħu skont l-obbligi legali u l-prattika tiegħu. L-Istat Membru li jassisti, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru tan-nazzjonalità, għandu jinforma lill-applikant b'dan.

    5.   F'każijiet ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jieħdu aktar żmien mil-limiti ta' żmien stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3.

    6.   F'sitwazzjonijiet ta' urġenza kbira, l-Istat Membru li jassisti jista' joħroġ ETD tal-UE mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-Istat Membru tan-nazzjonalità. Qabel ma jagħmel dan, l-Istat Membru li jassisti għandu jkun eżawrixxa l-mezzi disponibbli ta' komunikazzjoni mal-Istat Membru tan-nazzjonalità. L-Istat Membru li jassisti għandu jinnotifika lill-Istat Membru tan-nazzjonalità, mill-aktar fis possibbli, dwar il-fatt li nħareġ ETD tal-UE u dwar l-identità tal-persuna li lilha nħarġilha l-ETD tal-UE. Dik in-notifika għandha tinkludi d-data kollha li ddaħħlet fl-ETD tal-UE.

    7.   L-awtorità tal-Istat Membru li joħroġ l-ETD tal-UE għandha taħżen kopja jew scan ta' kull ETD tal-UE maħruġ u għandha tibgħat kopja jew scan oħra lill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-applikant.

    8.   Ir-riċevent ta' ETD tal-UE għandu jintalab jirritorna l-ETD tal-UE, irrispettivament minn jekk ikunx skada jew le, meta jasal fid-destinazzjoni finali.

    9.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu formola standard ta' applikazzjoni tal-ETD tal-UE li għandu jkun fiha informazzjoni dwar l-obbligu li jiġi rritornat l-ETD tal-UE mal-wasla. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(2).

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet finanzjarji

    1.   L-Istat Membru li jassisti għandu jesiġi mill-applikant dawk it-tariffi li jimponi fuq iċ-ċittadini tiegħu stess għall-ħruġ ta' dokumenti nazzjonali provviżorji tal-ivvjaġġar.

    2.   L-Istat Membru li jassisti jista' jirrinunzja għall-ġbir ta' tariffi b'mod ġenerali jew f'sitwazzjonijiet speċifiċi ddeterminati minnu.

    3.   Fejn l-applikanti ma jkunux jistgħu jħallsu kwalunkwe tariffa applikabbli lill-Istat Membru li jassisti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom, huma għandhom jintrabtu li jħallsu lura lill-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom tali tariffa billi jużaw il-formola standard li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2015/637. F'tali każijiet, għandhom japplikaw l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15 tad-Direttiva (UE) 2015/637.

    Artikolu 6

    Validità

    ETD tal-UE għandu jkun validu għall-perijodu meħtieġ għat-tlestija tal-vjaġġ li għalih ikun inħareġ. Fil-kalkolu ta' dak il-perijodu, għandu jingħata biżżejjed żmien għal waqfiet neċessarji matul il-lejl u biex isiru l-konnessjonijiet tal-ivvjaġġar. Il-perijodu ta' validità għandu jinkludi “perijodu ta' konċessjoni” addizzjonali ta' jumejn. Ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-validità ta' ETD tal-UE ma għandhiex taqbeż il-15-il jum tal-kalendarju.

    Artikolu 7

    Ħruġ fakultattiv ta' ETD tal-UE

    1.   Fejn il-passaport jew id-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant ikun intilef, insteraq jew inqered jew ma jkunx jista' jinkiseb b'xi mod ieħor fi żmien raġonevoli, Stat Membru jista' joħroġ ETDs tal-UE:

    (a)

    lil ċittadini tiegħu stess;

    (b)

    lil ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux rappreżentati fit-territorju tal-Istati Membri, inklużi l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 355(2) tat-TFUE;

    (c)

    lil ċittadini ta' Stat Membru ieħor li jkun rappreżentat fil-pajjiż fejn huma jfittxu li jiksbu l-ETD tal-UE u fejn jeżistu arranġamenti għal dak il-għan bejn l-Istati Membri rilevanti;

    (d)

    lil membri tal-familja, li ma jkunux ċittadini tal-Unjoni, li jakkumpanjaw ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux rappreżentati f'pajjiż terz jew ċittadini tal-Unjoni msemmija fil-punti (a), (b) jew (c), fejn dawk il-membri tal-familja jkunu residenti legali fi Stat Membru, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit ta' viża applikabbli;

    (e)

    lil persuni oħra li lilhom dak l-Istat Membru jew xi Stat Membru ieħor ikun obbligat taħt il-liġi internazzjonali jew nazzjonali li jipprovdi protezzjoni u li jkunu residenti legali fi Stat Membru.

    2.   Fejn Stat Membru joħroġ ETDs tal-UE f'konformità ma':

    (a)

    il-punt (b) jew (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-konsultazzjoni stipulata fl-Artikolu 4 għandha tinvolvi lill-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadini tal-Unjoni;

    (b)

    il-punt (d) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-konsultazzjoni stipulata fl-Artikolu 4 għandha tinvolvi lill-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun akkumpanjat u, fejn meħtieġ, lill-Istat Membru tar-residenza tal-membru tal-familja. B'deroga mill-Artikolu 4(6), l-ebda ETD tal-UE ma għandu jinħareġ mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun akkumpanjat u, fejn meħtieġ, mal-Istat Membru ta' residenza tal-membru tal-familja;

    (c)

    il-punt (e) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-konsultazzjoni stipulata fl-Artikolu 4 għandha tinvolvi lill-Istat Membru obbligat taħt il-liġi internazzjonali jew nazzjonali li jipprovdi protezzjoni lill-applikant, li għandu jkun il-pajjiż ta' destinazzjoni indikat fuq l-ETD tal-UE.

    KAPITOLU III

    FORMAT UNIFORMI GĦALL-ETDs TAL-UE

    Artikolu 8

    Format uniformi għall-ETDs tal-UE

    1.   L-ETDs tal-UE għandhom jikkonsistu f'formola uniformi ta' ETD tal-UE u fi stiker uniformi ta' ETD tal-UE. Dik il-formola u dik l-istiker għandhom ikunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II u mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 9.

    2.   Meta timtela l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE, għandhom jimtlew it-taqsimiet stabbiliti fl-Anness II u għandha timtela l-parti li tista' tinqara mill-magni, f'konformità mad-Dokument 9303 tal-ICAO.

    3.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju tad-dritt għall-protezzjoni konsulari fuq il-bażi ta' format modern u sikur tal-ETD tal-UE, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 11 biex temenda l-Annessi I u II kif ukoll referenzi għall-istandards stabbiliti mill-ICAO kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 4(2)(b), b'reazzjoni għall-progress tekniku.

    4.   L-Istati Membri jistgħu jżidu kwalunkwe entrata nazzjonali neċessarja fit-taqsima “kummenti” tal-istiker uniformi tal-ETD tal-UE kif imsemmi fil-punt 9 tal-Anness II. Dawk l-entrati nazzjonali ma għandhomx jidduplikaw it-taqsimiet stabbiliti fl-Anness II.

    5.   L-entrati kollha fl-istiker uniformi tal-ETD tal-UE, inkluża l-immaġni tal-wiċċ, għandhom jiġu stampati. Ma għandu jsir ebda tibdil manwali fuq stiker uniformi stampata tal-ETD tal-UE.

    B'mod eċċezzjonali, f'każijiet ta' force majeure teknika, jistgħu jimtlew manwalment stikers uniformi tal-UE ETD u jitwaħħal ritratt. F'tali każijiet, ir-ritratt għandu jkollu protezzjoni addizzjonali kontra s-sostituzzjoni tar-ritratti. Ma għandu jsir ebda tibdil fi stiker uniformi tal-ETD tal-UE li tkun imtliet manwalment.

    6.   Jekk jinstab żball fuq l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE li ma tkunx għadha twaħħlet mal-formola uniformi tal-ETD tal-UE, l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tiġi invalidata u għandha tinqered. Jekk jinstab żball wara li l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE tkun twaħħlet mal-formola uniformi tal-ETD tal-UE, it-tnejn li huma għandhom jiġu invalidati u għandhom jinqerdu u għandha tiġi prodotta stiker tal-ETD tal-UE ġdida.

    7.   L-istiker uniformi stampata tal-ETD tal-UE li jkun fiha t-taqsimiet mimlija għandha titwaħħal mal-formola uniformi tal-ETD tal-UE f'konformità mal-Anness I.

    8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ħżin protett mis-serq ta' formoli u stikers uniformi vojta ta' ETD tal-UE.

    Artikolu 9

    Speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali

    1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li fihom speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali għall-ETDs tal-UE relatati ma' dawn li ġejjin:

    (a)

    id-disinn, il-format u l-kuluri tal-formola u tal-istiker uniformi tal-ETD tal-UE;

    (b)

    rekwiżiti għat-tekniki materjali u tal-istampar tal-formola uniformi tal-ETD tal-UE;

    (c)

    karatteristiċi u rekwiżiti ta' sigurtà inklużi standards imsaħħa ta' protezzjoni kontra l-kontraffazzjoni u l-falsifikazzjoni;

    (d)

    regoli oħra li għandhom ikunu osservati għall-mili u għall-ħruġ tal-ETD tal-UE.

    Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(2).

    2.   Jista' jiġi deċiż li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu sigrieti u ma jiġux ippubblikati. F'dak il-każ dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni biss tal-korpi maħtura mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-produzzjoni tal-ETDs tal-UE u tal-persuni awtorizzati kif dovut minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.

    Artikolu 10

    Produzzjoni tal-ETDs tal-UE

    1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp li jkun responsabbli għall-produzzjoni ta' formoli u stikers uniformi tal-ETDs tal-UE. L-istess korp jista' jinħatar minn diversi Stati Membri jew minnhom kollha.

    2.   Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-isem tal-korp li jipproduċi l-formoli u stikers uniformi tiegħu tal-ETD tal-UE. Fejn Stat Membru jibdel il-korp maħtur minnu, hu għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

    Artikolu 11

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 8(3) u 13(1) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mill-10 ta' Lulju 2019.

    3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 8(3) u 13(1) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandha taffettwa l-validità ta' ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lil esperti maħtura minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 8(3) u 13(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkunx ġiet espressa ebda oġġezzjoni mill-Kunsill f'perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Kunsill ikun informa lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjona. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Kunsill.

    7.   Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat bl-adozzjoni ta' atti delegati mill-Kummissjoni, bi kwalunkwe oġġezzjoni fformulata għalihom, jew bir-revoka tad-delega tas-setgħat mill-Kunsill.

    Artikolu 12

    Proċedura ta' kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1683/95. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 13

    Notifika lil pajjiżi terzi

    1.   Fi żmien 21 xahar mill-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 9, l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 16(9) TUE għandu jipprovdi kampjuni tal-formola u l-istiker uniformi tal-ETDs tal-UE lill-Kummissjoni u lis-SEAE.

    Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 11 biex temenda l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu billi taħtar Stat Membru ieħor bħala l-Istat responsabbli biex jipprovdi l-kampjuni msemmija f'dak is-subparagrafu, abbażi ta' kriterji oġġettivi, bħall-preżenza fit-territorju tiegħu tal-korp maħtur għall-produzzjoni ta' ETDs tal-UE minn diversi Stati Membri jew mill-Istati Membri kollha.

    2.   Is-SEAE għandu jibgħat il-kampjuni tal-formola u l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni f'pajjiżi terzi.

    3.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni f'pajjiżi terzi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi terzi rispettivi dwar l-użu tal-ETD tal-UE kif ukoll dwar il-format uniformi u l-karatteristiċi ta' sigurtà ewlenin tiegħu, inkluż billi jipprovdu kampjuni tal-formola u l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għal finijiet ta' referenza. In-notifika ta' pajjiż terz individwali għandha tiġi ripetuta fuq talba ta' dak il-pajjiż terz. In-notifika ma għandhiex tinkludi speċifikazzjonijiet li għandhom jinżammu sigrieti f'konformità mal-Artikolu 9(2).

    4.   Kull darba li tiġi modifikata l-formola jew l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE, għandha tiġi ripetuta l-proċedura stipulata fil-paragrafi 1 sa 3. L-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ta' 21 xahar wara l-adozzjoni tal-format modifikat tal-formola jew tal-istiker uniformi tal-ETD tal-UE.

    5.   Fejn l-ebda delegazzjoni tal-Unjoni ma tkun preżenti f'pajjiż terz, l-Istati Membri rappreżentati għandhom jiddeċiedu permezz ta' kooperazzjoni konsulari lokali liema Stat Membru għandu jinnotifika lill-awtoritajiet rilevanti ta' dak il-pajjiż terz dwar il-format uniformi tal-ETD tal-UE kif ukoll dwar il-karatteristiċi ta' sigurtà ewlenin tiegħu. Is-SEAE għandu jikkoordina mal-Istat Membru kkonċernat it-trasmissjoni ta' kampjuni tal-formola u l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għal dak il-għan.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 14

    Trattament aktar favorevoli

    L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk ta' din id-Direttiva sa fejn ikunu kompatibbli ma' din id-Direttiva.

    Artikolu 15

    Protezzjoni ta' data personali

    1.   Id-data personali pproċessata għall-finijiet ta' din id-Direttiva, inklużi l-immaġni tal-wiċċ jew ir-ritratt tal-applikant imsemmija fl-Artikolu 4(2), għandha tintuża biss biex tiġi vverifikata l-identità tal-applikant f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 4, biex tiġi stampata l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE, u biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar ta' dak l-applikant. L-Istat Membru li jassisti u l-Istat Membru tan-nazzjonalità għandhom jiżguraw is-sigurtà xierqa tad-data personali.

    2.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, applikant li jinħariġlu ETD tal-UE għandu jkollu d-dritt li jivverifika d-data personali li tinsab fl-ETD tal-UE u, fejn xieraq, li jitlob li jsiru korrezzjonijiet billi jinħareġ dokument ġdid.

    3.   Ma għandha tiġi inkluża ebda informazzjoni f'forma li tista' tinqara mill-magni f'ETD tal-UE sakemm din ma tkunx tidher ukoll fit-taqsimiet imsemmija fil-punt 6 tal-Anness II.

    4.   L-Istat Membru li jassisti u l-Istat Membru tan-nazzjonalità għandhom iżommu d-data personali ta' applikant biss sakemm ikun hemm bżonn, inkluż għall-ġbir tat-tariffi msemmija fl-Artikolu 5. Fl-ebda każ dik id-data personali ma għandha tinżamm għal aktar minn 180 jum mill-Istat Membru li jassisti jew aktar minn sentejn mill-Istat Membru tan-nazzjonalità. Malli jiskadi l-perijodu ta' żamma, id-data personali ta' applikant għandha titħassar.

    5.   B' deroga mill-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-qerda sikura ta' kwalunkwe ETD tal-UE rritornat u tal-kopji relatati kollha kemm jista' jkun malajr.

    Artikolu 16

    Monitoraġġ

    1.   L-Istati Membri għandhom regolarment jimmonitorjaw l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fuq il-bażi tal-indikaturi li ġejjin:

    (a)

    in-numru ta' ETDs tal-UE maħruġa f'konformità mal-Artikolu 3 u n-nazzjonalità tar-riċevent;

    (b)

    in-numru ta' ETDs tal-UE maħruġa f'konformità mal-Artikolu 7 u n-nazzjonalità tar-riċevent; u

    (c)

    in-numru ta' każijiet ta' frodi u ta' kontraffazzjonijiet ta' ETDs tal-UE.

    2.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw il-produzzjoni u l-ġbir tad-data neċessarja biex ikejlu t-tibdil fl-indikaturi stabbiliti fil-paragrafu 1, u għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

    3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu indikaturi addizzjonali għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(2).

    Artikolu 17

    Evalwazzjoni

    1.   Mhux qabel ħames snin wara d-data tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta' din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar il-konklużjonijiet ewlenin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-livell ta' sigurtà tad-data personali, l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali u l-introduzzjoni possibbli ta' tariffa uniformi għall-ETDs tal-UE.

    2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

    Artikolu 18

    Tħassir

    1.   Id-Deċiżjoni 96/409/PESK titħassar b'effett minn 36 xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 9.

    2.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-invalidazzjoni u l-qerda tal-formoli tal-ETD prodotti f'konformità mad-Deċiżjoni 96/409/PESK fil-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1.

    Artikolu 19

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa 24 xahar mill-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 9, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk d-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Huma għandhom japplikaw dwak il-miżuri minn 36 xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 9.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 20

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 21

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta' Ġunju 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. CIAMBA


    (1)  Opinjoni tas-16 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali ).

    (2)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal-20 ta' April 2015 dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE (ĠU L 106, 24.4.2015, p. 1).

    (3)  Deċiżjoni 96/409/PESK tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar l-istabbiliment ta' dokument provviżorju tal-ivvjaġġar (ĠU L 168, 6.7.1996, p. 4).

    (4)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

    (5)  Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).

    (6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).

    (7)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (9)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


    ANNESS I

    FORMOLA UNIFORMI TAL-ETD TAL-UE

    Il-formola uniformi tal-ETD tal-UE għandha tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

    1.   Format u daqs

    Il-formola uniformi tal-ETD tal-UE għandha tkun b'disinn mitwi fi tlieta (folja waħda stampata miż-żewġ naħat u mitwija f'terzi). Meta tkun mitwija, id-daqs tal-formola għandu jikkonforma mal-istandard ISO/IEC 7810 ID-3.

    2.   L-ewwel paġna: Il-paġna tal-faċċata

    Il-paġna tal-faċċata tal-formola uniformi tal-ETD tal-UE għandha tinkludi, f'din l-ordni, il-kliem “UNJONI EWROPEA” bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u l-kliem “EMERGENCY TRAVEL DOCUMENT” u “TITRE DE VOYAGE PROVISOIRE”. Għandha turi wkoll tnax-il stilla tad-deheb li jiffurmaw ċirku.

    3.   It-tieni paġna: It-twaħħil tal-istiker uniformi tal-ETD tal-UE

    L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tkun imwaħħla sewwa mat-tieni paġna tal-formola uniformi tal-ETD tal-UE b'tali mod li ma tkunx tista' tinqala' faċilment. L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tkun allinjata u mwaħħla mat-tarf tal-paġna. Il-parti tal-istiker uniformi tal-ETD tal-UE li tkun tista' tinqara mill-magni għandha tkun allinjata mat-tarf ta' barra tal-paġna. It-timbru tal-awtoritajiet emittenti għandu jitqiegħed fuq l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE b'tali mod li jkun jestendi għal fuq il-paġna.

    4.   It-tielet u r-raba' paġni: Informazzjoni

    It-tielet u r-raba' paġni għandhom jinkludu traduzzjonijiet ta' “Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar” kif ukoll tad-didaskaliji tal-istiker uniformi tal-ETD tal-UE fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni ħlief għall-Ingliż u l-Franċiż. Għandu jidher ukoll it-test li ġej:

    “This EU Emergency Travel Document is a travel document issued by a Member State of the European Union for a single journey to the holder's Member State of nationality or residence or, exceptionally, to another destination. Authorities of non-EU countries are hereby requested to allow the holder to pass freely without hindrance.

    Le présent titre de voyage provisoire de l'UE est un titre de voyage délivré par un État membre de l'Union européenne aux fins d'un trajet unique vers l'État membre de nationalité ou de résidence du détenteur, ou, à titre exceptionnel, vers une autre destination. Les autorités des pays tiers sont priées d'autoriser le détenteur du titre de voyage provisoire à circuler sans entraves.”.

    5.   Il-ħames u s-sitt paġni: Viżi u timbri ta' dħul/ħruġ

    Il-ħames u s-sitt paġni għandhom juru l-intestatura “VISA/VISA” u fil-bqija għandhom jitħallew vojta.

    Dawn il-paġni għandhom ikunu riservati għal viżi u timbri ta' dħul/ħruġ.

    6.   In-numru tal-formola uniformi tal-ETD tal-UE

    Numru b'seba' ċifri għandu jkun stampat minn qabel fuq il-formola uniformi tal-ETD tal-UE.


    ANNESS II

    STIKER UNIFORMI TAL-ETD TAL-UE

    L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet segwenti:

    Karatteristiċi tal-istiker uniformi tal-ETD tal-UE

    1.

    L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tinkludi immaġni tal-wiċċ tad-detentur, stampata għal standards ta' sigurtà għolja, ħlief fejn jintuża ritratt f'konformità mal-Artikolu 8(5). L-immaġni tal-wiċċ jew ir-ritratt għandhom ikunu dawk użati għall-finijiet tal-Artikolu 4(2).

    2.

    L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tinkludi karatteristiċi ta' sigurtà li jiżguraw protezzjoni suffiċjenti kontra l-falsifikazzjoni b'kont meħud, b'mod partikolari, tal-karatteristiċi ta' sigurtà użati għall-format uniformi tal-viżi.

    3.

    Għandhom jintużaw l-istess karatteristiċi ta' sigurtà għall-Istati Membri kollha.

    4.

    Dawn li ġejjin għandhom jidhru fuq l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE:

    (a)

    l-abbrevjazzjoni “EU ETD/TVP UE”;

    (b)

    il-kliem “European Union/Union européenne”;

    (c)

    il-kodiċi bi tliet ittri 'EUE' kif stabbilit fid-Dokument 9303 tal-ICAO.

    5.

    L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tinkludi n-numru b'seba' ċifri tal-istiker uniformi tal-ETD tal-UE f'orjentazzjoni orizzontali, stampat minn qabel bl-iswed. Għandu jintuża tip ta' font speċjali. Dan in-numru għandu jkun preċedut bil-kodiċi tal-pajjiż b'żewġ ittri tal-Istat Membru emittenti kif stabbilit fid-Dokument 9303 tal-ICAO, li jista' jkun jew stampat minn qabel jew jiżdied meta l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE timtela. Għal finijiet ta' sigurtà, l-istess numru b'seba' ċifri jista' jiġi stampat minn qabel diversi drabi fuq l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE.

    It-taqsimiet li jridu jimtlew

    6.

    L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tinkludi taqsimiet għall-informazzjoni segwenti:

    (a)

    il-pajjiż tad-destinazzjoni u kwalunkwe pajjiż ta' transitu li għalihom jinħareġ l-ETD tal-UE;

    (b)

    l-Istat Membru emittenti u l-post tal-awtorità emittenti;

    (c)

    id-data tal-ħruġ u d-data ta' skadenza;

    (d)

    il-kunjom u l-isem/ismijiet, in-nazzjonalità, id-data tat-twelid u s-sess tar-riċevent tal-ETD tal-UE;

    (e)

    in-numru tal-formola uniformi tal-ETD tal-UE li magħha għandha titwaħħal l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE kif imsemmi fil-punt 6 tal-Anness I.

    7.

    Id-didaskaliji tat-taqsimiet li jridu jimtlew għandhom jidhru bl-Ingliż u bil-Franċiż u għandhom ikunu numerati.

    8.

    Id-dati għandhom jinkitbu kif ġej: żewġ ċifri għall-jum, l-ewwel ċifra tkun żero jekk il-jum inkwistjoni jkun b'ċifra waħda; żewġ ċifri għax-xahar, l-ewwel ċifra tkun żero jekk ix-xahar inkwistjoni jkun b'ċifra waħda; erba' ċifri għas-sena. Wara l-jum u x-xahar għandu jkun hemm spazju vojt. Pereżempju: 20 01 2018 = 20 ta' Jannar 2018.

    9.

    L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tinkludi taqsima għar-“rimarki”, li għandha tintuża mill-awtorità emittenti sabiex tindika kull informazzjoni neċessarja oħra, pereżempju t-tip u n-numru tad-dokument sostitwit.

    Informazzjoni li tista' tinqara mill-magni

    10.

    L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti li tista' tinqara mill-magni f'konformità mad-Dokument 9303 tal-ICAO biex tiffaċilita l-kontrolli fil-fruntieri esterni. L-ittri kapitali “AE” għandhom jintużaw bħala l-ewwel żewġ karattri tal-parti li tista' tinqara mill-magni biex id-dokument ikun indikat bħala Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE. Il-parti li tista' tinqara mill-magni għandha tinkludi test stampat fl-istampar tal-isfond viżibbli bil-kliem “Unjoni Ewropea” bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Dak it-test ma għandux jaffettwa l-karatteristiċi tekniċi tal-parti li tista' tinqara mill-magni jew il-fakultà li din tkun tista' tinqara.

    11.

    Għandu jitħalla spazju għall-possibbiltà li tiżdied barcode 2D komuni.

    Top