EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1001

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1001 tal-14 ta' Ġunju 2019 li tabroga d-Deċiżjoni 2009/417/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fi Spanja

ST/10001/2019/INIT

ĠU L 163, 20.6.2019, p. 59–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1001/oj

20.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/59


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1001

tal-14 ta' Ġunju 2019

li tabroga d-Deċiżjoni 2009/417/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fi Spanja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' April 2009, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, permezz tad-Deċiżjoni 2009/417/KE (1), f'konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li kien jeżisti defiċit eċċessiv fi Spanja. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għall-2008 rrappurtat fil-programm ta' stabbiltà ta' Jannar 2009 kien ta' 3,4 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u għalhekk iktar mill-valur referenzjarju fit-TFUE ta' 3 % tal-PDG. Id-dejn ġenerali gross tal-gvern kien ippjanat għal 39,5 % tal-PDG fl-2008, li jibqa' ferm taħt il-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG.

(2)

Fis-27 ta' April 2009, f'konformità mal-Artikolu 126(7) TFUE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, ħareġ rakkomandazzjoni lil Spanja bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2012.

(3)

Fit-2 ta' Diċembru 2009, fl-10 ta' Lulju 2012 u fil-21 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill indirizza tliet rakkomandazzjonijiet ġodda lil Spanja fuq il-bażi tal-Artikolu 126(7) TFUE, li estendew l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2013, l-2014 u l-2016 rispettivament. F'kull waħda mit-tliet rakkomandazzjonijiet, il-Kunsill ikkunsidra li Spanja kienet ħadet azzjoni effettiva, iżda li kienu seħħew avvenimenti ekonomiċi avversi mhux mistennija b'konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi tal-gvern.

(4)

Fit-12 ta' Lulju 2016 il-Kunsill, skont l-Artikolu 126(8) TFUE, stabbilixxa li ma ttieħdet ebda azzjoni effettiva minn Spanja b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013. Fit-8 ta' Awwissu 2016 il-Kunsill, fuq il-bażi tal-Artikolu 126(9) TFUE, adotta d-Deċiżjoni (UE) 2017/984 (3), li tat avviż lil Spanja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri kienu meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv, u li tiġi stabbilita skadenza ġdida tal-2018 għall-korrezzjoni. Il-Kunsill stabbilixxa wkoll l-iskadenza tal-15 ta' Ottubru 2016 għal azzjoni effettiva li għandha tittieħed u għall-preżentazzjoni ta' rapport lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għall-avviż tal-Kunsill.

(5)

Fis-16 ta' Novembru 2016 il-Kummissjoni kkonkludiet li Spanja kienet ħadet azzjoni effettiva skont l-Artikolu 126(9) TFUE, f'konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2017/984.

(6)

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv, anness mat- Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-TFUE, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dak il-Protokoll, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw id-data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern kif ukoll varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, f'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (4).

(7)

Il-Kunsill jieħu deċiżjoni biex jabroga deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fuq il-bażi ta' data notifikata. Barra minn hekk, jenħtieġ li deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv tiġi abrogata biss jekk il-previżjoni tal-Kummissjoni tindika li d-defiċit ma jkunx ser jaqbeż il-valur referenzjarju fit-TFUE ta' 3 % tal-PDG tul il-perjodu ta' previżjoni.

(8)

Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifika ta' April 2019 minn Spanja, il-Programm ta' Stabbiltà tal-2019 u l-previżjoni tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni, jistgħu jittieħdu dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

Wara li laħaq it-3,1 % tal-PDG fl-2017, id-defiċit tal-gvern ġenerali tnaqqas għal 2,5 % tal-PDG fl-2018. Meta mqabbel mal-previżjonijiet fl-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2019 li ġie ppreżentat f'Ottubru 2018, id-defiċit tal-2018 kien ta' 0,2 punti perċentwali aktar baxx, minħabba li l-proporzjon ta' dħul għall-PDG ta' 0,3 punti perċentwali ogħla kien biss parzjalment ikkumpensat minn proporzjon ta' nefqa ogħla ta' 0,1 punt perċentwali. Fuq in-naħa tad-dħul, kemm id-dħul mit-taxxa tal-kumpaniji kif ukoll dħul ieħor kien ogħla minn dak imbassar; filwaqt li, fuq in-naħa tal-infiq, il-kumpens tal-impjegati kien kemxejn ogħla.

Il-Programm ta' Stabbiltà għall-perjodu 2019-2022, ippreżentat mill-Gvern Spanjol fit-30 ta' April 2019, jippjana li d-defiċit tal-gvern ġenerali jinżel għal 2 % tal-PDG fl-2019 u jaqa' għal 1,1 % tal-PDG fl-2020. Il-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2019 tipproġetta defiċit ta' 2,3 % tal-PDG fl-2019 u 2 % tal-PDG fl-2020, biex b'hekk tibqa' taħt il-valur referenzjarju fit-Trattat ta' 3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' previżjoni.

Il-bilanċ strutturali, li huwa l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u nett minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra, baqa' l-istess bejn l-2017 u l-2018, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni. It-titjib akkumulat fil-bilanċ strutturali mill-2016 'l hawn kien jammonta għal 0,4 % tal-PDG.

Il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern għall-PDG naqas għal 97,1 % fl-2018, minn 98,1 % fl-2017, l-aktar minħabba l-impatt ta' tnaqqis tad-dejn fuq it-tkabbir reali u l-inflazzjoni li aktar kien ta' tpaċija għall-impatt oppost tan-nefqa fuq l-imgħax, filwaqt li l-bilanċ primarju huwa qrib iż-żero. It-tbassir tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni tipproġetta li l-proporzjon tad-dejn ser jonqos għal 96,3 % fl-2019 u 95,7 % fl-2020, prinċipalment minħabba tkabbir nominali għoli li jegħleb l-impatt tal-aġġustamenti bejn il-fondi u l-flussi u n-nefqa fuq l-imgħax, filwaqt li l-bilanċ primarju qed jitjieb biss bi ftit.

(9)

Skont l-Artikolu 126(12) tat-TFUE, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv trid tiġi abrogata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat.

(10)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fi Spanja ġie kkoreġut u għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/417/KE tiġi abrogata.

(11)

Mill-2019, is-sena ta' wara dik li fiha saret il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, Spanja hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u jenħtieġ li timxi lejn l-objettiv fuq terminu medju tagħha b'pass xieraq, inkluż billi tirrispetta l-parametru referenzjarju tan-nefqa, u li tikkonforma mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fi Spanja ġiet ikkoreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2009/417/KE hija b'dan abrogata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

E.O. TEODOROVICI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/417/KE tas-27 ta' April 2009 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fi Spanja (ĠU L 135, 30.5.2009, p. 25).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/984 tat-8 ta' Awwissu 2016 li tavża lil Spanja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjus bħala neċessarju biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 148, 10.6.2017, p. 38).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).


Top