EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0872

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/872 tas-26 ta' Marzu 2019 dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti fir-Renju Unit li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għas-sena finanzjarja 2018 (notifikata bid-dokument C(2019) 2358)

C/2019/2358

ĠU L 140, 28.5.2019, p. 98–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/872/oj

28.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/98


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/872

tas-26 ta' Marzu 2019

dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti fir-Renju Unit li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għas-sena finanzjarja 2018

(notifikata bid-dokument C(2019) 2358)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 51 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u abbażi tal-kontijiet annwali mressqa mill-Istati Membri, li magħhom intbagħtet l-informazzjoni meħtieġa għall-approvazzjoni tal-kontijiet u opinjoni tal-awditjar dwar il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet u tar-rapporti stabbiliti mill-Korpi ta' Ċertifikazzjoni, il-Kummissjoni trid tapprova l-kontijiet tal-Aġenziji tal-Pagamenti msemmija fl-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament qabel il-31 ta' Mejju tas-sena li tiġi wara s-sena baġitarja kkonċernata.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, is-sena finanzjarja agrikola tibda fis-16 ta' Ottubru tas-sena N-1 u tispiċċa fil-15 ta' Ottubru tas-sena N. Meta jiġu approvati l-kontijiet għas-sena finanzjarja 2018, bl-għan li l-perjodu ta' referenza għan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jiġi allinjat ma' dak tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), jenħtieġ li titqies in-nefqa mġarrba mir-Renju Unit bejn is-16 ta' Ottubru 2017 u l-15 ta' Ottubru 2018, kif previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (2).

(3)

Billi r-Renju Unit diġà kkomunika l-informazzjoni kontabilistika meħtieġa lill-Kummissjoni, huwa xieraq li jipproċedi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-kontijiet rilevanti skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(4)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 jistipula li l-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati mingħand kull Stat Membru jew li jistgħu jitħallsu lilu, skont id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 33(1) ta' dak ir-Regolament, iridu jiġu stabbiliti billi l-ħlasijiet intermedji mħallsa għas-sena finanzjarja kkonċernata jitnaqqsu mill-infiq rikonoxxut għal dik is-sena skont l-Artikolu 33(1).

(5)

Wara t-trażmissjoni tal-informazzjoni mir-Renju Unit, u wara l-kontrolli u l-emendi kollha meħtieġa, il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni dwar il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti li ġejjin: “Department of Agriculture, Environment and Rural Affairs”, “The Scottish Government Rural Payments and Inspections Directorate” u “Rural Payments Agency” fir-rigward tan-nefqa ffinanzjata mill-FAEŻR. Il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni li tressqet mir-Renju Unit u kkomunikat ir-riżultati tal-verifiki tagħha lir-Renju Unit qabel id-data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, flimkien mal-emendi meħtieġa.

(6)

Għal dawn l-aġenziji tal-pagamenti, il-kontijiet annwali u d-dokumenti mehmuża magħhom jippermettu lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet annwali mressqa.

(7)

L-informazzjoni li tressqet mill-aġenzija tal-pagamenti tar-Renju Unit “Welsh Government” teħtieġ stħarriġ addizzjonali u għalhekk il-kontijiet tagħha ma jistgħux jiġu approvati f'din id-Deċiżjoni.

(8)

Skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istat Membru kkonċernat irid iħallas 50 % mill-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta' rkupru tal-irregolaritajiet jekk l-irkupru ma jkunx sar fi żmien erba' snin mid-data tat-talba għall-irkupru jew fi żmien tmien snin f'każ li l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali. L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistipula li flimkien mal-kontijiet annwali li jridu jressqu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, l-Istati Membri jridu jehmżu tabella ċċertifikata li tirrifletti l-ammonti li jridu jitħallsu minnhom skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Ir-regoli dwar l-applikazzjoni tal-obbligu tal-Istati Membri li jirrappurtaw l-ammonti li jridu jiġu rkuprati huma stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014. L-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jistabbilixxi l-mudell tat-tabella li l-Istati Membri jridu jużaw biex jipprovdu l-informazzjoni dwar l-ammonti li jridu jiġu rkuprati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta' rkupru tal-irregolaritajiet li jmorru lura għal iżjed minn erba' snin jew għal iżjed minn tmien snin rispettivament, abbażi tat-tabelli li l-Istati Membri jkunu mlew.

(9)

Skont l-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għal raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jsegwux l-irkupru. Din id-deċiżjoni tista' tittieħed biss jekk l-ispejjeż li jkunu ġġarrbu diġà, u dawk li x'aktarx jiġġarrbu, ikunu jaqbżu l-ammont li jrid jiġi rkuprat jew jekk jirriżulta li l-irkupru ma jkunx jista' jsir minħabba insolvenza, irreġistrata u rrikonoxxuta skont il-liġi nazzjonali, tad-debitur jew tal-persuni legalment responsabbli għall-irregolarità. Jekk id-deċiżjoni tittieħed fi żmien erba' snin mid-data tat-talba għall-irkupru jew fi żmien tmien snin jekk l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali, il-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta' rkupru jenħtieġ li jitħallsu 100 % mill-baġit tal-Unjoni. L-ammonti li għalihom ir-Renju Unit iddeċieda li ma jsegwix l-irkupru u l-bażi li fuqha jkun ħa d-deċiżjoni tiegħu jinsabu fir-rapport ta' sinteżi msemmi fl-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 flimkien mal-punt (c)(iv) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 102(1) ta' dak ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li t-tali ammonti ma jitħallsux mir-Renju Unit iżda jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni minflok.

(10)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tqis ukoll l-ammonti li għad iridu jitħallsu mir-Renju Unit minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 b'rabta mal-perjodu ta' programmazzjoni tal-FAEŻR bejn l-2007 u l-2013.

(11)

L-Artikolu 36(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistipula li l-pagamenti intermedji jridu jsiru mingħajr ma jinqabeż il-kontribut finanzjarju totali pprogrammat tal-FAEŻR. Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, meta t-total ikkombinat tad-dikjarazzjonijiet tan-nefqa jaqbeż il-kontribut totali pprogrammat għal programm tal-iżvilupp rurali, l-ammont li jrid jitħallas għandu jiġi llimitat għall-ammont ipprogrammat, mingħajr ħsara għal-limitu stipulat fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. L-ammont limitat ikun soġġett għal rimborż aktar tard mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tal-pjan finanzjarju emendat, jew mal-għeluq tal-perjodu tal-programmazzjoni.

(12)

F'konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni jaf tieħu sussegwentement biex teskludi xi nefqa mill-finanzjament tal-Unjoni li ma tkunx saret skont ir-regoli tal-Unjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tar-Renju Unit, “Department of Agriculture, Environment and Rural Affairs”, “The Scottish Government Rural Payments and Inspections Directorate” u “Rural Payments Agency” huma b'dan approvati fir-rigward tan-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), fir-rigward tas-sena finanzjarja 2018.

L-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati mingħand ir-Renju Unit jew li jistgħu jitħallsu lilu fi ħdan kull wieħed mill-programmi tal-iżvilupp rurali skont din id-Deċiżjoni huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 2

Għas-sena finanzjarja 2018, il-kontijiet tal-aġenzija tal-pagamenti tar-Renju Unit “Welsh Government”, fir-rigward tan-nefqa għall-programmi tal-Iżvilupp Rurali ffinanzjata mill-FAEŻR għall-perjodu ta' programmazzjoni tal-2014 sal-2020, kif stipulati fl-Anness II, mhumiex koperti b'din id-Deċiżjoni u għandhom ikunu soġġetti għal Deċiżjoni futura dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet.

Artikolu 3

L-ammonti li jridu jitħallsu mir-Renju Unit minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għall-perjodu ta' programmazzjoni tal-2014 sal-2020 u għall-perjodu ta' programmazzjoni tal-2007 sal-2013 għall-FAEŻR, huma stabbiliti fl-Anness III ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-konformità li l-Kummissjoni jaf tieħu fil-futur skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 biex teskludi xi nefqa mill-finanzjament tal-Unjoni li ma tkunx saret skont ir-regoli tal-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).


ANNESS I

NEFQA TAL-FAEŻR APPROVATA MILL-PROGRAMM TAL-IŻVILUPP RURALI GĦAS-SENA FINANZJARJA 2018

AMMONT LI JRID JIĠI RKUPRAT MILL-ISTAT MEMBRU JEW JITĦALLAS LILU GĦAL KULL PROGRAMM

Programmi approvati bin-nefqa ddikjarata għall-FAEŻR 2014-2020

(f'EUR)

SM

CCI

Nefqa fl-2018

Korrezzjonijiet

Total

Ammonti li ma jistgħux jerġgħu jintużaw

Ammont aċċettat bħala approvat għas-sena finanzjarja 2018

Pagamenti interim imħallsa lura lill-Istat Membru għas-sena finanzjarja

Ammont li jrid jiġi rkuprat mingħand l-Istat Membru (-) jew li jrid jitħallas lilu (+)

 

 

i

ii

iii = i + ii

iv

v = iii -–iv

vi

vii = v – vi

UK

2014UK06RDRP001

341 029 324,58

0,00

341 029 324,58

0,00

341 029 324,58

340 987 294,18

42 030,40

UK

2014UK06RDRP002

17 901 684,45

0,00

17 901 684,45

0,00

17 901 684,45

17 901 330,80

353,65

UK

2014UK06RDRP003

127 217 147,23

0,00

127 217 147,23

0,00

127 217 147,23

127 388 490,41

– 171 343,18


ANNESS II

APPROVAZZJONI TAL-KONTIJIET TAL-AĠENZIJI TAL-PAGAMENTI

SENA FINANZJARJA 2018 — FAEŻR

Lista tal-Aġenziji tal-Pagamenti u tal-programmi li l-kontijiet tagħhom huma diżassoċjati u huma soġġetti għal deċiżjoni dwar l-approvazzjoni iktar tard

Stat Membru

Aġenzija tal-Pagamenti

Programm

Ir-Renju Unit

Welsh Government

2014UK06RDRP004


ANNESS III

APPROVAZZJONI TAL-KONTIJIET TAL-AĠENZIJI TAL-PAGAMENTI

SENA FINANZJARJA 2018 — FAEŻR

Korrezzjonijiet skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013

 

 

Korrezzjonijiet marbutin mal-perjodu ta' programmazzjoni tal-2014 sal-2020

Korrezzjonijiet marbutin mal-perjodu ta' programmazzjoni tal-2007 sal-2013

Stat Membru

Munita

Fil-munita nazzjonali

F'EUR

Fil-munita nazzjonali

F'EUR

UK (*1)

GBP

48 141,99


(*1)  Fil-każ tal-aġenziji tal-pagamenti li l-kontijiet tagħhom huma diżassoċjati, it-tnaqqis stabbilit fl-Artikolu 54(2) irid jiġi applikat ladarba l-kontijiet jiġu proposti għall-approvazzjoni.


Top