EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0867

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/867 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR), u li tħassar id-Deċiżjoni tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fis-CCAMLR

ST/8331/2019/INIT

ĠU L 140, 28.5.2019, p. 72–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/12/2023; Imħassar b' 32023D2812

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/867/oj

28.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/72


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/867

tal-14 ta' Mejju 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR), u li tħassar id-Deċiżjoni tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fis-CCAMLR

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/691/KEE (1), l-Unjoni kkonkludiet il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (2) (il-“Konvenzjoni CAMLR”), li daħlet fis-seħħ fl-7 ta' April 1982 u stabbiliet il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR). Il-Belġju, Spanja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, l-Iżveżja u r-Renju Unit huma wkoll Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni CAMLR. Il-Greċja, in-Netherlands u l-Finlandja huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni CAMLR iżda mhumiex Membri tas-CCAMLR.

(2)

Skont l-Artikolu IX.1 tal-Konvenzjoni CAMLR, is-CCAMLR hija responsabbli mill-adozzjoni ta' miżuri ta' konservazzjoni fil-laqgħat annwali tagħha mfassla biex jiżguraw il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar Antartiku, inkluż l-użu razzjonali tagħhom. Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-isfruttar ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jirrestawra l-popolazzjoni ta' speċijiet mistada u jżommhom 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta' għarfien u pariri xjentifiċi, telimina gradwalment l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta' qabdiet mhux mixtieqa, għal sajd b'impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi speċifikament li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.

(4)

Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni konġunta, il-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza tagħhom, hija ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni f'dawn il-fora.

(5)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari”, tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastik u t-tniġġis tal-baħar, kif ukoll it-telf jew l-abbandun ta' rkaptu tas-sajd fil-baħar.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tas-CCAMLR għall-perijodu 2019-2023, peress li l-miżuri ta' konservazzjoni tas-CCAMLR ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw b'mod determinanti l-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1035/2001 (4), (KE) Nru 600/2004 (5), (KE) Nru 601/2004 (6), (KE) Nru 1005/2008 (7) u (KE) Nru 1224/2009 (8), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(7)

Dik il-pożizzjoni jenħtieġ li tkopri biss il-materji li jaqgħu fil-kompetenza kondiviża tal-Unjoni sal-punt li jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni. F'konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet konġunti C-626/15 u C-659/16 (10), jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa biss l-istabbiliment ta' Żoni Marittimi Protetti (MPAs) fiż-żona CCAMLR flimkien mal-Istati Membri tagħha. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li ma taffettwax id-diviżjoni ta' kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

(8)

Attwalment, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tas-CCAMLR hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fis-CCAMLR. Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida li tkun tkopri l-perijodu 2019-2023.

(9)

Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew matul il-laqgħat tas-CCAMLR, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perijodu 2019-2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku Internazzjonali (CCAMLR) hija stabbilita fl-Anness I. Dik il-pożizzjoni tkopri biss materji li jaqgħu fil-kompetenza kondiviża tal-Unjoni sal-punt li jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tas-CCAMLR għandha titwettaq f'konformità mal-Anness II.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tas-CCAMLR fl-2024.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR) hija b'dan imħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 81/691/KEE tal-4 ta' Settembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin tal-Antartika (ĠU L 252, 5.9.1981, p. 26).

(2)  ĠU L 252, 5.9.1981, p. 27.

(3)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/2001 tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi skema ta' dokumentazzjoni ta' qbid ta' Dissostichus spp (ĠU L 145, 31.5.2001 p. 1).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 600/2004 tat-22 ta' Marzu tal-2004 li jelenka ċerti miżuri tekniċi applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fl-inħawi koperti mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar tal-Antartiku (ĠU L 97, 1.4.2004, p. 1).

(6)  Regolament tal-kunsill (KE) Nru 601/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi ċerti miżuri ta' kontroll applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin tal-Antartiku u jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 3943/90, (KE) Nru 66/98 u (KE) Nru 1721/1999 (ĠU L 97, 1.4.2004, p. 16).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(9)  Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

(10)  ECLI:EU:C:2018:925.


ANNESS I

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni, fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR)

1.   PRINĊIPJI

Fil-qafas tas-CCAMLR, l-Unjoni għandha:

a)

taġixxi f'konformità mal-objettivi u l-prinċipji tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), b'mod partikolari permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, biex tkun promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, biex jiġu evitati jew jitnaqqsu kemm jista' jkun qabdiet mhux mixtieqa, u jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat, u biex jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, biex ikun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet relatati mas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

b)

taħdem lejn involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati fil-fażi ta' preparazzjoni għal miżuri tas-CCAMLR u tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan is-CCAMLR huma skont il-Konvenzjoni CAMLR;

c)

tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan is-CCAMLR huma konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982, mal-Ftehim tan-NU relatat mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna tal-1995 u mal-Ftehim li jippromwovi l-konformità mal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ġestjoni mill-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-1993 u l-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat tal-Port tal-2009;

d)

tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti ma' dawk adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) fl-istess żona;

e)

tfittex il-konsistenza u s-sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd tagħha ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha b'mod partikolari fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

f)

tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Unjoni jiġu rispettati;

g)

tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (1);

h)

timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fi ħdan iż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta' dawk il-prinċipji u l-istandards;

i)

tkun konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill (2) dwar il-komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (3) u tippromwovi miżuri biex jappoġġaw u jtejbu l-effettività tas-CCAMLR u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza u l-prestazzjoni tagħha (b'mod partikolari dwar ix-xjenza, il-konformità, it-trasparenza u t-teħid ta' deċiżjonijiet) bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

j)

flimkien mal-Istati Membri, tappoġġa attivament l-istabbiliment ta' netwerk rappreżentattiv ta' żoni tal-baħar protetti fl-Oċean tan-Nofsinhar, fost l-oħrajn permezz tal-preżentazzjoni mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha ta' proposti speċifiċi għal żoni tal-baħar protetti lis-CCAMLR;

k)

tippromwovi, fejn xieraq, il-koordinazzjoni bejn l-RFMOs u l-konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar (RSCs) u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli skont il-mandat tagħhom;

l)

tippromwovi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fost l-RFMOs mhux tat-tonn simili għall-hekk imsejjaħ proċess Kobe għall-RFMOs tat-tonn.

2.   ORJENTAZZJONIJIET

L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mis-CCAMLR tal-azzjonijiet li ġejjin:

a)

miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, inkluż Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) u kwoti jew regolazzjoni tal-isforz għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin li huma rregolati mis-CCAMLR, li jistgħu jwasslu għal, jew iżommu, ir-rata tal-isfruttament għar-rendiment sostenibbli massimu sa mhux iktar tard mill-2020. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li huma soġġetti għal sajd żejjed biex l-isforz tas-sajd jinżamm konformi mal-opportunitajiet ta' sajd disponibbli;

b)

miżuri biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrappurtati u mhux irregolati (IUU) fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR, inkuż l-elenkar tal-bastimenti IUU, aktar skambji ta' informazzjoni mal-RFMOs, elenkar inkroċjat ma' RFMOs oħra u azzjoni mmirata kontra bastimenti mingħajr nazzjonalità;

c)

miżuri biex isaħħu l-ġbir ta' data xjentifika dwar is-sajd u li jippromwovu kooperazzjoni aħjar bejn l-industrija u x-xjentisti;

d)

miżuri ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan is-CCAMLR, inklużi t-tisħiħ tal-kontroll fuq l-attivitajiet tat-trasbord tar-riżorsi ġestiti mis-CCAMLR u r-reviżjoni tal-iskema ta' dokumentazzjoni tal-qbid (CDS) tas-CCAMLR għall-pixxisinna biex jiġu indirizzati l-lakuni possibbli fil-kummerċ ta' dawk l-ispeċijiet u jiġu promossi l-kuntatti ma' RFMOs ġirien għall-kooperazzjoni mas-CDS tas-CCAMLR;

e)

miżuri biex jimminimizzaw l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, inklużi miżuri biex inaqqsu t-tniġġis tal-baħar u jipprevjenu r-rimi ta' plastik fil-baħar u jnaqqsu l-impatt tal-plastik preżenti fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, miżuri protettivi għal ekosistemi tal-baħar vulnerabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR f'konformità mal-Linji Gwida Internazzjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fil-Fond fl-Ibħra Internazzjonali tal-FAO, u miżuri biex jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista' jkun il-qabdiet mhux mixtieqa, inkluż b'mod partikolari speċijiet tal-baħar vulnerabbli, u biex jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat;

f)

miżuri biex inaqqsu l-impatt ta' rkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew inkella skartat (ALDFG) fl-oċean u biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-irkupru ta' tagħmir bħal dan;

g)

miżuri li l-għan tagħhom huwa li jipprojbixxu s-sajd imwettaq biss bl-iskop tal-ġbir ta' xewk tal-klieb il-baħar u, li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art b'kull xewka mwaħħla magħhom b'mod naturali;

h)

rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-limitu permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

i)

approċċi komuni ma' RFMOs oħra, fejn xieraq, b'mod partikolari ma' dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun;

j)

miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-parir mill-korpi sussidjarji u mill-gruppi ta' ħidma tas-CCAMLR;

k)

flimkien mal-Istati Membri, l-istabbiliment ta' żoni tal-baħar protetti abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli bil-ħsieb tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar ħajjin u l-bijodiversità tal-baħar tal-Antartiku kif ukoll il-protezzjoni ta' ekosistemi vulnerabbli u ta' karatteristiċi ambjentali.


(1)  7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.

(2)  7348/1/17 REV 1 tal-24.3.2017.

(3)  JOIN(2016) 49 final tal-10.11.2016.


ANNESS II

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħa annwali tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku

Qabel kull laqgħa annwali tas-CCAMLR, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li għandhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tqis l-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni oħra rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Għal dan il-għan, u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa annwali tas-CCAMLR, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.

Jekk waqt laqgħa tas-CCAMLR, inkluż dik fuq il-post, ma jkunx jista' jintlaħaq qbil, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tkun referuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.


Top