Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R2035

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/2035 tat-18 ta' Ottubru 2018 li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuna għall-perjodu 2019-2021

C/2018/6793

ĠU L 327, 21.12.2018, p. 17–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019; Imħassar b' 32019R2238

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/2035/oj

21.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/17


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2035

tat-18 ta' Ottubru 2018

li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuna għall-perjodu 2019-2021

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għandu l-għan li jelimina b'mod progressiv l-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid.

(2)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprovdi għall-adozzjoni ta' pjanijiet pluriennali li fihom miżuri ta' konservazzjoni għal sajd li jisfrutta ċertu stokkijiet f'żona ġeografika rilevanti.

(3)

Pjanijiet pluriennali bħal dawn jispeċifikaw id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art u jistgħu jagħtu setgħa lill-Kummissjoni biex tkompli tispeċifika dawk id-dettalji fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri.

(4)

Fin-nuqqas ta' pjan pluriennali, l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex timplimenta l-obbligu ta' ħatt l-art permezz ta' pjanijiet għall-iskartar fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri.

(5)

Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit għandhom interess ta' ġestjoni tas-sajd dirett fil-Baħar tat-Tramuntana. Wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana, fil-31 ta' Mejju 2017 dawk l-Istati Membri ressqu rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni dwar pjan għall-iskartar għas-sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana. Ibbażat fuq dik ir-rakkomandazzjoni konġunta, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/45 (3) stabbilixxa pjan għall-iskartar li japplika għal dak is-sajd fis-sena 2018.

(6)

Fl-4 ta' Lulju 2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2018/973 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet. L-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati li jispeċifikaw id-dettalji tal-obbligu ta' ħatt l-art fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri.

(7)

Wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kunsill Konsultattiv tal-Istokkijiet Pelaġiċi, fit-30 ta' Mejju 2018 il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit ressqu rakkomandazzjoni konġunta ġdida lill-Kummissjoni li tikkonċerna d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għas-sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana. Ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet emendata fit-30 ta' Awwissu 2018.

(8)

Kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/973, il-Baħar tat-Tramuntana jinkludi d-Diviżjonijiet 2a, 3a u s-Subżona 4 tal-ICES.

(9)

Inkisbu kontribuzzjonijiet xjentifiċi mingħand il-korpi xjentifiċi rilevanti li ġew evalwati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (4). Fil-11 ta' Settembru 2018 saret laqgħa tal-grupp ta' esperti li għaliha attendew ir-rappreżentanti tat-28 Stat Membru, tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Parlament Ewropew bħala osservatur, u ġew diskussi l-miżuri kkonċernati.

(10)

Għal xi stokkijiet, bħall-barbun tat-tbajja', l-STECF identifika li r-rati ta' sopravivenza tal-ħut individwali jistgħu ma jkunux robusti bħal dawk li nstabu fi speċijiet oħra. Madankollu, il-Kummissjoni qieset l-impatt relattiv ta' din l-eżenzjoni fuq l-istokk globali, mqabbel mal-ħut individwali, u bbilanċjatu kontra l-ħtieġa li titkompla l-attività tas-sajd biex isir ġbir ta' data sabiex tindirizza l-kummenti mill-STECF. Fil-każijiet fejn l-ammont relattiv tal-qbid skartat mejjet huwa relattivament baxx, il-Kummissjoni tqis bħala approċċ pragmatiku u prudenti lejn il-ġestjoni tas-sajd, li jingħataw eżenzjonijiet fuq bażi temporanja, bil-fehma li jekk dan ma jsirx, ma jsirx il-ġbir tad-data meħtieġ li huwa indispensabbli għal ġestjoni tajba u informata tal-qbid skartat fid-dawl tad-dħul fis-seħħ bis-sħiħ tal-obbligu ta' ħatt l-art.

(11)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/45 ipprovda għal eżenzjonijiet ta' sopravivenza għal qabdiet tal-lingwata komuni li huma iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni (MCRS) li jkunu saru bix-xbieki tat-tkarkir fid-Diviżjoni 4c tal-ICES, fuq il-bażi ta' evidenza xjentifika li wriet ir-rati ta' sopravivenza għall-qbid skartat. Dik l-evidenza ġiet evalwata fis-snin ta' qabel u l-STECF ikkonkluda (5) li l-evidenza kienet biżżejjed. Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li dik l-eżenzjoni għandha tibqa' tapplika. L-STECF indika li ma kienet ipprovduta l-ebda informazzjoni ġdida dwar il-lokalizzazzjoni taż-żoni ta' tkabbir (6). Billi fil-preżent ma hemm l-ebda żoni ta' tkabbir identifikati, l-eżenzjoni tista' tiġi inkluża f'dan ir-Regolament, iżda jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti malli jiġu identifikati t-tali żoni.

(12)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/45 introduċa l-eżenzjoni ta' sopravivenza, kif stipulat fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għall-qabdiet tal-iskampu li jkunu saru bin-nases fid-Diviżjonijiet 2a, 3a u s-Subżona 4 tal-ICES, fuq il-bażi tal-evidenza xjentifika li wriet ir-rati ta' sopravivenza. Dik l-evidenza ġiet evalwata fi snin preċedenti u l-STECF ikkonkluda (7) li hija biżżejjed. Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li dik l-eżenzjoni għandha tibqa' tapplika. Billi ċ-ċirkostanzi ma nbiddlux, dik l-eżenzjoni għalhekk jenħtieġ tiġi inkluża f'dan ir-Regolament.

(13)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/45 inkluda eżenzjoni ta' sopravivenza għall-qabdiet tal-iskampu fis-Subżona 4 tal-ICES għal ċertu rkaptu bil-kundizzjoni li jintuża apparat ta' selettività netgrid. Dik l-eżenzjoni kienet limitata għax-xhur tax-xitwa u ċertu unitajiet funzjonali tal-ICES. Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li dik l-eżenzjoni tkompli tapplika u li tiġi estiża għad-Diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika aġġornata fl-2018 sabiex juru r-rati ta' sopravivenza għall-iskampu maqbud bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ iffittjati b'manka li hija ikbar minn 80 mm jew ta' mill-inqas 70 mm u attrezzati b'apparat ta' selettività speċifiku. L-evidenza ġiet ippreżentata lill-STECF, li qajjem tħassib (8) dwar l-istimi tas-sopravivenza li jkopru l-kosta tal-Punent tal-Baħar tat-Tramuntata u dwar jekk dawk l-istimi humiex rappreżentattivi għaż-żona kollha. Madankollu, l-STECF indika li l-informazzjoni xjentifika ta' appoġġ kienet ibbażata fuq approċċ robust u li t-teknika ta' validazzjoni użata fil-kuntest tal-flotot usa' hija raġonevoli. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, l-eżenzjoni tista' tiġi applikata sal-31 ta' Diċembru 2021, iżda l-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett jenħtieġ li jissottomettu data dwar is-sajd tal-kosta tal-Punent tal-Baħar tat-Tramuntana.

(14)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/45 inkluda eżenzjoni ta' sopravivenza għall-qabda aċċidentali ta' speċijiet soġġetti għal limiti ta' qbid fis-sajd li jitwettaq bin-nases u x-xbieki fyke, fuq il-bażi tal-evidenza xjentifika li wriet ir-rati ta' sopravivenza. Dik l-evidenza ġiet evalwata fis-snin ta' qabel u l-STECF ikkonkluda (9) li d-data disponibbli tindika li l-mortalità tal-ħut skartat probabbilment tkun baxxa, madankollu l-qabdiet attwali fis-sajd huma negliġibbli. Billi l-qabdiet mhumiex sinifikanti u ċ-ċirkostanzi ma nbiddlux, l-eżenzjoni tista' tiġi inkluża f'dan ir-Regolament.

(15)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi eżenzjoni ta' sopravivenza għall-barbun tat-tbajja' f'sajd imwettaq bl-għeżula u l-pariti fid-Diviżjoni 3a u s-Subżona 4 tal-ICES. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika biex juru r-rati ta' sopravivenza tal-qbid skartat għall-barbun tat-tbajja' f'dak is-sajd. L-evidenza ġiet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda (10) li kienet ipprovduta informazzjoni raġonevoli li turi s-sopravivenza konsiderevolment għolja. Għalhekk, dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi inkluża f'dan ir-Regolament.

(16)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tinkludi eżenzjoni ta' sopravivenza għall-barbun tat-tbajja' fis-sajd imwettaq bit-tartarun Daniż fid-Diviżjoni 3a u s-Subżona 4 tal-ICES. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika biex juru r-rati ta' sopravivenza tal-qbid skartat għall-barbun tat-tbajja' f'dak is-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda (11) li d-data tal-istudju dwar ir-rati ta' sopravivenza huma affidabbli, għalkemm jistgħu jintużaw fatturi addizzjonali biex tiżdied is-sopravivenza, billi t-tnaqqis tas-sopravivenza huwa sinifikati jekk il-ħin tas-selezzjoni tal-barbun tat-tbajja' idum iktar minn 30 minuta. Għalhekk, dik l-eżenzjoni tista' tiġi inkluża f'dan ir-Regolament.

(17)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi eżenzjoni ta' sopravivenza għall-qabdiet u l-qabdiet inċidentali tal-barbun tat-tbajja' fis-sajd immirat lejn il-pixxiċatt jew il-ħut tond imwettaq bix-xbieki tat-tkarkir fid-Diviżjoni 3 u s-Subżona 4 tal-ICES fix-xhur tax-xitwa. L-Istati Membri pprovdew parir xjentifiku sabiex juru r-rati ta' sopravivenza tal-qabdiet skartati għall-barbun tat-tbajja' f'dak is-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF, li kkonkluda (12) li r-rati ta' sopravivenza fl-istudju ta' appoġġ jonqsu jekk il-ħin tas-selezzjoni jkun itwal minn 60 minuta fix-xhur tas-sajf, għalhekk ir-rata ta' sopravivenza baxxa tal-barbun tat-tbajja' fis-sajf tiġġustifika li l-eżenzjoni tkun ristretta għax-xhur tax-xitwa. Għalhekk, dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi inkluża f'dan ir-Regolament.

(18)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi eżenzjoni ta' sopravivenza għall-qabdiet tal-barbun tat-tbajja' iżgħar mill-MCRS li jsiru bi xbieki tat-tkarkir bi travu fis-Subżona 4 u d-Diviżjoni 2a tal-ICES. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika sabiex juru r-rati ta' sopravivenza tal-qabdiet skartati f'dak is-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda (13) li s-sopravivenza f'dak is-sajd hija affettwata minn diversi fatturi u hija varjabbli ħafna. L-STECF kellu wkoll dubji li minħabba r-rati relattivament għoljin indikattivi ta' qabdiet skartati u r-rati relattivament baxxi ta' sopravivenza, huwa probabbli li kwantitajiet sinifikanti tal-barbun tat-tbajja' skartati ma jgħixux. Sabiex tinġabar din id-data, is-sajd ikun irid jitkompla u b'hekk, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tingħata, iżda li l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-obbligu li jissottomettu d-data rilevanti li tippermetti l-STECF jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi, l-eżenzjoni tista' tiġi applikata proviżorjament sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett għandhom jissottomettu: (a) pjan direzzjonali żviluppat biex iżid is-sopravivenza, sabiex jiġi vvalutat xjentifikament mill-STECF, u (b) rapporti annwali dwar il-progress u l-modifiki/aġġustamenti li jsiru lill-programm ta' sopravivenza.

(19)

Għar-rebekkini u r-raj maqbudin b'kull tip ta' rkaptu tas-sajd fid-Diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES, u s-Subżona 4 tal-ICES, ma hemmx evidenza xjentifika dettaljata dwar ir-rati ta' sopravivenza għas-segmenti u l-kombinazzjonijiet kollha ta' flotot li jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Madankollu, bi ftit eċċezzjonijiet, ir-rati ta' sopravivenza huma meqjusin bħala ġeneralment robusti, iżda huma meħtieġa iktar dettalji. Sabiex tinġabar din id-data, is-sajd ikun irid jitkompla u b'hekk, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tingħata, iżda li l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-obbligu li jissottomettu d-data rilevanti li tippermetti l-STECF jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni. L-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett għandhom jissottomettu sal-31 ta' Mejju ta' kull sena: (a) pjan direzzjonali żviluppat biex iżid is-sopravivenza u biex jimla l-lakuni fid-data identifikati mill-STECF, biex jiġi vvalutat kull sena mill-STECF, (b) rapporti annwali dwar il-progress u kwalunkwe modifiki jew aġġustamenti li jsiru għall-programmi ta' sopravivenza.

(20)

Meta jitqiesu r-rati ta' sopravivenza tar-rebekkini u r-raj, ir-raja kukù (Leucoraja naevus) nstabu li għandhom rata ta' sopravivenza konsiderevolment iktar baxxa minn speċijiet oħrajn, u ma hemmx biżżejjed fehim xjentifiku robust tagħhom. Madankollu jekk din l-ispeċi tiġi eskluża kompletament mill-eżenzjoni dan jipprevjeni s-sajd u l-ġbir kontinwu u preċiż ta' data. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li din l-eżenzjoni għandha tingħata biss għal sena waħda u li għandhom jiġu żviluppati studji ġodda u miżuri mtejba ta' sopravivenza bħala kwistjoni ta' urġenza u li dawn jiġu pprovduti lill-STECF għal valutazzjoni malajr kemm jista' jkun qabel il-31 ta' Mejju 2019.

(21)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/45 inkuda eżenzjonijiet de minimis għal:

il-lingwata komuni li tinqabad bil-pariti u l-għeżula fid-Diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES, u s-Subżona 4 tal-ICES,

il-lingwata komuni li tinqabad b'ċerti xbieki tat-tkarkir bi travu armati b'pannell Fjamming fis-Subżona 4 tal-ICES,

qabdiet ta' lingwata komuni, merluzz tal-linja sewda, merlangu, bakkaljaw, pollakkju iswed, barbun tat-tbajja', aringa, merluzz tan-Norveġja, arġentina silus u stokkafixx flimkien li jitwettqu b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-Diviżjoni 3a tal-ICES,

qabdiet ta' lingwata komuni, merluzz tal-linja sewda, merlangu, bakkaljaw, pollakku iswed u merluzz flimkien li jitwettqu bil-kavetta fid-Diviżjoni 3a tal-ICES,

il-merlangu maqbud b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-Diviżjoni 3a tal-ICES,

il-merlangu u l-bakkaljaw maqbuda bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-Diviżjoni 4c tal-ICES.

(22)

L-Istati Membri pprovdew evidenza li tappoġġja dawk l-eżenzjonijiet de minimis. L-STECF (14) evalwa dik l-evidenza u kkonkluda (15) li d-dokumenti sottomessi mill-Istati Membri fihom argumenti raġonati li juru li huwa diffiċli li jinkiseb iktar titjib fis-selettività jew li dan jimplika spejjeż sproporzjonati fl-immaniġġjar tal-qabdiet mhux intenzjonati. Billi ċ-ċirkostanzi ma nbiddlux, huwa għalhekk xieraq li jitkomplew l-eżenzjonijiet de minimis skont il-livell perċentwali u l-modifiki meħtieġa ssuġġeriti fir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida skont l-Artikolu 15(5)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(23)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi eżenzjoni de minimis għal:

il-barbun tat-tbajja' maqbud b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fis-Subżona 4 tal-ICES,

l-ispeċijiet kollha soġġetti għal-limiti ta' qbid maqbuda bi xbieki tat-tkarkir bi travu fid-Diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES,

il-merlangu u l-bakkaljaw mabquda bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-Diviżjonijiet 4a u 4b tal-ICES,

il-lipp maqbud b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ta' 120 mm jew iktar u l-lipp maqbud b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja bejn 100 u 119-il mm fis-Subżona 4 tal-ICES,

il-merlangu maqbud b'ċerti xbieki tat-tkarkir bi travu fis-Subżona 4 tal-ICES,

is-sawrell maqbud bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBB) fis-Subżona 4 tal-ICES,

il-kavall maqbud bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBB) fis-Subżona 4 tal-ICES.

(24)

L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika li tappoġġja l-eżenzjonijiet de minimis il-ġodda fuq il-bażi tad-diffikultajiet biex titjieb is-selettività u l-ispejjeż sproporzjonati tal-immaniġġjar tal-qabdiet. Dik l-evidenza ġiet reviżjonata mill-STECF matul is-sessjoni plenarja tiegħu mit-2 sas-6 ta' Lulju 2018.

(25)

Fir-rigward tal-eżenzjoni għall-merlangu u l-bakkaljaw maqbuda bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-Diviżjonijiet 4a u 4b tal-ICES, l-STECF ikkonkluda li d-data rilevanti minn ċerti Stati Membri kienet nieqsa. Sabiex tinġabar din id-data, is-sajd ikollu jitkompla u b'hekk, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tingħata proviżorjament sal-31 ta' Diċembru 2019, iżda l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-obbligu li jissottomettu d-data rilevanti li tippermetti l-STECF jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni. L-Istati Membri konċernati jenħtieġ li jwettqu provi addizzjonali u jipprovdu informazzjoni malajr kemm jista' jkun qabel il-31 ta' Mejju 2019 għal valutazzjoni mill-STECF.

(26)

Fuq il-bażi tal-evidenza pprovduta mill-Istati Membri, l-STECF qies li huwa xieraq li jiġu stabbiliti eżenzjonijiet de minimis għall-barbun tat-tbajja' maqbud b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fis-Subżona 4 tal-ICES.

(27)

L-STECF ikkonkluda li ġiet ipprovduta data raġonevoli sabiex tingħata eżenzjoni de minimis fis-sajd għall-gamblu kannella bi xbieki tat-tkarkir bi travu fid-Diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES.

(28)

Fir-rigward tal-eżenzjonijiet de minimis għal-lipp maqbud b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja bejn 100 u 119-il mm fis-Subżona 4 tal-ICES, l-STECF qies li huwa diffiċli li jiġi vvalutat b'mod definittiv l-impatt tat-titjib tas-selettività fis-sajd ikkonċernat. L-STECF innota li d-data rilevanti minn ċerti Stati Membri kienet nieqsa. Madankollu, l-STECF irrikonoxxa li l-irkaptu użat fis-sajd rilevanti diġà huwa selettiv u li t-titjib ulterjuri tas-selettività se jwassal biex is-sajd ma jkunx ekonomikament vijabbli. Sabiex tinġabar din id-data, is-sajd ikollu jitkompla u b'hekk, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tingħata proviżorjament sal-31 ta' Diċembru 2019, iżda l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-obbligu li jissottomettu d-data rilevanti li tippermetti l-STECF jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni. L-Istati Membri għandhom jissottomettu (a) data li turi li t-titjib fis-selettività huwa diffiċli ħafna li jinkiseb fis-sajd rilevanti u (b) informazzjoni addizzjonali dwar il-qabdiet jew il-flotta fuq il-flotot ta' Stati Membri oħrajn li wkoll jistgħu jkunu attivi fis-sajd. L-Istati Membri konċernati jenħtieġ li jwettqu provi addizzjonali u jipprovdu informazzjoni malajr kemm jista' jkun qabel il-31 ta' Mejju 2019 għal valutazzjoni mill-STECF.

(29)

Fuq il-bażi tal-evidenza pprovduta mill-Istati Membri u kif konkluż mill-STECF, jenħtieġ li tingħata eżenzjoni de minimis għal-lipp maqbud b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ta' 120 mm jew iktar fis-Subżona 4 tal-ICES.

(30)

Fil-konklużjonijiet tiegħu l-STECF innota li kienet ipprovduta informazzjoni dettaljata għall-eżenzjoni de minimis għall-merlangu maqbud b'ċerti xbieki tat-tkarkir bi travu fis-Subżona 4 tal-ICES. Madankollu l-STECF indika limiti fit-titjib tas-selettività għall-merlangu u nnota li l-approċċ użat għall-kalkolu tad-de minimis jista' jirrestrinġi s-selettività tal-merlangu, billi l-qabdied kollha mhux intenzjonati tal-merlangu jistgħu potenzjalment jiġu skartati. Taħt dawk iċ-ċirkostanti l-eżenzjoni għandha tiġi applikata fil-livell tal-qabdiet skartati osservati (2 %) u jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-obbligu li jissottomettu d-data rilevanti li tippermetti l-STECF jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni kul sena. L-Istati Membri konċernati jenħtieġ li jwettqu provi addizzjonali u jipprovdu informazzjoni għal valutazzjoni mill-STECF malajr kemm jista' jkun qabel il-31 ta' Mejju ta' kull sena.

(31)

L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri dwar l-eżenzjonijiet de minimis li jirrigwardaw is-sawrell u l-kavall maqbuda minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bi travu kienet evalwata mill-STECF, li kkonkluda li hija meħtieġa iktar informazzjoni. Minħabba l-ħtieġa li titkompla l-attività tas-sajd u l-ġbir tad-data biex tiġi pprovduta din l-informazzjoni, l-eżenzjonijiet individwali għal kull speċi jenħtieġ li jkunu limitati għal sena waħda u l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-obbligu li jissottomettu d-data rilevanti li tippermetti l-STECF jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni. L-Istati Membri konċernati jenħtieġ li jwettqu l-provi addizzjonali u jipprovdu informazzjoni malajr kemm jista' jkun qabel il-31 ta' Mejju 2019 għal valutazzjoni mill-STECF. Dawn l-eżenzjonijiet għalhekk jenħtieġ li jiġu applikati proviżorjament sal-31 ta' Diċembru 2019.

(32)

Sabiex jiġu żgurati stimi affidabbli tal-livelli ta' skartar biex jiġu stabbiliti l-qabdiet permissibbli totali, jenħtieġ li l-Istati Membri, fil-każijiet fejn l-eżenzjoni de minimis hija bbażata fuq l-estrapolazzjoni ta' sitwazzjonijiet b'data limitata u informazzjoni dwar il-flotot parzjali, jiżguraw provvista ta' data preċiża u verifikabbli għall-flotta sħiħa koperta minn din id-dispożizzjoni de minimis.

(33)

Skont l-Artikolu 15(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art jistgħu jinkludu miżuri tekniċi imsemmija fl-Artikolu 7(2) ta' dak ir-Regolament. Biex tiżdied is-selettività tal-irkapti u jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali fi Skagerrak, jixraq li jinżammu għadd ta' miżuri tekniċi li kienu ġew miftehma bejn l-Unjoni u n-Norveġja fl-2011 (16), u fl-2012 (17) u li l-użu tal-apparat ta' selettività SepNep jiġi awtorizzat.

(34)

Il-miżuri suġġeriti mir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida huma f'konformità mal-Artikolu 15(4), l-Artikolu 15(5)(c) u l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u r-Regolament (UE) 2018/973, b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu u għalhekk jistgħu jiġu inklużi f'dan ir-Regolament.

(35)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni qieset kemm il-valutazzjoni tal-STECF kif ukoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu ta' ħatt l-art fl-1 ta' Jannar 2019. F'diversi każijiet, l-eżenzjonijiet jeħtieġu li jitkomplew l-attività tas-sajd u l-ġbir ta' data sabiex jiġu indirizzati l-kummenti tal-STECF. F'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tqis bħala approċċ pragmatiku u prudenti lejn il-ġestjoni tas-sajd, li tippermetti eżenzjonijiet fuq bażi temporanja, bil-fehim li jekk ma tagħmilx hekk dan jipprevjeni l-ġbir ta' data meħtieġ li huwa indispensabbli għal ġestjoni xierqa u informata tal-qabdiet skartati fid-dawl tad-dħul fis-seħħ bis-sħiħ tal-obbligu ta' ħatt l-art.

(36)

Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2018/973, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati dwar l-obbligu ta' ħatt l-art għal perjodu ta' ħames snin mill-5 ta' Awwissu 2018. Għaldaqstant jixraq li l-impatt tal-eżenzjonijiet ta' sopravivenza u de minimis mill-obbligu ta' ħatt l-art jiġi evalwat fit-tielet sena tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(37)

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Dan jenħtieġ li japplika mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2021,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art

Fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana (id-Diviżjonijiet 2a, 3a u s-Subżona 4 tal-ICES), l-obbligu ta' ħatt l-art stipulat fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għas-sajd demersali li huwa soġġett għal limiti ta' qbid skont dan ir-Regolament għall-perjodu 2019-2021.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Pannell Seltra” huwa apparat ta' selettività li:

huwa magħmul minn pannell ta' fuq b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 270 mm (malja maqrut) imqiegħed f'sezzjoni ta' erba' pannelli u magħqud f'daqqa bil-proporzjon ta' tliet malji ta' daqs 90 mm għal kull malja waħda ta' 270 mm, jew b'pannell ta' fuq li jkollu daqs tal-malja ta' mill-inqas 140 mm (malja kwadra);

ikun mill-inqas twil tliet metri;

jitqiegħed mhux aktar minn erba' metri 'l bogħod mis-siegla tal-għeluq; kif ukoll

jkun daqs il-wisgħa kollha tas-saff ta' fuq tax-xibka tat-tkarkir (jiġifieri minn ċmusa sa ċmusa).

(2)

“Apparat ta' selettività Netgrid” huwa apparat ta' selettività magħmul minn sezzjoni b'erba' pannelli imdaħħla f'xibka tat-tkarkir b'żewġ pannelli b'xibka inklinata ta' malja maqrut b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 200 mm, li twassal għal toqba minn fejn jaħarbu l-ħut fil-parti ta' fuq tax-xibka.

(3)

“Pannell Fjamming” hija l-aħħar sezzjoni tal-malja tax-xibka tat-tkarkir bi travu, li tidjieq għal xejn u li:

il-parti ta' wara tagħha tkun imqabbda direttament mal-manka;

is-sezzjonijiet ta' fuq u ta' taħt tal-malja jkunu magħmulin b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 120 mm bejn għoqda u oħra;

meta tkun minxura t-tul tagħha jkun ta' mill-inqas 3 m.

(4)

“SepNep” hija xibka tat-tkarkir bid-diriġenti li:

tkun mibnija b'firxa tad-daqs tal-malja ta' minn 80 sa 99 +≥ 100 mm;

tkun armata b'ħafna mankijiet bid-daqs tal-malji li jkunu ta' mill-inqas 80 mm sa 120 mm, maqbudin ma' biċċa ta' estensjoni waħda, il-manka ta' fuq nett tkun magħmula b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 120 mm u tkun armata b'pannell li jissepara li jkollu daqs tal-malja massimu ta' 105 mm; kif ukoll

tista' tkun armata bi gradilja selettiva fakultattiva bi spazju tal-vireg ta' mill-inqas 17-il mm dejjem jekk tkun mibnija b'mod li tippermetti li jaħarbu l-iskampi ż-żgħar.

Artikolu 3

Eżenzjonijiet ta' sopravivenza għall-iskampu

1.   L-eżenzjoni ta' sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana (id-Diviżjonijiet 2a, 3a u s-Subżona 4 tal-ICES) għall-qabdiet tal-iskampu li jidhru hawn taħt:

(a)

qabdiet bin-nases (FPO (18));

(b)

qabdiet bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) attrezzati bi:

(1)

manka ikbar minn 80 mm; jew

(2)

manka b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 70 mm attrezzata b'gradilja selettiva tal-ispeċijiet bi spazju tal-vireg ta' mhux aktar minn 35 mm; jew

(3)

manka ta' mill-inqas 35 mm attrezzata b'gradilja selettiva tal-ispeċijiet bi spazju tal-vireg ta' mhux aktar minn 19 mm.

2.   Meta jiġi skartat l-iskampu li jinqabad fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, dan għandu jinħeles sħiħ, minnufih, u fiż-żona fejn ikun inqabad.

3.   L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw, kull sena u malajr kemm jista' jkun qabel il-31 ta' Mejju, l-informazzjoni xjentifika addizzjonali li tiġġustifika l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1(b). Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija qabel l-1 ta' Awwissu ta' kull sena.

Artikolu 4

Eżenzjoni ta' sopravivenza għal-lingwata komuni

1.   L-eżenzjoni ta' sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni 4c tal-ICES, f'distanza ta' sitt mili nawtiċi mill-kosta iżda barra miż-żoni ta' tkabbir identifikata, għall-qabdiet tal-lingwata komuni li huma iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni li jsiru bi xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (OTB) b'daqs tal-malja tal-manka ta' 80-99 mm.

2.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss għall-bastimenti li għandhom tul massimu ta' 10 metri u qawwa massima tal-magna ta' 221 kW, meta jistadu f'ilmijiet b'fond ta' 30 metru jew inqas u b'tul ta' ħin tal-irmunkar li ma jkunx iżjed minn siegħa u nofs.

3.   Meta tiġi skartata l-lingwata komuni li tinqabad fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, din għandha tinħeles minnufih.

Artikolu 5

Eżenzjoni ta' sopravivenza għall-qabdiet inċidentali tal-ispeċijiet kollha soġġetti għal limiti ta' qbid maqbuda fin-nases u xbieki fyke

1.   L-eżenzjoni ta' sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni 3a tal-ICES u s-Subżona 4 tal-ICES għall-qabdiet tal-ispeċijiet kollha soġġetti għal limiti ta' qbid maqbuda fin-nases u xbieki fyke (FPO, FYK).

2.   Meta jiġi skartat il-ħut fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, dan għandu jinħeles minnufih u taħt wiċċ il-baħar.

Artikolu 6

Eżenzjoni ta' sopravivenza għall-qabdiet u l-qabdiet inċidentali tal-barbun bit-tbajja'

1.   L-eżenzjoni ta' sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni 3a u s-Subżona 4 tal-ICES għal:

(a)

il-barbun tat-tbajja' maqbud bi xbieki (GNS, GTR, GTN, GEN);

(b)

il-barbun tat-tbajja' maqbud bit-tartarun Daniż;

(c)

il-barbun tat-tbajja' maqbud bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, PTB) b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 120 mm meta jkunu qed jistadu għall-pixxiċatt jew il-ħut tond fix-xhur tax-xitwa (mill-1 ta' Novembru sat-30 ta' April).

2.   Meta jiġi skartat il-barbun tat-tbajja' fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, dan għandu jinħeles minnufih.

Artikolu 7

Eżenzjoni ta' sopravivenza għall-barbun tat-tbajja' iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni

1.   L-eżenzjoni ta' sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni 2a tal-ICES u s-Subżona 4 tal-ICES u għal qabdiet tal-barbun tat-tbajja' iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni li jsiru bi xbieki tat-tkarkir bi travu ta' 80-119 mm (BT2).

2.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika proviżorjament sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett għandhom jissottomettu malajr kemm jista' jkun qabel il-31 ta' Mejju 2019 informazzjoni xjentifika addizzjonali li tiġġustifika din l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija sal-1 ta' Awwissu 2019.

3.   Meta jiġi skartat il-barbun bit-tbajja' fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dan għandu jinħeles minnufih u taħt wiċċ il-baħar.

Artikolu 8

Eżenzjoni ta' sopravivenza għar-rebekkini u r-raj

1.   L-eżenzjoni ta' sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana (id-Diviżjonijiet 2a, 3a u s-Subżona 4 tal-ICES) għal qabdiet tar-rebekkini u r-raj b'kull tip ta' rkaptu tas-sajd.

2.   L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw kull sena u malajr kemm jista' jkun sal-31 ta' Mejju l-informazzjoni xjentifika addizzjonali li tiġġustifika l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija qabel l-1 ta' Awwissu ta' kull sena.

3.   L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika għar-raja kukù sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw, malajr kemm jista' jkun sal-31 ta' Mejju 2019, informazzjoni xjentifika addizzjonali li tiġġustifika dik l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija sal-1 ta' Awwissu 2019.

4.   Meta jiġu skartati r-rebekkini u r-raj maqbuda fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinħelsu minnufih u taħt wiċċ il-baħar.

Artikolu 9

Eżenzjonijiet de minimis

B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin skont l-Artikolu 15(4)(c) ta' dak ir-Regolament:

(a)

fis-sajd għal-lingwata komuni minn bastimenti li jużaw il-pariti u l-għeżula (GN, GNS, GND, GNC, GTN, GTR, GEN, GNF) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES, u fis-Subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta' lingwata komuni li tkun iżgħar mid-daqs ta' referenza minimu għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' dik l-ispeċi;

(b)

fis-sajd għal-lingwata komuni minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) li għandhom daqs tal-malja ta' 80-119 mm u huma mgħammra b'pannell Fjamming, fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta' lingwata komuni li tkun iżgħar mid-daqsijiet ta' referenza minimi għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 6 % tal-qabdiet annwali totali ta' dik l-ispeċi fl-2019 u 5 % fil-bqija tal-perjodu;

(c)

fis-sajd tal-iskampu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) b'daqs tal-malja ta' 70 mm jew ikbar, armati b'gradilja selettiva tal-ispeċijiet bi spazju tal-vireg ta' mill-inqas 35 mm fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni 3a tal-ICES:

kwantità ta' lingwata komuni, merluzz tal-linja sewda, merlangu, bakkaljaw, pollakkju iswed u merluzz flimkien, li jkunu iżgħar mid-daqs ta' referenza minimi għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 4 % tal-qabdiet annwali totali tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu, tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-bakkaljaw, tal-pollakkju iswed u tal-merluzz;

(d)

fis-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB) b'daqs tal-malja ta' 35 mm jew ikbar, armati b'gradilja selettiva tal-ispeċijiet, bi spazju tal-vireg ta' mill-inqas 19 mm, bil-ħruġ mhux ibblukkat għall-ħut, fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni 3a tal-ICES:

kwantità ta' lingwata komuni, merluzz tal-linja sewda, merlangu, bakkaljaw, barbun tat-tbajja', pollakkju iswed, aringa, merluzz tan-Norveġja, arġentina silus u stokkafixx flimkien, li jkunu iżgħar mid-daqs ta' referenza minimi għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 5 % tal-qabdiet annwali totali tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu, tal-bakkaljaw, tal-pollakkju iswed, tal-barbun tat-tbajja', tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-merluzz, tal-merluzz tan-Norveġja, tal-arġentina silus, tal-aringa u tal-istokkafixx;

(e)

fis-sajd demersali mħallat minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, SDN, SSC) b'daqs tal-malja ta' bejn 70 u 99 mm (TR2) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni 4c tal-ICES:

kwantità ta' merlangu u bakkaljaw flimkien li jkunu iżgħar mid-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 6 % tal-qabdiet annwali totali fl-2019 u 5 % fl-2020 u l-2021 tal-ispeċijiet li huma iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni li jaqgħu taħt l-obbligu ta' ħatt l-art; l-ammont massimu ta' bakkaljaw li jista' jiġi skartat għandu jkun limitat għal 2 % ta' dawk il-qabdiet annwali totali;

(f)

fis-sajd demersal mħallat minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni (OTB, OTT, SDN, SSC) b'daqs tal-malja ta' 70-99 mm fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjonijiet 4a u 4b tal-ICES:

 

kwantità ta' merlangu u bakkaljaw flimkien li huma iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 6 % tal-qabdiet annwali totali fl-2019 tal-ispeċijiet li huma iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni li jaqgħu taħt l-obbligu ta' ħatt l-art; l-ammont massimu ta' bakkaljaw li jista' jiġi skartat għandu jkun limitat għal 2 % ta' dawk il-qabdiet annwali totali;

 

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f'dan il-punt (f) għandha tapplika proviżorjament sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw, malajr kemm jista' jkun sal-31 ta' Mejju 2019, informazzjoni xjentifika addizzjonali li tiġġustifika l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija sal-1 ta' Awwissu 2019;

(g)

fis-sajd minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, TBN) b'daqs tal-malja ta' bejn 90 u 119 mm, armati b'pannell Seltra, jew xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, TBN) b'daqs tal-malja ta' 120 mm jew iżjed, fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni 3a tal-ICES:

kwantità ta' merlangu li jkun iżgħar mid-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, sa massimu ta' 2 % tal-qabdiet annwali totali tal-awwista, tal-bakkaljaw, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu, tal-pollakkju iswed, tal-lingwata komuni, tal-barbun tat-tbajja' u tal-merluzz;

(h)

fis-sajd għall-awwista minn bastimenti li jużaw xkieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ta' bejn 80 u 99 mm, armati b'SepNep, fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta' barbun tat-tbajja' li jkun iżgħar mid-daqs ta' referenza minimu għall-konservazzjoni, li ma għandux jaqbeż 3 % tal-qabdiet annwali totali tal-pollakkju iswed, tal-barbun tat-tbajja', tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu, tal-bakkaljaw, tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-lingwata komuni u tal-iskampu;

(i)

fis-sajd għall-gamblu kannella minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES:

kwantità tal-ispeċijiet kollha soġġetti għal limiti ta' qbid, li ma għandhiex taqbeż 7 % fl-2019 u l-2020, 6 % fl-2021 tal-qabdiet annwali totali tal-ispeċijiet kollha soġġetti għal limiti ta' qbid;

(j)

fis-sajd demersali minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, TB) b'daqs tal-malja ta' bejn 100 u 119 mm li jaqbdu l-lipp fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subżona 4 tal-ICES:

 

kwantità ta' lipp li jkun iżgħar mid-daqs ta' referenza minimu għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' lipp f'dak is-sajd;

 

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f'dan il-punt (j) għandha tapplika proviżorjament sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni dirett għandhom sal-31 ta' Mejju 2019 biex jippreżentaw l-informazzjoni xjentifika addizzjonali li tiġġustifika l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija sal-1 ta' Awwissu 2019;

(k)

fiż-żoni tas-sajd demersali minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB) b'daqs tal-malja ta' 120 mm jew iżjed li jaqbdu l-lipp fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta' lipp li jkun iżgħar mid-daqs ta' referenza minimu għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' lipp f'dak is-sajd;

(l)

fis-sajd demersali mħallat minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu b'daqs tal-malja ta' bejn 80 u 119 mm fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subżona 4 tal-ICES:

 

kwantità ta' merlangu li jkun iżgħar mid-daqs ta' referenza minimu għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 2 % tal-qabdiet annwali totali tal-barbun tat-tbajja u l-lingwata;

 

L-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw kull sena, u malajr kemm jista' jkun qabel il-31 ta' Mejju, l-informazzjoni xjentifika addizzjonali li tiġġustifika l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa sal-1 ta' Awwissu ta' kull sena l-informazzjoni xjentifika mogħtija;

(m)

fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBB) b'daqs tal-malja ta' bejn 80 u 99 mm fis-Subżona 4 tal-ICES:

 

kwantità ta' sawrell, li ma għandhiex taqbeż 7 % fl-2019 tal-qabdiet annwali totali f'dak is-sajd tas-sawrell;

 

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f'dan il-punt (m) għandha tapplika proviżorjament sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw, malajr kemm jista' jkun sal-31 ta' Mejju 2019, informazzjoni xjentifika addizzjonali li tiġġustifika l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija sal-1 ta' Awwissu 2019;

(n)

fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBB) b'daqs tal-malja ta' bejn 80 u 99 mm fis-Subżona 4 tal-ICES:

 

kwantità ta' kavall li ma għandhiex taqbeż 7 % fl-2019 tal-qabdiet annwali totali f'dak is-sajd tal-kavall;

 

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f'dan il-punt (n) għandha tapplika proviżorjament sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw, malajr kemm jista' jkun sal-31 ta' Mejju 2019, informazzjoni xjentifika addizzjonali li tiġġustifika l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija sal-1 ta' Awwissu 2019.

Artikolu 10

Miżuri tekniċi speċifiċi fi Skagerrak

1.   Il-ġarr abbord jew l-użu ta' kull xibka tat-tkarkir, tartarun Daniż, xibka tat-tkarkir bi travu jew xibka simili rmunkata li jkollha daqs tal-malja inqas minn 120 mm għandu jkun ipprojbit fi Skagerrak.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, jistgħu jintużaw ix-xbieki tat-tkarkir li ġejjin:

(a)

xbieki tat-tkarkir b'manka li jkollhom daqs tal-malja ta' mill-inqas 90 mm, dejjem jekk ikunu armati b'pannell seltra jew b'gradilja selettiva, bi spazju tal-vireg ta' mhux iktar minn 35 mm.

(b)

xbieki tat-tkarkir b'manka li jkollhom daqs tal-malja ta' mill-inqas 70 mm (malja kwadra), li jkunu armati b'gradilja selettiva, bi spazju tal-vireg ta' mhux iktar minn 35 mm;

(c)

xbieki tat-tkarkir b'daqsijiet minimi tal-malji ta' mhux aktar minn 70 mm għas-sajd tal-ispeċijiet pelaġiċi jew industrijali, sakemm il-qabda tkun tinkludi aktar minn 80 % ta' waħda jew aktar mill-ispeċijiet pelaġiċi jew industrijali;

(d)

xbieki tat-tkarkir b'manka b'daqs tal-malja ta' mhux inqas minn 35 mm meta s-sajd ikun tal-gamblu tat-Tramuntana, dejjem jekk ix-xibka tkun armata b'gradilja selettiva bi spazju tal-vireg ta' mhux iktar minn 19 mm.

3.   Jista' jintuża apparat għall-konservazzjoni tal-ħut meta s-sajd ikun tal-gamblu tat-Tramuntana, skont il-paragrafu 2(d), dejjem jekk ikun hemm biżżejjed opportunitajiet ta' sajd biex ikopru l-qabdiet inċidentali u jekk l-apparat għall-konservazzjoni tal-ħut ikun:

(a)

mibni b'pannell ta' fuq b'malja kwadra ta' daqs minimu ta' 120 mm;

(b)

mill-inqas twil 3 metri; kif ukoll

(c)

wiesgħa mill-inqas daqs il-gradilja selettiva.

Artikolu 11

SepNep

Skont l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/973, għandu jkun permess l-użu tax-xbieki SepNep.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 179, 16.7.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/45 tal-20 ta' Ottubru 2017 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES għas-sena 2018 (ĠU L 7, 12.1.2018, p. 6).

(4)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(5)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/1099561/STECF+PLEN+15-02.pdf

(6)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(7)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/1099561/STECF+PLEN+15-02.pdf

(8)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(9)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/1780485/STECF+PLEN+17-02.pdf

(10)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(11)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(12)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(13)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(14)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/1099561/STECF+PLEN+15-02.pdf

(15)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(16)  Reġistrazzjoni aċċettata bil-miktub tal-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar ir-regolazzjoni tas-sajd fi Skagerrak u f'Kattegat għall-2012.

(17)  Reġistrazzjoni aċċettata bil-miktub tal-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja dwar miżuri għall-implimentazzjoni ta' projbizzjoni tal-iskartar u miżuri ta' kontroll fiż-żona ta' Skagerrak, fl-4 ta' Lulju 2012.

(18)  Il-kodiċijiet tal-irkapti li ntużaw f'dan ir-Regolament jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1). Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.


Top