Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0103

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/103 tal-20 ta' Diċembru 2017 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja kumplimentari għar-Rakkomandazzjonijiet (UE) 2016/1374, (UE) 2017/146 u (UE) 2017/1520

    C/2017/9050

    ĠU L 17, 23.1.2018, p. 50–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2018/103/oj

    23.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 17/50


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/103

    tal-20 ta' Diċembru 2017

    dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja kumplimentari għar-Rakkomandazzjonijiet (UE) 2016/1374, (UE) 2017/146 u (UE) 2017/1520

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fis-27 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja (1), fejn esprimiet it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali u fejn irrakkomandat kif jeħtieġ li dan jiġi indirizzat. Fil-21 ta' Diċembru 2016 u fis-26 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjonijiet kumplimentari dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja (2).

    (2)

    Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ġew adottati taħt il-Qafas tal-Istat tad-Dritt (3). Il-Qafas tal-Istat tad-Dritt juri kif il-Kummissjoni se tirreaġixxi jekk jitfaċċaw indikazzjonijiet ċari ta' theddid għall-istat tad-dritt fi Stat Membru tal-Unjoni u jispjega l-prinċipji involuti fl-istat tad-dritt. Il-Qafas tal-Istat tad-Dritt jipprovdi gwida għal djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru sabiex jipprevjenu li jseħħ theddid sistemiku għall-istat tad-dritt li jista' jiżviluppa f'“riskju ċar ta' ksur serju” li potenzjalment jiskatta l-użu tal-“Proċedura tal-Artikolu 7 TUE”. Fejn hemm indikazzjonijiet ċari ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt fi Stat Membru, il-Kummissjoni tista' tagħti bidu għal djalogu ma' dak l-Istat Membru taħt il-Qafas tal-Istat tad-Dritt.

    (3)

    L-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa fuq sett ta' valuri komuni mnaqqxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”), li jinkludu r-rispett għall-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni, lil hinn mill-kompitu tagħha li tiżgura r-rispett tal-liġi tal-UE, hija responsabbli wkoll, flimkien mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri u mal-Kunsill, sabiex tiggarantixxi l-valuri komuni tal-Unjoni.

    (4)

    Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll dokumenti mħejjija mill-Kunsill tal-Ewropa, li jibnu b'mod partikolari fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (“Il-Kummissjoni ta' Venezja”), jipprovdu lista mhux eżawrjenti ta' dawn il-prinċipji u għalhekk jiddefinixxu t-tifsira ewlenija tal-istat tad-dritt bħala valur komuni tal-Unjoni skont l-Artikolu 2 TUE. Dawn il-prinċipji jinkludu l-legalità, li timplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralista għall-promulgazzjoni tal-liġijiet; iċ-ċertezza tad-dritt; il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; il-qrati indipendenti u imparzjali; stħarriġ ġudizzjarju effettiv, li jinkludi r-rispett għad-drittijiet fundamentali; u ugwaljanza f'għajnejn il-liġi (4). Minbarra li jsostnu dawk il-prinċipji u l-valuri, l-istituzzjonijiet tal-Istat għandhom ukoll id-dmir ta' kooperazzjoni leali.

    (5)

    Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni spjegat iċ-ċirkostanzi li fihom iddeċidiet, fit-13 ta' Jannar 2016, li teżamina s-sitwazzjoni taħt il-Qafas tal-Istat tad-Dritt u li fihom adottat, fl-1 ta' Ġunju 2016, Opinjoni dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja. Ir-Rakkomandazzjoni spjegat ukoll li l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk ma rnexxielhomx isolvu t-tħassib tal-Kummissjoni.

    (6)

    Fir-Rakkomandazzjoni tagħha, il-Kummissjoni sabet li kien hemm theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja u rrakkomandat li l-awtoritajiet Pollakki jieħdu azzjoni xierqa sabiex jindirizzaw din it-theddida b'urġenza.

    (7)

    Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tal-21 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni qieset l-aħħar żviluppi fil-Polonja li kienu ġraw sa mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Lulju 2016. Il-Kummissjoni sabet li filwaqt li xi wħud mill-kwistjonijiet li tqajmu fl-aħħar Rakkomandazzjoni tagħha kienu ġew indirizzati, kwistjonijiet importanti baqgħu ma ssolvewx, u sadanittant kien tqajjem tħassib ġdid. Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-proċedura li kienet wasslet għall-ħatra ta' President ġdid tat-Tribunal qajmet tħassib serju fir-rigward tal-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni kkonkludiet li kien għad baqa' theddid sistemiku għall-istat tad-dritt fil-Polonja. Il-Kummissjoni stiednet lill-Gvern Pollakk biex isolvi l-problemi identifikati b'urġenza, fi żmien xahrejn, u biex jinforma lill-Kummissjoni bil-passi li jittieħdu f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni nnotat li hi baqgħet lesta li ssegwi djalogu kostruttiv mal-Gvern Pollakk abbażi tar-Rakkomandazzjoni.

    (8)

    Fis-26 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni adottat it-tielet Rakkomandazzjoni dwar l-Istat tad-Dritt fil-Polonja, li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet tagħha tas-27 ta' Lulju u tal-21 ta' Diċembru 2016. Fir-Rakkomandazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qieset l-iżviluppi li kienu ġraw fil-Polonja sa mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016. It-tħassib tal-Kummissjoni huwa marbut man-nuqqas ta' eżami indipendenti u leġittimu u mal-adozzjoni mill-Parlament Pollakk ta' leġiżlazzjoni ġdida relatata mal-ġudikatura Pollakka li tqajjem tħassib gravi fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja u żżid b'mod sinifikanti t-theddid sistemiku għall-istat tad-dritt fil-Polonja. Fir-Rakkomandazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja kif ippreżentata fir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016 u tal-21 ta' Diċembru 2016 iddeterjorat serjament.

    (9)

    B'mod partikolari, ir-Rakkomandazzjoni tenfasizza li l-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura tal-15 ta' Lulju 2017 u l-liġi dwar il-Qorti Suprema tat-22 ta' Lulju 2017, jekk jidħlu fis-seħħ, idgħajfu strutturalment l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja u jkollhom impatt immedjat u konkret fuq il-funzjonament indipendenti tal-ġudikatura kollha kemm hi. Billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija komponent ewlieni tal-istat tad-dritt, dawn il-liġijiet ġodda jżidu b'mod sinifikanti t-theddida sistemika għall-istat tad-dritt kif identifikat f'Rakkomandazzjonijiet preċedenti. Ir-Rakkomandazzjoni tenfasizza li t-tneħħija tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, il-possibbiltà tal-ħatra tagħhom mill-ġdid u miżuri oħra li hemm fil-liġi dwar il-Qorti Suprema jaggravaw b'mod serju ħafna t-theddida sistemika tal-istat tad-dritt. Fost l-azzjonijiet rakkomandati, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet Pollakki jiżguraw li ż-żewġ liġijiet dwar il-Qorti Suprema u dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ma jidħlux fis-seħħ u li kull riforma tal-ġustizzja ssostni l-istat tad-dritt u tikkonforma mad-dritt tal-UE u mal-istandards Ewropej dwar l-indipendenza ġudizzjarja u tkun ippreparata b'kooperazzjoni mill-qrib mal-ġudikatura u l-partijiet kollha interessati. Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-awtoritajiet biex ma jieħdu l-ebda miżura biex ineħħu jew jisfurzaw l-irtirar tal-imħallfin tal-Qrati Supremi billi dawn il-miżuri jaggravaw b'mod serju ħafna t-theddida sistemika għall-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni ddikjarat li jekk l-awtoritajiet Pollakki jieħdu kwalunkwe miżura ta' din ix-xorta, hija tkun lesta li tattiva immedjatament l-Artikolu 7(1) TUE.

    (10)

    Il-Kummissjoni stiednet lill-Gvern Pollakk biex isolvi l-problemi identifikati f'din ir-Rakkomandazzjoni fi żmien xahar mir-riċevuta tar-Rakkomandazzjoni.

    (11)

    Fil-31 ta' Lulju 2017, is-Sejm ġie formalment notifikat dwar id-deċiżjoni tal-President tar-Repubblika biex jagħmel veto kontra l-liġi li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u l-Liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (12)

    Fl-4 ta' Awwissu u fis-16 ta' Awwissu 2017 il-Gvern Pollakk talab lill-Kummissjoni għal kjarifiki dwar ir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-26 ta' Lulju 2017, u l-Kummissjoni wieġbet b'ittri fit-8 ta' Awwissu u fil-21 ta' Awwissu 2017 rispettivament.

    (13)

    Fit-28 ta' Awwissu 2017, il-Gvern Pollakk bagħat tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tas-26 ta' Lulju 2017. It-tweġiba ma qablitx mal-kwistjonijiet kollha li tqajmu fir-Rakkomandazzjoni u ma ħabbret l-ebda azzjoni ġdida biex tindirizza t-tħassib identifikat mill-Kummissjoni.

    (14)

    Fit-30 ta' Awwissu 2017, l-opinjoni tal-OSKE Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (Office for Democratic Institutions and Human Rights, ODIHR) ikkonkludiet li l-liġi sospiża dwar il-Qorti Suprema ma tikkonformax mal-istandards internazzjonali dwar l-indipendenza ġudizzjarja (5).

    (15)

    Fil-11 ta' Settembru 2017, il-Gvern Pollakk nieda kampanja li jisimha “Qrati Ġusti” li għandha l-għan li tikseb appoġġ soċjali għar-riforma ġudizzjarja li għaddejja. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u l-qrati ordinarji ppubblikaw diversi dikjarazzjonijiet li jirrettifikaw l-allegazzjonijiet diretti kontra l-qrati, l-imħallfin u l-Kunsill matul il-kampanja.

    (16)

    Fil-11 ta' Settembru 2017, it-Tribunal Kostituzzjonali f'bord ta' ħames imħallfin iddikjara l-antikostituzzjonalità ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili li jippermetti li l-qrati ordinarji u l-Qorti Suprema jivvalutaw il-legalità tal-ħatra tal-President u tal-Viċi President tat-Tribunal (6).

    (17)

    Fit-13 ta' Settembru 2017, il-Ministru tal-Ġustizzja beda jeżerċita s-setgħat biex ikeċċi l-presidenti u l-viċi presidenti tal-qrati skont il-liġi l-ġdida dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

    (18)

    Fil-15 ta' Settembru u fit-18 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura kkritika d-deċiżjonijiet tal-Ministru tal-Ġustizzja li jkeċċi l-presidenti tal-qrati. Il-Kunsill indika li din is-setgħa arbitrarja tal-Ministru tal-Ġustizzja tikser il-prinċipju kostituzzjonali tal-indipendenza tal-qrati u tista' taffettwa ħażin l-imparzjalità tal-imħallfin.

    (19)

    Fil-15 ta' Settembru 2017, is-Sejm ħatar persuna għal kariga diġà okkupata tat-tribunal Kostituzzjonali, u l-President tar-Repubblika aċċetta l-ġurament fit-18 ta' Settembru 2017.

    (20)

    Fil-15 ta' Settembru 2017 is-Sejm adotta l-liġi dwar l-Istitut tal-Libertà Nazzjonali – iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili li tiċċentralizza d-distribuzzjoni tal-fondi inkluż għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    (21)

    Fit-22 ta' Settembru 2017, il-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem iddiskuta r-rapporti dwar il-Polonja li ġew ippreżentati fil-qafas tat-tielet eżami perjodiku li fihom rakkomandazzjonijiet dwar l-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt.

    (22)

    Fil-25 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni infurmat lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja. Kien hemm ftehim ġenerali dwar il-fatt li l-Istat tad-dritt huwa interess komuni u responsabbiltà komuni u dwar il-ħtieġa li l-Polonja u l-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom fi djalogu sabiex isibu soluzzjoni.

    (23)

    Fis-26 ta' Settembru 2017, il-President tar-Repubblika bagħat żewġ abbozzi ta' liġijiet lis-Sejm dwar il-Qorti Suprema u dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura.

    (24)

    Fit-3 ta' Ottubru 2017, is-Sejm bagħat iż-żewġ abbozzi ta' liġijiet presidenzjali dwar il-Qorti Suprema u dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għal konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-Ombudsman, il-Qorti Suprema u l-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura.

    (25)

    Fis-6 u fil-25 ta' Ottubru 2017, il-Qorti Suprema ppubblikat l-opinjonijiet tagħha dwar iż-żewġ abbozzi ta' liġijiet dwar il-Qorti Suprema u dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura. L-opinjonijiet iqisu li l-abbozz tal-liġi dwar il-Qorti Suprema tnaqqas b'mod sostanzjali l-indipendenza tagħha u li l-abbozz tal-liġi dwar il-Kunsill għall-Ġudikatura ma jistax jiġi rrikonċiljat mal-kunċett ta' Stat demokratiku rregolat mill-istat tad-dritt.

    (26)

    Fil-11 ta' Ottubru 2017, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa adottat riżoluzzjoni dwar theddid ġdid għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, u esprimiet tħassib ukoll dwar żviluppi fil-Polonja, li jpoġġu f'periklu r-rispett għall-istat tad-dritt, u, b'mod partikolari, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat (7).

    (27)

    Fit-13 ta' Ottubru 2017, in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura (European Network of Councils for the Judiciary, ENCJ) ħareġ opinjoni (8) dwar l-abbozz ta' liġi ġdid dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, u enfasizza l-inkonsistenza tiegħu mal-istandards Ewropej dwar il-Kunsilli għall-Ġudikatura.

    (28)

    Fit-23 ta' Ottubru 2017, wara t-tielet ċiklu tal-Eżami Perjodiku tal-Polonja, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem talab lill-awtoritajiet Pollakki sabiex jaċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet tan-NU dwar ir-rispett għall-indipendenza ġudizzjarja.

    (29)

    Fl-24 ta' Ottubru 2017, it-Tribunal Kostituzzjonali, f'bord li kien jinkludi żewġ imħallfin maħtura illegalment, iddikjara l-antikostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-Qorti Suprema li abbażi tagħhom, fost l-oħrajn, kien inħatar l-Ewwel President attwali tal-Qorti Suprema.

    (30)

    Fl-24 ta' Ottubru 2017, it-Tribunal Kostituzzjonali, f'bord li kien jinkludi żewġ imħallfin maħtura illegalment, iddikjara l-antikostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet tat-tliet liġijiet dwar it-Tribunal Kostituzzjonali ta' Diċembru 2016, inklużi d-dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom iż-żewġ imħallfin maħtura illegalment li aġġudikaw fil-kawża tħallew jaġġudikaw fit-Tribunal Kostituzzjonali. Il-mozzjoni tal-Ombudsman Pollakk dwar l-iskwalifika taż-żewġ imħallfin maħtura illegalment minn din il-kawża ġiet rifjutata mit-Tribunal Kostituzzjonali.

    (31)

    Fis-27 ta' Ottubru 2017, ir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati, is-Sur Diego Garcia-Sayán, ippreżenta l-osservazzjonijiet preliminari tiegħu (9), li skonthom iż-żewġ abbozzi tal-liġijiet dwar il-Qorti Suprema u l-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura jqajmu tħassib rigward l-indipendenza ġudizzjarja.

    (32)

    Fil-31 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura adotta opinjoni dwar l-abbozz il-ġdid tal-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ppreżentat mill-President tar-Repubblika. Il-Kunsill osserva li l-abbozz tal-liġi huwa fundamentalment inkonsistenti mal-Kostituzzjoni Pollakka billi jagħti lis-Sejm is-setgħa li jaħtar imħallfin membri tal-Kunsill u billi jtemm b'mod prematur il-mandat protett kostituzzjonalment tal-imħallfin membri attwali tal-Kunsill.

    (33)

    Fl-10 ta' Novembru 2017, il-Kunsill Konsultattiv tal-Opinjonijiet ta' Mħallfin Ewropej (CCJE) adotta dikjarazzjoni li tqajjem tħassib dwar l-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja (10).

    (34)

    Fil-11 ta' Novembru 2017, l-Ombudsman bagħat ittra lill-President tar-Repubblika li kienet tinkludi valutazzjoni taż-żewġ abbozzi ġodda tal-liġijiet dwar il-Qorti Suprema u dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u tirrakkomanda li jenħtieġ li dawn ma jiġux adottati billi ma jiggarantixxux li l-fergħa ġuridika tibqa' indipendenti mill-fergħa eżekuttiva u li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt kostituzzjonali tagħhom li jkollhom aċċess għal qorti indipendenti.

    (35)

    Fit-13 ta' Novembru 2017, l-OSKE Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) adottat l-abbozz ġdid tal-liġi dwar il-Qorti Suprema li jiddikjara li d-dispożizzjonijiet eżaminati huma inkompatibbli mal-istandards internazzjonali (11).

    (36)

    Fil-15 ta' Novembru 2017, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Polonja, u esprima l-appoġġ tiegħu għar-Rakkomandazzjonijiet tal-Istat tad-Dritt maħruġa mill-Kummissjoni, kif ukoll għall-proċeduri ta' ksur, u qies li s-sitwazzjoni attwali fil-Polonja tirrappreżenta riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE (12).

    (37)

    Fl-24 ta' Novembru 2017, il-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati (CCBE) talab lill-awtoritajiet Pollakki biex ma jadottawx iż-żewġ abbozzi tal-liġijiet dwar il-Qorti Suprema u dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura billi dawn jistgħu jimminaw is-separazzjoni tas-setgħat garantita mill-kostituzzjoni Pollakka (13). Fid-29 ta' Novembru 2017, l-Organizzazzjoni tal-Imħallfin “Iustitia”, il-Fondazzjoni Helsinki għad-Drittijiet tal-Bniedem u Amnesty International ħarġu dikjarazzjoni konġunta li tikkritika l-proċedura leġiżlattiva dwar iż-żewġ abbozzi presidenzjali tal-liġijiet.

    (38)

    Fil-5 ta' Diċembru 2017, in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura (ENCJ) adotta opinjoni li tikkritika l-abbozz tal-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura talli ma rrispettax l-istandards tal-ENCJ (14).

    (39)

    Fit-8 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni ta' Venezja, fuq talba mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, adottat opinjoni dwar l-abbozz tal-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-ġudikatura, l-abbozz tal-liġi dwar il-Qorti Suprema, u l-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, kif ukoll opinjoni dwar il-liġi dwar l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (15). Il-Kummissjoni ta' Venezja waslet għall-konklużjoni li l-liġi u l-abbozzi tal-liġijiet, speċjalment meta meħuda flimkien u fil-kuntest tal-liġi tal-2016 dwar l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, jippermettu li s-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi jinterferixxu b'mod sever u estensiv fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u għaldaqstant huma ta' theddida serja għall-indipendenza ġudizzjarja bħala element ewlieni tal-istat tad-dritt. Hija titlob lill-President tar-Repubblika jirtira l-proposti tiegħu u jibda djalogu qabel ma tkompli l-proċedura tal-leġiżlazzjoni. Tisħaq ukoll biex il-Parlament Pollakk jerġa' jaħsibha rigward l-emendi riċenti għal-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

    (40)

    Fit-8 ta' Diċembru 2017, il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem għamel dikjarazzjoni li fiha jesprimi d-dispjaċir tiegħu talli s-Sejm adotta l-liġijiet dwar il-Qorti Suprema u dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura li jkomplu jimminaw l-indipendenza tal-ġudikatura.

    (41)

    Fit-8 ta' Diċembru 2017, iż-żewġ abbozzi tal-liġijiet ġew adottati mis-Sejm. Fil-15 ta' Diċembru 2017, iż-żewġ liġijiet ġew approvati mis-Senat.

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    1.

    Jenħtieġ li r-Repubblika tal-Polonja tqis kif xieraq l-analiżi tal-Kummissjoni deskritta hawn taħt u li tieħu l-miżuri li jidhru fit-Taqsima 4 ta' din ir-Rakkomandazzjoni sabiex it-tħassib identifikat jiġi solvut fil-limitu taż-żmien stabbilit.

    1.   AMBITU U OBJETTIV TAR-RAKKOMANDAZZJONI

    2.

    Ir-Rakkomandazzjoni attwali tikkumplimenta r-Rakkomandazzjonijiet tas-27 ta' Lulju 2016, tal-21 ta' Diċembru 2016 u tas-26 ta' Lulju 2017. Apparti t-tħassib li qajmu dawn ir-Rakkomandazzjonijiet, din ir-Rakkomandazzjoni tqajjem tħassib ġdid tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja minn dak iż-żmien sa issa. It-tħassib jikkonċerna l-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-liġi dwar il-Qorti Suprema, adottata mis-Sejm fit-8 ta' Diċembru 2017;

    (b)

    il-liġi li temenda l-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u ċerti liġijiet oħra (“il-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura”), adottata mis-Sejm fit-8 ta' Diċembru 2017;

    3.

    It-tħassib u l-azzjonijiet rakkomandati stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tas-26 ta' Lulju 2017 marbutin mat-Tribunal Kostituzzjonali, il-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qorti Ordinarja u l-liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura (16) għadhom validi.

    2.   IT-THEDDID GĦALL-INDIPENDENZA ĠUDIZZJARJA

    4.

    Il-liġi dwar il-Qorti Suprema u l-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura fihom għadd ta' dispożizzjonijiet li jqajmu tħassib serju dwar il-prinċipji tal-indipendenza ġudizzjarja u s-separazzjoni tas-setgħat.

    2.1.   Il-Qorti Suprema

    2.1.1.   Tneħħija u rtirar obbligatorju tal-imħallfin attwali tal-Qorti Suprema

    5.

    Il-liġi dwar il-Qorti Suprema tbaxxi l-età tal-irtirar ġenerali tal-imħallfin tal-Qorti Suprema minn 70 għal 65 (17). Din il-miżura tapplika għall-imħallfin attwalment fil-kariga. L-imħallfin li laħqu l-età ta' 65 sena, jew li se jilħqu dik l-età fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tal-liġi, se jiġu rtirati (18).

    6.

    Bit-tnaqqis tal-età tal-irtirar u l-applikazzjoni tagħha għall-imħallfin attwali tal-Qorti Suprema, il-liġi ttemm il-mandat u potenzjalment tirtira għadd sinifikanti ta' mħallfin attwali tal-Qorti Suprema: 31 minn 83 (37 %) skont il-Qorti Suprema. L-applikazzjoni ta' din l-età ta' rtirar baxxa għall-imħallfin attwali tal-Qorti Suprema għandha impatt negattiv partikolarment b'saħħtu fuq din il-Qorti speċifika, li hija magħmula minn imħallfin li min-natura tagħhom fi tmiem il-karriera tagħhom. Dan l-irtirar obbligatorju ta' għadd sinifikanti mill-imħallfin attwali tal-Qorti Suprema jippermetti rikompożizzjoni wiesgħa u immedjata tal-Qorti Suprema. Din il-possibbiltà tqajjem tħassib partikolari fir-rigward tas-separazzjoni tas-setgħat, b'mod partikolari meta titqies flimkien mar-riformi simultanji tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura. Fil-fatt: minħabba t-tnaqqis tal-età ta' rtirar l-imħallfin il-ġodda kollha se jinħatru mill-President tar-Repubblika fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura li għadu kif ġie ffurmat u li se jkun fil-parti l-kbira tiegħu ddominat minn ħatriet politiċi. Rtirar furzat tal-imħallfin attwali tal-Qorti Suprema jqajjem tħassib ukoll rigward il-prinċipju li l-imħallfin ma jitneħħewx, li huwa element ewlieni mill-indipendenza tal-imħallfin kif imnaqqax fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (19), u fl-istandards Ewropej (20). Fl-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tal-liġi dwar il-Qorti Suprema, il-Kummissjoni ta' Venezja tenfasizza li l-irtirar bikri tal-imħallfin li qed jippresjedu attwalment jimmina kemm is-sigurtà fil-kariga kif ukoll l-indipendenza tal-Qorti inġenerali (21).

    7.

    Jenħtieġ li l-imħallfin jiġu protetti kontra t-tneħħija permezz tal-eżistenza ta' salvagwardji effettivi kontra indħil żejjed jew pressjoni minn setgħat oħra tal-Istat (22). L-indipendenza ġudizzjarja titlob biżżejjed garanziji biex tipproteġi lill-persuna minn dawk li għandhom il-kompitu li jaġġudikaw f'tilwima (23). Il-fatt li l-imħallfin ma jistgħux jitneħħew matul il-mandat tal-kariga tagħhom hija konsegwenza tal-indipendenza tagħhom u b'hekk hija inkluża fil-garanziji tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (24). B'konsegwenza ta' dan, l-imħallfin iridu jitneħħew biss individwalment, jekk dan ikun iġġustifikat abbażi ta' proċediment dixxiplinari li jikkonċerna l-attività individwali tagħhom u l-preżentazzjoni tal-garanziji kollha għall-ħarsien f'soċjetà demokratika. L-imħallfin ma jistgħux jitneħħew bħala grupp u l-imħallfin ma jistgħux jitneħħew għal raġunijiet ġenerali mhux marbuta mal-imġiba individwali tagħhom. Il-garanziji u s-salvagwardji ta' hawn fuq huma neqsin fil-każ preżenti u d-dispożizzjonijiet ikkonċernati jikkostitwixxu ksur sfaċċat tal-indipendenza tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u tas-separazzjoni tas-setgħat (25), u għalhekk tal-istat tad-dritt.

    8.

    Barra minn hekk, il-mandat ta' sitt snin tal-Ewwel President attwali, li huwa stabbilit fil-kostituzzjoni, se jintemm b'mod prematur (kostituzzjonalment għandu jintemm fl-2020). Jekk jintemm il-mandat tal-Ewwel President, il-ħatra tal-“Ewwel President Aġent” mill-President tar-Repubblika sseħħ barra mill-proċedura normali (26): skont il-kostituzzjoni, jenħtieġ li l-Ewwel President jinħatar mill-President tar-Repubblika minn fost il-kandidati proposti mill-assemblea ġenerali tal-Qorti Suprema (27). Din it-terminazzjoni prematura ta' mandat kostituzzjonalment imnaqqax tikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipju li l-imħallfin ma jistgħux jitneħħew u s-sigurtà fil-kariga. Il-ħatra tal-Ewwel President Aġent skont proċedura ad hoc mingħajr involviment tal-ġudikatura iqajjem tħassib serju rigward il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat.

    9.

    Skont il-memorandum ta' spjegazzjoni tal-liġi, ir-rikompożizzjoni tal-Qorti Suprema hija indispensabbli minħabba l-mod kif il-Qorti Suprema indirizzat il-każijiet ta' “dekomunizzazzjoni” wara l-1989 u minħabba li għad hemm imħallfin fil-Qorti li ħadmu għar-reġim preċedenti jew li aġġudikaw taħtu (28). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat biċ-ċar li jrid jiġi individwalizzat proċess ta' tisfija (pereżempju jridu jsiru distinzjonijiet bejn il-livelli differenti ta' involviment mar-reġim preċedenti) u tqis li l-miżuri ta' tisfija li seħħew ħafna wara t-tmiem tar-reġim Komunista jistgħu jkunu inqas ġustifikati fid-dawl tat-tnaqqis tar-riskji li jeżistu għad-demokraziji ġodda (29). Hemm miżuri proporzjonati oħra li l-Istat jista' jadotta sabiex jindirizza mħallfin individwali li għandhom sfond Komunista (li jinkludi proċedimenti trasparenti applikati fil-każijiet individwali quddiem organi imparzjali li jaġixxu abbażi tal-kriterji prestabbiliti bil-liġi) (30).

    10.

    Fl-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tal-liġi dwar il-Qorti Suprema, il-Kummissjoni ta' Venezja tqis li huwa diffiċli li wieħed jara għaliex persuna meqjusa xierqa biex twettaq dmirijiet uffiċjali għal diversi snin oħra f'salt titqies mhux xierqa. Il-memorandum ta' spjegazzjoni tal-liġi jista' jinftiehem li jimplika li, bħala riżultat tar-riforma, ħafna mill-imħallfin għolja, li ħafna minnhom servew taħt ir-reġim preċedenti, jirtiraw. Jekk din l-interpretazzjoni hija korretta, dan l-approċċ huwa inaċċettabbli: jekk l-awtoritajiet jiddubitaw mill-fiduċja tal-imħallfin individwali, jenħtieġ li dawn japplikaw il-proċeduri dixxiplinari jew ta' tisfija eżistenti, u mhux jibdlu l-età tal-irtirar.

    11.

    Il-Kummissjoni ta' Venezja tikkonkludi li t-tneħħija bikrija ta' għadd kbir ta' mħallfin tal-Qorti Suprema (inkluż l-Ewwel President) billi japplikawlhom, b'effett immedjat, età tal-irtirar aktar baxxa tikser id-drittijiet individwali tagħhom u tipperikola l-indipendenza tal-ġudikatura kollha kemm hi; jenħtieġ li dawn jitħallew iservu sal-età tal-irtirar attwalment eżistenti (31). Il-Kummissjoni ta' Venezja tenfasizza wkoll b'mod partikolari li l-irtirar bikri tal-imħallfin li qed jippresjedu attwalment jimmina kemm is-sigurtà fil-kariga kif ukoll l-indipendenza tal-Qorti inġenerali (32).

    12.

    Fl-aħħar nett, dawn id-dispożizzjonijiet iqajmu tħassib ta' kostituzzjonalità. Kif innutaw il-Qorti Suprema u l-Ombudsman, it-tneħħija u l-irtirar furzat tal-imħallfin attwali tal-Qorti Suprema jiksru l-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja u jaffettwaw direttament id-dritt għal qorti indipendenti. L-Ombudsman jinnota li l-istituzzjoni tal-Ewwel President Aġent tal-Qorti Suprema tikkostitwixxi ksur tal-istat tad-dritt billi tikser il-prinċipju ta' nuqqas ta' suppożizzjoni tal-kompetenzi tas-setgħat tal-Istat, il-prinċipju tas-separazzjoni u l-bilanċ tas-setgħat, u l-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja.

    2.1.2.   Is-setgħa li jiġi estiż il-mandat tal-imħallfin tal-Qorti Suprema

    13.

    Skont il-liġi, l-imħallfin tal-Qorti Suprema affettwati mit-tbaxxija tal-età tal-irtirar u li jixtiequ jestendu l-mandat attiv tagħhom jistgħu jagħmlu talba lill-President tar-Repubblika (33).

    14.

    Rigward is-setgħa tal-President tar-Repubblika li jiddeċiedi li jestendi l-mandat attiv tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, ma hemm l-ebda kriterju, l-ebda perjodu ta' żmien biex tittieħed deċiżjoni u l-ebda stħarriġ ġudizzjarju previst fil-liġi. Mħallef li jkun talab għall-estenzjoni jkun “jiddependi” mid-deċiżjoni tal-President tar-Repubblika. Barra minn hekk, il-President tar-Repubblika se jkun f'pożizzjoni li jiddeċiedi darbtejn dwar l-estensjoni (kull darba għal tliet snin). Dawn l-elementi jaffettwaw is-sigurtà fil-kariga u se jippermettu li l-President tar-Repubblika jeżerċita influwenza fuq l-imħallfin attivi tal-Qorti Suprema. Ir-reġim huwa kontra r-Rakkomandazzjoni tal-KtE tal-2010 li titlob li jenħtieġ li d-deċiżjonijiet rigward l-għażla u l-karriera tal-imħallfin ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi prestabbiliti bil-liġi u li jenħtieġ li jkun hemm awtorità indipendenti u kompetenti li parti sostanzjali minnha tkun ġejja mill-ġudikatura awtorizzata biex tagħmel rakkomandazzjonijiet jew tesprimi opinjonijiet li l-awtorità tal-ħatra rilevanti timxi magħhom fil-prattika (34). Titlob ukoll li jenħtieġ li l-imħallfin ikkonċernati jkollhom id-dritt li jikkontestaw deċiżjoni marbuta mal-karriera tagħhom (35).

    15.

    Ir-reġim tal-irtirar il-ġdid ikollu impatti negattivi fuq l-indipendenza tal-imħallfin (36). Ir-regoli l-ġodda joħolqu għodda addizzjonali li biha l-President tar-Repubblika jista' jeżerċita influwenza fuq imħallfin individwali. B'mod partikolari, in-nuqqas ta' kwalunkwe kriterju għall-estensjoni tal-mandati jippermetti diskrezzjoni bla bżonn, u dan idgħajjef il-prinċipju li l-imħallfin ma jitneħħewx. Filwaqt li titbaxxa l-età tal-irtirar, il-liġi tippermetti li l-imħallfin ikollhom il-mandat tagħhom estiż mill-President tar-Repubblika sa massimu ta' sitt snin. Barra dan, ma hemmx perjodu ta' żmien stipulat biex il-President tar-Repubblika jieħu deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-mandat, u dan jippermetti li l-President iżomm l-influwenza fuq l-imħallfin ikkonċernati għall-bqija taż-żmien tal-mandat ġudizzjarju tagħhom. Anki qabel ma tintlaħaq l-età tal-irtirar, is-sempliċi prospett li trid issir talba lill-President għal din l-estensjoni tista' tagħmel pressjoni fuq l-imħallfin ikkonċernati.

    16.

    Fl-opinjoni tiegħu tal-abbozz tal-liġi dwar il-Qorti Suprema, il-Kummissjoni ta' Venezja tenfasizza li din is-setgħa tal-President tar-Repubblika tagħtih influwenza eċċessiva fuq l-imħallfin tal-Qorti Suprema li jkunu qed joqorbu lejn l-età tal-irtirar. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ta' Venezja tikkonkludi li jenħtieġ li l-President tar-Repubblika bħala politiku elett ikollu s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-mandat ta' mħallef ta' Qorti Suprema aktar mill-età tal-irtirar (37).

    17.

    Ir-regoli l-ġodda jqajmu wkoll tħassib tal-kostituzzjonalità. Skont l-opinjonijiet tal-Qorti Suprema u tal-Ombudsman, il-mekkaniżmu l-ġdid għall-estensjoni tal-mandati ġudizzjarji ma jirrispettax il-prinċipju tal-legalità u tas-separazzjoni tas-setgħat.

    2.1.3.   L-appell straordinarju

    18.

    Il-liġi tintroduċi forma ġdida ta' stħarriġ ġudizzjarju tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet finali u vinkolanti, l-appell straordinarju (38). Fi żmien tliet snin (39) mid-dħul fis-seħħ tal-liġi l-Qorti Suprema tkun tista' tibdel (40) kompletament jew parzjalment (41) kull sentenza finali mogħtija minn qorti Pollakka f'dawn l-aħħar 20 sena, inklużi s-sentenzi li jingħataw mill-Qorti Suprema, soġġetti għal xi eċċezzjonijiet (42). Is-setgħa għall-preżentazzjoni tal-appell hija konferita inter alia lill-Prosekutur Ġenerali u lill-Ombudsman (43). Ir-raġunijiet għall-appell huma wesgħin: l-appell straordinarju jista' jiġi ppreżentat jekk ikun meħtieġ biex jiġi żgurat l-istat tad-dritt u l-ġustizzja soċjali u d-deċiżjoni ma tistax titħassar jew tiġi emendata permezz ta' rimedji straordinarji oħra, u jew (1) tikser il-prinċipji jew id-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni u ċittadini minquxa fil-Kostituzzjoni; jew (2) tikkostitwixxi ksur flagranti tal-liġi fuq il-bażi ta' interpretazzjoni żbaljata jew applikazzjoni ħażina tagħha; jew (3) ikun hemm kontradizzjoni ovvja bejn il-konstatazzjonijiet tal-qorti u l-evidenza miġbura (44).

    19.

    Din il-proċedura l-ġdida ta' appell straordinarju tqajjem tħassib fir-rigward tal-prinċipju ta' ċertezza legali li hija komponent ewlieni tal-istat tad-dritt (45). Kif innotat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tinġibed l-attenzjoni lejn l-importanza, kemm tal-ordni ġuridiku tal-UE kif ukoll tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, tal-prinċipju ta' res judicata:“sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw il-mezzi kollha disponibbli għall-appell jew wara l-iskadenza tat-termini previsti f'dan ir-rigward ma jistgħux jibqgħu jiġu kkontestati (46)”. Kif ġie nnutat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jenħtieġ li reviżjoni straordinarja ma tkunx “appell moħbi”, filwaqt li “is-sempliċi possibbiltà li jkun hemm żewġ fehmiet dwar is-suġġett ma tistax titqies bħala raġuni għal eżaminazzjoni mill-ġdid” (47).

    20.

    Fl-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' liġi dwar il-Qorti Suprema, il-Kummissjoni ta' Venezja enfasizzat li l-proċedura ta' appell straordinarju hija perikoluża għall-istabbiltà fl-ordinament ġuridiku Pollakk. L-opinjoni tinnota li se jkun possibbli li terġa' tiftaħ kull każ deċiż fil-pajjiż f'dawn l-aħħar 20 sena għal prattikament kull raġuni u s-sistema tista' twassal għal sitwazzjoni li fiha l-ebda sentenza ma tkun qatt aktar finali (48).

    21.

    L-appell straordinarju l-ġdid iqajjem ukoll tħassib dwar il-kostituzzjonalità. Skont il-Qorti Suprema u l-Ombudsman, il-liġi taffettwa l-prinċipju tal-istabbiltà tal-ġurisprudenza u l-finalità tas-sentenzi (49), il-prinċipju ta' protezzjoni u fiduċja fl-istat u d-dritt, kif ukoll id-dritt li każ jinstema' fi żmien raġonevoli (50).

    2.1.4.   Dispożizzjonijiet oħra

    22.

    Kif enfasizzat fl-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja u ta' korpi oħra (51), għadd ta' dispożizzjonijiet oħra tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jqajmu tħassib fir-rigward tal-prinċipji ta' indipendenza ġudizzjarja u s-separazzjoni tal-poteri.

    23.

    Il-liġi l-ġdida tistabbilixxi sistema dixxiplinari ġdida għall-imħallfin tal-Qorti Suprema. Żewġ tipi ta' uffiċjali dixxiplinari huma previsti: l-uffiċjal dixxiplinari tal-Qorti Suprema maħtur mill-Kulleġġ tal-Qorti Suprema għal mandat ta' erba' snin (52), u l-uffiċjal dixxiplinari straordinajru maħtur fuq bażi ta' każ b'każ mill-President tar-Repubblika minn fost l-imħallfin tal-Qorti Suprema, l-imħallfin ordinarji, l-imħallfin tal-qorti militari, u l-prosekuturi (53). Skont il-liġi Pollakka, l-uffiċjali dixxiplinari biss jistgħu jiddeċiedu dwar il-bidu ta' proċedimenti dixxiplinari kontra l-imħallfin. Il-ħatra ta' uffiċjal straordinarju mill-President tar-Repubblika isseħħ mingħajr l-involviment tal-ġudikatura u tammonta għal talba biex tinbeda investigazzjoni preliminari. Il-ħatra ta' uffiċjal dixxiplinari straordinarju għal proċediment dixxiplinari li jkun għaddej teskludi lill-uffiċjal dixxiplinari tal-Qorti Suprema minn dan il-proċediment (54). Il-fatt li l-President tar-Repubblika (u f'xi każijiet ukoll il-Ministru tal-Ġustizzja (55)) għandu s-setgħa li jeżerċita influwenza fuq il-proċedimenti dixxiplinari kontra l-imħallfin tal-Qorti Suprema bil-ħatra ta' uffiċjal dixxiplinari li jinvestiga l-każ (“l-uffiċjal dixxiplinari”) li jkun jeskludi l-uffiċjal dixxiplinari tal-Qorti Suprema minn proċediment li jkun għaddej, joħloq tħassib fir-rigward tal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat u jista' jaffettwa l-indipendenza ġudizzjarja. Tali tħassib tqajjem ukoll fl-opinjonijiet tal-OSKE-ODHIR u tal-Qorti Suprema (56).

    24.

    Il-liġi tneħħi wkoll sett ta' garanziji proċedurali fi proċedimenti dixxiplinari kontra l-imħallfin fil-ġudikatura ordinarja (57) u l-imħallfin tal-Qorti Suprema (58): evidenza miġbura li tmur kontra l-liġi tista' tintuża kontra mħallef (59); taħt ċerti kundizzjonijiet, l-evidenza ppreżentata mill-imħallef ikkonċernat tista' tiġi injorata (60); il-preskrizzjoni għal każijiet dixxiplinari tiġi sospiża għall-perjodu ta' proċedimenti dixxiplinari, li jfisser li mħallef jista' jkun soġġett għal proċediment għal tul ta' żmien indefinit (61); fl-aħħar nett, proċedimenti dixxiplinari jistgħu jibqgħu għaddejjin anki jekk l-imħallef ikkonċernat ma jkunx preżenti (inkluż meta l-assenza tkun ġustifikata) (62). Ir-reġim dixxiplinari l-ġdid iqajjem tħassib ukoll fir-rigward tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti tal-proċess dovut tal-liġi tal-Art. 6(1) QEDB li huma applikabbli għal proċedimenti dixxiplinari kontra l-imħallfin (63).

    25.

    Il-liġi timmodifika l-istruttura interna tal-Qorti Suprema, filwaqt li tissupplimentaha b'żewġ Awliet ġodda. Awla ġdida tal-kontroll straordinarju u l-kwistjonijiet pubbliċi se tivvaluta l-kawżi imressqa skont il-proċedura l-ġdida ta' appell straordinarju (64). Din l-Awla l-ġdida se tkun magħmula fil-maġġoranza minn imħallfin ġodda (65) u se tivverifika l-validità tal-elezzjonijiet ġenerali u lokali, u l-eżaminazzjoni tal-kwistjonijiet elettorali, inkluż it-tilwim elettorali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (66). Barra minn hekk, Awla dixxiplinari awtonoma (67) ġdida magħmula biss minn imħallfin ġodda (68) se tiġi fdata bil-kompitu ta' rieżami fil-kawżi dixxiplinari tal-ewwel u t-tieni istanza kontra l-imħallfin tal-Qorti Suprema (69). Dawn iż-żewġ Awliet ġodda ġeneralment awtonomi magħmula minn imħallfin ġodda jqajmu tħassib dwar is-separazzjoni tas-setgħat. Kif indikat mill-Kummissjoni ta' Venezja, filwaqt li ż-żewġ Awliet huma parti mill-Qorti Suprema, fil-prattika huma aktar superjuri mill-awliet l-oħra, u joħolqu r-riskju li s-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi tkun iddominata minn dawn l-awliet magħmula minn imħallfin ġodda eletti b'influwenza deċiżiva tal-maġġoranza fil-gvern (70). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ta' Venezja tenfasizza li l-liġi se tirrendi l-istħarriġ ġudizzjarju tat-tilwim elettorali partikolarment vulnerabbli għall-influwenza politika, u b'hekk jinħoloq riskju serju għall-funzjonament tad-demokrazija Pollakka (71).

    26.

    Il-liġi tintroduċi imħallfin onorarji, li għandhom jinħatru mis-Senat tar-Repubblika (72), fil-proċedimenti quddiem il-Qorti Suprema dwar appelli straordinarji u kawżi dixxiplinari eżaminati mill-Qorti Suprema. Kif ġie osservat mill-Kummissjoni ta' Venezja, l-introduzzjoni ta' mħallfin onorarji għaż-żewġ Awliet il-ġodda tal-Qorti Suprema tpoġġi l-effiċjenza u l-kwalità tal-ġustizzja f'periklu (73).

    2.2.   Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura

    27.

    Skont il-Kostituzzjoni Pollakka l-indipendenza tal-imħallfin hi salvagwardjata mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura (74). Ir-rwol tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu impatt dirett fuq l-indipendenza tal-imħallfin b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni, it-trasferiment, il-proċedimenti dixxiplinari, it-tneħħija u l-irtirar kmieni tagħhom. Pereżempju, il-promozzjoni ta' mħallef (eż. minn qorti distrettwali għal qorti reġjonali) teħtieġ li l-President tar-Repubblika jerġa' jaħtar l-imħallef għal darb'oħra, u għalhekk il-proċedura għall-valutazzjoni u l-ħatra ġudizzjarja li tinvolvi l-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura tkun trid terġa' tiġi segwita. Barra minn hekk, l-imħallfin assistenti li diġà qegħdin iwettqu kompiti ta' imħallef għandhom jiġu evalwati mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura qabel jinħatru bħala mħallfin mill-President tar-Repubblika.

    28.

    Għal din ir-raġuni, fl-Istati Membri fejn ġie stabbilit Kunsill għall-Ġudikatura, l-indipendenza tiegħu hija partikolarment importanti biex tiġi evitata influwenza żejda mill-Gvern jew mill-Parlament fir-rigward tal-indipendenza tal-imħallfin (75).

    29.

    Il-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura iżżid it-tħassib dwar l-indipendenza tal-ġudikatura b'mod ġenerali billi tipprevedi t-terminazzjoni prematura tal-mandat tal-imħallfin membri kollha tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, u billi tistabbilixxi sistema kompletament ġdida għall-ħatra tal-imħallfin membri tagħha li tippermetti grad għoli ta' influwenza politika.

    30.

    Skont l-Artikolu 6 tal-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura l-mandati tal-imħallfin membri attwali tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura se tintemm qabel iż-żmien. Din it-terminazzjoni deċiża bis-setgħat leġiżlattivi tqajjem tħassib dwar l-indipendenza tal-Kunsill u s-separazzjoni tas-setgħat. Il-Parlament se jikseb influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni tal-Kunsill għad-detriment tal-influwenza tal-imħallfin infushom. Din ir-rikompożizzjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura diġà tista' sseħħ fi żmien xahar u nofs wara l-pubblikazzjoni tal-liġi (76). It-terminazzjoni prematura tqajjem ukoll tħassib dwar il-kostituzzjonalità, kif enfasizzat fl-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, tal-Qorti Suprema u tal-Ombudsman.

    31.

    Barra minn hekk, is-sistema l-ġdida għall-ħatra tal-imħallfin membri tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura iqajjem tħassib serju. L-istandards Ewropej stabbiliti sew, b'mod partikolari r-Rakkomandazzjoni tal-2010 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, jistipulaw li “mhux inqas min-nofs il-membri tal-[Kunsilli għall-Ġudikatura] jridu jkunu mħallfin magħżula mill-kollegi tagħhom mil-livelli kollha tal-ġudikatura u b'rispett għall-pluraliżmu fil-ġudikatura” (77). Hija responsabbiltà tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ġudizzjarji tagħhom, inkluż jekk għandhomx jistabbilixxu Kunsill għall-Ġudikatura. Madankollu, fejn ġie stabbilit Kunsill bħal dan, kif inhu l-każ fil-Polonja, l-indipendenza tiegħu trid tiġi ggarantita skont l-istandards Ewropej.

    32.

    Sal-adozzjoni tal-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, is-sistema Pollakka kienet kollha konformi ma' dawn l-istandards peress li l-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura kien magħmul minn maġġoranza ta' mħallfin magħżula mill-imħallfin. L-Artikoli 1(1) u 7 tal-liġi li temenda l-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura se jbiddlu radikalment dan ir-reġim billi jipprevedu li l-15-il imħallef membru tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura jinħatru, u jistgħu jerġgħu jinħatru mill-ġdid, mis-Sejm  (78). Barra minn hekk, ma hemm l-ebda garanzija li taħt il-liġi l-ġdida s-Sejm se jaħtar imħallfin membri tal-Kunsill approvati mill-ġudikatura, billi l-kandidati għal dawn il-karigi jistgħu jiġu ppreżentati mhux biss minn gruppi ta' 25 imħallef, iżda wkoll minn gruppi ta' mill-anqas 2 000 ċittadin (79). Barra minn hekk, il-lista finali ta' kandidati, li għaliha s-Sejm se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu en bloc (f'daqqa) hija stabbilita minn qabel minn kumitat tas-Sejm  (80). Ir-regoli l-ġodda dwar il-ħatra tal-imħallfin membri tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura jżidu b'mod sinifikanti l-influwenza tal-Parlament fuq il-Kunsill u jaffettwaw b'mod negattiv l-indipendenza tiegħu waqt li jikkontradixxu l-istandards Ewropej. Il-fatt li l-imħallfin membri se jinħatru mis-Sejm b'maġġoranza ta' tlieta minn kull ħamsa ma jtaffix dan it-tħassib, billi l-imħallfin membri xorta mhux se jintgħażlu mill-kollegi tagħhom. Barra minn hekk, f'każ li tali maġġoranza ta' tlieta minn ħamsa ma tintlaħaqx, il-membri mħallfin tal-Kunsill se jinħatru mis-Sejm b'maġġoranza assoluta ta' voti.

    33.

    Din is-sitwazzjoni tqajjem tħassib mill-perspettiva tal-indipendenza tal-ġudikatura. Pereżempju, imħallef ta' qorti distrettwali li jkollu jagħti sentenza f'kawża politikament sensittiva, filwaqt li l-imħallef ikun qiegħed fl-istess ħin japplika għall-promozzjoni biex isir imħallef ta' qorti reġjonali, jista' jkollu t-tendenza li jsegwi l-pożizzjoni ppreferuta mill-maġġoranza politika sabiex ma jipperikolax il-possibbiltà tiegħu li jikseb promozzjoni. Anki jekk dan ir-riskju ma jimmaterjalizzax, ir-reġim il-ġdid ma jipprovdix għal biżżejjed garanziji biex jassigura d-dehra ta' indipendenza li hija kruċjali biex tinżamm il-fiduċja li t-tribunali f'soċjetà demokratika jridu jispiraw fil-pubbliku (81). Barra minn hekk, l-imħallfin assistenti se jkollhom jiġu valutati minn Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura influenzat politikament qabel il-ħatra tagħhom bħala mħallfin.

    34.

    Il-Kummissjoni ta' Venezja tikkonkludi li l-elezzjoni ta' 15-il membru ġudizzjarju tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura mill-Parlament, flimkien mas-sostituzzjoni immedjata tal-membri li attwalment qed iżommu siġġu fil-Parlament, jwasslu għal politiċizzazzjoni estensiva ta' dan il-korp. Il-Kummissjoni ta' Venezja, tirrakkomanda li minflok, jenħtieġ li l-membri tal-ġudikatura tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura jiġu eletti mill-kollegi tagħhom, skont l-Att attwali (82). Hija osservat ukoll li l-liġi ddgħajjef l-indipendenza tal-Kunsill fir-rigward tal-maġġoranza fil-Parlament u tikkontribwixxi biex iddgħajjef l-indipendenza tal-ġustizzja b'mod ġenerali (83).

    35.

    Fl-opinjonijiet tagħhom dwar l-abbozz ta' liġi, il-Qorti Suprema, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u l-Ombudsman qajmu għadd ta' punti ta' tħassib rigward il-kostituzzjonalità tar-reġim il-ġdid. B'mod partikolari, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura jinnota li skont l-kostituzzjoni Pollakka, il-Kunsill iservi bħala kontrapiż tal-Parlament li kien kostituzzjonalment awtorizzat biex jiddeċiedi dwar il-kontenut tal-liġi. Il-ħatra politika tal-imħallfin membri u t-tmiem prematur ta' mandati tal-imħallfin membri attwali tal-Kunsill għalhekk jiksru l-prinċipji ta' separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza ġudizzjarja. Kif spjegat fir-Rakkomandazzjonijiet preċedenti, rieżami kostituzzjonali effettiv ta' dawn id-dispożizzjonijiet mhuwiex possibbli fil-preżent.

    3.   SEJBA TA' THEDDIDA SISTEMIKA GĦALL-ISTAT TAD-DRITT

    36.

    Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li t-tħassib espress fir-Rakkomandazzjoni tal-Istat tad-Dritt, tas-26 ta' Lulju 2017, dwar il-liġijiet tal-Qorti Suprema u l-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ma ġewx indirizzati miż-żewġ liġijiet il-ġodda għall-Qorti Suprema u għall-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura.

    37.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-ebda tħassib ieħor stipulat fir-Rakkomandazzjoni tas-26 ta' Lulju 2017 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura ma ġie indirizzat.

    38.

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja kif ippreżentata fir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016, tal-21 ta' Diċembru 2016, u tas-26 ta' Lulju 2017, iddeterjorat serjament. Il-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u l-liġi dwar il-Qorti Suprema, flimkien ukoll mal-liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura, u l-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jżidu b'mod sinifikanti t-theddida sistemika għall-istat tad-dritt kif identifikat fir-Rakkomandazzjonijiet preċedenti. B'mod partikolari:

    (1)

    l-irtirar obbligatorju ta' għadd sinifikanti ta' mħallfin tal-Qorti Suprema attwali flimkien mal-possibbiltà li jestendu l-mandat ġudizzjarju attiv tagħhom, kif ukoll ir-reġim dixxiplinari l-ġdid għall-imħallfin tal-Qorti Suprema, idgħajfu b'mod strutturali l-indipendenza tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, filwaqt li l-indipendenza tal-ġudikatura hija komponent ewlieni tal-istat tad-dritt;

    (2)

    l-irtirar obbligatorju ta' għadd sinifikanti ta' mħallfin tal-Qorti Suprema attwali jippermetti wkoll għal rikompożizzjoni estensiva u immedjata tal-Qorti Suprema. Din il-possibbiltà tqajjem tħassib fir-rigward tas-separazzjoni tas-setgħat, b'mod partikolari meta titqies flimkien mar-riformi simultanji tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura. Fil-fatt l-imħallfin il-ġodda kollha tal-Qorti Suprema se jinħatru mill-President tar-Repubblika, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura li għadu kif ġie kompost, li se jkun fil-biċċa l-kbira tiegħu iddominat minn persuni maħtura fuq bażi ta' politika. B'riżultat ta' dan, il-maġġoranza parlamentari attwali se tkun tista' tistabbilixxi, tal-inqas indirettament, il-kompożizzjoni futura tal-Qorti Suprema sa punt ferm akbar milli possibbli f'sistema fejn ir-regoli eżistenti dwar id-durata ta' mandati ġudizzjarji joperaw normalment – tkun xi tkun id-durata u jkun li jkun il-korp tal-istat li jkollu s-setgħa li jiddeċiedi dwar il-ħatriet ġudizzjarji;

    (3)

    il-proċedura l-ġdida ta' appell straordinarju tqajjem tħassib fir-rigward taċ-ċertezza legali u, meta meqjusa flimkien mal-possibbiltà ta' rikompożizzjoni estensiva u immedjata tal-Qorti Suprema, fir-rigward tas-separazzjoni tas-setgħat;

    (4)

    it-terminazzjoni tal-mandat tal-imħallfin membri kollha tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura kif ukoll il-ħatra mill-ġdid tal-imħallfin membri tagħha skont proċess li jippermetti grad għoli ta' influwenza politika, huma daqstant ieħor każ serju ta' tħassib;

    (5)

    il-liġijiet il-ġodda jqajmu tħassib serju rigward il-kompatibilità tagħhom mal-Kostituzzjoni Pollakka kif enfasizzat minn għadd ta' opinjonijiet, b'mod partikolari mill-Qorti Suprema, mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u mill-Ombudsman. Madankollu, kif spjegat fir-Rakkomandazzjoni dwar l-Istat tad-Dritt tas-26 ta' Lulju 2017, stħarriġ kostituzzjonali effettiv ta' dawn il-liġijiet ma għadux possibbli.

    39.

    Il-Kummissjoni tenfasizza li jkun xi jkun il-mudell tas-sistema ġudizzjarja magħżula, l-istat tad-dritt jeħtieġ li l-indipendenza tal-ġudikatura, is-separazzjoni tas-setgħat u ċ-ċertezza legali jiġu ssalvagwardjati. Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ġudizzjarji tagħhom, inkluż jekk għandhomx jistabbilixxu Kunsill għall-Ġudikatura li r-rwol tiegħu hu li jissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja. Madankollu, fejn Kunsill bħal dan ġie stabbilit minn Stat Membru, kif inhu l-każ fil-Polonja fejn il-Kostituzzjoni Pollakka inkarigat b'mod espliċitu lill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura bil-kompitu li jissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja, l-indipendenza ta' dan il-Kunsill trid tiġi ggarantita f'konformità mal-istandards Ewropej. Huwa bi tħassib kbir li l-Kummissjoni tosserva li b'konsegwenza tal-liġijiet il-ġodda msemmija hawn fuq, ir-reġim legali fil-Polonja ma jibqax jikkonforma ma' dawn ir-rekwiżiti.

    40.

    Barra minn hekk, azzjonijiet u dikjarazzjonijiet pubbliċi kontra l-imħallfin u l-qrati fil-Polonja magħmula mill-Gvern Pollakk u mill-membri Parlamentari mill-maġġoranza li tiggverna ħassru l-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi. Il-Kummissjoni tenfasizza l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn il-korpi tal-istat li hu, kif enfasizzat fl-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, prekundizzjoni kostituzzjonali fi stat demokratiku rregolat mill-istat tad-dritt.

    41.

    Ir-rispett għall-istat tad-dritt mhuwiex biss prerekwiżit għall-ħarsien tal-valuri fundamentali kollha elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE. Huwa wkoll prerekwiżit għas-sostenn tad-drittijiet u l-obbligi kollha li joħorġu mit-Trattati u biex tiġi stabbilita l-fiduċja reċiproka taċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet nazzjonali fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri l-oħra kollha.

    42.

    Il-funzjonament xieraq tal-istat tad-dritt huwa wkoll essenzjali b'mod partikolari biex is-Suq Intern jiffunzjona mingħajr xkiel billi l-operaturi ekonomiċi jridu jkunu jafu li se jiġu ttrattati b'mod ugwali taħt il-liġi. Dan ma jistax jiġi assigurat mingħajr ġudikatura indipendenti f'kull Stat Membru.

    43.

    Il-Kummissjoni tinnota li firxa wiesgħa ta' atturi fil-livell Ewropew u internazzjonali esprimew it-tħassib profond tagħhom fir-rigward taż-żewġ liġijiet ġodda dwar il-Qorti Suprema u l-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, b'mod partikolari l-Kummissjoni ta' Venezja, ir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Indipendenza tal-Imħallfin u tal-Avukati, l-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem u r-rappreżentanti tal-ġudikatura madwar l-Ewropa, inklużi l-Kunsill Konsultattiv ta' Mħallfin Ewropej, in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura u l-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati.

    44.

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-15 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Polonja, il-Parlament Ewropew iddikjara li huwa mħasseb ħafna dwar il-leġiżlazzjoni abbozzata mill-ġdid marbuta mal-ġudikatura Pollakka u talab lill-President Pollakk biex ma jiffirmax liġijiet ġodda sakemm dawn ma jiggarantixxux għalkollox l-indipendenza tal-ġudikatura.

    4.   AZZJONI RAKKOMANDATA

    45.

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet Pollakki jieħdu azzjoni xierqa sabiex jindirizzaw it-theddida sistemika għall-istat tad-dritt identifikata fit-Taqsima 2 b'urġenza.

    46.

    B'mod partikolari, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet Pollakki jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-liġijiet li jkunu għadhom kemm ġew adottati sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti li jissalvagwardjaw l-indipendenza tal-ġudikatura, is-separazzjoni tas-setgħat u taċ-ċertezza legali kif ukoll mal-Kostituzzjoni Pollakka u l-istandards Ewropej dwar l-indipendenza ġudizzjarja:

    (a)

    ikun żgurat li l-liġi dwar il-Qorti Suprema tiġi emendat sabiex:

    ma tapplikax età tal-irtirar baxxa għall-imħallfin attwali tal-Qorti Suprema;

    titneħħa s-setgħa diskrezzjonali tal-President tar-Repubblika li jittawwal il-mandat ġudizzjarju attiv tal-imħallfin tal-Qorti Suprema;

    titneħħa l-proċedura ta' appell straordinarju;

    (b)

    ikun żgurat li l-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura tiġi emendata biex il-mandat tal-imħallfin membri tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ma jintemmx u s-sistema ta' ħatra l-ġdida titneħħa biex tkun żgurata l-elezzjoni tal-imħallfin membri mill-kollegi tagħhom;

    (c)

    ma jittiħdux azzjonijiet u ma jsirux dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistgħu jkomplu jdgħajfu l-leġittimità tal-Qorti Suprema, il-qrati ordinarji, l-imħallfin, individwalment jew kollettivament, jew il-ġudikatura inġenerali.

    47.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-ebda waħda mill-azzjonijiet li ġejjin, irrakkomandati fir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-26 ta' Lulju 2017, dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, il-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura ma ttieħdu u għalhekk ittenni r-rakkomandazzjoni tagħha biex jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:

    (d)

    li terġa' tinkiseb l-indipendenza u l-leġittimità tat-Tribunal Kostituzzjonali bħala garanti tal-Kostituzzjoni Pollakka billi jkun żgurat li l-imħallfin, il-President u l-Viċi President tagħha jiġu eletti u maħtura legalment u billi jiġu implimentati għalkollox is-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-3 u tad-9 ta' Diċembru 2015 li jirrikjedu li t-tliet imħallfin li kienu maħtura legalment f'Ottubru 2015 mil-leġiżlatura ta' qabel ikunu jistgħu jassumu l-funzjoni ta' mħallef fit-Tribunal Kostituzzjonali, u li t-tliet imħallfin maħtura mill-leġiżlatura l-ġdida mingħajr bażi ġuridika valida ma jibqgħux jaġġudikaw mingħajr ma ġew eletti b'mod validu;

    (e)

    li jiġu ppubblikati u eżegwiti għalkollox is-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tad-9 ta' Marzu 2016, tal-11 ta' Awwissu 2016 u tas-7 ta' Novembru 2016;

    (f)

    li jkun żgurat li l-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati ġudizzjarji u dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura tiġi rtirata jew emendata sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħha mal-Kostituzzjoni u mal-istandards Ewropej dwar l-indipendenza ġudizzjarja; b'mod konkret, il-Kummissjoni tirrakkomanda, b'mod partikolari li:

    jitneħħa r-reġim tal-irtirar il-ġdid għall-imħallfin tal-qrati ordinarji, inkluża s-setgħa diskrezzjonali tal-Ministru tal-Ġustizzja li jtawwal il-mandat tagħhom;

    titneħħa s-setgħa diskrezzjonali tal-Ministru tal-Ġustizzja li jaħtar u jkeċċi l-presidenti tal-qrati u jiġu rimedjati d-deċiżjonijiet diġà meħuda;

    (g)

    jkun żgurat li kull riforma tal-ġustizzja ssostni l-istat tad-dritt u tikkonforma mal-liġi tal-UE u mal-istandards Ewropej dwar l-indipendenza ġudizzjarja u titħejja b'kooperazzjoni mill-qrib mal-ġudikatura u mal-partijiet interessati kollha.

    48.

    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-kooperazzjoni leali li hi meħtieġa fost l-istituzzjonijiet differenti tal-istat fi kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt hija essenzjali sabiex tinstab soluzzjoni fis-sitwazzjoni attwali. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll lill-awtoritajiet Pollakki biex jimplimentaw il-fehmiet tal-Kummissjoni ta' Venezja rigward il-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-liġi dwar il-Qorti Suprema kif ukoll biex jitolbu l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar kull proposta legiżlattiva ġdida li għandha l-għan li tirriforma s-sistema ġudizzjarja fil-Polonja.

    49.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Gvern Pollakk isolvi l-problemi identifikati f'din ir-Rakkomandazzjoni fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi din ir-Rakkomandazzjoni, u jinforma lill-Kummissjoni bil-passi li ttieħdu f'dan ir-rigward.

    50.

    Ir-Rakkomandazzjoni preżenti qed tinħareġ fl-istess ħin flimkien mal-proposta motivata ppreżentata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja. Il-Kummissjoni hija lesta, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, li tikkunsidra mill-ġdid din il-proposta motivata, jekk l-awtoritajiet Pollakki jimplimentaw l-azzjonijiet rakkomandati stabbiliti f'din ir-Rakkomandazzjoni fiż-żmien preskritt.

    51.

    Abbażi ta' din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tinsab lesta biex issegwi djalogu kostruttiv mal-Gvern Pollakk.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Frans TIMMERMANS

    L-ewwel Viċi President


    (1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1374 tas-27 ta' Lulju 2016 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja (ĠU L 217, 12.8.2016, p. 53).

    (2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/146 tal-21 ta' Diċembru 2016 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja kumplimentari għar-Rakkomandazzjoni (UE) 2016/1374 (ĠU L 22, 27.1.2017, p. 65); u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1520 tas-26 ta' Lulju 2017 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja kumplimentari għar-Rakkomandazzjonijiet (UE) 2016/1374 u (UE) 2016/1374 (ĠU L 228, 2.9.2017, p. 19).

    (3)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014, “Qafas ġdid tal-UE biex Jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt”, COM(2014) 158 final.

    (4)  Ara COM(2014) 158 final, it-Taqsima 2, l-Anness I.

    (5)  L-OSKE Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), it-30 ta' Awwissu 2017, l-Opinjoni dwar Ċerti Dispożizzjonijiet tal-Abbozz tal-Att dwar il-Qorti Suprema tal-Polonja.

    (6)  K 10/17.

    (7)  PACE, il-11 ta' Ottubru 2017, ir-Riżoluzzjoni 2188 (2017), New threats to the rule of law in Council of Europe member States: selected examples.

    (8)  ENCJ, it-13 ta' Ottubru 2017, Opinion of the ENCJ Executive Board on the request of the Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura) of Poland.

    (9)  United Nations Special Rapporteur on the independence of judges and lawyers, 27 October 2017, Preliminary observations on the official visit to Poland (23-27 October 2017).

    (10)  CCJE(2017)9, l-10 ta' Novembru 2017, Statement as regards the Situation on the Independence of the Judiciary in Poland.

    (11)  OSKE-ODIHR, it-13 ta' Novembru 2017, Opinion on Certain Provisions of the Draft Act on the Supreme Court of Poland (as of 26 September 2017).

    (12)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2017 dwar il-qagħda tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja (2017/2931(RSP)).

    (13)  CCBE, l-24 ta' Novembru 2017, Resolution of the Plenary Session of the Council of Bars and Law Societies of Europe (CCBE).

    (14)  ENCJ, il-5 ta' Diċembru 2017, Opinion of the ENCJ Executive Board on the adoption of the amendments to the law on the National Council for the Judiciary.

    (15)  Opinion 904/2017 CDL(2017)035 of the Venice Commission on the draft act amending the Act on the National Council of the Judiciary, on the draft act amending the Act on the Supreme Court proposed by the President of Poland, and on the Act on the Organisation of Ordinary Courts (“CDL(2017)035”), u Opinion 892/2017 CDL(2017)037 of the Venice Commission on the Act on the Public Prosecutor's Office as amended (“CDL(2017)037”).

    (16)  Il-liġi li temenda l-liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura u l-Prosekuzzjoni Pubblika, il-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u ċerti liġijiet oħra (“il-liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura”);

    (17)  L-Artikolu 37(1) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-imħallfin tal-Qorti Amministrattiva Suprema billi l-Artikolu 49 tal-liġi tal-25 ta' Lulju 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi jistipula li l-kwistjonijiet marbuta mal-Qorti Amministrattiva Suprema li mhumiex regolati minn dak l-att (is-sistema tal-irtirar mhijiex) huma regolati mutatis mutandis mil-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (18)  L-Artikolu 111(1) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 111(3) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema, l-imħallfin kollha tal-awla militari (hi x'inhi l-età tagħhom) jitneħħew u jiġu rtirati mingħajr il-possibbiltà li jitolbu lill-President tar-Repubblika biex jiġi estiż il-mandat attiv tagħhom.

    (19)  Il-Kawża tal-QEDB Campbell and Fell v ir-Renju Unit, it-28 ta' Ġunju 1984, il-paragrafu 80. il-Kawża Henryk Urban and Ryszard Urban v il-Polonja, it-30 ta' Novembru 2011 (final), il-paragrafu 45; il-Kawża Fruni v is-Slovakkja, il-21 ta' Ġunju 2011 (final), il-paragrafu 145; u l-Kawża Brudnicka and others v il-Polonja, it-3 ta' Marzu 2005 (final), il-paragrafu 41.

    (20)  Il-paragrafi 49 u 50 tar-Recommendation CM/Rec(2010)12 of the Committee of Ministers to member states on judges: independence, efficiency and responsibilities (“ir-Rakkomandazzjoni tal-KtE tal-2010”).

    (21)  CDL(2017)035, il-paragrafu 48.

    (22)  Sentenza tal-31 ta' Mejju 2005 fil-Kawża C-53/03 Syfait u Oħrajn, ECLI:EU:C:2005:333, il-paragrafu 31; Sentenza tal-4 ta' Frar 1999 fil-Kawża C-103/97 Köllensperger u Atzwanger, ECLI:EU:C:1999:52, il-paragrafu 20.

    (23)  Sentenza tad-9 ta' Ottubru 2014 fil-Kawża C-222/13 TDC, ECLI:EU:C:2014:2265 il-paragrafi 29-32; Sentenza tad-19 ta' Settembru 2006 fil-Kawża C-506/04 Wilson, ECLI:EU:C:2006:587, il-paragrafu 53; Sentenza tal-4 ta' Frar 1999 fil-Kawża C-103/97 Köllensperger u Atzwanger, ECLI:EU:C:1999:52, il-paragrafi 20-23; Sentenza tas-17 ta' Settembru 1997 fil-Kawża C-54/96 Dorsch Consult, ECLI:EU:C:1997:413, il-paragrafu 36; Sentenza tad-29 ta' Novembru 2001 fil-Kawża C-17/00, De Coster, ECLI:EU:C:2001:651, il-paragrafi 18-21; Sentenza tat-13 ta' Diċembru 2017 fil-Kawża C-403/16 Hassani ECLI:EU:C:2017:960, il-paragrafu 40; Il-Kawża tal-QEDB Baka vs. l-Ungerija, 20261/12, it-23 ta' Ġunju 2016, il-paragrafu 121.

    (24)  Il-Kawża tal-QEDB Campbell u Fell vs. ir-Renju Unit, A80 (1984), it-28 ta' Ġunju 1984, il-paragrafu 80.

    (25)  Ir-regoli l-ġodda jikkontradixxu l-prinċipju li l-imħallfin ma jistgħux jitneħħew bħala element ewlieni tal-indipendenza tal-imħallfin kif minquxa fir-Rakkomandazzjoni tal-2010 tal-KtE (il-paragrafu 49). Skont dan, jenħtieġ li l-imħallfin tal-Qorti Suprema jkollhom ħatra fissa garantita u jenħtieġ li l-mandati tagħhom ma jiġux terminati b'mod prematur. Barra minn hekk, jenħtieġ li deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-għażla u l-karriera tal-imħallfin jiġu bbażati fuq kriterji oġġettivi prestabbiliti bil-liġi jew mill-awtoritajiet kompetenti, u meta l-gvern jew is-setgħa leġiżlattiva tieħu deċiżjonijiet dwar l-għażla u l-karriera tal-imħallfin, jenħtieġ li awtorità indipendenti u kompetenti li parti sostanzjali minnha tkun ġejja mill-ġudikatura tkun awtorizzata biex tagħmel rakkomandazzjonijiet jew tesprimi opinjonijiet li l-awtorità tal-ħatra rilevanti timxi magħhom fil-prattika (il-paragrafi 44-48).

    (26)  Skont l-Artikolu 111(4) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema, il-President tar-Repubblika se jafda t-tmexxija tal-Qorti Suprema lil imħallef tal-Qorti Suprema tal-għażla tiegħu. Dan l-“Ewwel President Aġent” se jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu sakemm l-Assemblea Ġenerali tal-imħallfin tippreżenta ħames kandidati għall-kariga tal-Ewwel President tal-Qorti Suprema (l-Artikolu 12). L-imħallfin tal-Assemblea Ġenerali tal-Qorti Suprema se tkun kapaċi tippreżenta dawn il-kandidati mhux qabel jinħatru mill-inqas 110 imħallfin tal-Qorti Suprema.

    (27)  L-Artikolu 183(3) tal-kostituzzjoni Pollakka jistipula li l-Ewwel President tal-Qorti Suprema għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika għal mandat ta' sitt snin minn fost il-kandidati proposti mill-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tal-Qorti Suprema.

    (28)  Paġna 2 tal-memorandum ta' spjegazzjoni.

    (29)  Il-Kawża tal-QEDB Sõro v. l-Estonja, it-3 ta' Settembru 2015, il-paragrafi 60-62.

    (30)  Il-paragrafi 44-47 u 50 tar-Rakkomandazzjoni tal-KtE tal-2010.

    (31)  L-Opinjoni CDL(2017)035, il-paragrafu 130.

    (32)  L-Opinjoni CDL(2017)035, il-paragrafu 48.

    (33)  It-talba trid issir permezz tal-Ewwel President tal-Qorti Suprema li jagħti opinoni fuq talba ta' mħallef. Għall-estensjoni tal-mandat tal-Ewwel President, jenħtieġ li l-Ewwel President jagħti l-opinjoni tal-kulleġġ tal-Qorti Suprema lill-President tar-Repubblika. Waqt il-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni, il-President tar-Repubblika jista' jitlob għall-opinjoni mhux vinkolanti tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura (ara l-Artikolu 37(2) flimkien mal-Artikolu 111(1) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema. Ta' min jinnota li, skont l-opinjoni tal-Qorti Suprema, taħt il-kostituzzjoni din id-deċiżjoni mill-President tar-Repubblika titlob kontrofirma tal-Prim Ministru, skont l-Artikolu 144(1) u (2) tal-kostituzzjoni Pollakka.

    (34)  Il-paragrafi 46 u 47. Dan ir-reġim iqajjem tħassib ukoll mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-Tisħiħ tal-Indipendenza Ġudizzjarja u l-Imparzjalità CM(2016)36 final (fis-C. ii; “Pjan ta' Azzjoni tal-KtE tal-2016”) u l-paragrafumetri referenzjarji tas-CCJE (l-Opinjoni nru 1 dwar l-Istandards li jikkonċernaw l-Indipendenza tal-Ġudikatura u l-Poizzjoni Fissa tal-Imħallfin (il-paragrafu 25)).

    (35)  Il-paragrafu 48 tar-Rakkomandazzjoni tal-KtE tal-2010.

    (36)  Il-paragrafu 49 tar-Rakkomandazzjoni tal-KtE tal-2010.

    (37)  Ara l-Opinjoni CDL(2017)035, il-paragrafi 51 u 130.

    (38)  L-Artikolu 89(1) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (39)  L-Artikolu 115 tal-liġi dwar il-Qorti Suprema. Wara l-perjodu ta' tliet snin l-appell ikun irid jiġi ppreżentat fi żmien ħames snin minn meta s-sentenza kkonċernata tkun saret definittiva u legali u fi żmien sena jekk ikun sar l-appell ta' kassazzjoni, sakemm l-appell straordinarju ma jkunx sar għad-detriment tal-intimat, f'dan il-każ, l-appell jista' jiġi ppreżentat sa mhux aktar tard minn sena wara li d-deċiżjoni ssir definittiva (jew, jekk tkun ġiet ippreżentata l-kassazzjoni, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-eżami tal-kassazzjoni; ara l-Artikolu 89(4) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema).

    (40)  Jekk ikunu għaddew ħames snin minn meta d-deċiżjoni kkontestata tkun saret definittiva u d-deċiżjoni kellha effetti legali irriversibbli jew jekk tkun iġġustifikata mill-prinċipji jew mid-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni u ċittadini minquxa fil-Kostituzzjoni, il-Qorti Suprema tista' tillimita ruħha li tikkonferma li d-deċiżjoni kkontestata tkun qed tikser il-liġi u tindika ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-ħruġ ta' deċiżjoni bħal din (Ara Artikolu 89(4) u l-Artikolu 115(2) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema).

    (41)  L-Artikolu 91(1) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (42)  Każijiet kriminali ma jistgħux jiġu straordinarjament appellati għad-detriment tal-intimat iktar minn sena wara li d-deċiżjoni ssir definittiva (jew, jekk tkun ġiet ippreżentata kassazzjoni, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-eżami tal-kassazzjoni); barra minn hekk, ma hemm l-ebda possibbiltà ta' appelli kontra sentenzi li jistabbilixxu n-nullità ta' żwieġ, l-annullament ta' żwieġ jew id-dikjarazzjoni ta' divorzju (ħlief jekk waħda mill-partijiet jew iż-żewġ partijiet ikunu reġgħu żżewġu wara li d-deċiżjoni tkun saret definittiva) jew deċiżjoni dwar adozzjoni. L-appell straordinarju ma jistax jikkonċerna offiżi żgħar jew reati fiskali minuri; ara l-Artikolu 89(3) u 90(3) u (4) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (43)  L-Artikolu 89(2) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (44)  L-Artikolu 89(1) u l-punti 1-3 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (45)  Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fil-Kawża, Brumărescu v. ir-Rumanija tat-28 ta' Ottubru 1999, il-paragrafu 61; Il-kawża Ryabykh v. ir-Russja, tat-3 ta' Marzu 2003, il-paragrafi 54 u 57; Il-Kawża Miragall Escolano u oħrajn v Spanja, tal-25 ta' Jannar 2000, il-paragrafu 33; ukoll Phinikaridou v Ċipru, tal-20 ta' Diċembru 2007, il-paragrafu 52.

    (46)  Sentenza tat-30 ta' Settembru 2003 fIl-Kawża C-224/01 Köbler, ECLI:EU:C:2003:513, il-paragrafu 38.

    (47)  Moreira Ferreira v. il-Portugall (nru. 2), tal-11 ta' Lulju 2017 (final), il-paragrafu 62.

    (48)  L-Opinjoni CDL(2017)035 il-paragrafi 58, 63 u 130.

    (49)  Iż-żewġ prinċipji tqiesu bħala parti mill-istat tad-dritt mit-Tribunal Kostituzzjonali; ara s-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali SK 7/06 tal-24 ta' Ottubru 2007 u SK 77/06 tal-1 ta' April 2008.

    (50)  Is-Sentenza SK 19/05 tat-28 ta' Novembru 2006; SK 16/05 tal-14 ta' Novembru 2007.

    (51)  B'mod partikolari l-opinjonijiet tal-Qorti Suprema tas-6 u tat-23 ta' Ottubru, u tat-30 ta' Novembru 2017, l-opinjoni tal-Ombudsman tal-11 ta' Novembru 2017 u l-opinjoni tat-13 ta' Novembru 2017 tal-OSKE-ODIHR.

    (52)  L-Artikolu 74 tal-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (53)  L-Artikolu 76(8) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema; il-President tar-Repubblika jista' jaħtar l-uffiċjal dixxiplinari straordinarju minn fost il-prosekuturi proposti mill-Prosekutur tal-Istat jekk każ dixxiplinari jikkonċerna imġiba ħażina dixxiplinari li tissodisfa l-kriterji ta' reat intenzjonat imħarrek minn akkuża pubblika jew ta' reati fiskali intenzjonati.

    (54)  L-Artikolu 76(8) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (55)  Skont l-Artikolu 76(9) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema, il-Ministru tal-Ġustizzja jista' jinnotifika lill-President tar-Repubblika dwar il-ħtieġa li jaħtar uffiċjal dixxiplinari straordinarju jekk ikun hemm każ ta' kondotta ħażina dixxiplinari li jissodisfa l-kriterji ta' reat intenzjonat imħarrek minn akkuża pubblika jew reat fiskali intenzjonat. Milli jidher, il-fatt jekk każ jissodisfax dawn il-kriterji jew le jiġi stabbilit b'mod awtonomu mill-Ministru tal-Ġustizzja u mill-President tar-Repubblika billi d-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-ħatra tal-uffiċjal dixxiplinari straordinarju ma tistax tiġi appellata.

    (56)  L-opinjoni tal-OSKE-ODIHR tat-13 ta' Novembru 2017; il-paragrafi 119-121; L-opinjoni tal-Qorti Suprema tas-6 ta' Ottubru, paġna 34.

    (57)  Skont l-Artikolu 108 minn (17) sa (19) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema, il-Ministru tal-Ġustizzja qed jingħata s-setgħa li jistabbilixxi n-numru ta' mħallfin dixxiplinari u jaħtar l-imħallfin għall-qorti ordinarja mingħajr ma jikkonsulta mal-ġudikatura. Barra minn hekk, il-Ministru tal-Ġustizzja jkun jista' personalment jikkontrolla każijiet dixxiplinari kontra l-imħallfin tal-qorti ordinarja permezz ta' uffiċjali dixxiplinari u uffiċjal dixxiplinari straordinarju tal-Ministru tal-Ġustizzja maħtur minnu nnifsu (inkluż taħt ċerti ċirkostanzi wkoll minn prosekuturi). L-uffiċjali dixxiplinari maħtura mill-Ministru tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu investigazzjonijiet magħluqa wara talba mill-Ministru tal-Ġustizzja.

    (58)  Skont il-liġi, d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qorti ta' Ġudikatura Ordinarja, inklużi dawk dwar aspetti proċedurali ta' proċedimenti dixxiplinari li japplikaw mutatis mutandis għall-imħallfin tal-Qorti Suprema; ara l-Artikolu 72(1) u l-Artikolu 108 flimkien mal-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema. Il-liġi dwar il-Qorti Suprema temenda fl-Artikolu 108 tagħha l-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati ta' Ġudikatura Ordinarja.

    (59)  L-Artikolu 108(23) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema f'termini tal-Artikolu 115c li ġiet miżjuda mal-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati ta' Ġudikatura Ordinarja.

    (60)  Jekk l-evidenza tkun ġiet ippreżentata wara ż-żmien preskritt, ara l-Artikolu 108(22) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (61)  L-Artikolu 108(13)(b) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (62)  L-Artikolu 108(23) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (63)  Il-QEDB fil-Kawża Vilho Eskelinen u l-oħrajn v il-Finlandja, id-19 ta' April 2007 il-paragrafu 62;il-Kawża Olujić v il-Kroazja, il-5 ta' Frar 2009, il-paragrafu 34-43; Il-Kawża Harabin v is-Slovakkja, l-20 ta' Novembru 2012 il-paragrafu 118-124; u l-Kawża Baka v l-Ungerija, it-23 ta' Ġunju 2016, il-paragrafu 100-119.

    (64)  L-Artikolu 26 u l-Artikolu 94 tal-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (65)  L-Artikolu 134 tal-liġi dwar il-Qorti Suprema. l-ewwel Awla tal-ħidma, is-sigurtà soċjali u l-affarijiet pubbliċi hija maqsuma f'żewġ Awliet, l-Awla tal-ħidma u s-sigurtà soċjali u l-Awla l-ġdida tal-kontroll straordinarju u l-affarijiet pubbliċi; din l-Awla l-ġdida se tkun magħmula minn imħallfin ġodda billi l-imħallfin attwali kollha ġew ittrasferiti għall-Awla tal-ħidma u s-sigurtà soċjali; l-imħallfin attwali tal-Qorti Suprema jistgħu jitolbu trasferiment għal din l-Awla l-ġdida.

    (66)  Lista sħiħa tal-kompiti trattati minn din l-Awla tinsab fl-Artikolu 26.

    (67)  Il-President tal-kamra dixxiplinari huwa awtonomu fil-konfront tal-Ewwel President tal-Qorti Suprema u l-baġit ta' din l-Awla jista' jiżdied b'mod sostanzjali meta mqabbel mal-baġit ġenerali tal-Qorti Suprema (ara l-Artikolu 7(2) u (4), u l-Artikolu 20 tal-liġi dwar il-Qorti Suprema).

    (68)  Skont l-Artikolu 131 tal-liġi dwar il-Qorti Suprema, sakemm jinħatru l-imħallfin kollha tal-Qorti Suprema fl-Awla Dixxiplinari, imħallfin oħra tal-Qorti Suprema ma jistgħux jiġu ttrasferiti biex jokkupaw kariga f'din l-Awla.

    (69)  Lista sħiħa tal-kompiti ttrattati mill-Awla Dixxiplinari tinsab fl-Artikolu 27 tal-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (70)  L-Opinjoni CDL(2017)035, il-paragrafu 92.

    (71)  L-Opinjoni CDL(2017)035, il-paragrafu 43.

    (72)  L-Artikolu 61(2) tal-liġi dwar il-Qorti Suprema.

    (73)  L-Opinjoni CDL(2017)035, il-paragrafu 67.

    (74)  L-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka: “Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu jissalvagwardja l-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin”.

    (75)  Pereżempju, fil-kuntest ta' proċedimenti dixxiplinari kontra l-imħallfin immexxija minn Kunsill, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem staqsiet dwar il-livell ta' influwenza tal-awtoritajiet leġiżlattivi jew eżekuttivi billi l-Kunsill kien kompost minn maġġoranza ta' membri maħtura direttament minn dawn l-awtoritajiet; Il-QEDB fil-Kawża Ramos Nunes de Carvalho E Sá v Portugal, 55391/13, 57728/13 u 74041/13, il-21 ta' Ġunju 2016, il-paragrafu 77.

    (76)  Il-mandati tal-imħallfin membri attwali jkunu jiskadu fil-jum ta' qabel il-bidu tal-mandat konġunt tal-imħallfin membri l-ġodda tal-Kunsill, iżda mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi. L-iskeda ta' żmien hija kif ġej: fi żmien tlett ijiem wara l-pubblikazzjoni tal-liġi, il-Marixxall tas-Sejm iħabbar il-bidu tal-proċedura ta' nomina. Fi żmien 21 jum minn dan l-avviż, il-kandidati għal karigi ta' mħallfin membri tal-Kunsill jiġu ppreżentati lill-Marixxall tas-Sejm mill-entitajiet awtorizzati (gruppi ta' mill-anqas 25 imħallef jew 2 000 ċittadin). Wara li jgħaddi dan it-terminu ta 21 jum, il-Marixxall jittrażmetti l-lista ta' kandidati lill-gruppi parlamentari li jkollhom sebat ijiem biex jipproponu sa disa' kandidati minn din il-lista. Sussegwentement, il-proċedura ta' ħatra ssir skont id-dispożizzjonijiet regolari (ara hawn taħt); ara l-Artikoli 6 u 7 tal-liġi li temenda l-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u l-Artikolu 1(1), u (3) f'termini tal-Artikoli miżjuda 11a u 11d tal-liġi li temenda l-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura.

    (77)  Il-paragrafu 27; ara wkoll C il-punt (ii) tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2016; Il-paragrafu 27 tal- Opinjoni tas-CCJE (Kunsill Konsultattiv ta' Mħallfin Ewropej) Nru 10 dwar il-Kunsill għall-Ġudikatura fis-servizz tas-soċjetà; u l-paragrafu. 2.3 tal-istandards ENCJ (Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura) fir-Rapport “Kunsilli għall-Ġudikatura” 2010-11.

    (78)  Il-Kostituzzjoni tistipula li l-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura jkun magħmul minn membri ex officio (l-Ewwel President tal-Qorti Suprema, il-Ministru tal-Ġustizzja, il-President tal-Qorti Amministrattiva Suprema u persuna maħtura mill-president) u l-membri eletti. Il-membri eletti jikkonsistu minn erba' deputati “magħżula mis-Sejm”, żewġ senaturi “magħżula mis-Senat” u 15-il imħallef (“magħżula minn fost” il-qrati komuni, amministrattivi u militari u mill-Qorti Suprema).

    (79)  L-Artikolu 1(3) tal-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura li jżid l-Artikolu 11a(2) u (3): Qed tinġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li kull grupp (ta' mħallfin u ta' ċittadini) jista' jressaq aktar minn nomina waħda għal imħallef membru tal-Kunsill.

    (80)  Jekk il-gruppi parlamentari ma jippreżentawx, b'kollox, 15-il kandidat, il-Presidju tas-Sejm jagħżilhom hu stess sabiex tinħoloq lista ta' 15-il kandidat li sussegwentement tintbagħat lill-kumitat tas-Sejm (ara l-Artikolu 1(3) li jżid l-Artikolu 11c u l-Artikolu 11d(1)-(4)).

    (81)  Il-QEDB fil-Kawżi Morice v Franza, 29369/10, it-23 ta' April 2015, il-paragrafu 78; Ċipru vs. It-Turkija, 25781/94, l-10 ta' Mejju 2001, il-paragrafu. 233.

    (82)  L-Opinjoni CDL(2017)035, il-paragrafu 130.

    (83)  L-Opinjoni CDL(2017)035, il-paragrafu 31.


    Top