Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D2077

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2077 tal-20 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/14616/2018/INIT

    ĠU L 331, 28.12.2018, p. 222–223 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/2077/oj

    28.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 331/222


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/2077

    tal-20 ta' Diċembru 2018

    li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/53/UE (2) ir-Renju tal-Belġju ġie awtorizzat biex sal-31 ta' Diċembru 2015 japplika miżura speċjali biex jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 25 000. Dik l-awtorizzazzjoni ġiet sussegwentement estiża sal-31 ta' Diċembru 2018 bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2348 (3).

    (2)

    Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-12 ta' Settembru 2018, il-Belġju talab estensjoni ulterjuri tal-miżura speċjali għal perjodu limitat.

    (3)

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba mressqa mill-Belġju lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta' ittra datata l-14 ta' Settembru 2018. Permezz ta' ittra datata s-17 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Belġju li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' tqis it-talba.

    (4)

    Skont il-Belġju, il-miżura speċjali tnaqqas il-piż amministrattiv u l-kostijiet ta' konformità għall-impriżi żgħar u l-awtoritajiet tat-taxxa u għalhekk tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa.. Il-miżura speċjali hija u ser tibqa' fakultattiva għalkollox għall-persuni taxxabbli.

    (5)

    Minħabba l-impatt potenzjali pożittiv fir-rigward tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet ta' konformità għall-impriżi ż-żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, mingħajr ebda impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT li jrid jiġi ġġenerat, qed jiġi propost li l-miżura speċjali tiġi estiża għal perjodu ieħor limitat, sal-31 ta' Diċembru 2021.

    (6)

    Billi l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar huma soġġetti għal reviżjoni, tista' tidħol fis-seħħ Direttiva li temenda dawk l-Artikoli u li tistabbilixxi data li minnha l-Istati Membri jridu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali qabel ma jiskadi l-perjodu ta' validità tad-deroga fil-31 ta' Diċembru 2021. Jekk jiġri dan, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tibqax tapplika.

    (7)

    Id-deroga ma tħalli l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT billi l-Belġju għandu jagħmel kalkolu tal-kumpens b'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (4).

    (8)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/53/UE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/53/UE huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2013 sal-aktar data kmieni minn dawn iż-żewġ dati li ġejjin:

    (a)

    il-31 ta' Diċembru 2021;

    (b)

    id-data li minnha l-Istati Membri jridu japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li jeħtieġ jadottaw jekk tiġi adottata Direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. KÖSTINGER


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/53/UE tat-22 ta' Jannar 2013 li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 13).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2348 tal-10 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 16.12.2015, p. 51).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


    Top